28.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 437/43


REGOLAMENT (UE) 2020/2222 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Diċembru 2020

dwar ċerti aspetti ta’ sikurezza u konnettività tal-infrastruttura ferrovjarja fir-rigward tal-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni mar-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1) ,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (3) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li matulu d-dritt tal-Unjoni jkompli japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (il-“perjodu ta’ tranżizzjoni”), jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

(2)

L-Artikolu 10 tat-Trattat bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Franċiża dwar il-bini u t-tħaddim minn konċessjonarji privati ta’ channel fixed link, iffirmat f’Canterbury fit-12 ta’ Frar 1986 (it-“Trattat ta’ Canterbury”) stabbilixxa Kummissjoni Intergovernattiva biex tissorvelja l-kwistjonijiet kollha dwar il-bini u t-tħaddim taċ-Channel Fixed Link.

(3)

Sat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Kummissjoni Intergovernattiva tikkostitwixxi l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). F’dik il-kapaċità, hija tapplika, fiċ-Channel Fixed Link kollu, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għas-sikurezza ferrovjarja u, taħt id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għall-interoperabbiltà ferrovjarja.

(4)

Wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, id-dritt tal-Unjoni mhuwiex se jibqa’ applikabbli għall-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit u, fir-rigward tal-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Franza, il-Kummissjoni Intergovernattiva mhijiex se tibqa’ tikkostitwixxi awtorità nazzjonali tas-sikurezza taħt id-dritt tal-Unjoni. Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-awtorizzazzjoni tas-sikurezza lill-amministratur tal-infrastruttura taċ-Channel Fixed Link u ċ-ċertifikati tas-sikurezza lill-impriżi ferrovjarji li joperaw fiċ-Channel Fixed Link maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva skont l-Artikolu 11 u l-Artikolu 10 rispettivament tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) mhumiex se jibqgħu validi.

(5)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), Franza ngħatat is-setgħa li tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali mar-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja għaċ-Channel Fixed Link sabiex jinżamm reġim unifikat tas-sikurezza. Ir-Regolament (UE) 2020/1530 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) emenda d-Direttiva (UE) 2016/798 fir-rigward, inter alia, tar-regoli li jappartjenu għall-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza.

(6)

Abbażi tar-Regolament (UE) 2020/1530, u soġġett għal ftehim previst mid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 u konkluż taħt ċerti kundizzjonijiet stipulati f’dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni Intergovernattiva kellha tibqa’ l-awtorità unika tas-sikurezza għaċ-Channel Fixed Link kollu filwaqt li tikkostitwixxi, fir-rigward tal-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġurisdizzjoni ta' Franza, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tal-punt (7) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/798. Huwa, madankollu, improbabbli li l-ftehim previst mid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 ikun daħal fis-seħħ sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(7)

Mingħajr tali ftehim, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni Intergovernattiva ma tibqax tikkwalifika bħala awtorità nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tal-punt (7) tal-Artikolu 3, tad-Direttiva (UE) 2016/798, fir-rigward tal-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġurisdizzjoni ta' Franza. L-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u ċ-ċertifikati tas-sikurezza maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva ma jibqgħux validi. L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza Franċiża ssir l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza kompetenti għas-sezzjoni taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġurisdizzjoni ta' Franza.

(8)

Fid-dawl tal-importanza ekonomika għall-Unjoni taċ-Channel Fixed Link, huwa essenzjali li ċ-Channel Fixed Link jibqa’ jopera wara l-1 ta’ Jannar 2021. Għal dak l-għan, l-awtorizzazzjoni tas-sikurezza għall-amministratur tal-infrastruttura taċ-Channel Fixed Link maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva jenħtieġ li tibqa’ valida għal perjodu massimu ta’ xahrejn mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li huwa żmien biżżejjed biex l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza Franċiża tkun tista’ toħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sikurezza tagħha stess.

(9)

Wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-liċenzji maħruġa taħt il-Kapitolu III tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9)għall-impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit mhux se jibqgħu validi. Fl-10 ta’ Novembru 2020, skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2012/34/UE, Franza nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tidħol f’negozjati dwar ftehim transfruntier mar-Renju Unit. L-għan ta’ tali ftehim għandu jkun li jippermetti lill-impriżi ferrovjarji stabbiliti u liċenzjati mir-Renju Unit jużaw l-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni u r-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link sal-istazzjon u t-terminal transfruntieri ta’ Calais-Fréthun (Franza), mingħajr ma tinkiseb liċenzja taħt id-Direttiva 2012/34/UE minn awtorità tal-liċenzjar tal-Unjoni.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-konnettività bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, huwa essenzjali li l-impriżi ferrovjarji stabbiliti u liċenzjati fir-Renju Unit jibqgħu joperaw. Għal dak l-għan, il-perjodu ta’ validità tal-liċenzji tagħhom maħruġa mir-Renju Unit taħt id-Direttiva 2012/34/UE u taċ-ċertifikati tas-sikurezza tagħhom maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva jenħtieġ li jiġi estiż għal perjodu ta’ disa’ xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li huwa żmien biżżejjed biex jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura l-konnettività f’konformità mad-Direttivi 2012/34/UE u (UE) 2016/798 u abbażi tal-ftehim previst mid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531.

(11)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-irtirar tal-benefiċċju mogħti lid-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet, ċertifikati u liċenzji, meta ma tkunx żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Jenħtieġ li l-proċedura ta’ eżami tintuża għall-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri, minħabba l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sikurezza ferrovjarja. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih fejn, f’każijiet debitament ġustifikati, dan ikun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi ta’ urġenza.

(12)

Minħabba l-urġenza li tirriżulta mit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, jitqies li huwa xieraq li ssir eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(13)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi miżuri proviżorji dwar ċerti aspetti ta’ sikurezza u konnettività tal-infrastruttura ferrovjarja fir-rigward tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(14)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u li japplika mill-jum wara dak tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi, fid-dawl tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, għal ċerti awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u ċertifikati tas-sikurezza maħruġa taħt id-Direttiva 2004/49/KE u ċerti liċenzji ta’ impriżi ferrovjarji maħruġa taħt id-Direttiva 2012/34/UE, imsemmija fil-paragrafu 2.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-awtorizzazzjonijiet, ċertifikati u liċenzji li ġejjin, li jkunu validi fil-31 ta’ Diċembru 2020:

(a)

awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/49/KE lill-amministraturi tal-infrastruttura għall-ġestjoni u t-tħaddim tal-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad lill-Unjoni mar-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link;

(b)

ċertifikati tas-sikurezza maħruġa taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/49/KE lill-impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit u li jużaw l-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni u r-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link;

(c)

liċenzji maħruġa taħt il-Kapitolu III tad-Direttiva 2012/34/UE lill-impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit u li jużaw l-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni u r-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet rilevanti fid-Direttivi 2012/34/UE u (UE) 2016/798 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati taħt dawk id-Direttivi u taħt id-Direttiva 2004/49/KE.

Artikolu 3

Validità ta' awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, ċertifikati tas-sikurezza u liċenzji

1.   L-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal xahrejn mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Iċ-ċertifikati tas-sikurezza msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal disa’ xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawn għandhom ikunu validi biss għall-fini li wieħed jasal fl-istazzjon u t-terminal transfruntieri ta’ Calais-Fréthun mir-Renju Unit jew li wieħed jitlaq minn dak l-istazzjon u terminal lejn ir-Renju Unit.

3.   Il-liċenzji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal disa’ xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, dawk il-liċenzji għandhom ikunu validi biss fuq it-territorju li jinsab bejn l-istazzjon u t-terminal transfruntieri ta’ Calais-Fréthun u r-Renju Unit.

Artikolu 4

Regoli u obbligi rigward awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, ċertifikati tas-sikurezza u liċenzji

1.   L-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, iċ-ċertifikati tas-sikurezza u l-liċenzji rregolati mill-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament huma soġġetti għar-regoli applikabbli għalihom f’konformità mad-Direttivi 2012/34/UE u (UE) 2016/798, u f’konformità mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati taħt dawk id-Direttivi.

2.   Id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, iċ-ċertifikati tas-sikurezza u l-liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2), u, jekk ikun xieraq, l-awtorità li toħroġhom, meta tkun differenti mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza li fit-territorju tagħha tinsab l-infrastruttura fl-Unjoni u li taħt il-kompetenza tagħha jaqgħu l-istazzjon u t-terminal transfruntieri ta’ Calais-Fréthun, għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza u jagħtuha l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha.

3.   Fejn l-informazzjoni jew id-dokumenti ma jkunux twasslu fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, fit-talbiet tagħha, il-Kummissjoni tista’, malli tirċievi notifika mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tirtira l-benefiċċju mogħti lid-detentur skont l-Artikolu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).

4.   Id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, iċ-ċertifikati tas-sikurezza u l-liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji dwar kwalunkwe azzjoni minn awtoritajiet kompetenti tas-sikurezza oħra, li tista’ tkun f’konflitt mal-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament, taħt id-Direttiva 2012/34/UE jew taħt id-Direttiva (UE) 2016/798.

5.   Qabel ma tirtira l-benefiċċji mogħtija skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xieraq, tinforma lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, lill-awtorità li ħarġet l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, iċ-ċertifikati tas-sikurezza u l-liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2), lid-detenturi ta’ tali awtorizzazzjonijiet, ċertifikati u liċenzji bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi għal tali rtirar u tagħtihom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

6.   Fir-rigward tal-liċenzji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, għall-finijiet tal-paragrafi (1) sa (5) ta’ dan l-Artikolu, ir-referenzi għal awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal awtorità tal-liċenzjar kif definita fil-punt (15) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34/UE.

Artikolu 5

Monitoraġġ tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni

1.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(2) għandha timmonitorja l-istandards tas-sikurezza ferrovjarja applikati għall-impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit li jużaw l-infrastruttura transfruntiera msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2), u applikati għal dik l-infrastruttura transfruntiera. Barra minn hekk, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tivverifika li l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sikurezza stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni. Fejn ikun xieraq, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji b’rakkomandazzjoni għall-Kummissjoni biex taġixxi f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

L-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 4(2) flimkien mal-Artikolu 4(6), ta’ dan ir-Regolament għandha timmonitorja jekk ir-rekwiżiti tal-Artikoli 19 sa 22 tad-Direttiva 2012/34/UE għadhomx jiġu ssodisfati fir-rigward tal-impriżi ferrovjarji liċenzjati mir-Renju Unit imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Fejn il-Kummissjoni jkollha dubji ġustifikati dwar jekk l-istandards tas-sikurezza applikati għat-tħaddim ta’ servizzi ferrovjarji jew ta’ infrastruttura transfruntiera koperti mill-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew tal-parti mill-istess infrastruttura li tinsab fir-Renju Unit humiex konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha mingħajr dewmien żejjed tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tirtira l-benefiċċju mogħti lid-detentur skont l-Artikolu 3. Is-setgħa li jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni għandha tapplika mutatis mutandis fejn il-Kummissjoni jkollha dubji ġustifikati dwar jekk ir-rekwiżiti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ġewx issodisfati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jew l-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 4(2), flimkien mal-Artikolu 4(6), tista’ titlob informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, filwaqt li tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli. Meta dawk l-awtoritajiet kompetenti rilevanti ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba fil-limitu ta’ żmien stabbilit, jew jipprovdu informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni tista’, wara notifika mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza jew lill-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 4(2), flimkien mal-Artikolu 4(6), kif xieraq, tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tirtira l-benefiċċju mogħti lid-detentur skont l-Artikolu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).

4.   Qabel ma tirtira l-benefiċċji mogħtija skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xieraq, tinforma lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(2), lill-awtorità li ħarġet l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, iċ-ċertifikati tas-sikurezza u l-liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2) u lid-detenturi ta’ tali awtorizzazzjonijiet, ċertifikati u liċenzji, kif ukoll lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza u l-awtorità tal-liċenzjar tar-Renju Unit, bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi għal tali rtirar, u għandha tagħtihom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

Artikolu 6

Konsultazzjoni u kooperazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jikkonsultaw l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit u jikkooperaw magħhom skont il-ħtieġa sabiex jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, fuq talba, jipprovdi lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 1 jew kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2016/797 u mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 62 tad-Direttiva 2012/34/UE. Dawk il-kumitati għandhom ikunu kumitati fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

3.   Dan ir-Regolament għandu jieqaf japplika fit-30 ta’ Settembru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2020.

(2)  Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).

(6)  Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (id-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).

(7)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-bini u t-tħaddim minn konċessjonarji privati ta’ Channel Fixed Link (ĠU L 352, 22.10.2020, p. 4).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2020/1530 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li jemenda d-Direttiva (UE) 2016/798, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja fiċ-Channel Fixed Link (ĠU L 352, 22.10.2020, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).