21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 432/7


Regolament (UE) 2020/2172 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-16 ta’ Diċembru 2020

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 (2) ppreveda aċċess illimitat bla dazju għas-suq tal-Unjoni għal kważi l-prodotti kollha li joriġinaw fil-parteċipanti tal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sal-punt u sal-mument li fih ġew konklużi tali ftehimiet bilaterali ma’ dawk il-partijiet benefiċjarji.

(2)

Issa ġew konklużi Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mas-sitt partijiet benefiċjarji kollha. Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u l-Kosovo (*), min-naħa l-oħra, huwa l-aħħar wieħed li kellu jiġi konkluż u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2016.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1464 (3) emenda r-Regolament (KE) Nru 1215/2009 bit-tneħħija tal-preferenzi bilaterali mogħtija lill-Kosovo iżda biż-żamma tal-preferenza unilaterali mogħtija lill-partijiet benefiċjarji kollha tal-Balkani tal-Punent fil-forma tas-sospensjoni tad-dazji kollha għall-prodotti koperti mill-Kapitoli 7 u 8 tan-Nomenklatura Magħquda u l-aċċess tagħhom għall-kwota tariffarja globali tal-inbid ta’ 30 000 hl.

(4)

B’kont meħud tad-differenzi fl-ambitu tal-liberalizzazzjoni tat-tariffi skont ir-reġimi previsti fil-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-parteċipanti kollha fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-preferenzi mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009, ikun xieraq li l-perijodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1215/2009 jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(5)

L-estensjoni tal-perijodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1215/2009 hija meqjusa bħala garanzija xierqa tal-involviment u tal-impenn akbar tal-Unjoni għall-integrazzjoni kummerċjali tal-Balkani tal-Punent. Is-sistema attwali ta’ miżuri kummerċjali awtonomi tibqa’ appoġġ siewi għall-ekonomiji tas-sħab tal-Balkani tal-Punent.

(6)

Barra minn hekk, id-denominazzjoni ta’ żewġ partijiet benefiċjarji trid tiġi emendata biex tirrifletti l-aħħar terminoloġija miftiehma.

(7)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikoli 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Arranġamenti preferenzjali

1.   Prodotti li joriġinaw mill-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (*), il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, u s-Serbja (il-‘partijiet benefiċjarji’) li huma koperti mill-Kapitoli 7 u 8 tan-Nomenklatura Magħquda għandhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni mingħajr restrizzjonijiet kwantitattivi jew miżuri b’effett ekwivalenti, u b’eżenzjoni mid-dazji doganali u minn imposti b’effett ekwivalenti.

2.   Prodotti li joriġinaw mill-partijiet benefiċjarji għandhom jibqgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fejn ikun hekk indikat hemmhekk. Tali prodotti għandhom ukoll jibbenefikaw minn kwalunkwe konċessjoni prevista f’dan ir-Regolament li hija aktar favorevoli minn dik prevista mill-ftehimiet bilaterali bejn l-Unjoni u dawk il-partijiet benefiċjarji.

Artikolu 2

Kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-arranġamenti preferenzjali

1.   L-eliġibbiltà għall-arranġamenti preferenzjali introdotti permezz tal-Artikolu 1 għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet segwenti:

(a)

il-konformità mad-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” prevista fit-Titolu II, Kapitolu 1, Taqsima 2, Subtaqsimiet 4 u 5 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 ((*)), u fit-Titolu II, Kapitolu 2, Taqsima 2, Subtaqsimiet 10 u 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 ((**));

(b)

l-astensjoni tal-partijiet benefiċjarji milli jintroduċu dazji ġodda u imposti li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjoni li joriġinaw mill-Unjoni, milli jżidu livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli jintroduċu xi restrizzjonijiet oħra mit-30 ta’ Settembru 2000;

(c)

l-involviment tal-partijiet benefiċjarji f’kooperazzjoni amministrattiva effettiva mal-Unjoni għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe riskju ta’ frodi; u

(d)

l-astensjoni tal-partijiet benefiċjarji mill-involviment fi ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ewlenin tax-xogħol, tal-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-eliġibbiltà għat-tgawdija tal-arranġamenti preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkunu soġġetta għad-disponibbiltà tal-partijiet benefiċjarji li jkunu involuti f’riformi ekonomiċi effettivi u f’kooperazzjoni reġjonali ma’ pajjiżi oħra involuti fil-proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari permezz tat-twaqqif ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles skont l-Artikolu XXIV tal-GATT 1994 u ma’ dispożizzjonijiet oħra rilevanti tad-WTO.

Fil-każ ta’ nonkonformità mal-ewwel subparagrafu, il-Kunsill jista’ jieħu l-miżuri xierqa permezz ta’ vot b’maġġoranza kwalifikata, abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni.

3.   Fil-każ ta’ nonkonformità ta’ parti benefiċjarja mal-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 1 jew mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tissospendi, totalment jew parzjalment, l-eliġibbiltà tal-parti benefiċjarja kkonċernata għall-benefiċċji skont dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 8(4).

(*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo."

((*))  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1)."

((**))  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).”;"

(2)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(1)   Għal ċerti prodotti tal-inbid, kif elenkati fl-Anness I, li joriġinaw mill-partijiet benefiċjarji, id-dazji doganali applikabbli għall-importazzjoni fl-Unjoni għandhom ikunu sospiżi matul il-perijodi, fil-livelli, fil-limiti tal-kwota tariffarja tal-Unjoni u skont il-kondizzjonijiet indikati għal kull prodott u oriġini li hemm f’dak l-Anness.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(3)

l-Artikolu 4 huwa mħassar;

(4)

fl-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-kwoti tariffarji msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu amministrati mill-Kummissjoni f’konformità mat-Titolu II, Kapitolu 1, Taqsima 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.”;

(5)

fl-Artikolu 7, il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

aġġustamenti neċessarji wara l-għoti ta’ preferenzi kummerċjali skont arranġamenti oħra bejn l-Unjoni u l-partijiet benefiċjarji;

(c)

sospensjoni, totali jew parzjali, tal-eliġibbiltà ta’ parti kkonċernata għall-benefiċċji skont dan ir-Regolament, fil-każ tan-nonkonformità ta’ dik il-parti benefiċjarja mal- punt (d) tal-Artikolu 2(1).”;

(6)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(7)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fejn il-Kummissjoni ssib li hemm evidenza suffiċjenti ta’ frodi jew ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni amministrattiva kif meħtieġa għall-verifika tal-evidenza tal-oriġini, jew li hemm żieda enormi fl-esportazzjoni ġewwa l-Unjoni li taqbeż il-livell tal-kapaċità normali ta’ produzzjoni u ta’ esportazzjoni, jew nuqqas ta’ konformità mal-punt (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 2(1) min-naħa tal-partijiet benefiċjarji, hija tista’ tieħu miżuri biex tissospendi totalment jew parzjalment l-arranġamenti previsti f’dan ir-Regolament għal perijodu ta’ tliet xhur, dment li l-ewwel tkun:

(a)

infurmat lill-Kumitat ta’ Implimentazzjoni għall-Balkani tal-Punent;

(b)

appellat lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri ta’ prekawzjoni li jkunu meħtieġa sabiex jiġu salvagwardati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u/jew sabiex jiżguraw konformità mill-partijiet benefiċjarji mal-Artikolu 2(1);

(c)

ippubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fejn tiddikjara li jeżistu dubji raġonevoli dwar l-applikazzjoni tal-arranġamenti preferenzjali u/jew il-konformità mal-Artikolu 2(1) mill-parti benefiċjarja kkonċernata li jistgħu jitfgħu dubju fuq id-dritt tagħha li tibqa’ tgawdi mill-benefiċċji mogħtija minn dan ir-Regolament.

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 8(4).”;

(8)

fl-Artikolu 12, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dan għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2025.”;

(9)

l-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(10)

l-Anness II huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2020.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 1).

(*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1464 tat-2 ta’ Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 fir-rigward tal-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija lill-Kosovo* wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra (ĠU L 209, 12.8.2017, p. 1).


ANNESS

“ANNESS I

LI JIKKONĊERNA L-KWOTI TARIFFARJI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(1)

Minkejja r-regoli għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-formulazzjoni użata għad-deskrizzjoni tal-prodotti għandha titqies li għandha biss valur indikattiv, l-iskema preferenzjali għandha tkun determinata, fil-kuntest ta’ dan l-Anness, bil-kopertura tal-kodiċi tan-NM. Fejn ikunu indikati ex kodiċijiet NM, l-iskema preferenzjali għandha tiġi ddeterminata bl-applikazzjoni tal-kodiċi NM u tad-deskrizzjoni korrispondenti, flimkien.

Nru tal-ordni

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Volum tal-kwota fis-sena  (1)

Partijiet benefiċjarji

Rata ta’ dazju

09.1530

ex 2204 21 94

ex 2204 21 95

ex 2204 21 96

ex 2204 21 97

ex 2204 21 98

ex 2204 22 93

ex 2204 22 94

ex 2204 22 95

ex 2204 29 93

ex 2204 29 94

ex 2204 29 95

Inbid ta’ għeneb frisk, b’qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux aktar minn 15 % vol, għajr l-inbid spumanti

30 000 hl

Albanija  (2), Bożnija-Ħerzegovina  (3), Kosovo  (4), Montenegro  (5), Maċedonja ta’ Fuq  (6), Serbja  (7).

Eżenzjoni


(1)  Volum globali wieħed għal kull kwota tariffarja aċċessibbli għall-importazzjoni li toriġina mill-partijiet benefiċjarji.

(2)  L-aċċess għall-kwota tariffarja globali għall-inbid li joriġina mill-Albanija jingħata bil-kondizzjoni li l-ewwel tiġi eżawrita l-kwota tariffarja individwali stipulata fil-Protokoll dwar l-inbid konkluż mal-Albanija. Dik il-kwota individwali hija miftuħa skont l-ordni Nri 09.1512 u 09.1513.

(3)  L-aċċess għall-kwota tariffarja globali għall-inbid li joriġina mill-Bożnija-Ħerzegovina jingħata bil-kondizzjoni li l-ewwel jiġu eżawriti ż-żewġ kwoti tariffarji individwali stipulati fil-Protokoll dwar l-inbid konkluż mal-Bożnija-Ħerzegovina. Dawk il-kwoti individwali huma miftuħa skont l-ordni Nri 09.1528 u 09.1529.

(4)  L-aċċess għall-kwota tariffarja globali għall-inbid li joriġina mill-Kosovo jingħata bil-kondizzjoni li l-ewwel jiġu eżawriti ż-żewġ kwoti tariffarji individwali stipulati fil-Protokoll dwar l-inbid konkluż mal-Kosovo. Dawk il-kwoti individwali huma miftuħa skont l-ordni Nri 09.1570 u 09.1572.

(5)  L-aċċess għall-kwota tariffarja globali għall-inbid li joriġina mill-Montenegro, sakemm jikkonċerna l-prodotti tal-kodiċi NM 2204 21, jingħata bil-kondizzjoni li l-ewwel tiġi eżawrita l-kwota tariffarja individwali stipulata fil-Protokoll dwar l-inbid konkluż mal-Montenegro. Dik il-kwota tariffarja individwali hija miftuħa skont l-ordni Nru 09.1514.

(6)  L-aċċess għall-kwota tariffarja globali għall-inbid li joriġina mill-Maċedonja ta’ Fuq jingħata bil-kondizzjoni li l-ewwel jiġu eżawriti ż-żewġ kwoti tariffarji individwali stipulati fil-Protokoll Addizzjonali dwar l-inbid konkluż mal-Maċedonja ta’ Fuq. Dawk il-kwoti individwali huma miftuħa skont l-ordni Nri 09.1558 u 09.1559.

(7)  L-aċċess għall-kwota tariffarja globali għall-inbid li joriġina mis-Serbja jingħata bil-kondizzjoni li l-ewwel jiġu eżawriti ż-żewġ kwoti tariffarji individwali stipulati fil-Protokoll dwar l-inbid konkluż mas-Serbja. Dawk il-kwoti individwali huma miftuħa skont l-ordni Nri 09.1526 u 09.1527.