28.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 437/49


REGOLAMENT (UE, Euratom) 2020/2223 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Diċembru 2020

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 325 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (4) saħħet b’mod sostanzjali l-mezzi disponibbli għall-Unjoni biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha permezz tal-liġi kriminali. L-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) huwa prijorità kruċjali fil-politika tal-ġustizzja kriminali u kontra l-frodi, billi għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet kriminali u jressaq atti ta’ akkużi relatati ma’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fis-sens tad-Direttiva (UE) 2017/1371, fl-Istati Membri parteċipanti.

(2)

Biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-’Uffiċċju’) iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi ta’ irregolaritajiet amministrattivi kif ukoll ta’ mġiba kriminali. Fit-tmiem tal-investigazzjonijiet tiegħu, huwa jagħmel rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ prosekuzzjoni, biex jgħinhom isegwu atti ta’ akkużi u prosekuzzjonijiet fl-Istati Membri. Fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-UPPE, huwa ser jirrapporta reati kriminali suspettati lill-UPPE, u ser jikkollabora mal-UPPE fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tal-UPPE.

(3)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jenħtieġ li jiġi emendat u adattat fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1939. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-UPPE jenħtieġ li jiġu riflessi fi, u kkumplementati minn, dispożizzjonijiet fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ sinerġiji bejniethom, filwaqt li jkunu żgurati kooperazzjoni mill-qrib, skambju ta’ informazzjoni, komplementarjetà u evitar tad-duplikazzjoni.

(4)

Fid-dawl tal-għan komuni tagħhom li jippreservaw l-integrità tal-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Uffiċċju u l-UPPE jistabbilixxu u jżommu relazzjoni mill-qrib ibbażata fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u mmirata biex jiġu żgurati l-kumplementarjetà tal-mandati rispettivi tagħhom u l-koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-ambitu tal-kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tal-UPPE. Ir-relazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-UPPE jenħtieġ li tagħti kontribut biex tiżgura li jintużaw il-mezzi kollha sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2017/1939 jirrikjedi li l-Uffiċċju, kif ukoll l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jirrappurtaw lill-UPPE mingħajr dewmien żejjed imġiba kriminali suspettata li fir-rigward tagħha l-UPPE jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu. Peress li l-mandat tal-Uffiċċju huwa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fil-frodi, fil-korruzzjoni u f’kwalunkwe attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, qiegħed fil-pożizzjoni ideali u għandu t-tagħmir ideali biex jaġixxi bħala sieħeb u sors ta’ informazzjoni privileġġjat għall-UPPE.

(6)

Elementi li jindikaw imġiba kriminali possibbli li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-UPPE jistgħu jkunu preżenti f’allegazzjonijiet inizjali riċevuti mill-Uffiċċju jew joħorġu biss matul investigazzjoni amministrattiva li tkun infetħet mill-Uffiċċju minħabba suspett ta’ irregolarità amministrattiva. Sabiex jikkonforma mad-dmir tiegħu li jirrapporta lill-UPPE, jenħtieġ għaldaqstant li l-Uffiċċju jirrapporta suspetti ta’ mġiba kriminali fi kwalunkwe stadju qabel jew matul l-investigazzjonijiet tiegħu.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2017/1939 jispeċifika l-elementi minimi li r-rapporti għandhom jinkludu. L-Uffiċċju jista’ jkollu jwettaq evalwazzjoni preliminari tal-allegazzjonijiet sabiex jaċċerta dawk l-elementi u jiġbor l-informazzjoni meħtieġa. L-Uffiċċju jenħtieġ li jwettaq tali evalwazzjoni mingħajr dewmien u permezz ta’ mezzi li ma jinvolvux riskju li jipperikolaw investigazzjoni kriminali futura possibbli. Meta jlesti l-evalwazzjoni tiegħu, l-Uffiċċju jenħtieġ li jirrapporta lill-UPPE fejn jiġi identifikat suspett ta’ reat fi ħdan il-kompetenza tiegħu.

(8)

F’kunsiderazzjoni tal-għarfien espert tal-Uffiċċju, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn, jew abbażi tat-Trattati (“istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji”) jkunu jistgħu jużaw l-Uffiċċju sabiex iwettqu tali evalwazzjoni preliminari ta’ allegazzjonijiet irrapportati lilhom.

(9)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, jenħtieġ li fil-prinċipju l-Uffiċċju ma jiftaħx investigazzjoni amministrattiva b’mod parallel ma’ investigazzjoni li ssir mill-UPPE dwar l-istess fatti. Madankollu, f’ċerti każijiet, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni tista’ teħtieġ lill-Uffiċċju jwettaq investigazzjoni amministrattiva komplementari qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti kriminali li jkunu ngħataw bidu mill-UPPE, bl-għan li jiġi aċċertat jekk ikunux meħtieġa miżuri ta’ prekawzjoni, jew jekk jenħtieġx tittieħed azzjoni finanzjarja, dixxiplinarja jew amministrattiva. Tali investigazzjoni komplementari tista’ tkun adatta, inter alia, biex jiġu rkuprati xi ammonti dovuti lill-baġit tal-Unjoni li jkunu soġġetti għal regoli speċifiċi ta’ preskrizzjoni, fejn l-ammonti f’riskju jkunu kbar ħafna, jew fejn ikun hemm il-ħtieġa li jiġi evitat infiq ulterjuri f’sitwazzjonijiet ta’ riskju permezz ta’ miżuri amministrattivi.

(10)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rekwiżit tan-nonduplikazzjoni ta’ investigazzjonijiet, il-kunċett tal-“istess fatti” jenħtieġ li jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) dwar il-prinċipju ne bis in idem, li jfisser li l-fatti materjali taħt investigazzjoni huma identiċi jew sostanzjalment l-istess u jinftiehmu fis-sens tal-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkostanzi konkreti li huma marbuta inseparabbilment flimkien fiż-żmien u fl-ispazju.

(11)

Ir-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li l-UPPE jista’ jitlob lill-Uffiċċju biex iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi komplementari. Fejn tali talba ma ssirx, jenħtieġ li jkun possibbli li tali investigazzjonijiet komplementari jsiru fuq l-inizjattiva tal-Uffiċċju taħt kondizzjonijiet speċifiċi wara konsultazzjoni mal-UPPE. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-UPPE jkun jista’ joġġezzjona għall-ftuħ jew għat-tkomplija ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju, jew għat-twettiq ta’ ċerti atti li jkunu pertinenti għal xi waħda mill-investigazzjonijiet li jsiru minnu, partikolarment bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-effettività tal-investigazzjoni u s-setgħat tiegħu. L-Uffiċċju jenħtieġ li ma jwettaqx xi azzjoni li għaliha jkun oġġezzjona l-UPPE. Fejn l-Uffiċċju jiftaħ investigazzjoni fl-assenza ta’ tali oġġezzjoni, huwa jenħtieġ li jwettaq dik l-investigazzjoni, f’konsultazzjoni mal-UPPE fuq bażi kontinwa.

(12)

L-Uffiċċju jenħtieġ li jappoġġa b’mod attiv l-investigazzjonijiet tal-UPPE. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-UPPE jkun jista’ jitlob lill-Uffiċċju jappoġġa jew jikkumplementa l-investigazzjonijiet kriminali tiegħu permezz tal-eżerċizzju tas-setgħat taħt ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013. L-Uffiċċju jenħtieġ li jipprovdi tali appoġġ fil-limiti tas-setgħat tiegħu u fi ħdan il-qafas previst f’dak ir-Regolament.

(13)

Sabiex jiġu żgurati koordinazzjoni effettiva, kooperazzjoni u trasparenza, l-Uffiċċju u l-UPPE jenħtieġ li jiskambjaw informazzjoni fuq bażi kontinwa. L-iskambju ta’ informazzjoni qabel il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet mill-Uffiċċju jew mill-UPPE huwa partikolarment rilevanti sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa bejn l-azzjonijiet rispettivi tagħhom, biex tiġi garantita l-komplementarjetà u tiġi evitata d-duplikazzjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Uffiċċju u l-UPPE jagħmlu użu mill-funzjonijiet “hit/no-hit” fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ ġestjoni tal-każijiet. L-Uffiċċju u l-UPPE jenħtieġ li jispeċifikaw il-proċedura u l-kondizzjonijiet għal dak l-iskambju ta’ informazzjoni fl-arranġamenti ta’ ħidma tagħhom. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tar-regoli mmirati li jevitaw in-nonduplikazzjoni u jiżguraw il-komplementarjetà, jenħtieġ li l-Uffiċċju u l-UPPE jaqblu dwar ċerti limiti ta’ żmien għall-iskambji ta’ informazzjoni tagħhom.

(14)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tat-2 ta’ Ottubru 2017 (ir-“rapport evalwattiv tal-Kummissjoni”) ikkonkluda li l-bidliet tal-2013 għall-qafas legali wasslu għal titjib ċar fir-rigward tat-twettiq tal-investigazzjonijiet, il-kooperazzjoni mas-sħab u d-drittijiet tal-persuni kkonċernati. Fl-istess ħin, ir-rapport evalwattiv tal-Kummissjoni wera xi nuqqasijiet li għandhom impatt fuq l-effettività u l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet.

(15)

Jenħtieġ li jiġu indirizzati l-konklużjonijiet l-aktar ċari fir-rapport evalwattiv tal-Kummissjoni permezz ta’ emendi fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013. Dawk l-emendi huma meħtieġa fuq perjodu ta’ żmien qasir biex jissaħħaħ il-qafas għall-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju sabiex l-Uffiċċju jibqa’ b’saħħtu u jaħdem b’mod sħiħ u jikkomplementa l-approċċ tal-liġi kriminali tal-UPPE b’investigazzjonijiet amministrattivi, mingħajr ma jinbidlu l-mandat jew is-setgħat tal-Uffiċċju. L-emendi primarjament jikkonċernaw oqsma fejn in-nuqqas ta’ ċarezza tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jista’ jxekkel it-twettiq effettiv ta’ investigazzjonijiet mill-Uffiċċju, bħat-twettiq ta’ verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, il-possibbiltà ta’ aċċess għal informazzjoni dwar kontijiet bankarji, jew l-ammissibbiltà tar-rapporti tal-każijiet imfassla mill-Uffiċċju bħala evidenza fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji.

(16)

L-emendi fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 ma jaffettwawx il-garanziji proċedurali applikabbli għall-qafas tal-investigazzjonijiet. L-Uffiċċju huwa marbut mill-garanziji proċedurali tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (6) u dawk li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dak il-qafas jirrikjedi li l-Uffiċċju jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu b’mod oġġettiv, imparzjali u kunfidenzjali, ifittex għal evidenza favur u kontra l-persuni kkonċernati, u jwettaq atti investigattivi abbażi ta’ awtorizzazzjoni bil-miktub wara verifika tal-legalità. L-Uffiċċju huwa meħtieġ jiżgura li jiġu rispettati d-drittijet tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjonijiet tiegħu, inklużi l-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt li tiġi evitata l-awtoinkriminazzjoni. Meta jiġu intervistati, il-persuni kkonċernati għandhom, inter alia, id-dritt li jingħataw assistenza minn persuna li jagħżlu huma stess, id-dritt li japprovaw ir-reġistrazzjoni tal-intervista, u d-dritt li jużaw kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-persuni kkonċernati għandhom ukoll id-dritt li jikkummentaw dwar il-fatti tal-każ qabel ma jiġu stabbiliti l-konklużjonijiet.

(17)

Persuni li jirrapportaw frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jingħataw il-protezzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(18)

Fejn l-Uffiċċju jwettaq, fil-mandat tiegħu, miżuri ta’ appoġġ fuq talba tal-UPPE, sabiex tiġi protetta l-ammissibbiltà tal-evidenza, kif ukoll id-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali, filwaqt li fl-istess ħin tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ investigazzjonijiet u tiġi prevista kooperazzjoni effiċjenti u komplementari, jenħtieġ li l-Uffiċċju u l-UPPE, filwaqt li jaġixxu f’kooperazzjoni mill-qrib, jiżguraw li s-salvagwardji proċedurali applikabbli tal-Kapitolu VI tar-Regolament (UE) 2017/1939 jiġu osservati.

(19)

L-Uffiċċju għandu s-setgħa li jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, li jippermettulu jaċċessa l-bini u d-dokumentazzjoni tal-operaturi ekonomiċi fil-qafas tal-investigazzjonijiet tiegħu ta’ suspetti ta’ frodi, korruzzjoni jew imġiba illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Tali verifiki u spezzjonijiet fuq il-post isiru f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u mar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, li f’ċerti każijiet jagħmlu l-applikazzjoni ta’ dawk is-setgħat soġġetta għall-kondizzjonijiet tal-liġi nazzjonali. Ir-rapport evalwattiv tal-Kummissjoni kkonkluda li l-limitu sa fejn il-liġi nazzjonali tapplika mhuwiex ċar għall-aħħar, u bħala riżultat dan ixxekkel l-effettività tal-attivitajiet investigattivi tal-Uffiċċju.

(20)

Għalhekk, huwa xieraq li jiġu ċċarati l-każijiet li fihom għandha tapplika l-liġi nazzjonali matul l-investigazzjonijiet li jsiru mill-Uffiċċju, mingħajr ma jinbidlu s-setgħat tal-Uffiċċju jew il-mod kif ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jopera fir-rigward tal-Istati Membri, b’mod li jirrifletti s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża T-48/16, Sigma Orionis SA vs Il-Kummissjoni Ewropea (8).

(21)

It-twettiq ta’ verifiki u spezzjonijiet fuq il-post mill-Uffiċċju f’sitwazzjonijiet fejn l-operatur ekonomiku kkonċernat jissottometti għall-verifika u spezzjoni fuq il-post jenħtieġ li jkun soġġett għal-liġi tal-Unjoni biss. Dan jenħtieġ li jippermettilu jeżerċita s-setgħat investigattivi tiegħu b’mod effettiv u koerenti fl-Istati Membri kollha, bl-għan li jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(22)

F’sitwazzjonijiet fejn l-Uffiċċju jkun meħtieġ jiddependi fuq l-assistenza tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari fejn operatur ekonomiku jirreżisti verifika u spezzjoni fuq il-post, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-azzjoni tal-Uffiċċju tkun effettiva, u jenħtieġ li jagħtu l-assistenza meħtieġa f’konformità mar-regoli rilevanti tal-liġi proċedurali nazzjonali. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu kont tan-nuqqas ta’ kwalunkwe Stat Membru milli jikkonforma mal-obbligu tiegħu li jikkoopera mal-Uffiċċju meta tikkunsidra jekk għandhiex tirkupra l-ammonti kkonċernati permezz tal-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fuq l-Istati Membri, f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

(23)

L-Uffiċċju jista’, taħt ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, jidħol f’arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bħal servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi, u istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, sabiex jiġu speċifikati l-arranġamenti għall-kooperazzjoni tagħhom taħt dak ir-Regolament, b’mod partikolari dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni, it-twettiq tal-investigazzjonijiet u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu.

(24)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jenħtieġ li jiġi emendat biex jiġi introdott dmir li l-operaturi ekonomiċi jikkooperaw mal-Uffiċċju, f’konformità mal-obbligu tagħhom taħt ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 li jagħtu aċċess għat-twettiq ta’ verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fir-rigward ta’ binjiet, art, mezzi ta’ trasport jew żoni oħra, li jintużaw għal skopijiet kummerċjali, u mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 129 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) li kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni għandha tikkoopera b’mod sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet mill-Uffiċċju.

(25)

Bħala parti minn dak id-dmir ta’ kooperazzjoni, l-Uffiċċju jenħtieġ li jkun jista’ jirrikjedi li operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni rilevanti fejn huma setgħu kienu involuti fil-kwistjoni li tkun qed tiġi investigata jew fejn huma jista’ jkollhom tali informazzjoni. Meta jkunu qed jikkonformaw ma’ tali talbiet, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi ma jkunux obbligati jagħmlu dikjarazzjonijiet awto-inkriminanti, iżda jenħtieġ li jkunu obbligati jwieġbu mistoqsijiet fattwali u jipprovdu dokumenti, anki jekk dik l-informazzjoni tista’ tintuża sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ attività illegali kontrihom jew kontra operatur ekonomiku ieħor. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-investigazzjonijiet fil-kuntest tal-prattiki ta’ ħidma attwali, jenħtieġ li l-Uffiċċju jkun jista’ jitlob aċċess għal informazzjoni f’apparati li huma proprjetà privata li jintużaw għal skopijiet ta’ xogħol. L-aċċess mill-Uffiċċju jenħtieġ li jingħata soġġett għall-istess kondizzjonijiet u sal-istess punt li japplikaw għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll, u biss jekk l-Uffiċċju jkollu raġunijiet validi biex jissuspetta li l-kontenut ta’ tali apparati jista’ jkun rilevanti għall-investigazzjoni, f’konformità mal-prinċipji ta’ ħtieġa u ta’ proporzjonalità, u jenħtieġ li jikkonċerna biss l-informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni.

(26)

L-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jużaw kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih issir il-verifika, u jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jingħataw assistenza minn persuna li huma jagħżlu, inkluż konsulent legali estern, matul il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post. Il-preżenza ta’ konsulent legali, madankollu, ma jenħtieġx li tirrappreżenta kondizzjoni legali għall-validità tal-verifiki u tal-ispezzjonijiet fuq il-post. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskju li l-evidenza tgħib, l-Uffiċċju jenħtieġ li jkun jista’ jaċċessa l-bini, l-art, il-mezzi ta’ trasport jew żoni oħra li jintużaw għal skopijiet kummerċjali mingħajr ma jistenna li l-operatur ekonomiku jikkonsulta konsulent legali. Jenħtieġ li jaċċetta biss dewmien raġonevoli qasir sa meta ssir il-konsultazzjoni ma’ konsulent legali, qabel jibdew il-verifika u l-ispezzjoni fuq il-post. Kwalunkwe tali dewmien jenħtieġ li jinżamm strettament għall-inqas żmien possibbli.

(27)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza meta jkun qed iwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, jenħtieġ li l-Uffiċċju jipprovdi lill-operaturi ekonomiċi informazzjoni xierqa dwar id-dmir tagħhom li jikkooperaw u l-konsegwenzi jekk jirrifjutaw li jagħmlu dan, u l-proċedura applikabbli, inklużi s-salvagwardji proċedurali.

(28)

F’investigazzjonijiet interni u, fejn ikun meħtieġ, f’investigazzjonijiet esterni, l-Uffiċċju jkollu aċċess għal kwalunkwe informazzjoni miżmuma mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji. Kif issuġġerit fir-rapport evalwattiv tal-Kummissjoni, hu meħtieġ li jiġi ċċarat li tali aċċess jenħtieġ li jkun possibbli irrispettivament mill-mezz li fuqu dik l-informazzjoni jew data jkunu maħżuna, sabiex jiġi rifless il-progress teknoloġiku li qed jevolvi. Waqt l-investigazzjonijiet interni, jenħtieġ li l-Uffiċċju jkun jista’ jitlob aċċess għal informazzjoni miżmuma f’apparati li huma proprjetà privata li jintużaw għal skopijiet ta’ xogħol f’sitwazzjonijiet fejn l-Uffiċċju jkollu raġunijiet validi biex jissuspetta li l-kontenut tagħhom jista’ jkun rilevanti għall-investigazzjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-aċċess mill-Uffiċċju jsir soġġett għal kondizzjonijiet speċifiċi mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija rilevanti. Jenħtieġ li tali aċċess ikun konformi mal-prinċipji ta’ ħtieġa u ta’ proporzjonalità u jikkonċerna biss l-informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni. Biex jiġi garantit livell effettiv u konsistenti ta’ aċċess għall-Uffiċċju, kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji jenħtieġ li jiżguraw il-koerenza tar-regoli dwar l-aċċess għal apparati privati adottati mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji differenti sabiex jiġu pprovduti kondizzjonijiet ekwivalenti f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (10).

(29)

Għal qafas aktar koerenti għall-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju, ir-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet interni u esterni jenħtieġ li jkomplu jiġu allinjati, sabiex jiġu indirizzati ċerti inkonsistenzi identifikati fir-rapport evalwattiv tal-Kummissjoni fejn regoli diverġenti ma jkunux iġġustifikati. Pereżempju, jenħtieġ li r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet mfassla wara investigazzjoni esterna, jekk ikun meħtieġ, jintbagħtu lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati biex tittieħed azzjoni xierqa, kif inhu l-każ f’investigazzjonijiet interni. Fejn ikun possibbli f’konformità mal-mandat tiegħu, jenħtieġ li l-Uffiċċju jappoġġa lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati fis-segwitu minnhom għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Fejn l-Uffiċċju ma jiftaħx investigazzjoni, jenħtieġ li jkun jista’ jibgħat l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji biex tittieħed azzjoni xierqa. Jenħtieġ li jibgħat tali informazzjoni fejn jiddeċiedi li ma jiftaħx investigazzjoni minkejja li jkun hemm suspett suffiċjenti ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Qabel ma jagħmel dan, jenħtieġ li l-Uffiċċju jikkunsidra b’mod xieraq il-possibbiltà ta’ interferenza ma’ investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin mill-UPPE.

(30)

Minħabba d-diversità kbira tal-oqfsa istituzzjonali nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-possibbiltà li jagħtu notifika lill-Uffiċċju dwar l-awtoritajiet li jkunu kompetenti biex jieħdu azzjonijiet fuq rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju, kif ukoll l-awtoritajiet li jeħtieġ li jiġu mgħarrfa, pereżempju għal skopijiet finanzjarji, ta’ statistika jew ta’ monitoraġġ, għat-twettiq tad-dmirijiet rilevanti tagħhom. Tali awtoritajiet jistgħu jinkludu s-servizzi nazzjonali ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju inklużi fir-rapporti tiegħu ma għandhom ebda effett legali vinkolanti fuq tali awtoritajiet tal-Istati Membri jew fuq istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji.

(31)

L-Uffiċċju jenħtieġ li jkun ipprovdut bil-mezzi neċessarji biex isegwi t-traċċa tal-flus sabiex jikxef il-modus operandi tipiku ta’ ħafna mġiba frawdolenti. L-Uffiċċju jista’ jikseb informazzjoni dwar kontijiet bankarji rilevanti għall-attività investigattiva tiegħu li jkunu miżmuma minn istituzzjonijiet ta’ kreditu f’għadd ta’ Stati Membri permezz ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u assistenza mingħandhom. Sabiex jiġi żgurat approċċ effettiv fl-Unjoni kollha, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jenħtieġ li jispeċifika d-dmir li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jipprovdu informazzjoni dwar kontijiet bankarji lill-Uffiċċju, bħala parti mid-dmir ġenerali tagħhom li jassistu lill-Uffiċċju. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti li permezz tagħhom tali kooperazzjoni għandha sseħħ. Meta jkunu qegħdin jagħtu tali assistenza lill-Uffiċċju, l-awtoritajiet nazzjonali jenħtieġ li jaġixxu taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

(32)

Sabiex ikunu protetti, u jkun hemm konformità ma’, il-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħloq funzjoni interna fl-għamla ta’ Kontrollur ta’ garanziji proċedurali (il-’Kontrollur’), li jenħtieġ li - bil-ħsieb ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi - tkun marbuta amministrattivament mal-Kumitat ta’ Sorveljanza u tingħata riżorsi adegwati. Il-Kontrollur jenħtieġ li jittratta l-ilmenti b’mod għalkollox indipendenti, inklużi dawk mingħand il-Kumitat ta’ Sorveljanza u mingħand l-Uffiċċju, u jenħtieġ li jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq dmirijietu.

(33)

Jenħtieġ li persuna kkonċernata tkun tista’ tressaq ilment lill-Kontrollur dwar il-konformità tal-Uffiċċju mal-garanziji proċedurali kif ukoll abbażi ta’ ksur tar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet mill-Uffiċċju, b’mod partikolari l-ksur ta’ rekwiżiti proċedurali u d-drittijiet fundamentali. Jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu tal-ilmenti. Il-Kontrollur jenħtieġ li jkun responsabbli għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet bi tweġiba għal tali ilmenti, u fejn ikun meħtieġ jissuġġerixxi soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet imqajma fl-ilment. Jenħtieġ li l-Kontrollur jeżamina l-ilment fi proċedura rapida u kontenzjuża, filwaqt li ma jimpedixxix lill-Uffiċċju milli jkompli l-investigazzjoni li tkun għaddejja. Il-Kontrollur jenħtieġ li jagħti lill-persuna li tilmenta u lill-Uffiċċju l-opportunità li jipprovdu kummenti dwar, kif ukoll il-possibbiltà li jirriżolvu, l-kwistjonijiet li tqajmu fl-ilment. Jenħtieġ li d-Direttur Ġenerali jieħu azzjoni xierqa kif titlob ir-rakkomandazzjoni tal-Kontrollur. Jenħtieġ li d-Direttur Ġenerali jkun jista’, f’każijiet debitament ġustifikati, jiddevja mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur. Ir-raġunijiet għala jagħmel dan jenħtieġ li jinhemżu mar-rapport finali tal-investigazzjoni.

(34)

Sabiex jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbilizzazzjoni, jenħtieġ li l-Kontrollur jirrapporta dwar il-mekkaniżmu tal-ilmenti fir-rapport annwali tiegħu. Jenħtieġ li r-rapport annwali jkopri, b’mod partikolari, l-għadd ta’ lmenti riċevuti, it-tipi ta’ ksur ta’ rekwiżiti proċedurali u drittijiet fundamentali involuti, l-attivitajiet ikkonċernati u, fejn ikun possibbli, il-miżuri ta’ segwitu meħuda mill-Uffiċċju.

(35)

It-trażmissjoni bikrija tal-informazzjoni mill-Uffiċċju bl-għan li jiġu adottati miżuri ta’ prekawzjoni hija għodda essenzjali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib f’dan ir-rigward bejn l-Uffiċċju u l-istituzzjonijiet, uffiċċji, korpi u aġenziji, huwa xieraq li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li, meta jridu, jikkonsultaw lill-Uffiċċju bl-għan li jieħdu deċiżjoni dwar kwalunkwe miżura ta’ prekawzjoni xierqa, inklużi miżuri għas-salvagwardja tal-provi.

(36)

Ir-rapporti mfassla mill-Uffiċċju jikkostitwixxu evidenza ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħal rapporti amministrattivi mfassla mill-ispetturi amministrattivi nazzjonali. Skont ir-rapport evalwattiv tal-Kummissjoni, din ir-regola ma tiżgurax b’mod suffiċjenti l-effettività tal-attivitajiet tal-Uffiċċju f’xi Stati Membri. Sabiex jiżdiedu l-effettività u l-użu konsistenti tar-rapport tal-Uffiċċju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jenħtieġ li jipprevedi l-ammissibbiltà ta’ dawn ir-rapporti fi proċedimenti ġudizzjarji ta’ natura mhux kriminali quddiem il-qrati nazzjonali, kif ukoll fi proċedimenti amministrattivi fl-Istati Membri. Ir-regola li tipprevedi ekwivalenza mar-rapporti tal-ispetturi amministrattivi nazzjonali jenħtieġ li tkompli tapplika fil-każ ta’ proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali ta’ natura kriminali. Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jenħtieġ li jipprevedi wkoll l-ammissibbiltà tar-rapporti redatti mill-Uffiċċju fi proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji fil-livell tal-Unjoni.

(37)

Is-servizzi ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri kontra l-frodi ġew introdotti mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 sabiex jiġu ffaċilitati kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni effettivi, inkluż informazzjoni ta’ natura operattiva, bejn l-Uffiċċju u l-Istati Membri. Ir-rapport evalwattiv tal-Kummissjoni kkonkluda li dawn taw kontribut pożittiv għall-ħidma tal-Uffiċċju. Ir-rapport evalwattiv tal-Kummissjoni wkoll identifika l-ħtieġa li jiġi ċċarat ir-rwol ta’ dawk is-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi sabiex jiġi żgurat li l-Uffiċċju jingħata l-assistenza meħtieġa biex jiżgura li l-investigazzjonijiet tiegħu jkunu effettivi, filwaqt li l-organizzazzjoni u s-setgħat tas-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi jitħallew f’idejn kull Stat Membru. F’dak ir-rigward, is-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu jew jikkoordinaw l-assistenza meħtieġa lill-Uffiċċju biex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv, qabel, matul jew wara li tintemm investigazzjoni esterna jew interna.

(38)

Id-dmir tal-Uffiċċju li jipprovdi lill-Istati Membri b’assistenza sabiex jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni hija element kruċjali tal-mandat tiegħu li jappoġġa l-kooperazzjoni transkonfinali fost l-Istati Membri. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli aktar dettaljati sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tal-Uffiċċju u l-kooperazzjoni tiegħu f’dan il-kuntest mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, mal-pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jkunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju mill-Uffiċċju tas-setgħat konferiti fuq il-Kummissjoni f’dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet u l-Kummissjoni, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 (11) u r-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), kif ukoll l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni marbutin mal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

(39)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat li meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, fosthom is-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi, jaġixxu f’kooperazzjoni mal-Uffiċċju jew ma’ awtoritajiet kompetenti oħra għall-finijiet tal-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huma jibqgħu marbutin mil-liġi nazzjonali tagħhom.

(40)

Jenħtieġ li jkun possibbli għas-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ koordinazzjoni li jagħtu assistenza lill-Uffiċċju, kif ukoll għas-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi li jikkooperaw ma’ xulxin, sabiex isaħħu aktar il-mekkaniżmi disponibbli għall-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi.

(41)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif ukoll l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, jenħtieġ li jieħdu l-azzjonijiet li tkun titlob rakkomandazzjoni tal-Uffiċċju. Sabiex l-Uffiċċju jkun jista’ jagħti segwitu għall-iżvilupp tal-każijiet tiegħu, fejn l-Uffiċċju jagħmel rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji lill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, jenħtieġ li l-Istati Membri, fuq talba tal-Uffiċċju, jibagħtu d-deċiżjoni finali tal-qorti nazzjonali lill-Uffiċċju. Sabiex tinżamm għalkollox l-indipendenza ġudizzjarja, jenħtieġ li tali trażmissjoni ssir biss wara d-determinazzjoni finali tal-proċedimenti ġudizzjarji rilevanti u wara li d-deċiżjoni finali tal-qorti tkun saret pubblika.

(42)

Sabiex jissupplimenta r-regoli proċedurali dwar it-twettiq tal-investigazzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, jenħtieġ li l-Uffiċċju jistabbilixxi linji gwida dwar proċeduri ta’ investigazzjoni li l-persunal tal-Uffiċċju għandu jsegwi.

(43)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-Uffiċċju jista’ jieħu sehem fi skwadri ta’ investigazzjoni konġunta stabbiliti f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u li huwa intitolat li jiskambja informazzjoni operattiva miksuba f’dak il-qafas. L-użu ta’ tali informazzjoni huwa soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji previsti fil-liġi tal-Unjoni li abbażi tiegħu jkunu ġew stabbiliti l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunta. Meta l-Uffiċċju jieħu sehem f’tali skwadri ta’ investigazzjoni konġunta, ikollu kapaċità ta’ appoġġ u jieħu r-rwol ta’ sieħeb soġġett għal-limitazzjonijiet legali li jkunu jistgħu jeżistu fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali.

(44)

Mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data determinata f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u b’mod partikolari l-effiċjenza tal-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-UPPE sabiex tikkunsidra jekk humiex meħtieġa emendi fuq il-bażi tal-esperjenza fir-rigward ta’ dik il-kooperazzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta, fejn xieraq, proposta leġiżlattiva komprensiva ġdida, mhux aktar tard minn sentejn wara dik l-evalwazzjoni.

(45)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jsaħħaħ il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi jadatta l-operazzjoni tal-Uffiċċju għall-istabbiliment tal-UPPE u billi jtejjeb l-effettività tal-investigazzjonijiet li jsiru mill-Uffiċċju, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, bl-adozzjoni ta’ regoli li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-UPPE biex tiżdied l-effettività fit-twettiq tal-investigazzjonijiet minnhom, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(46)

Dan ir-Regolament ma jimmodifikax is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri li jieħdu passi sabiex jiġġieldu kontra frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(47)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u ta kummenti formali fit-23 ta’ Lulju 2018.

(48)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

’(d)

ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

(e)

ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

(*)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)"

(**)  Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39). ’;"

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-Uffiċċju għandu jistabbilixxi u jżomm relazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) stabbilit f’kooperazzjoni msaħħa mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (*). Dik ir-relazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kooperazzjoni reċiproka, skambju ta’ informazzjoni, komplementarjetà u l-evitar ta’ duplikazzjoni. B’mod partikolari, għandha jkollha l-għan li tiżgura li l-mezzi disponibbli kollha jintużaw sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-komplementarjetà tal-mandati rispettivi tagħhom u tal-appoġġ li jingħata mill-Uffiċċju lill-UPPE.

(*)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).”;"

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji jistgħu jistabbilixxu arranġamenti amministrattivi mal-Uffiċċju. Dawk l-arranġamenti amministrattivi jistgħu jikkonċernaw, b’mod partikolari, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu għalihom.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(3)

‘frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni’ għandu jkollha t-tifsira applikata lil dan il-kliem fl-atti rilevanti tal-Unjoni u l-kunċett ta’ “kwalunkwe attività illegali oħra” għandu jinkludi irregolarità kif definita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95.”;

(b)

il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(4)

‘investigazzjonijiet amministrattivi’ (‘investigazzjonijiet’) tfisser kwalunkwe spezzjoni, verifika jew miżura oħra meħuda mill-Uffiċċju skont l-Artikoli 3 u 4, bil-għan li jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 u li tiġi stabbilita, fejn ikun meħtieġ, in-natura irregolari tal-attivitajiet li jkunu qegħdin jiġu investigati; dawk l-investigazzjonijiet ma għandhomx jaffettwaw is-setgħat tal-UPPE jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jibdew u jwettqu proċedimenti kriminali.”;

(c)

jiżdied il-punt li ġej:

“(8)

‘membru ta’ istituzzjoni’ tfisser membru tal-Parlament Ewropew, membru tal-Kunsill Ewropew, rappreżentant ta’ Stat Membru fuq livell ministerjali fil-Kunsill, membru tal-Kummissjoni, membru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), membru tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew jew membru tal-Qorti tal-Awdituri, fir-rigward tal-obbligi imposti mil-liġi tal-Unjoni fil-kuntest tad-dmirijiet li jwettqu f’dik il-kapaċità.”;

(3)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Investigazzjonijiet esterni

1.   Fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, l-Uffiċċju għandu jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fl-Istati Membri u, f’konformità mal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka u kwalunkwe strument legali ieħor fis-seħħ, f’pajjiżi terzi u fil-binjiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

2.   L-Uffiċċju għandu jwettaq il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post f’konformità ma’ dan ir-Regolament u, sa fejn ma jkunux koperti minn dan ir-Regolament, mar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96.

3.   L-operaturi ekonomiċi għandhom jikkooperaw mal-Uffiċċju matul l-investigazzjonijiet tiegħu. L-Uffiċċju jista’ jitlob informazzjoni bil-miktub u bil-fomm, inkluż permezz ta’ intervisti.

4.   Fejn l-operatur ekonomiku kkonċernat, f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jissottometti ruħu għal verifika u spezzjoni fuq il-post li tkun awtorizzata taħt dan ir-Regolament, l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 m’għandhomx japplikaw sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet jirrikjedu konformità mal-liġi nazzjonali u huma kapaċi jirrestrinġu l-aċċess għal informazzjoni u dokumentazzjoni mill-Uffiċċju għall-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għall-ispetturi amministrattivi nazzjonali.

5.   Fuq talba tal-Uffiċċju, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha, mingħajr dewmien mhux meħtieġ, tagħti lill-persunal tal-Uffiċċju l-għajnuna li jkollu bżonn biex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv, kif speċifikat fl-awtorizzazzjoni bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 7(2).

L-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura, f’konformità mar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, li l-persunal tal-Uffiċċju jkun jista’ jaċċessa l-informazzjoni, id-dokumenti u d-data kollha relatati mal-kwistjoni li tkun qed tiġi investigata li jirriżultaw meħtieġa sabiex il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post isiru b’mod effettiv u effiċjenti, u li l-persunal ikun jista’ jieħu l-kustodja tad-dokumenti jew tad-data sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda periklu li jgħibu. Fejn jintużaw, għal skopijiet ta’ xogħol, apparati li jkunu proprjetà privata, dawk l-apparati jistgħu jkunu soġġetti għal spezzjoni mill-Uffiċċju. L-Uffiċċju għandu jassoġġetta tali apparati għal spezzjoni biss taħt l-istess kondizzjonijiet u sal-istess punt fejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll ikunu permessi jinvestigaw apparati li jkunu proprjetà privata u fejn l-Uffiċċju jkollu raġunijiet validi biex jissuspetta li l-kontenut tagħhom jista’ jkun rilevanti għall-investigazzjoni.

6.   Fejn il-persunal tal-Uffiċċju jsib li operatur ekonomiku joffri reżistenza għal verifika u spezzjoni fuq il-post awtorizzati skont dan ir-Regolament, jiġifieri fejn l-operatur ekonomiku jirrifjuta li jagħti lill-Uffiċċju l-aċċess meħtieġ għall-binjiet tiegħu jew kwalunkwe żona oħra li tintuża għal skopijiet kummerċjali, jaħbi informazzjoni jew jimpedixxi t-twettiq ta’ kwalunkwe mill-attivitajiet li l-Uffiċċju jkun meħtieġ iwettaq fil-kors ta’ verifika u spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet kompetenti, inklużi, fejn adatt, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, għandhom jagħtu lill-persunal tal-Uffiċċju l-assistenza meħtieġa sabiex l-Uffiċċju jkun jista’ jwettaq il-verifika u l-kontroll tiegħu fuq il-post b’mod effettiv u mingħajr dewmien żejjed.

Meta jkunu qed jagħtu assistenza f’konformità ma’ dan il-paragrafu jew mal-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jaġixxu f’konformità mar-regoli proċedurali nazzjonali li japplikaw għall-awtorità kompetenti kkonċernata. Jekk tali għajnuna teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja f’konformità mal-liġi nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni.

7.   L-Uffiċċju għandu jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post malli tiġi prodotta awtorizzazzjoni bil-miktub, kif previst fl-Artikolu 7(2). Huwa għandu, mhux aktar tard mill-bidu tal-verifika u spezzjoni fuq il-post, jinforma lill-operatur ekonomiku kkonċernat dwar il-proċedura applikabbli għall-verifika u spezzjoni fuq il-post, inklużi s-salvagwardji proċedurali applikabbli, u d-dmir tal-operatur ekonomiku kkonċernat li jikkoopera.

8.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat assenjati lilu, l-Uffiċċju għandu jikkonforma mal-garanziji proċedurali previsti f’dan ir-Regolament u fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96. Meta jkunu qed jitwettqu verifika u spezzjoni fuq il-post, l-operatur ekonomiku kkonċernat għandu jkollu d-dritt li ma jagħmilx dikjarazzjonijiet awto-inkriminanti u li jingħata assistenza minn persuna magħżula mill-operatur ekonomiku. Meta jagħmel dikjarazzjonijiet matul verifika u spezzjoni fuq il-post, l-operatur ekonomiku għandu jingħata l-possibbiltà li juża kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih ikun jinsab dak l-operatur ekonomiku. Id-dritt li jingħata assistenza minn persuna li jagħżel m’għandux jipprevjeni l-aċċess mill-Uffiċċju għall-bini tal-operatur ekonomiku, u m’għandux idewwem bla bżonn il-bidu tal-verifika u spezzjoni fuq il-post.

9.   Fejn Stat Membru ma jikkooperax mal-Uffiċċju f’konformità mal-paragrafi 5 u 6, il-Kummissjoni tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni sabiex tirkupra l-fondi relatati mal-verifika u spezzjoni inkwistjoni fuq il-post.

10.   Bħala parti mill-funzjoni investigattiva tiegħu, l-Uffiċċju għandu jwettaq il-verifiki u l-ispezzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u fir-regoli settorjali msemmija fl-Artikolu 9(2) ta’ dak ir-Regolament fl-Istati Membri u, f’konformità ma’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni u ta’ għajnuna reċiproka u kwalunkwe strument legali ieħor fis-seħħ, f’pajjiżi terzi u fil-binjiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

11.   Waqt investigazzjoni esterna, l-Uffiċċju jista’ jkollu aċċess għal kwalunkwe informazzjoni u data rilevanti, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna, miżmuma mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji konnessi mal-kwistjoni li tkun qed tiġi investigata, fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi stabbilit jekk tkunx twettqet frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għal dak il-għan, għandu japplika l-Artikolu 4(2) u (4).

12.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12c(1), fejn, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar jekk tinfetaħx investigazzjoni esterna jew le, l-Uffiċċju jittratta informazzjoni li tissuġġerixxi li kien hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huwa jista’ jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati u, fejn ikun meħtieġ, l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji kkonċernati.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli settorjali msemmija fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li tittieħed azzjoni adegwata, li fiha jkun jista’ jieħu sehem l-Uffiċċju, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Fuq talba, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Uffiċċju dwar l-azzjoni meħuda u dwar is-sejbiet tagħhom abbażi tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.”;

(4)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 sa 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-investigazzjonijiet fl-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jitwettqu f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mad-deċiżjonijiet adottati mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija rilevanti (‘investigazzjonijiet interni’).

2.   Matul l-investigazzjonijiet interni:

(a)

l-Uffiċċju għandu d-dritt ta’ aċċess immedjat u mingħajr avviż għal kwalunkwe informazzjoni u data rilevanti, relatati mal-kwistjoni li tkun qed tiġi investigata, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna, miżmuma mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, u għall-bini tagħhom. Fejn jintużaw, għal skopijiet ta’ xogħol, apparati li jkunu proprjetà privata, dawk l-apparati jistgħu jkunu soġġetti għal spezzjoni mill-Uffiċċju. L-Uffiċċju għandu jassoġġetta tali apparati għal spezzjoni biss sa fejn l-apparati jintużaw għal skopijiet ta’ xogħol, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fid-deċiżjonijiet adottati mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija rilevanti u fejn l-Uffiċċju jkollu raġunijiet validi biex jissuspetta li l-kontenut tagħhom jista’ jkun rilevanti għall-investigazzjoni.

L-Uffiċċju jkollu s-setgħa li jispezzjona l-kotba tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji. L-Uffiċċju jista’ jieħu kopja ta’, u jikseb siltiet minn, kull dokument jew il-kontenut ta’ kull mezz ta’ data miżmum mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u, jekk ikun hemm bżonn, jieħu l-kustodja ta’ dawk id-dokumenti jew data sabiex jiżgura li ma jkunx hemm periklu li dawn jgħibu;

(b)

l-Uffiċċju jista’ jitlob informazzjoni bil-fomm, inkluż permezz ta’ intervisti, u informazzjoni bil-miktub minn uffiċjali, aġenti oħrajn, membri ta’ istituzzjonijiet jew korpi, kapi ta’ uffiċċji jew aġenziji, jew membri tal-persunal, iddokumentata fid-dettall skont l-istandards applikabbli tal-Unjoni tal-kunfidenzjalità u tal-protezzjoni tad-data.

3.   Taħt l-istess regoli u kondizzjonijiet kif previsti fl-Artikolu 3, l-Uffiċċju jista’ jwettaq, fuq il-post, verifiki u spezzjonijiet fil-bini ta’ operaturi ekonomiċi sabiex jikseb aċċess għall-informazzjoni rilevanti għall-kwistjoni taħt investigazzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji.

4.   L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji għandhom jiġu infurmati kull meta l-persunal tal-Uffiċċju jwettaq investigazzjoni interna fil-bini tagħhom, jikkonsulta dokumenti jew data, jew jitlob informazzjoni miżmuma minnhom. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 10 u 11, l-Uffiċċju jista’ fi kwalunkwe mument jgħaddi lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati l-informazzjoni miksuba fil-kors ta’ investigazzjonijiet interni.”;

(b)

fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12c(1), fejn, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar jekk tinfetaħx investigazzjoni interna jew le, l-Uffiċċju jittratta informazzjoni li tissuġġerixxi li kien hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huwa jista’ jinforma lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati. Fuq talba, l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati għandhom jinformaw lill-Uffiċċju dwar kwalunkwe azzjoni li tittieħed u dwar is-sejbiet tagħhom abbażi ta’ din l-informazzjoni.”;

(5)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12d, id-Direttur Ġenerali jista’ jiftaħ investigazzjoni meta jkun hemm biżżejjed suspett, li jista’ jkun ibbażat fuq informazzjoni mogħtija minn kwalunkwe parti terza jew informazzjoni anonima, li twettqet frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Id-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni tista’ tqis il-ħtieġa ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi tal-Uffiċċju u tal-proporzjonalità tal-mezzi użati. Fir-rigward ta’ investigazzjonijiet interni, għandu jittieħed qies speċifiku tal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija li jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex jagħmluhom, partikolarment abbażi tan-natura tal-fatti, l-impatt finanzjarju attwali jew potenzjali tal-każ, u l-prospettiva ta’ kwalunkwe segwitu ġudizzjarju.

2.   Id-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni għandha tittieħed mid-Direttur Ġenerali, li jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija jew minn Stat Membru.

3.   Waqt li d-Direttur Ġenerali ikun qed jikkunsidra jekk jiftaħx investigazzjoni interna jew le wara talba kif imsemmi fil-paragrafu 2, jew waqt li l-Uffiċċju qed iwettaq investigazzjoni interna, l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji kkonċernati ma għandhomx jiftħu investigazzjoni parallela dwar l-istess fatti, sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor mal-Uffiċċju.

Dan il-paragrafu m’għandux japplika għal investigazzjonijiet mill-UPPE taħt ir-Regolament (UE) 2017/1939.”;

(b)

il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“5.   Jekk id-Direttur Ġenerali jiddeċiedi li ma jiftaħx investigazzjoni interna, huwa jista’ jibgħat mingħajr dewmien kwalunkwe informazzjoni rilevanti, kif xieraq, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat biex tittieħed azzjoni xierqa f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali jew lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati biex tittieħed azzjoni xierqa skont ir-regoli applikabbli għal dik l-istituzzjoni, dak il-korp, dak l-uffiċċju jew dik l-aġenzija. L-Uffiċċju għandu jiftiehem ma’ dik l-istituzzjoni, dak il-korp, dak l-uffiċċju jew dik l-aġenzija, jekk xieraq, dwar miżuri xierqa biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tas-sors ta’ dik l-informazzjoni u għandu, jekk ikun meħtieġ, jitlob li jkun informat dwar l-azzjoni meħuda.

6.   Fejn id-Direttur Ġenerali jiddeċiedi li ma jiftaħx investigazzjoni minkejja li jkun hemm biżżejjed suspett li kien hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huwa għandu jibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 mingħajr dewmien.”;

(6)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-Direttur Ġenerali għandu jidderieġi t-twettiq tal-investigazzjonijiet abbażi, fejn adatt, tal-istruzzjonijiet bil-miktub. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu taħt id-direzzjoni tiegħu mill-persunal tal-Uffiċċju magħżul minnu. Id-Direttur Ġenerali m’għandux personalment iwettaq atti investigattivi konkreti.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħtu l-assistenza meħtieġa biex il-persunal tal-Uffiċċju jkun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu f’konformità ma’ dan ir-Regolament b’mod effettiv u mingħajr dewmien żejjed. Meta jkunu qed jagħtu tali assistenza, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jaġixxu f’konformità ma’ kwalunkwe regola proċedurali nazzjonali li tapplika għalihom.

3a.   Fuq talba mill-Uffiċċju, li għandha tiġi spjegata bil-miktub, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jkunu qed jiġu investigati, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istati Membri għandhom, taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jipprovdu lill-Uffiċċju b’dawn li ġejjin:

(a)

informazzjoni li tinsab fil-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati msemmija fl-Artikolu 32a(3) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

(b)

fejn ikun strettament meħtieġ għall-iskopijiet tal-investigazzjoni, ir-reġistru tat-tranżazzjonijiet.

It-talba tal-Uffiċċju għandha tinkludi ġustifikazzjoni tal-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-miżura fir-rigward tan-natura u l-gravità tal-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu investigati. Tali talba tista’ tirreferi biss għall-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu.

3b.   L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji għandhom jiżguraw li l-uffiċjali, l-aġenti l-oħrajn, il-membri, il-kapijiet u l-membri tal-persunal tagħhom jagħtu l-għajnuna meħtieġa biex il-persunal tal-Uffiċċju jkun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv u mingħajr dewmien.

(*)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal- Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”;"

(c)

il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

kwalunkwe informazzjoni li tista’ tgħin lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati biex jiddeċiedu dwar il-miżuri amministrattivi prekawzjonarji adatti li għandhom jittieħdu sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati jistgħu fi kwalunkwe mument jikkonsultaw lill-Uffiċċju bl-għan li jieħdu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju, kwalunkwe miżura prekawzjonarja adatta, inklużi miżuri għas-salvagwardja tal-provi. L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernata għandhom jinformaw lill-Uffiċċju mingħajr dewmien dwar kwalunkwe miżura prekawzjonarja meħuda.”;

(d)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Jekk investigazzjoni ma tkunx tista’ tingħalaq fi żmien 12-il xahar wara li tkun infetħet, id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta, malli jiskadi dak il-perjodu ta’ 12-il xahar u f’intervalli ta’ sitt xhur wara dan, lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, filwaqt li jindika r-raġunijiet u, fejn ikun xieraq, il-miżuri ta’ rimedju previsti bil-ħsieb li titħaffef l-investigazzjoni.”;

(7)

l-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Dmir li jiġi informat l-Uffiċċju

1.   Fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji għandhom jibagħtu lill-Uffiċċju mingħajr dewmien kwalunkwe informazzjoni marbuta ma’ każijiet possibbli ta’ frodi, korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Fejn l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji jirrapportaw lill-UPPE f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2017/1939, huma jistgħu jikkonformaw mal-obbligu stipulat fl-ewwel s-subparagrafu ta’ dan il-paragrafu billi jibagħtu lill-Uffiċċju kopja tar-rapport li jkun intbagħat lill-UPPE.

2.   L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u, sakemm ma jkunux impeduti mil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, għandhom, fuq talba tal-Uffiċċju jew fuq inizjattiva tagħhom stess, jibagħtu mingħajr dewmien lill-Uffiċċju kwalunkwe dokument jew informazzjoni li jkollhom relatata ma’ investigazzjoni li tkun għaddejja mill-Uffiċċju.

Qabel ma tinfetaħ investigazzjoni, huma għandhom, fuq talba mill-Uffiċċju, li għandha tiġi spjegata bil-miktub, jibagħtu kwalunkwe dokument jew informazzjoni li jkollhom fil-pussess tagħhom li tkun meħtieġa biex jiġu valutati l-allegazzjonijiet jew biex jiġu applikati l-kriterji għall-ftuħ ta’ investigazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 5(1).

3.   L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u, sakemm ma jkunux impeduti mil-liġi nazzjonali milli jagħmlu hekk, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, għandhom jibagħtu mingħajr dewmien lill-Uffiċċju, fuq it-talba tal-Uffiċċju jew fuq inizjattiva tagħhom stess, kwalunkwe informazzjoni, dokument jew data meqjusa rilevanti li huma jkollhom fil-pussess tagħhom, relatati mal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

4.   Dan l-Artikolu m’għandux japplika għall-UPPE fir-rigward ta’ reati kriminali li fir-rigward tagħhom huwa jkun jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2017/1939.

Dan hu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-UPPE jagħti informazzjoni rilevanti lill-Uffiċċju dwar każijiet f’konformità mal-Artikoli 34(8), 36(6), 39(4) u l-Artikolu 101(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2017/1939.

5.   Id-dispożizzjonijiet relatati mat-trażmissjoni ta’ informazzjoni f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (*) għandhom jibqgħu mhux affettwati.

(*)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).”;"

(8)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ir-rekwiżiti msemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi ma għandhomx japplikaw għat-teħid ta’ stqarrijiet fil-kuntest ta’ verifiki u spezzjonijiet fuq il-post. Il-garanziji proċedurali kif imsemmija fl-Artikolu 3(7) u (8) għandhom japplikaw għall-persuna kkonċernata, b’mod partikolari d-dritt li tkun assistita minn persuna tal-għażla tagħha.”;

(b)

fil-paragrafu 4, it-tieni u t-tielet subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Għal dak il-għan, l-Uffiċċju għandu jibgħat stedina lill-persuna kkonċernata biex tikkummenta bil-miktub jew f’interrogazzjoni mal-persunal magħżul mill-Uffiċċju. Dik l-istedina għandha tinkludi ġabra fil-qosor tal-fatti li jikkonċernaw lill-persuna kkonċernata u l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, u għandha tindika l-limitu ta’ żmien biex jintbagħtu l-kummenti, li ma għandux ikun anqas minn għaxart ijiem ta’ xogħol mir-riċezzjoni tal-istedina għall-kummenti. Dak il-perijodu ta’ avviż jista’ jitqassar bil-kunsens espliċitu tal-persuna kkonċernata jew għal skopijiet irraġunati kif xieraq ta’ urġenza tal-investigazzjoni. Ir-rapport finali tal-investigazzjoni għandu jagħmel referenza għal kwalunkwe tali kumment.

F’każijiet debitament iġġustifikati fejn ikun meħtieġ li tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni jew ta’ investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja jew futura mill-UPPE jew minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali, id-Direttur Ġenerali jista’, fejn xieraq wara li jikkonsulta lill-UPPE jew lill-awtorità nazzjonali ġudizzjarja kkonċernata, jiddeċiedi li jiddiferixxi t-twettiq tal-obbligu ta’ stedina lill-persuna kkonċernata biex tikkummenta.”;

(9)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 9a

Kontrollur ta’ garanziji proċedurali

1.   Il-Kummissjoni għandha taħtar Kontrollur ta’ garanziji proċedurali (il-”Kontrollur”), f’konformità mal-proċedura speċifikata fil-paragrafu 2, għal mandat ta’ ħames snin li ma jiġġeddidx. Malli jiskadi dak il-mandat, il-Kontrollur għandu jibqa’ fil-kariga sa meta jinbidel.

2.   Il-Kontrollur għandu jkun addett amministrattivament mal-Kumitat ta’ Sorveljanza. Is-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jipprovdi lill-Kontrollur b’kull appoġġ amministrattiv u legali meħtieġ.

3.   Il-Kummissjoni għandha, mill-baġit approvat tagħha, talloka lill-Kumitat ta’ Sorveljanza l-persunal u l-mezzi finanzjarji meħtieġa għall-Kontrollur.

4.   Wara sejħa għal applikazzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tfassal lista ta’ kandidati bil-kwalifiki xierqa għall-pożizzjoni tal-Kontrollur. Wara li tikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha taħtar lill-Kontrollur.

5.   Il-Kontrollur għandu jkollu l-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa fil-qasam ta’ garanziji proċedurali.

6.   Il-Kontrollur għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’indipendenza sħiħa, inkluż mill-Uffiċċju u mill-Kumitat ta’ Sorveljanza, u la għandu jitlob u lanqas ma għandu jieħu struzzjonijiet mingħand xi ħadd fil-qadi ta’ dmirijietu.

7.   Jekk il-Kontrollur jieqaf jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu, jew jekk il-Kontrollur jinstab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jistgħu, bi qbil komuni, ineħħu lill-Kontrollur mill-kariga tiegħu.

8.   Skont il-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 9b, il-Kontrollur għandu jissorvelja l-konformità tal-Uffiċċju ma’ garanziji proċedurali msemmija fl-Artikolu 9, kif ukoll mar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet mill-Uffiċċju. Il-Kontrollur għandu jkun responsabbli mit-trattament tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 9b.

9.   Il-Kontrollur għandu jirrapporta dwar l-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni fuq bażi annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat ta’ Sorveljanza u lill-Uffiċċju. Huwa m’għandux jirreferi għal każijiet individwali taħt investigazzjoni u għandu jiżgura l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet anki wara l-għeluq tagħhom. Il-Kontrollur għandu jirrapporta lill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar kwalunkwe kwistjoni sistemika li tirriżulta mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 9b

Mekkaniżmu tal-ilmenti

1.   Persuna kkonċernata għandha tkun intitolata li tressaq ilment quddiem il-Kontrollur fir-rigward tal-konformità tal-Uffiċċju mal-garanziji proċedurali msemmija fl-Artikolu 9, kif ukoll għal raġunijiet ta’ ksur tar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet mill-Uffiċċju, b’mod partikolari ksur ta’ rekwiżiti proċedurali u drittijiet fundamentali. It-tressiq ta’ lment m’għandu jkollu l-ebda effett sospensiv fuq it-twettiq tal-investigazzjoni li tkun is-suġġett tal-ilment.

2.   L-ilmenti għandhom jitressqu fi żmien xahar minn meta l-ilmentatur isir konxju tal-fatti rilevanti li jikkostitwixxu l-allegat ksur tal-garanziji proċedurali jew tar-regoli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Fi kwalunkwe każ, huma għandhom jiġu ppreżentati mhux iktar tard minn xahar wara l-għeluq tal-investigazzjoni.

Ilmenti relatati mal-perijodu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 9(2) u (4) għandhom, madankollu, jiġu ppreżentati qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ notifika ta’ għaxart ijiem imsemmi f’dawk id-dispożizzjonijiet.

3.   Il-Kontrollur għandu jinforma minnufih lid-Direttur Ġenerali malli jirċievi lment.

Fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data tar-riċezzjoni, il-Kontrollur għandu jiddetermina l-konformità mal-paragrafi 1 u 2.

Fil-każ ta’ konformità mal-paragrafi 1 u 2, il-Kontrollur għandu jistieden lill-Uffiċċju jieħu azzjoni biex jirriżolvi l-ilment u jinforma lill-Kontrollur b’dan fi żmien 15-il jum ta’ xogħol.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 1 jew mal-paragrafu 2, il-Kontrollur għandu jagħlaq il-fajl u jinforma lill-ilmentatur mingħajr dewmien.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, l-Uffiċċju għandu jibgħat lill-Kontrollur l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-Kontrollur jivvaluta jekk l-ilment huwiex ġustifikat kif ukoll informazzjoni għall-fini li tinstab soluzzjoni għall-ilment u biex il-Kontrollur ikun jista’ joħroġ rakkomandazzjoni.

5.   Il-Kontrollur għandu joħroġ rakkomandazzjoni dwar kif għandu jiġi riżolt l-ilment mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien xahrejn minn meta l-Uffiċċju jinforma lill-Kontrollur bl-azzjoni li jkun ħa biex jirriżolvi l- l-ilment. Fin-nuqqas ta’ riċezzjoni ta’ informazzjoni fil-limitu ta’ żmien ta’ 15-il jum imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3, il-Kontrollur għandu joħroġ rakkomandazzjoni fi żmien xahrejn mill-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

F’każijiet eċċezzjonali l-Kontrollur jista’ jiddeċiedi li jestendi l-perjodu għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjoni b’15-il jum kalendarju addizzjonali. Il-Kontrollur għandu jinforma bil-miktub lid-Direttur Ġenerali bir-raġunijiet għal tali estensjoni.

Il-Kontrollur jista’ jirrakkomanda li l-Uffiċċju jemenda jew iħassar ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti tiegħu, għal raġunijiet ta’ ksur tal-garanziji proċedurali msemmija fl-Artikolu 9 jew tar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet mill-Uffiċċju, b’mod partikolari ksur ta’ rekwiżiti proċedurali u drittijiet fundamentali.

Qabel ma joħroġ rakkomandazzjoni l-Kontrollur għandu jikkonsulta lill-Kumitat ta’ Sorveljanza għall-opinjoni tiegħu.

Il-Kontrollur għandu jippreżenta r-rakkomandazzjoni lill-Uffiċċju u jinnotifika lill-ilmentatur kif xieraq.

Fin-nuqqas ta’ rakkomandazzjoni mill-Kontrollur fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan il-paragrafu, il-Kontrollur għandu jitqies bħala li ċaħad l-ilment mingħajr rakkomandazzjoni.

6.   Il-Kontrollur għandu jeżamina l-ilment fi proċedura kontenzjuża mingħajr ma jindaħal fit-twettiq tal-investigazzjoni li tkun għaddejja.

Il-Kontrollur jista’ wkoll jitlob lix-xhieda jipprovdu spjegazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub li l-Kontrollur jikkunsidra bħala rilevanti biex jiġu aċċertati l-fatti. Ix-xhieda jistgħu jirrifjutaw milli jipprovdu tali spjegazzjonijiet.

7.   Id-Direttur Ġenerali għandu jieħu l-azzjoni xierqa mitluba mir-rakkomandazzjoni. Jekk id-Direttur Ġenerali jiddeċiedi li ma jsegwix ir-rakkomandazzjoni tal-Kontrollur, id-Direttur Ġenerali għandu jikkomunika lill-ilmentatur u lill-Kontrollur ir-raġunijiet ewlenin għal dik id-deċiżjoni, sakemm tali komunikazzjoni ma taffettwax l-investigazzjoni li tkun għaddejja. Id-Direttur Ġenerali għandu jiddikjara r-raġunijiet għalfejn ma ġietx segwita r-rakkomandazzjoni tal-Kontrollur f’nota mehmuża mar-rapport finali tal-investigazzjoni.

8.   Il-mekkaniżmu tal-ilmenti taħt dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-mezzi ta’ rimedju disponibbli taħt it-Trattati, inklużi azzjonijiet relatati mal-kumpens għad-danni.

9.   Id-Direttur Ġenerali jista’ jitlob l-opinjoni tal-Kontrollur dwar kwalunkwe suġġett relatat mal-garanziji proċedurali jew mad-drittijiet fundamentali li jaqa’ fil-mandat tal-Kontrollur, inkluż dwar deċiżjoni li tiġi differita l-informazzjoni tal-persuna kkonċernata taħt l-Artikolu 9(3). Fi kwalunkwe tali talba, id-Direttur Ġenerali għandu jindika l-limitu ta’ żmien li fih il-Kontrollur għandu jirrispondi.

10.   Mingħajr preġudizzju għal-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta jitressaq ilment mad-Direttur Ġenerali minn uffiċjal jew aġent ieħor tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal u l-uffiċjal jew aġent ieħor ikun ressaq ilment mal-Kontrollur relatat mal-istess kwistjoni, id-Direttur Ġenerali għandu jistenna rakkomandazzjoni tal-Kontrollur qabel ma jwieġeb l-ilment.

11.   Il-Kontrollur għandu, wara li jikkonsulta lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, jadotta dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għat-trattament tal-ilmenti.

Dawk id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għandhom ikopru, b’mod partikolari, regoli dettaljati dwar:

(a)

it-tressiq ta’ lment;

(b)

l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-Kontrollur u d-Direttur Ġenerali;

(c)

il-proċess għall-indirizzar tal-kwistjonijiet imqajma f’ilment mill-Uffiċċju;

(d)

l-eżami ta’ lment fi proċedura kontenzjuża f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6;

(e)

il-ħruġ u l-komunikazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kontrollur;

(f)

każijiet debitament ġustifikati li fihom id-Direttur Ġenerali jista’ jiddevja mir-rakkomandazzjoni tal-Kontrollur u l-proċedura li għandha tiġi segwita f’tali każijiet.”;

(10)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) għandha tapplika għar-rappurtar ta’ frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw tali ksur.

3b.   Fejn l-Uffiċċju jirrakkomanda segwitu ġudizzjarju, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ kunfidenzjalità ta’ whistle-blowers u informaturi, u f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, il-persuna kkonċernata tista’ titlob mill-Uffiċċju biex jipprovdi r-rapport finali mfassal taħt l-Artikolu 11 sa fejn ikun relatat mal-persuna kkonċernata. L-Uffiċċju għandu jikkomunika dik it-talba mingħajr dewmien lir-riċevituri kollha ta’ dak ir-rapport, u għandu jagħti aċċess biss bil-kunsens espliċitu tar-riċevituri. Ir-riċevituri għandhom iwieġbu fi żmien 12-il xahar mir-riċezzjoni tat-talba. Fin-nuqqas ta’ oġġezzjoni f’dak il-perijodu, l-Uffiċċju għandu jagħti aċċess.

L-awtorità kompetenti tista’ wkoll tawtorizza lill-Uffiċċju jagħti aċċess qabel ma jiskadi dan il-perijodu.

(*)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).”;"

(b)

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Uffiċċju għandu jaħtar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2018/1725.”;

(11)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn xieraq, ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet tad-Direttur Ġenerali dwar l-azzjoni li għandha tittieħed. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet għandhom, fejn ikun xieraq, jindikaw kwalunkwe azzjoni dixxiplinarja, amministrattiva, finanzjarja jew ġudizzjarja li tkun trid tittieħed mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, u għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, l-ammonti stmati li għandhom jiġu rkuprati, kif ukoll il-klassifikazzjoni preliminari fil-liġi tal-fatti stabbiliti.”;

(b)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“2.   “Fit-tfassil tar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u, sa fejn tkun applikabbli, tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

Ir-rapporti mfassla abbażi tal-ewwel subparagrafu, flimkien mal-evidenza kollha ta’ appoġġ u mehmuża magħhom, għandhom jikkostitwixxu evidenza ammissibbli:

(a)

fi proċedimenti ġudizzjarji ta’ natura mhux kriminali quddiem il-qrati nazzjonali u fi proċedimenti amministrattivi fl-Istati Membri;

(b)

fi proċedimenti kriminali tal-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħal rapporti amministrattivi mfassla minn spetturi amministrattivi nazzjonali u għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta’ evalwazzjoni bħal dawk applikabbli għal rapporti amministrattivi mfassla minn spetturi amministrattivi nazzjonali u għandu jkollhom l-istess valur ta’ prova bħal tali rapporti;

(c)

fi proċedimenti ġudizzjarji quddiem il-QĠUE u fi proċedimenti amministrattivi fl-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Uffiċċju dwar kwalunkwe regola tal-liġi nazzjonali rilevanti għall-iskopijiet tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu.

Fir-rigward tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Uffiċċju, jibagħtu lill-Uffiċċju d-deċiżjoni finali tal-qrati nazzjonali ladarba l-proċedimenti ġudizzjarji rilevanti jkunu ġew determinati b’mod finali u d-deċiżjoni finali tal-qorti tkun saret pubblika.

Is-setgħa tal-QĠUE u tal-qrati nazzjonali u tal-korpi kompetenti fi proċedimenti amministrattivi u kriminali li jivvalutaw liberament il-valur evidenzjali tar-rapporti mfassla mill-Uffiċċju m’għandhomx jiġu affettwati minn dan ir-Regolament.

2a.   L-Uffiċċju għandu jieħu l-miżuri adatti biex jiżgura l-kwalità konsistenti tar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet imfassla wara investigazzjoni esterna u kull dokument relatat rilevanti għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati f’konformità mar-regoli relatati mal-investigazzjonijiet esterni u, jekk ikun meħtieġ, lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u, jekk applikabbli, l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija għandhom jieħdu dik l-azzjoni li tkun mitluba mir-riżultati tal-investigazzjoni esterna u għandhom jirrapportaw dwarha lill-Uffiċċju f’limitu ta’ żmien stipulat fir-rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjaw ir-rapport u, barra minn hekk, fuq it-talba tal-Uffiċċju. L-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw lill-Uffiċċju l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kompetenti biex jittrattaw tali rapporti, rakkomandazzjonijiet u dokumenti.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Fejn ir-rapport imfassal wara investigazzjoni interna juri l-eżistenza ta’ fatti li jistgħu jwasslu għal proċedimenti kriminali, dik l-informazzjoni, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet, għandha tintbagħat mingħajr dewmien lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru kkonċernat, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12c u 12d.

Fuq it-talba tal-Uffiċċju, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom, f’limitu ta’ żmien stipulat fir-rakkomandazzjonijiet, jibagħtu lill-Uffiċċju informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda, jekk tkun ittieħdet, u r-raġunijiet għala r-rakkomandazzjonijiet ma ġewx implimentati, fejn applikabbli, wara t-trażmissjoni mill-Uffiċċju ta’ kwalunkwe informazzjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.”;

(d)

il-paragrafu 6 jitħassar;

(e)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Fejn informatur ikun ipprovda lill-Uffiċċju informazzjoni li tkun wasslet għal investigazzjoni, l-Uffiċċju għandu jinnotifika lil dak l-informatur li l-investigazzjoni tkun ingħalqet, sakemm ma jqisx li din l-informazzjoni tkun tali li tippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata u l-effettività tal-investigazzjoni u tal-azzjoni li għandha tittieħed warajha, jew kwalunkwe rekwiżit ta’ kunfidenzjalità.”;

(12)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament u għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju jista’ jibgħat fiż-żmien dovut lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati informazzjoni miksuba fil-kors ta’ investigazzjonijiet esterni biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni adatta f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom. Huwa jista’ wkoll jibgħat tali informazzjoni lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom, sakemm ma jkunux impeduti mil-liġi nazzjonali, jinfurmaw lill-Uffiċċju mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien 12-il xahar mir-riċezzjoni tal-informazzjoni li ntbagħtet lilhom taħt dan l-Artikolu, dwar l-azzjoni meħuda abbażi ta’ dik l-informazzjoni.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-Uffiċċju jista’ jipprovdi informazzjoni rilevanti lin-network tal-Eurofisc stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 904/2010. Il-koordinaturi tal-oqsma ta’ ħidma tal-Eurofisc jistgħu jibagħtu informazzjoni rilevanti min-network tal-Eurofisc lill-Uffiċċju taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 904/2010.”;

(13)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 12a

Servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi

1.   Kull Stat Membru għandu, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jaħtar servizz (is-”servizz ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi”) li jiffaċilita l-kooperazzjoni effettiva u l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluża informazzjoni ta’ natura operazzjonali, mal-Uffiċċju. Fejn meħtieġ, f’konformità mal-liġi nazzjonali, is-servizz ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi jista’ jitqies bħala awtorità kompetenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Fuq talba tal-Uffiċċju, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar jekk tinfetaħx investigazzjoni jew le, kif ukoll matul u wara investigazzjoni, is-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi għandhom jagħtu jew jikkoordinaw l-assistenza meħtieġa biex l-Uffiċċju jwettaq xogħlu b’mod effettiv. Tali assistenza għandha tinkludi b’mod partikolari assistenza mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri pprovduta f’konformità mal-Artikolu 3(5) u (6), l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(2) u (3).

3.   Is-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi jistgħu jagħtu assistenza lill-Uffiċċju fuq talba sabiex l-Uffiċċju jkun jista’ jwettaq attivitajiet ta’ koordinazzjoni f’konformità mal-Artikolu 12b, inklużi, fejn xieraq, kooperazzjoni orizzontali u skambju ta’ informazzjoni bejn servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi.

Artikolu 12b

Attivitajiet ta’ koordinazzjoni

1.   Skont l-Artikolu 1(2), l-Uffiċċju jista’ jorganizza u jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji kif ukoll, f’konformità mal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka u kwalunkwe strument legali ieħor fis-seħħ, mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-awtoritajiet parteċipanti u l-Uffiċċju jistgħu jiġbru, janalizzaw u jiskambjaw informazzjoni, inkluża informazzjoni operazzjonali. Il-persunal tal-Uffiċċju jista’ jakkumpanja lill-awtoritajiet kompetenti li jkunu qed iwettqu attivitajiet investigattivi fuq talba ta’ dawk l-awtoritajiet. Għandhom japplikaw l-Artikolu 6, l-Artikolu 7(6) u (7), l-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 10.

2.   L-Uffiċċju għandu, fejn xieraq, ifassal rapport dwar l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni mwettqa u jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji kkonċernati.

3.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju mill-Uffiċċju tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni f’dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet u l-Kummissjoni.

4.   L-Uffiċċju jista’ jipparteċipa fi skwadri ta’ investigazzjoni konġunta stabbiliti f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u f’dak il-qafas jiskambja informazzjoni operazzjonali li tinkiseb taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 12c

Rappurtar dwar imġiba kriminali lill-UPPE

1.   L-Uffiċċju għandu jippreżenta rapport lill-UPPE mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe mġiba kriminali li fir-rigward tagħha l-UPPE jkun jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2017/1939. Ir-rapport għandu jintbagħat mingħajr dewmien żejjed qabel jew matul investigazzjoni tal-Uffiċċju.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi bħala minimu, deskrizzjoni tal-fatti, inkluża valutazzjoni tal-ħsara kkawżata jew li x’aktarx tiġi kkawżata, il-kwalifika ġuridika possibbli u kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar vittmi potenzjali, persuni suspettati jew persuni oħrajn involuti.

3.   L-Uffiċċju m’għandux ikun marbut li jirrapporta lill-UPPE allegazzjonijiet manifestament mhux sostanzjati.

4.   Fejn l-informazzjoni rċevuta mill-Uffiċċju ma tinkludix l-elementi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u ma tkun għaddejja l-ebda investigazzjoni tal-Uffiċċju, l-Uffiċċju jista’ jwettaq evalwazzjoni preliminari tal-allegazzjonijiet. L-evalwazzjoni għandha titwettaq mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien xahrejn mir-riċezzjoni tal-informazzjoni. Matul dik l-evalwazzjoni, għandhom japplikaw l-Artikolu 6 u l-Artikolu 8(2). Konsegwentement għal din l-evalwazzjoni preliminari, l-Uffiċċju għandu jirrapporta lill-UPPE dwar kwalunkwe mġiba kriminali kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

5.   Fejn l-imġiba kriminali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tiġi skoperta matul investigazzjoni mill-Uffiċċju, u l-UPPE jiftaħ investigazzjoni konsegwentement għar-rapport imsemmi f’dak il-paragrafu, l-Uffiċċju m’għandux ikompli l-investigazzjoni tiegħu dwar l-istess fatti għajr f’konformità mal-Artikolu 12e jew l-Artikolu 12f.

Għall-fini li jiġi applikat l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Uffiċċju għandu jivverifika, f’konformità mal-Artikolu 12g(2), permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-UPPE, jekk l-UPPE jkunx qed iwettaq investigazzjoni. L-Uffiċċju jista’ jitlob aktar informazzjoni mill-UPPE. L-UPPE għandu jwieġeb tali talba f’limitu ta’ żmien li għandu jiġi stipulat f’konformità mal-Artikolu 12g.

6.   L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji jistgħu jitolbu lill-Uffiċċju jwettaq evalwazzjoni preliminari tal-allegazzjonijiet rappurtati lilhom. Għall-finijiet ta’ dawk it-talbiet, il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw mutatis mutandis. L-Uffiċċju għandu jinforma lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni preliminari, sakemm l-għoti ta’ tali informazzjoni ma jkunx tali li jista’ jipperikola investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju jew mill-UPPE.

7.   Fejn, wara r-rapport lill-UPPE f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-Uffiċċju jagħlaq l-investigazzjoni tiegħu, l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 11 m’għandhomx japplikaw.

Artikolu 12d

In-nonduplikazzjoni ta’ investigazzjonijiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12e u 12f, id-Direttur Ġenerali għandu jieqaf milli jkompli investigazzjoni li tkun għaddejja u m’għandux jiftaħ investigazzjoni ġdida taħt l-Artikolu 5 fejn l-UPPE jkun qed iwettaq investigazzjoni dwar l-istess fatti. Id-Direttur Ġenerali għandu jinforma lill-UPPE dwar kull deċiżjoni ta’ waqfien meħuda għal tali raġunijiet.

Għall-fini li jiġi applikat l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Uffiċċju, f’konformità mal-Artikolu 12g(2), għandu jivverifika permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-UPPE jekk l-UPPE jkunx qed iwettaq investigazzjoni. L-Uffiċċju jista’ jitlob aktar informazzjoni mill-UPPE. L-UPPE għandu jwieġeb tali talba f’limitu ta’ żmien li għandu jiġi stipulat f’konformità mal-Artikolu 12g.

Fejn l-Uffiċċju jieqaf milli jkompli l-investigazzjoni tiegħu f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 11 m’għandhomx japplikaw.

2.   L-UPPE jista’, bil-ħsieb li jgħin lill-Uffiċċju jikkunsidra azzjoni amministrattiva adatta f’konformità mal-mandat tiegħu, jipprovdi informazzjoni rilevanti lill-Uffiċċju dwar każijiet fejn l-UPPE jkun iddeċieda li ma jwettaqx investigazzjoni jew ikun ċaħad każ. Fejn fatti ġodda li ma kinux magħrufa mill-UPPE fil-waqt tad-deċiżjoni ta’ ċaħda kif imsemmi fl-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jsiru magħrufa mill-Uffiċċju, id-Direttur Ġenerali jista’ jitlob lill-UPPE jerġa’ jiftaħ investigazzjoni, skont l-Artikolu 39(2) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 12e

L-appoġġ mill-Uffiċċju lill-UPPE

1.   Matul investigazzjoni mill-UPPE, u fuq it-talba tal-UPPE f’konformità mal-Artikolu 101(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju għandu, f’konformità mal-mandat tiegħu, jappoġġa jew jikkomplementa l-attività tal-UPPE, b’mod partikolari billi:

(a)

jipprovdi informazzjoni, analiżi (inkluża analiżi forensika), għarfien espert u appoġġ operazzjonali;

(b)

jiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali kompetenti u l-korpi tal-Unjoni;

(c)

iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi.

Meta jipprovdi appoġġ lill-UPPE, l-Uffiċċju għandu joqgħod lura milli jwettaq atti jew miżuri li jistgħu jipperikolaw l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni.

2.   Talba taħt il-paragrafu 1 għandha tintbagħat bil-miktub u għandha tispeċifika mill-anqas:

(a)

l-informazzjoni relatata mal-investigazzjoni tal-UPPE sa fejn tkun rilevanti għall-għan tat-talba;

(b)

il-miżuri li l-UPPE jitlob lill-Uffiċċju jwettaq;

(c)

fejn xieraq, il-kronoloġija prevista tat-twettiq tat-talba.

Fejn meħtieġ, l-Uffiċċju jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali.

3.   Sabiex tiġi protetta l-ammissibbiltà tal-evidenza kif ukoll id-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali, fejn l-Uffiċċju jwettaq, fil-mandat tiegħu, miżuri ta’ appoġġ mitluba mill-UPPE taħt dan l-Artikolu, l-UPPE u l-Uffiċċju, filwaqt li jaġixxu b’kooperazzjoni mill-qrib, għandhom jiżguraw li s-salvagwardji proċedurali applikabbli tal-Kapitolu VI tar-Regolament (UE) 2017/1939 jiġu osservati.

Artikolu 12f

Investigazzjonijiet komplementari

1.   Fejn l-UPPE jkun qed iwettaq investigazzjoni, u d-Direttur Ġenerali, f’każijiet debitament ġustifikati, iqis li għandha tinfetaħ ukoll investigazzjoni mill-Uffiċċju f’konformità mal-mandat tal-Uffiċċju bl-għan li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ prekawzjoni jew ta’ azzjoni finanzjarja, dixxiplinarja jew amministrattiva, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-UPPE bil-miktub, fejn jispeċifika n-natura u l-iskop tal-investigazzjoni.

Wara li jirċievi tali informazzjoni u f’limitu ta’ żmien li għandu jiġi stipulat f’konformità mal-Artikolu 12g, l-UPPE jista’ joġġezzjona għall-ftuħ ta’ investigazzjoni jew għall-prestazzjoni ta’ ċerti atti li jappartjenu għall-investigazzjoni. Fejn l-UPPE joġġezzjona għall-ftuħ ta’ investigazzjoni jew għall-prestazzjoni ta’ ċerti atti li jappartjenu għal investigazzjoni, huwa għandu jinnotifika lill-Uffiċċju mingħajr dewmien żejjed meta r-raġunijiet għall-oġġezzjoni ma jibqgħux japplikaw.

Fil-każ li l-UPPE ma joġġezzjonax fil-limitu ta’ żmien li għandu jiġi stipulat f’konformità mal-Artikolu 12g, l-Uffiċċju jista’ jiftaħ investigazzjoni, li għandu jwettaq f’konsultazzjoni mal-UPPE fuq bażi kontinwa. Jekk l-UPPE konsegwentement joġġezzjona, l-Uffiċċju għandu jissospendi jew iwaqqaf l-investigazzjoni tiegħu, jew iżomm lura milli jwettaq ċerti atti li jappartjenu għall-investigazzjoni.

2.   Fejn l-UPPE jinforma lill-Uffiċċju li huwa ma jkunx qed iwettaq investigazzjoni bħala risposta għal talba għal informazzjoni ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 12d u sussegwentement jiftaħ investigazzjoni dwar l-istess fatti, huwa għandu jinforma lill-Uffiċċju mingħajr dewmien. Jekk, konsegwentement għar-riċezzjoni ta’ tali informazzjoni, id-Direttur Ġenerali jikkunsidra li l-investigazzjoni li nfetħet mill-Uffiċċju għandha titkompla bl-għan li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ prekawzjoni jew azzjoni finanzjarja, dixxiplinarja jew amministrattiva, għandu japplika l-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 12g

Arranġamenti ta’ ħidma u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-UPPE

1.   L-Uffiċċju għandu jiftiehem dwar arranġamenti ta’ ħidma mal-UPPE. Tali arranġamenti ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu, inter alia, arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni, inklużi data personali, informazzjoni operattiva, strateġika jew teknika u informazzjoni klassifikata, u għal investigazzjonijiet komplementari.

L-arranġamenti ta’ ħidma għandhom jinkludu arranġamenti dettaljati dwar l-iskambju kontinwu ta’ informazzjoni matul ir-riċezzjoni u l-verifika ta’ allegazzjonijiet bl-għan li tiġi determinata l-kompetenza għall-investigazzjonijiet. Huma għandhom jinkludu wkoll arranġamenti dwar it-trasferiment ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-UPPE, meta l-Uffiċċju jaġixxi b’appoġġ jew b’mod komplementari għall-UPPE. Huma għandhom jipprevedu limiti ta’ żmien għat-tweġib tat-talbiet reċiproċi.

L-Uffiċċju u l-UPPE għandhom jiftiehmu dwar il-limiti ta’ żmien u l-arranġamenti dettaljati fir-rigward tal-Artikolu 12c(5), l-Artikolu 12d(1) u l-Artikolu 12f(1). Sa meta jiġi adottat tali ftehim, l-UPPE għandu jwieġeb it-talbiet tal-Uffiċċju mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol minn talba kif imsemmi fl-Artikolu 12c(5) u fl-Artikolu 12d(1) u 20 jum ta’ xogħol minn talba għal informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 12f(1).

Qabel l-adozzjoni tal-arranġamenti ta’ ħidma mal-UPPE, id-Direttur Ġenerali għandu jibgħat l-abbozz lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, u lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-informazzjoni tagħhom. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jagħti opinjoni mingħajr dewmien.

2.   L-Uffiċċju għandu jkollu aċċess indirett għal informazzjoni fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-UPPE abbażi ta’ sistema hit/no-hit.

Kull meta jinstab tqabbil bejn data mdaħħla fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet mill-Uffiċċju u data miżmuma mill-UPPE, il-fatt li jkun hemm tqabbil għandu jiġi kkomunikat kemm lill-Uffiċċju kif ukoll lill-UPPE. L-Uffiċċju għandu jieħu miżuri adegwati biex l-UPPE jkun jista’ jkollu aċċess għal informazzjoni fis-sistema tiegħu ta’ ġestjoni tal-każijiet abbażi ta’ sistema hit/no-hit.

L-aspetti tekniċi u ta’ sigurtà tal-aċċess reċiproku għas-sistemi ta’ ġestjoni tal-każijiet, inklużi l-proċeduri interni biex jiġi żgurat li kull aċċess ikun debitament ġustifikat għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom u jkun dokumentat, għandhom jiġu stabbiliti fl-arranġamenti ta’ ħidma.

3.   Id-Direttur Ġenerali u l-Kap Prosekutur Ewropew għandhom jiltaqgħu minn tal-inqas darba fis-sena biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess komuni.”;

(14)

fl-Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fil-mandat tiegħu li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Uffiċċju għandu jikkoopera, kif adatt, mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol). Fejn meħtieġ, sabiex tiġi ffaċilitata dik il-kooperazzjoni, l-Uffiċċju għandu jiftiehem mal-Eurojust u l-Europol dwar arranġament amministrattivi. Tali arranġamenti ta’ ħidma jistgħu jikkonċernaw l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali, strateġika jew teknika, inklużi data personali u informazzjoni kklassifikata u, fuq talba, rapporti ta’ progress.”;

(15)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tal-funzjoni investigattiva tiegħu, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju fit-twettiq tajjeb tal-kompetenzi mogħtija lilu permezz ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu b’mod partikolari jimmonitorja l-iżviluppi dwar l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jindirizza opinjonijiet lid-Direttur Ġenerali, inklużi fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar, fost oħrajn, ir-riżorsi meħtieġa biex titwettaq il-funzjoni investigattiva tal-Uffiċċju, dwar il-prijoritajiet investigattivi tal-Uffiċċju u dwar it-tul tal-investigazzjonijiet. Dawk l-opinjonijiet jistgħu jingħataw fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba tad-Direttur Ġenerali jew fuq talba ta’ istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija, mingħajr madankollu ma jfixklu t-twettiq ta’ investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin.

L-Uffiċċju għandu jippubblika fuq is-sit web tiegħu t-tweġibiet tiegħu għall-opinjonijiet mogħtija mill-Kumitat ta’ Sorveljanza.

L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji għandhom ikunu pprovduti b’kopja tal-opinjonijiet mogħtija skont it-tielet subparagrafu.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jingħata aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jqis li huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, inklużi rapporti u rakkomandazzjonijiet dwar investigazzjonijiet magħluqa u każijiet miċħuda, mingħajr, madankollu, ma jxekkel it-twettiq ta’ investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin u b’attenzjoni dovuta għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u ta’ protezzjoni tad-data.”;

(b)

fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jaħtar lill-president tiegħu. Huwa għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess, li, qabel ma jiġu adottati, għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għall-informazzjoni tagħhom. Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandhom jissejħu fuq l-inizjattiva tal-president tiegħu jew tad-Direttur Ġenerali. Huwa għandu jagħmel mill-inqas 10 laqgħat fis-sena. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu. Is-segretarjat tiegħu għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat ta’ Sorveljanza. Qabel ma jinħatar kwalunkwe membru tal-persunal fis-segretarjat, il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jiġi kkonsultat u l-fehmiet tiegħu għandhom jitqiesu. Is-segretarjat għandu jaġixxi fuq l-istruzzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u b’mod indipendenti mill-Kummissjoni. Mingħajr preġudizzju għall-kontroll tagħha fuq il-baġit tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u tas-segretarjat tiegħu, il-Kummissjoni m’għandhiex tindaħal fil-funzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.”;

(16)

fl-Artikolu 16, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiltaqgħu darba fis-sena mad-Direttur Ġenerali għal skambju ta’ fehmiet fuq livell politiku biex jiddiskutu l-politika tal-Uffiċċju dwar il-metodi ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjajri tal-Unjoni. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jipparteċipa fl-iskambju ta’ fehmiet. Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jiġi mistieden jipparteċipa fl-iskambju ta’ fehmiet. Ir-rappreżentanti tal-Qorti tal-Awdituri, l-UPPE, il-Eurojust u l-Europol jistgħu jiġu mistiedna jattendu fuq bażi ad hoc fuq talba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni, mid-Direttur Ġenerali jew mill-Kumitat ta’ Sorveljanza.

2.   Fi ħdan l-objettiv tal-paragrafu 1, l-iskambju ta’ fehmiet jista’ jkun relatat ma’ kwalunkwe suġġett li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu dwaru. B’mod partikolari, l-iskambju ta’ fehmiet jista’ jkun relatat ma’:

(a)

il-prijoritajiet strateġiċi għall-politiki ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju;

(b)

l-opinjonijiet u r-rapporti ta’ attività tal-Kumitat ta’ Sorveljanza previsti taħt l-Artikolu 15;

(c)

ir-rapporti tad-Direttur Ġenerali taħt l-Artikolu 17(4) u, kif adatt, kwalunkwe rapport ieħor mill-istituzzjonijiet relatat mal-mandat tal-Uffiċċju;

(d)

il-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-Uffiċċju u l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, b’mod partikolari l-UPPE, inkluża kwalunkwe kwistjoni orizzontali u sistemika li wieħed jiltaqa’ magħha fis-segwitu għar-rapporti finali ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju;

(e)

il-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-Uffiċċju u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inkluża kwalunkwe kwistjoni orizzontali u sistemika li wieħed jiltaqa’ magħha fis-segwitu għar-rapporti finali ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju;

(f)

ir-relazzjonijiet bejn l-Uffiċċju u l-awtoritajiet kompetenti f’pajjiżi terzi kif ukoll mal-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qafas tal-arranġamenti msemmija f’dan ir-Regolament;

(g)

l-effettività tal-ħidma tal-Uffiċċju fir-rigward tat-twettiq tal-mandat tiegħu.”;

(17)

l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 sa 5 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“2.   Sabiex taħtar Direttur Ġenerali ġdid, il-Kummissjoni għandha tippubblika sejħa għal applikazzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tali pubblikazzjoni għandha ssir mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-mandat tad-Direttur Ġenerali fil-kariga. Il-Kummissjoni għandha tħejji lista ta’ kandidati kwalifikati kif xieraq. Wara li tkun ingħatat opinjoni favorevoli mill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar il-proċedura ta’ għażla applikata mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, fi żmien xieraq, jaqblu dwar lista mqassra ta’ tliet kandidati mil-lista ta’ kandidati xierqa mfassla mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha taħtar lid-Direttur Ġenerali minn dik il-lista mqassra.

3.   Id-Direttur Ġenerali la għandu jitlob u lanqas jieħu istruzzjonijiet mingħand xi gvern jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija fil-qadi ta’ dmirijietu fir-rigward tal-ftuħ u t-twettiq ta’ investigazzjonijiet esterni u interni jew attivitajiet ta’ koordinazzjoni, jew fl-abbozzar ta’ rapporti konsegwentement għal tali investigazzjonijiet jew attivitajiet ta’ koordinazzjoni. Jekk id-Direttur Ġenerali jqis li miżura meħuda mill-Kummissjoni titfa’ dubju fuq l-indipendenza tiegħu, huwa għandu jinforma minnufih lill-Kumitat ta’ Sorveljanza u għandu jiddeċiedi jekk iressaqx azzjoni kontra l-Kummissjoni quddiem il-QĠUE.

4.   Id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta regolarment, u mill-inqas annwalment, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri dwar is-sejbiet ta’ investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju, l-azzjoni meħuda u l-problemi li kien hemm, filwaqt li jirrispetta l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet, id-drittijiet leġittimi tal-persuni kkonċernati u tal-informaturi, u, fejn xieraq, il-liġi nazzjonali applikabbli għal proċedimenti ġudizzjarji. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu wkoll valutazzjoni tal-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, konsegwentement għal rapporti u rakkomandazzjonijiet imfassla mill-Uffiċċju.

4a.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, fil-kuntest tad-drittijiet tagħhom marbuta mal-kontroll baġitarju, id-Direttur Ġenerali jista’ jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Uffiċċju, filwaqt li jirrispetta l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ta’ segwitu. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mogħtija f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

5.   Id-Direttur Ġenerali għandu jżomm lill-Kumitat ta’ Sorveljanza informat perjodikament dwar l-attivitajiet tal-Uffiċċju, l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tiegħu u l-azzjoni meħuda bħala segwitu għal investigazzjonijiet.

Id-Direttur Ġenerali għandu jinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza perjodikament:

(a)

dwar każijiet li fihom ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mid-Direttur Ġenerali ma jkunux ġew segwiti;

(b)

dwar każijiet li fihom tkun intbagħtet informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri jew lill-UPPE

(c)

dwar każijiet li fihom ma tinfetaħ ebda investigazzjoni u dwar każijiet miċħuda;

(d)

dwar it-tul tal-investigazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 7(8). ”;

(b)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Id-Direttur Ġenerali għandu jistabbilixxi proċedura interna ta’ konsulenza u kontroll, inkluża verifika ta’ legalità, relattiva, inter alia, għar-rispett ta’ garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati, b’referenza partikolari għall-Artikolu 11(2). Il-verifika tal-legalità għandha ssir minn persunal tal-Uffiċċju li jkun espert fil-liġi u fi proċeduri investigattivi. L-opinjoni tagħhom għandha tkun mehmuża mar-rapport finali tal-investigazzjoni.”;

(c)

fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Id-Direttur Ġenerali għandu jadotta linji gwida dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni għall-persunal tal-Uffiċċju. Dawk il-linji gwida għandhom ikunu f’konformità ma’ dan ir-Regolamenti u għandhom ikopru, fost l-oħrajn:

(a)

il-prattiki li għandhom jiġu osservati fl-implimentazzjoni tal-mandat tal-Uffiċċju;

(b)

regoli dettaljati li jirregolaw il-proċeduri ta’ investigazzjoni;

(c)

il-garanziji proċedurali;

(d)

dettalji dwar il-proċeduri interni ta’ konsulenza u kontroll, inkluża l-verifika ta’ legalità;

(e)

il-protezzjoni tad-data u l-politiki dwar il-komunikazzjoni u l-aċċess għad-dokumenti kif stabbilit fl-Artikolu 10(3b);

(f)

relazzjonijiet mal-UPPE.”;

(d)

fil-paragrafu 9, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9.   Qabel ma timponi kwalunkwe penali dixxiplinari fuq id-Direttur Ġenerali jew qabel ma tneħħi l-immunità tiegħu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat ta’ Sorveljanza.”;

(18)

l-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Rapport ta’ evalwazzjoni u reviżjoni possibbli

1.   Mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data determinata f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni u l-impatt ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-effettività u l-effiċjenza tal-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-UPPE. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.

2.   Mhux aktar tard minn sentejn wara l-preżentazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni taħt l-ewwel paragrafu, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex timmodernizza l-qafas tal-Uffiċċju, inklużi regoli addizzjonali jew aktar dettaljati dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju, il-funzjonijiet tiegħu jew il-proċeduri applikabbli għall-attivitajiet tiegħu, b’attenzjoni partikolari għall-kooperazzjoni tiegħu mal-UPPE, għal investigazzjonijiet transfruntieri u għal investigazzjonijiet fi Stati Membri li ma jipparteċipawx fl-UPPE.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikoli 12c sa 12f tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, kif inseriti mill-punt (13) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw minn data li għandha tiġi determinata f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU C 42, 1.2.2019, p. 1.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill, fl-ewwel qari, tal-4 ta’ Diċembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra, ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(8)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Mejju 2018, Sigma Orionis SA v European Commission, T-48/16, ECLI:EU:T:2018:245.

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(10)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1)