21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/25


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2156

tal-14 ta’ Ottubru 2020

li jispjega fid-dettall il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(11) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2155 (2) jistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini, jiġifieri d-definizzjoni tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u ta’ metodoloġija komuni li permezz tagħha tali indikatur irid jiġi kkalkulat.

(2)

Dik l-iskema hija fakultattiva għall-Istati Membri. Dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jissieħbu fl-iskema komuni jenħtieġ li jimplimentawha f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament Delegat 2020/2155.

(3)

Il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dik l-iskema komuni fakultattiva tal-Unjoni jridu jiġu spjegati fid-dettall f’att ta’ implimentazzjoni.

(4)

Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini u tal-unitajiet tal-bini bħala parti mill-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għall-fini li jinħareġ ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza ssir minn esperti li jkunu kkwalifikati jew akkreditati, li joperaw għal rashom jew li jkunu impjegati minn korpi pubbliċi jew minn impriżi privati.

(5)

Meta l-Istati Membri jqisu li jkun xieraq, l-esperti akkreditati għaċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, għall-ispezzjoni tas-sistema tat-tisħin, tas-sistema tal-arja kkundizzjonata u tas-sistemi kkombinati tat-tisħin jew tal-arja kkundizzjonata u tal-ventilazzjoni skont id-Direttiva 2010/31/UE, u għat-twettiq ta’ verifiki tal-enerġija skont id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jenħtieġ li jitħallew jiġu kkunsidrati bħala kompetenti biex jivvalutaw ukoll il-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unitajiet tal-bini.

(6)

L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jenħtieġ li jitħallew jimplimentaw fażi tal-ittestjar f’konformità mad-dettalji pprovduti f’dan ir-Regolament. L-ebda leġiżlazzjoni mhi kkunsidrata bħala neċessarja għal tali fażi tal-ittestjar, sakemm Stat Membru ma jqisx li l-kuntest nazzjonali tiegħu jirrikjedi leġiżlazzjoni bħal din. Matul din il-fażi tal-ittestjar jenħtieġ li jkun jista’ jinġabar il-feedback sabiex jiġu aġġustati l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-iskema u jitħejja r-rieżami ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2155.

(7)

L-implimentazzjoni tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jenħtieġ li tagħmilha possibbli għas-sidien tal-bini jew tal-unitajiet tal-bini, jew għal partijiet ikkonċernati oħra marbuta mal-bini jew mal-unità tal-bini, pereżempju l-maniġers tal-faċilitajiet, biex jevalwaw il-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini tagħhom jew tal-unitajiet tal-bini tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jinħareġ biss abbażi ta’ tali valutazzjoni meta titwettaq minn espert kwalifikat jew akkreditat.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2010/31/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jispjega fid-dettall il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini stabbilit fir-Regolament Delegat (UE) 2020/2155.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fir-Regolament Delegat (UE) 2020/2155.

Id-definizzjoni li ġejja għandha tapplika wkoll:

“modalitajiet tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza” tfisser il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva tal-iskema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini stabbilit bir-Regolament Delegat (UE) 2020/2155.

Artikolu 3

Akkreditazzjoni u kwalifiki tal-esperti tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza, huma jistgħu jiddeċiedu li l-esperti akkreditati jew ikkwalifikati għall-ħruġ ta’ ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jew għat-twettiq tal-ispezzjoni tas-sistema tat-tisħin, tas-sistema tal-arja kkundizzjonata, tas-sistemi kkombinati tat-tisħin jew tal-arja kkundizzjonata u tal-ventilazzjoni skont id-Direttiva 2010/31/UE, jew għat-twettiq ta’ verifiki tal-enerġija skont id-Direttiva 2012/27/UE, ikunu kompetenti wkoll għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza. F’dak il-każ, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali għal dawk l-esperti sabiex jikkwalifikaw għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza, b’mod partikolari fir-rigward tat-taħriġ tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-informazzjoni dwar il-kwalifiki ta’ esperti responsabbli għall-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

3.   Meta jkun rilevanti, l-Istati Membri jistgħu jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku listi aġġornati regolarment ta’ esperti kkwalifikati jew akkreditati jew listi aġġornati regolarment ta’ kumpaniji akkreditati li joffru s-servizzi ta’ tali esperti. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-istess mezzi li japplikaw għall-esperti għaċ-ċertifikazzjoni u għall-ispezzjonijiet tar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2010/31/UE.

Artikolu 4

Ħruġ taċ-ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u termini u kundizzjonijiet tal-użu tiegħu

1.   Kwalunkwe operatur ekonomiku jista’ jitlob valutazzjoni tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u ċertifikat għall-bini jew għall-unità tal-bini inkwistjoni lill-esperti msemmija fl-Artikolu 3.

2.   L-espert għandu jivverifika l-affidabbiltà tal-informazzjoni miġbura għall-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unità tal-bini u għall-ħruġ taċ-ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

3.   Meta jkun rilevanti, filwaqt li jivvaluta l-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ bini jew ta’ unità tal-bini, l-espert jista’ jqis indikaturi reġjonali jew nazzjonali oħra, u metodi ta’ valutazzjoni relatati.

4.   Ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandu jinħareġ biss abbażi ta’ valutazzjoni li titwettaq minn espert kwalifikat jew akkreditat

5.   Iċ-ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandu jinkludi l-elementi elenkati fl-Anness IX tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2155.

6.   Il-validità taċ-ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza ma għandhiex taqbeż l-għaxar snin. Madankollu, meta jkun hemm bidla sinifikanti f’bini jew f’unità tal-bini li jkollha impatt fuq il-valutazzjoni inizjali tal-potenzjal ta’ intelliġenza, għandu jiġi rrakkomandat ċertifikat ġdid.

Artikolu 5

Akkoppjament ma’ skemi taċ-ċertifikazzjoni u tal-ispezzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija

1.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jistgħu jakkoppjaw il-ħruġ taċ-ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza mal-iskema tagħhom għaċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jew mal-iskema tagħhom għall-ispezzjoni tas-sistema tat-tisħin, tas-sistema tal-arja kkundizzjonata u tas-sistemi kkombinati tat-tisħin jew tal-arja kkundizzjonata u tal-ventilazzjoni skont id-Direttiva 2010/31/UE, jew mal-iskema tagħhom għall-verifiki tal-enerġija skont id-Direttiva 2012/27/UE.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-akkoppjament ma’ dawk l-iskemi għandu jkun obbligatorju, u f’dak il-każ għandu jinħareġ ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza kull meta jkollu jinħareġ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jew kull meta jkollha titwettaq spezzjoni jew verifika, jew li għandu jkun volontarju, u f’dak il-każ għandu jinħareġ ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza fuq talba tal-operatur ekonomiku biss.

3.   Meta l-Istati Membri jagħżlu li jakkoppjaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza mal-iskema tagħhom għaċ-ċertifikazzjoni jew għall-ispezzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jew għall-verifika tal-enerġija, huma jistgħu jiddependu fuq is-sistema ta’ kontroll indipendenti li diġà tkun fis-seħħ għal dik l-iskema.

Artikolu 6

Awtovalutazzjoni

1.   Sal-1 ta’ April 2021, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni fuq is-sit web tagħha, qafas li jippermetti lis-sidien, lill-utenti u lil partijiet ikkonċernati oħra tal-bini jevalwaw il-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ bini jew ta’ unità tal-bini. L-Istati Membri jistgħu jadattaw jew jissupplimentaw dan il-qafas għall-użu fil-kuntest nazzjonali tagħhom.

2.   Meta l-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unità tal-bini jiġi evalwat mis-sidien, mill-utenti jew minn partijiet ikkonċernati oħra tal-bini mingħajr l-intervent ta’ espert, dan jaf ma jwassalx għall-ħruġ ta’ ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

Artikolu 7

Monitoraġġ u promozzjoni tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza, l-esperti li joperaw fit-territorju tal-Istat Membru rispettiv jew tal-Istati Membri rispettivi għandhom jirrappurtaw id-data fuq iċ-ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza li joħorġu lill-awtoritajiet nazzjonali, jew fejn ikun applikabbli lill-awtoritajiet reġjonali, tal-Istati Membri rispettivi, f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandhom jirrappurtaw kull sena lill-Kummissjoni l-għadd ta’ ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza li jinħarġu fit-territorju tagħhom u l-istatistika relatata, kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni, abbażi ta’ konsultazzjoni mal-Istati Membri, mal-esperti u mal-partijiet ikkonċernati, u abbażi tad-data pprovduta mill-esperti, għandha timmonitorja l-adozzjoni mis-suq tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

4.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jistgħu jistabbilixxu miżuri addizzjonali biex jappoġġaw l-adozzjoni tal-iskema. Tali miżuri jistgħu jiġu stabbiliti u rrappurtati fil-kuntest tal-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul meħtieġa skont l-Artikolu 2a tad-Direttiva 2010/31/UE.

Artikolu 8

Ittestjar tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   L-Istati Membri jistgħu jwettqu fażi tal-ittestjar mhux vinkolanti tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza fil-livell nazzjonali.

2.   Il-fażijiet tal-ittestjar nazzjonali jistgħu jibdew mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri li jwettqu fażi tal-ittestjar nazzjonali għandhom jippreżentaw rapport dwar il-feedback relatat lill-Kummissjoni sa sitt xhur wara l-konklużjoni tal-fażi tal-ittestjar.

4.   L-arranġamenti kollha tal-fażijiet tal-ittestjar nazzjonali għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri. Dawn jinkludu d-durata, l-introduzzjoni gradwali, it-tipi ta’ bini u ż-żoni ġeografiċi mmirati, l-aspetti tal-qafas tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza li jiġu ttestjati, l-arranġamenti għall-ġbir tal-feedback, il-kriterji għall-għażla tal-esperti li jwettqu l-valutazzjonijiet tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza, id-deċiżjoni dwar jekk sistema ta’ kontroll indipendenti tiġix stabbilita bħala parti mill-fażi tal-ittestjar, id-deċiżjoni dwar jekk iċ-ċertifikati jinħarġux u jitqegħdux għad-dispożizzjoni tal-operaturi ekonomiċi matul il-fażi tal-ittestjar, u d-deżinjazzjoni ta’ parti terza għall-immaniġġjar tal-fażi tal-ittestjar, meta jkun rilevanti, iżda mhumiex limitati għalihom.

5.   Fl-aħħar tal-fażijiet tal-ittestjar nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-eżiti u jiddeċiedu jekk humiex se jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

6.   L-Istati Membri li jippjanaw li jwettqu fażi tal-ittestjar nazzjonali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni qabel it-tnedija tal-fażi tal-ittestjar, filwaqt li jindikaw ukoll l-arranġamenti applikabbli.

7.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri li jwettqu fażi tal-ittestjar tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza fil-livell nazzjonali billi tipprovdi l-qafas imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament u billi tappoġġa l-iskambji ta’ informazzjoni u l-prattiki tajbin.

8.   Il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, għandha timmonitorja l-fażijiet tal-ittestjar tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

9.   L-Istati Membri li jagħżlu li jwettqu l-fażi tal-ittestjar jistgħu jinkludu fir-rapport tagħhom lill-Kummissjoni analiżi jew evalwazzjoni tad-data miġbura mill-esperti nazzjonali tagħhom. Tali analiżijiet jew evalwazzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni għall-iżvilupp ulterjuri tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u tal-metodoloġija relatata.

Artikolu 9

Rieżami

Sal-1 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni tista’ tirrieżamina dan ir-Regolament, kif ikun xieraq, fid-dawl tal-esperjenza li tkun inkisbet u l-progress li jkun sar matul l-applikazzjoni tiegħu.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2155 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-Unjoni Ewropea għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini (Ara l-paġna 9 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).


ANNESS

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   

Għal kull ċertifikat li jinħareġ, l-esperti jirrappurtaw id-data dwar il-kategoriji li ġejjin, fejn tkun disponibbli, lill-awtoritajiet nazzjonali, jew meta jkun rilevanti, lill-awtoritajiet reġjonali:

(a)

it-tip ta’ bini jew ta’ unità tal-bini;

(b)

l-erja totali ta’ art utilizzabbli tal-bini jew tal-unità tal-bini;

(c)

il-klassi tal-potenzjal ta’ intelliġenza;

(d)

il-punteġġ kumplessiv tal-potenzjal ta’ intelliġenza;

(e)

il-punteġġi tal-potenzjal ta’ intelliġenza fir-rigward tat-tliet funzjonalitajiet ewlenin tal-potenzjal ta’ intelliġenza enfasizzati fl-Anness IA tad-Direttiva 2010/31/UE u fir-Regolament Delegat (UE) 2020/2155;

(f)

il-punteġġi tal-potenzjal ta’ intelliġenza fir-rigward tal-kriterji tal-impatt tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2155.

2.   

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-iktar approċċ effettiv biex tkun tista’ tinġabar dik id-data. Meta tkun disponibbli jistgħu jiddependu fuq il-bażi tad-data tagħhom taċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

3.   

L-Istati Membri jirrappurtaw kull sena lill-Kummissjoni dwar id-data miġbura f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1. Ir-rapport annwali lill-Kummissjoni jinkludi, meta jkunu disponibbli, minn tal-inqas dan li ġej:

(a)

l-għadd totali ta’ ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza li jkunu nħarġu, id-distribuzzjoni kumplessiva tal-klassijiet tal-potenzjal ta’ intelliġenza, f’konformità mal-Anness VIII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2155, u l-istatistika dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini u tal-unitajiet tal-bini li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza;

(b)

l-istatistika dwar il-bini li għalih ikunu nħarġu ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza fis-sena tar-rappurtar, inkluż is-sehem ta’ ċertifikati:

(1)

għall-bini residenzjali u mhux residenzjali;

(2)

għall-abitazzjonijiet b’familja waħda;

(3)

għall-bini b’iktar minn familja waħda;

(4)

għall-bini mhux residenzjali b’erja totali ta’ art utilizzabbli daqs jew inqas minn 1 000 m2;

(5)

għall-bini mhux residenzjali b’erja totali ta’ art utilizzabbli ta’ iktar minn 1 000 m2.

(c)

Id-distribuzzjoni tal-klassijiet tal-potenzjal ta’ intelliġenza, skont l-Anness VIII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2155 għal kull waħda mill-kategoriji ta’ bini li ġejjin:

(1)

l-abitazzjonijiet b’familja waħda;

(2)

il-bini b’iktar minn familja waħda;

(3)

il-bini mhux residenzjali b’erja totali ta’ art utilizzabbli daqs jew inqas minn 1 000 m2;

(4)

il-bini mhux residenzjali b’erja totali ta’ art utilizzabbli ta’ iktar minn 1 000 m2.

4.   

Meta id-data disponibbli tkun tippermetti, l-Istati Membri jistgħu jagħtu statistika iktar dettaljata, u jagħmlu distinzjoni bejn it-tipi ta’ bini, bħall-bini edukattiv, il-bini tal-kura tas-saħħa, jew il-bini ta’ wirt storiku.