23.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 434/10


IR-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2192

tas-7 ta’ Diċembru 2020

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-marka ta’ identifikazzjoni li għandha tintuża għal ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi fin-negozju tal-ikel. B’mod partikolari, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar il-marka ta’ identifikazzjoni li għandha tiġi applikata mill-operaturi fin-negozju tal-ikel fuq ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali, inkluż ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kodiċi tal-pajjiż li għandhom jintużaw mill-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

(2)

F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim dwar il-ħruġ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqu, japplikaw għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Għal dik ir-raġuni, jeħtieġ li jiġu emendati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament li jikkonċernaw il-marka ta’ identifikazzjoni li jenħtieġ li tintuża fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(3)

Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

(4)

Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.


ANNESS

Fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, fit-Taqsima I, fil-parti B, it-tieni subparagrafu tal-punt 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Madankollu, fil-każ tal-Istati Membri (*1), dawn il-kodiċi huma BE, BG, CZ, DK, DE, EE, GR, ES, FR, HR, IE, IT, CY, LV, LT, LU, HU, MT, NL, AT, PL, PT, SI, SK, FI, RO, SE u UK(NI)


(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.””