18.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 428/10


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2148

tat-8 ta’ Ottubru 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 139/2014 fir-rigward tas-sikurezza tar-runway u d-data ajrunawtika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 39(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 (2) jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi relatati mal-ajrudromi, inkluż il-ġestjoni, l-operazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza tagħhom.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 139/2014 fih rekwiżiti ġenerali għall-operaturi tal-ajrudromi fir-rigward tal-ġestjoni tad-data ajrunawtika u tal-informazzjoni ajrunawtika. Bil-ħsieb li jinżammu jew jittejbu l-livelli ta’ sikurezza eżistenti tal-operazzjonijiet tal-ajrudrom, l-operaturi tal-ajrudrom jenħtieġ li jkunu meħtieġa jiżguraw kwalità għolja ta’ data ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika bħala parti mill-parti tal-katina ta’ data ajrunawtika, mill-oriġinazzjoni tad-data sal-forniment ta’ data għall-iskop tas-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika. Għal dak il-għan, ir-rekwiżiti tal-kwalità tad-data jenħtieġ li jiġu integrati aktar fil-livell tal-operazzjonijiet simili għar-rekwiżiti applikabbli għall-fornituri tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jew tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ATM/ANS), b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-data, il-katalogu tad-data u l-iskambju tad-data.

(3)

Is-sikurezza tar-runway hija waħda mill-kategoriji ta’ okkorrenzi ta’ aċċidenti ta’ riskju għoli identifikati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). L-aċċidenti relatati mas-sikurezza tar-runway jammontaw għall-maġġoranza tal-aċċidenti kollha fil-livell globali. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 139/2014 jiġi emendat sabiex jitnaqqas l-għadd ta’ aċċidenti relatati mas-sikurezza tar-runway u inċidenti serji li jinvolvu inkursjonijiet fuq ir-runway, iżda wkoll avvenimenti oħrajn relatati mas-sikurezza tar-runway, bħall-konfużjoni tar-runway, il-ħabtiet ta’ fuq l-art u l-eskursjonijiet fuq ir-runway.

(4)

Il-programmi ta’ taħriġ u ta’ ċċekkjar tal-profiċjenza, inkluż it-taħriġ inizjali u rikorrenti, għall-persunal operazzjonali jenħtieġ li jiġu armonizzati fl-Istati Membri kollha billi jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ taħriġ komuni li jenħtieġ li jiġu osservati mill-operaturi tal-ajrudrom.

(5)

Ir-rekords jenħtieġ li jinżammu mill-operaturi tal-ajrudrom fir-rigward tal-istorja tat-taħriġ, l-awtorizzazzjonijiet tas-sewqan, l-awtorizzazzjonijiet u l-manutenzjoni tal-vetturi u l-profiċjenza fil-lingwa.

(6)

Il-qafas regolatorju attwali ma jinkludix rekwiżit għall-oriġinazzjoni ta’ NOTAM (Notice to Air Men - Avviż lill-Avjaturi) mill-operatur tal-ajrudrom. Dan wassal għal inċertezza legali dwar meta, għal liema raġunijiet, u taħt liema kundizzjonijiet, operatur tal-ajrudrom ikun jeħtieġ joriġina NOTAM fuq xi ħaġa li tista’ taffettwa s-sikurezza. Għalhekk, l-emenda jenħtieġ li tikkompleta l-qafas regolatorju għall-oriġinazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ NOTAM mill-operatur tal-ajrudrom, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Anness 15 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”).

(7)

L-investigazzjonijiet tal-aċċidenti jindikaw li l-istandards għall-valutazzjoni u r-rapportar tal-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway mhumiex armonizzati, u wrew li dan il-fatt huwa fattur sinifikanti li jikkontribwixxi għall-eskursjonijiet fuq ir-runway, b’mod partikolari meta r-runway tkun imxarrba jew ikkontaminata. L-ICAO konsegwentement emendat għadd ta’ Standards u Prattiki Rakkomandati (SARPs) f’bosta mill-Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, u pproduċiet materjal ta’ gwida estensiv sabiex tistabbilixxi format ta’ rapportar armonizzat globalment għall-valutazzjoni u r-rapportar tal-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 139/2014 jiġi emendat biex jimplimenta l-SARPs applikabbli tal-ICAO dwar il-valutazzjoni u r-rapportar tal-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway, inkluż iż-żieda ta’ definizzjonijiet ta’ termini ġodda.

(9)

Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ okkorrenza li tirriżulta minn preġudizzju ta’ previżjonijiet fit-trasferiment tal-attivitajiet operazzjonali, il-persunal tal-ajrudrom jenħtieġ li jiġi pprovdut b’informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni operazzjonali fil-mument tat-trasferiment.

(10)

Il-fdalijiet ta’ oġġetti barranin (foreign object debris - FOD) fiż-żoni ta’ mmanuvrar u s-superfiċje asfaltata fl-ajrudrom joħolqu riskju sinifikanti ta’ sikurezza għall-operazzjonijiet fl-ajrudromi. Il-miżuri biex dan ir-riskju jiġi mmitigat b’mod effettiv jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-SARPs tal-ICAO u l-materjal ta’ gwida tal-ICAO u fuq il-prattiki aċċettati internazzjonalment.

(11)

Is-sewwieqa tal-vetturi, il-kundizzjoni u l-adegwatezza tal-vetturi kif ukoll it-tagħmir tagħhom ta’ komunikazzjoni u ta’ sorveljanza huma wkoll fatturi li qegħdin jikkontribwixxu għall-avvenimenti tas-sikurezza tar-runway u għad-danni lill-inġenji tal-ajru. Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għas-sewwieqa u l-vetturi jenħtieġ li jissaħħu u jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ġodda għat-tħaddim ta’ vetturi fiż-żona ta’ moviment u żoni operazzjonali oħra tal-ajrudrom.

(12)

Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u l-feedback mill-Istati Membri u l-partijiet interessati, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li jitjieb l-għarfien tas-sitwazzjoni bejn il-bdoti, il-persunal tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u s-sewwieqa tal-vetturi meta joperaw fiż-żona ta’ mmanuvrar, bħala miżura biex jiġu evitati l-inkursjonijiet fuq ir-runway. Għalhekk, jenħtieġ li jkunu fis-seħħ dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-profiċjenza fil-lingwa bl-Ingliż tas-sewwieqa tal-vetturi li joperaw fiż-żona ta’ mmanuvrar tal-ajrudrom tikkorrispondi għal livell operazzjonali. Madankollu, jista’ jkun il-każ li, fuq ċerti ajrudromi, l-użu ta’ tali lingwa mhux neċessarjament itejjeb is-sikurezza tal-operazzjonijiet tar-runway. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu intitolati li jiddevjaw mir-rekwiżit tal-profiċjenza fil-lingwa Ingliża, bl-appoġġ ta’ valutazzjoni tas-sikurezza li tkopri ajrudrom wieħed jew aktar.

(13)

L-għadd ta’ vetturi f’ajrudrom jenħtieġ li jkun limitat għal dawk biss li jkunu rilevanti biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-operazzjonijiet. Sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ konfużjoni tas-sinjali tas-sejħa, dawk il-vetturi jenħtieġ li jkunu mgħammra kif suppost, inkluż bir-radju jew bit-tidwil. Jenħtieġ li jiġu pprovduti eċċezzjonijiet għal vetturi li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet tal-operat iżda li jeħtiġilhom jidħlu u joperaw temporanjament fl-ajrudrom. Sabiex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun armonizzata mal-istandards tal-ICAO, ir-regoli tas-sewqan f’ajrudrom jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-Annessi 2 u 14 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u d-dokument ta’ gwida tal-ICAO Dok 4444 PANS-ATM.

(14)

L-investigazzjonijiet ta’ aċċidenti u inċidenti serji waqt l-operazzjonijiet ta’ rmonkar tal-inġenji tal-ajru jindikaw li n-nuqqas ta’ għarfien tas-sitwazzjoni, awtorizzazzjonijiet insuffiċjenti tal-inġenji tal-ajru u tidwil insuffiċjenti jew mhux xieraq tal-inġenju tal-ajru rmonkat matul il-lejl huma l-fatturi li qegħdin jikkontribwixxu għall-ħsara fl-inġenji tal-ajru. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu introdotti miżuri biex tittejjeb is-sikurezza waqt l-operazzjoni tal-irmonkar tal-inġenji tal-ajru, f’termini ta’ rotot, gwida, tidwil, proċeduri ta’ komunikazzjoni, koordinazzjoni ta’ atturi differenti, kif ukoll miżuri speċifiċi biex jiġu ffaċċjati kundizzjonijiet tat-temp jew meteoroloġiċi ħżiena.

(15)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jiċċaraw liema oġġetti mobbli, għajr il-vetturi, jenħtieġ li jinxtegħlu f’ajrudrom. Dan jinkludi t-tneħħija ta’ inkonsistenza fir-rigward taż-żoni tal-ajrudrom li għalihom japplikaw ir-rekwiżiti tal-immarkar u tat-tidwil għall-vettura.

(16)

Sabiex jissaħħu s-sikurezza, ir-regolarità u l-effiċjenza tal-operazzjonijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rotot standard tat-taxiing fl-ajrudromi. Jenħtieġ li jitqies it-tħaddim tat-transponders tal-inġenji tal-ajru jekk dawn ikunu appoġġjati mis-sistema ta’ gwida u ta’ kontroll tal-movimenti fis-superfiċje ta’ ajrudrom.

(17)

L-investigazzjonijiet ta’ aċċidenti u inċidenti ta’ inkursjoni fuq ir-runway jindikaw nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ komunikazzjoni bejn is-servizzi tat-traffiku tal-ajru u s-sewwieqa tal-vetturi kif ukoll persuni bil-mixi mhux konxji. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri kkoordinati għall-komunikazzjoni bejn l-operatur tal-ajrudrom u l-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru sabiex jiġu rregolati kwistjonijiet bħal-lingwi użati, il-frekwenzi, l-operazzjoni ta’ persuni bil-mixi fiż-żona ta’ mmanuvrar, l-użu ta’ sinjali u mezzi ta’ komunikazzjoni oħra fil-każ ta’ ħsarat fil-komunikazzjoni. Dawn il-proċeduri jenħtieġ li jkopru t-tixrid ta’ informazzjoni sinifikanti relatata mal-ajrudrom permezz ta’ komunikazzjoni bir-radju.

(18)

Sabiex jiġu evitati okkorrenzi oħra kkawżati mill-preżenza ta’ persuni bil-mixi fiż-żona ta’ moviment, id-dħul ta’ persunal mhux awtorizzat fiż-żona ta’ mmanuvrar u żoni oħra ta’ kontroll jenħtieġ li jkun ipprojbit. Jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat il-kontroll tal-moviment ta’ persuni bil-mixi.

(19)

Ir-Regolament (UE) Nru 139/2014 ma jipprovdix b’mod espliċitu għall-obbligi tal-operatur tal-ajrudrom rigward l-operazzjonijiet f’kundizzjonijiet xitwija. Sabiex il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi allinjata mal-istandards tal-ICAO tal-Annessi 14 u 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jenħtieġ li jiġu introdotti obbligi li jaffettwaw lill-ajrudromi li huma soġġetti għal perjodi twal tax-xitwa b’runways li huma koperti minn borra jew silġ kompatti. Dawn l-obbligi jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-prattiki eżistenti wara l-feedback tal-manifatturi tal-ajruplani u tal-ICAO.

(20)

Sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun armonizzata mal-istandards tal-ICAO, l-operatur tal-ajrudrom jenħtieġ li jkun meħtieġ jivvaluta l-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway u jassenja RWYCC (Kodiċi tal-Kundizzjoni tar-Runway).

(21)

Il-programm ta’ manutenzjoni ta’ ajrudrom jenħtieġ li jiżgura li l-faċilitajiet, is-sistemi, il-vetturi u t-tagħmir meħtieġa għat-tħaddim tal-ajrudrom ma jxekklux is-sikurezza, ir-regolarità u l-effiċjenza tan-navigazzjoni bl-ajru. Il-programm ta’ manutenzjoni jenħtieġ li josserva l-prinċipji tal-fatturi umani skont l-Anness 14 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-operatur tal-ajrudrom jenħtieġ li jkollu l-mezzi għall-implimentazzjoni effettiva tal-programm ta’ manutenzjoni.

(22)

Ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 139/2014 fir-rigward tal-manutenzjoni fuq il-bankina, speċjalment fir-rigward tal-karatteristiċi tal-frizzjoni tas-superfiċje tar-runway, jenħtieġ li jiġu armonizzati mal-istandards tal-ICAO sabiex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ eskursjonijiet fuq ir-runway, kif ukoll dak li jirriżulta mill-preżenza tal-FOD.

(23)

Abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Anness 14 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, ir-Regolament (UE) Nru 139/2014 jenħtieġ li jiġi kkomplementat b’rekwiżiti aħjar dwar il-manutenzjoni tas-sistema tal-provvista tal-enerġija tal-ajrudrom u rekwiżiti ġodda rigward il-manutenzjoni tas-sistema tat-tidwil tal-ajrudrom. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu inklużi rekwiżiti speċifiċi għall-manutenzjoni tas-sinjali u l-immarkar tal-ajrudrom.

(24)

L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ħejjiet abbozz ta’ regoli ta’ implimentazzjoni u ssottomettietu mal-Opinjoni Nru 02/2018 u Nru 03/2019 f’konformità mal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 75(2) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(25)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 139/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(26)

Meta jitqiesu l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq ir-riżorsi tal-awtoritajiet kompetenti u tal-operaturi konċernati u sabiex jingħataw għajnuna immedjata u biex preparazzjoni adegwata tkun possibbli, l-applikazzjoni tar-rekwiżiti rigward ir-rapportar tal-kontaminanti tas-superfiċje, il-kundizzjonijiet tas-superfiċje tar-runway u l-operazzjonijiet fix-xitwa jenħtieġ li tiġi posposta sal-12 ta’ Awwissu 2021, u l-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità għandha tiġi posposta sal-27 ta’ Jannar 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 139/2014

L-Annessi I, III u IV tar-Regolament (UE) Nru 139/2014 huma emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-data tad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punti (3)(d), (3)(e), (3)(q) u (3)(r) tal-Anness għal dan ir-Regolament, kif ukoll il-punt ADR.OPS.A.057(d)(4) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 139/2014 għandhom japplikaw mit-12 ta’ Awwissu 2021.

Il-punti (2)(a), (3)(a) u (b) tal-Anness għandhom japplikaw mis-27 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 44, 14.2.2014, p. 1).


ANNESS

L-Annessi I, III u IV huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-punti (6a), (6b) u (6c) li ġejjin:

“(6a)

Ċirkulari tal-Informazzjoni Ajrunawtika (AIC)” tfisser avviż li fih informazzjoni li ma tikkwalifikax għall-oriġinazzjoni ta’ avviż lill-avjaturi (Notice to Air Men - NOTAM) jew għall-inklużjoni fl-AIP, iżda li hija relatata mas-sigurtà tat-titjira, man-navigazzjoni bl-ajru, ma’ kwistjonijiet tekniċi, amministrattivi jew leġiżlattivi;

(6b)

“prodott ta’ informazzjoni ajrunawtika” tfisser data ajrunawtika u informazzjoni ajrunawtika pprovduti jew bħala settijiet tad-data diġitali jew bħala preżentazzjoni standardizzata fuq mezzi stampati jew elettroniċi. Il-prodotti ta’ informazzjoni ajrunawtika jinkludu dawn li ġejjin:

AIP, inklużi emendi u supplimenti,

AIC,

ċarts ajrunawtiċi,

NOTAM,

settijiet ta’ data diġitali;

(6c)

“Pubblikazzjoni ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (AIP)” tfisser pubblikazzjoni maħruġa minn jew bl-awtorità ta’ Stat Membru u li jkun fiha informazzjoni ajrunawtika ta’ natura dejjiema essenzjali għan-navigazzjoni bl-ajru;”;

(b)

jiddaħħal il-punt (15a) li ġej:

“(15a)

“runway kontaminata” tfisser runway li s-superfiċje tagħha (kemm jekk f’żoni iżolati jew le) fit-tul u l-wisa’ li tkun qed tintuża tkun koperta konsiderevolment minn wieħed jew aktar mis-sustanzi elenkati taħt id-deskritturi tal-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway;”

(c)

jiddaħħal il-punt (17 a) li ġej:

“(17a)

sett tad-data” tfisser kollezzjoni identifikabbli ta’ data;”;

(d)

jiddaħħal il-punt (18 a) li ġej:

“(18a)

“niexef” fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-runway, tfisser li s-superfiċje tar-runway ikun ħieles minn umdità viżibbli u mhux kontaminat fiż-żona maħsuba biex tintuża;”;

(e)

jiddaħħal il-punt (19 a) li ġej:

“(19a)

“fdalijiet ta’ oġġetti barranin (FOD)” tfisser oġġett inanimat fiż-żona ta’ moviment li ma għandu l-ebda funzjoni operazzjonali jew ajrunawtika u li għandu l-potenzjal li jkun ta’ periklu għall-operat tal-inġenji tal-ajru;”;

(f)

jiddaħħlu l-punti (24a) u (24b) li ġejjin:

“(24a)

“affidabbiltà tas-sistema tat-tidwil” tfisser il-probabbiltà li l-installazzjoni sħiħa topera fi ħdan it-tolleranzi speċifikati u li s-sistema tkun operazzjonalment utilizzabbli;

(24b)

“Indikaturi tal-Post” tfisser l-aħħar edizzjoni effettiva tal-“Indikaturi tal-Post” (Dok 7910), approvata u ppubblikata mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali;”;

(g)

jiddaħħlu l-punti (34 a) u (34b) li ġejjin:

“(34a)

“avviż lill-avjaturi (NOTAM)” tfisser avviż imqassam permezz tat-telekomunikazzjoni li jkun fih informazzjoni dwar l-istabbiliment, il-kundizzjoni ta’ jew tibdil fi kwalunkwe faċilità, servizz, proċedura jew periklu ajrunawtiċi, li l-għarfien dwaru fiż-żmien opportun huwa essenzjali għall-persunal relatat mal-operazzjonijiet ta’ titjir;

(34b)

“kodiċi tan-NOTAM” tfisser il-kodiċi li jinsab fl-aħħar edizzjoni effettiva tal-“Proċeduri għas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru - Abbrevjazzjonijiet u Kodiċijiet tal-ICAO” (PANS ABC - Dok 8400), approvat u ppubblikat mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali;”;

(h)

jiddaħħlu l-punti (38a), (38b), (38c), (38d), (38e), (38f), (38 g) u (38h) li ġejjin:

“(38a)

“matriċi tal-valutazzjoni tal-kundizzjoni tar-runway (RCAM)” tfisser matriċi li tippermetti l-valutazzjoni tal-kodiċi tal-kundizzjoni tar-runway (RWYCC), permezz ta’ proċeduri assoċjati, minn sett ta’ kundizzjonijiet osservati tas-superfiċje tar-runway u rapport pilota tal-azzjoni ta’ bbrejkjar;

(38b)

“kodiċi tal-kundizzjoni tar-runway (RWYCC)” tfisser numru, li għandu jintuża fir-rapport dwar il-kundizzjoni tar-runway (RCR), li jiddeskrivi l-effett tal-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway fuq il-prestazzjoni tad-deċellerazzjoni u l-kontroll laterali tal-ajruplan;

(38c)

“rapport dwar il-kundizzjoni tar-runway (RCR)” tfisser rapport komprensiv standardizzat relatat mal-kundizzjonijiet tas-superfiċje tar-runway u l-effett tagħhom fuq il-prestazzjoni tal-inżul u t-tluq tal-ajruplan, deskritt permezz tal-kodiċi tal-kundizzjonijiet tar-runway;

(38d)

“żona ta’ sikurezza ta’ tmiem ir-runway (RESA)” tfisser żona simmetrika madwar il-linja ċentrali tar-runway u biswit tmiem l-istrixxa primarjament maħsuba sabiex tnaqqas ir-riskju ta’ ħsara lil ajruplan li jillandja qabel jew wara r-runway;

(38e)

“pożizzjoni ta’ stennija fuq ir-runway” tfisser pożizzjoni deżinjata maħsuba sabiex tipproteġi runway, superfiċje li jillimita l-ostakoli, jew żona kritika jew sensittiva ta’ Sistema għall-Illandjar bl-Istrumenti (ILS) jew Sistema ta’ Nżul b’Microwaves (MLS) fejn l-inġenji tal-ajru li jkunu taxiing u l-veikoli jridu jieqfu u jistennew, sakemm ma jkunux awtorizzati jagħmlu mod ieħor mit-torri ta’ kontroll tal-ajrudrom;

(38f)

“strixxa tar-runway” tfisser żona ddefinita, inkluż ir-runway u l-istopway, jekk din tkun ipprovduta, maħsuba biex:

(a)

tnaqqas ir-riskju ta’ ħsara lill-inġenji tal-ajru li jiġru fuq runway;

(b)

tipproteġi l-inġenji tal-ajru li jtiru fuqha matul l-operazzjonijiet tal-qtugħ mill-art jew tal-illandjar;

(38 g)

“kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway” tfisser deskrizzjoni tal-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway użata fl-RCR li tistabbilixxi l-bażi għad-determinazzjoni tal-RWYCC għall-finijiet tal-prestazzjoni tal-ajruplan;

(38h)

“deskritturi tal-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway” tfisser wieħed mill-elementi li ġejjin fuq is-superfiċje tar-runway:

(a)

borra kompatta: borra li tkun ġiet kompatta f’massa solida b’tali mod li t-tajers tal-ajruplan, fi pressjonijiet u tagħbijiet operatorji, meta jimxu fuq is-superfiċje ma jikkawżawx aktar kompattazzjoni jew raddi sinifikanti fuq is-superfiċje;

(b)

borra niexfa: borra li minnha ma jkunx jista’ jsir ballun tas-silġ;

(c)

ġlata: kristalli tas-silġ iffurmati minn umdità fl-arja fuq superfiċje li t-temperatura tiegħu tkun fil-punt tal-iffriżar jew taħt il-punt tal-iffriżar; il-ġlata hija differenti mis-silġ billi l-kristalli tal-ġlata jikbru b’mod indipendenti u għalhekk, għandhom konsistenza aktar granulari;

(d)

silġ: ilma li jkollu borra ffriżata jew kompatta li tkun inbidlet f’silġ f’kundizzjonijiet kesħin u nexfin;

(e)

silġ maħlul: borra li tant tkun saturata bl-ilma li l-ilma joħroġ minnha meta tinġabar bl-idejn jew tittajjar meta tintrifes bis-saħħa;

(f)

ilma qiegħed: ilma aktar fond minn 3 mm;

(g)

silġ imxarrab: silġ bl-ilma fuqu jew silġ li qed idub;

(h)

borra mxarrba: borra li fiha biżżejjed ilma biex ikun jista’ jsir ballun tas-silġ solidu kompatt sew, iżda li minnu l-ilma ma joħroġx;”;

(i)

jiddaħħlu l-punti (41 a), (41b) u (41c) li ġejjin:

“(41a)

“runway imxarrba tiżloq” tfisser runway imxarrba li l-karatteristiċi tal-frizzjoni tas-superfiċje tagħha għal parti sinifikanti minnha jkunu ġew iddeterminati li jkunu ġew iddegradati;

(41b

“SNOWTAM” tfisser:

(a)

b’effett mis-7 ta’ Jannar 2021 sat-12 ta’ Awwissu 2021, NOTAM ta’ serje speċjali li jinnotifika l-preżenza jew it-tneħħija ta’ kundizzjonijiet perikolużi minħabba l-borra, is-silġ, is-silġ maħlul jew l-ilma qiegħed assoċjati mal-borra, ma’ silġ maħlul u ma’ silġ fiż-żona ta’ moviment, permezz ta’ format speċifiku;

(b)

b’effett mit-12 ta’ Awwissu 2021, NOTAM ta’ serje speċjali mogħti f’format standard, li jipprovdi rapport dwar il-kundizzjoni tas-superfiċje li jinnotifika l-preżenza jew il-waqfien ta’ kundizzjonijiet minħabba borra, silġ, silġ maħlul, ġlata jew ilma assoċjati mal-borra, ma’ silġ maħlul, ma’ silġ, jew ma’ ġlata fiż-żona ta’ moviment;

(41c)

“runway tax-xitwa ppreparata apposta” tfisser runway b’superfiċje niexef u ffriżat ta’ borra kompatta u/jew silġ li ġiet ittrattata bir-ramel jew żrar jew li ġiet ittrattata b’mod mekkaniku biex tittejjeb il-frizzjoni tar-runway;”;

(j)

il-punt (47) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(47)

“kundizzjonijiet taċ-ċertifikat” tfisser dan li ġej:

Indikaturi tal-Post tal-ICAO,

kundizzjonijiet għall-operat (VFR/IFR, il-jum/il-lejl),

operazzjonijiet b’ajruplani fuq runways tax-xitwa ppreparati apposta,

runway,

distanzi ddikjarati,

tipi ta’ runway u avviċinamenti previsti,

kodiċi ta’ referenza tal-ajrudrom,

ambitu tal-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru b’ittra ta’ referenza tal-ajrudrom b’kodiċi ogħla,

il-provvista tas-servizzi tal-immaniġġjar tas-superfiċji asfaltati fl-ajrudrom (iva/le),

livell ta’ protezzjoni fejn jidħol is-salvataġġ u t-tifi tan-nar;”;

(k)

il-punt (48) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(48)

“għajnuniet viżwali” tfisser indikaturi u apparat tas-sinjalazzjoni, il-marki, id-dwal, is-sinjali u l-markaturi jew kombinazzjonijiet tagħhom;”;

(l)

jiżdied il-punt (49) li ġej:

“(49)

“runway imxarrba” tfisser runway li s-superfiċje tagħha jkun kopert minn kwalunkwe umdità jew ilma viżibbli sa u li jinkludi fond ta’ 3 mm fiż-żona maħsuba biex tintuża.”.

(2)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt ADR.OR.D.007 huwa sostitwit b’dan li ġej:

ADR.OR.D.007 Ġestjoni ta’ data ajrunawtika u ta’ informazzjoni ajrunawtika

(a)

Bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni tiegħu, l-operatur tal-ajrudrom għandu jimplimenta u jmantni sistema ta’ mmaniġġjar tal-kwalità li tkopri l-attivitajiet li ġejjin:

(1)

l-attivitajiet tiegħu dwar id-data ajrunawtika;

(2)

l-attivitajiet tiegħu ta’ forniment ta’ informazzjoni ajrunawtika.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom, bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni tiegħu, għandu jistabbilixxi sistema ta’ ġestjoni tas-sigurtà sabiex jiżgura s-sigurtà tad-data operazzjonali li jirċievi, jew jipproduċi, jew iħaddem b’xi mod ieħor, sabiex l-aċċess għal dik id-data operazzjonali jkun ristrett għal dawk awtorizzati biss.

(c)

Is-sistema ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-operatur tal-ajrudrom għandha tiddefinixxi l-elementi li ġejjin:

(1)

il-proċeduri marbutin mal-valutazzjoni u mal-mitigazzjoni tar-riskji għas-sigurtà tad-data, mal-monitoraġġ u t-titjib tas-sigurtà, mar-reviżjonijiet tas-sigurtà u mat-tixrid tal-għarfien miksub;

(2)

il-mezzi mfasslin ta’ detezzjoni ta’ ksur tas-sigurtà u biex jiġbdu l-attenzjoni tal-persunal bi twissijiet xierqa dwar is-sigurtà;

(3)

il-mezzi kif jiġu kkontrollati l-effetti tal-ksur tas-sigurtà u kif jiġu identifikati l-azzjoni ta’ rkupru u l-proċeduri ta’ mitigazzjoni sabiex jiġi evitat milli jerġgħu jseħħu.

(d)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura l-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal tiegħu fir-rigward tas-sigurtà tad-dataajrunawtika.

(e)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jipproteġi d-data ajrunawtika tiegħu kontra theddidiet għaċ-ċibersigurtà.”.

(b)

il-punt ADR.OR.D.017 huwa sostitwit b’dan li ġej:

ADR.OR.D.017 Programmi ta’ taħriġ u ta’ ċċekkjar tal-profiċjenza

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ taħriġ għall-persunal involut fl-operat, il-manutenzjoni u l-immaniġġjar tal-ajrudrom, sabiex jiżgura l-kompetenza kontinwa tagħhom, u li huma konxji mir-regoli u l-proċeduri rilevanti għall-operat tal-ajrudrom u r-relazzjoni tal-funzjonijiet u l-kompiti tagħhom mal-operat tal-ajrudrom b’mod ġenerali.

(b)

It-taħriġ imsemmi fil-punt (a) għandu:

(1)

jinkludi taħriġ inizjali, rikorrenti, ta’ aġġornament u ta’ kontinwazzjoni;

(2)

ikun adatt għall-funzjonijiet u l-kompiti tal-persunal;

(3)

jinkludi l-proċeduri u r-rekwiżiti operazzjonali applikabbli tal-ajrudrom, kif ukoll is-sewqan.

(c)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li kwalunkwe persunal ieħor, inkluż persunal ta’ organizzazzjonijiet oħra li joperaw jew jipprovdu servizzi fl-ajrudrom, li jkollu aċċess mingħajr skorta awtorizzat għaż-żona ta’moviment u żoni operazzjonali oħra tal-ajrudrom, ikun imħarreġ b’mod adegwat u kkwalifikat għal tali aċċess mingħajr skorta.

(d)

It-taħriġ imsemmi fil-punt (c) għandu:

(1)

jinkludi taħriġ inizjali, rikorrenti, ta’ aġġornament u ta’ kontinwazzjoni;

(2)

jinkludi l-proċeduri u r-rekwiżiti operazzjonali applikabbli tal-ajrudrom, kif ukoll is-sewqan.

(e)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li l-persunal imsemmi fil-punti (a) u (c) ikun temm b’suċċess it-taħriġ inizjali meħtieġ qabel ma jingħata permess:

(1)

biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu mingħajr sorveljanza;

(2)

biex ikollu aċċess mingħajr skorta għaż-żona ta’ moviment u żoni operazzjonali oħra tal-ajrudrom.

It-taħriġ inizjali għandu jinkludi taħriġ teoretiku u prattiku ta’ durata adegwata u valutazzjonijiet tal-kompetenza tal-persunal wara l-għoti tat-taħriġ.

(f)

Sabiex ikomplu jwettqu d-dmirijiet tagħhom mingħajr sorveljanza u biex jitħallew ikollhom aċċess mingħajr skorta għaż-żona ta’ moviment u żoni operazzjonali oħra tal-ajrudrom u sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’din il-Parti u fil-Parti ADR.OPS, l-operaturi tal-ajrudrom għandhom jiżguraw li l-persunal imsemmi fil-punti (a) u (c) ikun tħarreġ dwar ir-regoli u l-proċeduri rilevanti għat-tħaddim tal-ajrudrom billi jtemm b’suċċess:

(1)

taħriġ rikorrenti, f’intervalli li ma jaqbżux l-24 xahar mit-tlestija tat-taħriġ inizjali tiegħu. Jekk it-taħriġ rikorrenti jsir fl-aħħar 3 xhur kalendarji ta’ wara l-intervall, il-perjodu l-ġdid ta’ intervall għandu jingħadd mid-data ta’ skadenza tal-intervall oriġinali;

(2)

taħriġ ta’ aġġornament, qabel ma jwettqu d-dmirijiet tagħhom mingħajr sorveljanza jew jitħallew ikollhom aċċess mingħajr skorta għaż-żona ta’ moviment jew żona operazzjonali oħra tal-ajrudrom, meta jkunu assenti mid-dmirijiet tagħhom għal perjodu ta’ mhux inqas minn 3 xhur u mhux aktar minn 12-il xahar konsekuttiv. F’każ ta’ assenza ta’ aktar minn 12-il xahar konsekuttivi, tali persunal għandu jgħaddi minn taħriġ inizjali f’konformità mal-punt (c);

(3)

taħriġ ta’ kontinwazzjoni minħabba bidliet fl-ambjent operatorju tagħhom jew minħabba kompiti assenjati, kif meħtieġ.

(g)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ ċċekkjar tal-profiċjenza għall-persunal imsemmi fil-punt (a), u jiżgura għall-persunal imsemmi fil-punt (c) li huwa jkun wera l-kapaċitajiet tiegħu fil-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu, skont il-programm tal-iċċekkjar tal-profiċjenza, sabiex jiżgura:

(1)

il-kompetenza kontinwa tiegħu;

(2)

li huwa konxju mir-regoli u l-proċeduri rilevanti għall-funzjonijiet u l-kompiti tiegħu.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’din il-Parti u fil-Parti-ADR.OPS, l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li l-persuni msemmija fil-punti (a) u (c) jgħaddu minn ċekkjaturi tal-profiċjenza f’intervalli li ma jaqbżux l-24 xahar mit-tlestija tat-taħriġ inizjali tagħhom.

(h)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li:

(1)

jintużaw għalliema bi kwalifiki u esperjenza adegwati għall-għoti ta’ taħriġ u assessuri għall-valutazzjonijiet u ċ-ċekkjaturi tal-profiċjenza;

(2)

jintużaw faċilitajiet, mezzi u tagħmir xierqa għall-forniment tat-taħriġ u, fejn applikabbli, għat-twettiq taċ-ċekkjaturi tal-profiċjenza.

(i)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ u ta’ ċċekkjar tal-profiċjenza u għandu:

(1)

iżomm rekords xierqa tal-kwalifiki, tat-taħriġ u tal-iċċekkjar tal-profiċjenza biex juri l-konformità ma’ dan ir-rekwiżit;

(2)

fuq talba, jagħmel dawn ir-rekords disponibbli għall-persunal ikkonċernat tiegħu;

(3)

jekk persuna tkun impjegata minn impjegatur ieħor, fuq talba, tagħmel dawn ir-rekords ta’ dik il-persuna disponibbli għal dak l-impjegatur il-ġdid.”;

(c)

il-punt ADR.OR.D.035(d) huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (6) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(6)

il-verżjoni kurrenti tar-reġistru tal-perikli;”;

(ii)

jiżdiedu l-punti (7) u (8) li ġejjin:

“(7)

cl-awtorizzazzjonijiet tas-sewqan u, jekk xieraq, ċertifikati ta’ profiċjenza fil-lingwa, għal mill-inqas erba’ snin wara t-tmiem tal-impjieg ta’ persuna, jew ir-revoka jew it-tħassir ta’ awtorizzazzjoni tas-sewqan, jew sakemm dan il-qasam ta’ attività jkun ġie vverifikat mill-awtorità kompetenti;

(8)

l-awtorizzazzjonijiet tal-vetturi u r-rekords tal-manutenzjoni tal-vetturi tal-operatur tal-ajrudrom, għal mill-inqas erba’ snin wara li vettura titneħħa mill-operazzjonijiet, jew sakemm din iż-żona tkun ġiet ivverifikata mill-awtorità kompetenti.”.

(3)

L-Anness IV huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt ADR.OPS.A.010 huwa sostitwit b’dan li ġej:

ADR.OPS.A.010 Rekwiżiti tal-kwalità tad-data

L-operatur tal-ajrudrom għandu jkollu arranġamenti formali mal-organizzazzjonijiet li magħhom jiskambja data ajrunawtika jew informazzjoni ajrunawtika u għandu jiżgura dan li ġej:

(a)

li d-data kollha rilevanti għall-ajrudrom u s-servizzi tiġi pprovduta bil-kwalità meħtieġa; li r-rekwiżiti tal-kwalità tad-data (DQRs) jiġu rrispettati fl-oriġinazzjoni tad-data u jinżammu matul it-trażmissjoni tad-data;

(b)

li l-akkuratezza tad-data ajrunawtika tkun kif speċifikata fil-katalogu dwar id-data ajrunawtika;

(c)

li l-integrità tad-data ajrunawtika tinżamm matul il-proċess kollu tad-data mill-oriġinazzjoni sat-trażmissjoni, abbażi tal-klassifikazzjoni tal-integrità speċifikata fil-katalogu ta’ data ajrunawtika. Barra minn hekk, għandhom jiddaħħlu fis-seħħ proċeduri sabiex:

(1)

għal data ta’ rutina, tiġi evitata korruzzjoni matul l-ipproċessar tad-data;

(2)

għal data essenzjali, ma sseħħx korruzzjoni f’xi stadju mill-proċess sħiħ u li jkunu inklużi proċessi addizzjonali, skont il-bżonn, sabiex jiġu indirizzati r-riskji potenzjali fl-arkitettura tas-sistema ġenerali sabiex tiġi żgurata l-integrità tad-data f’dak il-livell;

(3)

għal data kritika, ma sseħħx korruzzjoni f’xi stadju mill-proċess sħiħ u li jkunu inklużi proċessi addizzjonali ta’ garanzija tal-integrità sabiex jiġu mmitigati bis-sħiħ l-effetti tal-ħsarat identifikati permezz ta’ analiżi dettaljata tal-arkitettura kumplessiva tas-sistema bħala riskji potenzjali għall-integrità tad-data;

(d)

ir-riżoluzzjoni tad-data ajrunawtika hija proporzjonata għall-akkuratezza propja tad-data;

(e)

it-traċċabbiltà tad-data ajrunawtika;

(f)

il-puntwalità tad-data ajrunawtika, inkluż kwalunkwe limitu fuq il-perjodu effettiv;

(g)

il-kompletezza tad-data ajrunawtika;

(h)

il-format tad-data pprovduta jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati.”;

(b)

jiżdiedu l-punti ADR.OPS.A.020 sa ADR.OPS.A.055 li ġejjin:

ADR.OPS.A.020 Sistemi komuni ta’ referenza

Għall-fini ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-operatur tal-ajrudrom għandu juża:

(a)

il-World Geodetic System — 1984 (WGS-84) bħala s-sistema ta’ referenza orizzontali;

(b)

id-datum tal-livell medju tal-baħar (MSL) bħala s-sistema ta’ referenza vertikali;

(c)

il-kalendarju Gregorjan u l-ħin universali koordinat (UTC) bħala s-sistemi ta’ referenza temporali.

ADR.OPS.A.025 Detezzjoni u awtentikazzjoni tal-erruri tad-data

Meta joriġina, jipproċessa jew jittrażmetti data lill-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika (AIS), l-operatur tal-ajrudrom għandu:

(a)

jiżgura li jintużaw tekniki diġitali ta’ detezzjoni tal-erruri tad-data matul it-trażmissjoni u l-ħżin tad-data ajrunawtika, sabiex jiġu sostnuti l-livelli applikabbli ta’ integrità tad-data;

(b)

jiżgura li t-trasferiment ta’ data ajrunawtika jkun soġġett għal proċess xieraq ta’ awtentikazzjoni b’tali mod li r-riċevituri jkunu jistgħu jikkonfermaw li d-data jew l-informazzjoni tkun ġiet trażmessa minn sors awtorizzat.

ADR.OPS.A.030 Katalogu ta’ data ajrunawtika

Meta joriġina, jipproċessa jew jittrażmetti data lill-fornitur tal-AIS, l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li d-data ajrunawtika msemmija fl-Appendiċi 1 tal-Anness III (Parti-ATM/ANS.OR) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 (*1) tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tal-katalogu tad-data.

ADR.OPS.A.035 Validazzjoni u verifika tad-data

Meta joriġina, jipproċessa jew jittrażmetti data lill-fornitur tal-AIS, l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li jitħaddmu tekniki ta’ validazzjoni u ta’ verifika sabiex id-data ajrunawtika tkun tissodisfa d-DQRs assoċjati. Barra minn hekk:

(a)

il-verifika għandha tiżgura li d-data ajrunawtika tiġi riċevuta mingħajr korruzzjoni u li l-proċess tad-data ajrunawtika ma jintroduċix korruzzjoni;

(b)

id-data ajrunawtika u l-informazzjoni ajrunawtika mdaħħla manwalment għandhom ikunu soġġetti għal verifika indipendenti għad-detezzjoni ta’ kwalunkwe errur li seta’ ġie introdott;

(c)

meta tintuża data ajrunawtika għall-kisba jew għall-kalkolu ta’ data ajrunawtika ġdida, id-data inizjali għandha tiġi vverifikata u vvalidata, ħlief meta tkun ipprovduta minn sors awtorevoli.

ADR.OPS.A.040 Rekwiżiti ta’ mmaniġġjar tal-erruri

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li:

(a)

l-erruri identifikati matul l-oriġinazzjoni tad-data u wara l-konsenja tad-data jiġu indirizzati, ikkoreġuti jew solvuti;

(b)

tingħata prijorità lill-immaniġġjar tal-erruri f’data ajrunawtika kritika u essenzjali.

ADR.OPS.A.045 Metadata

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li, bħala minimu, il-metadata tinkludi:

(a)

l-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet jew tal-entitajiet li jwettqu kwalunkwe azzjoni ta’ oriġinazzjoni, ta’ trażmissjoni jew ta’ manipulazzjoni tad-data ajrunawtika;

(b)

l-azzjoni mwettqa;

(c)

id-data u l-ħin li fihom twettqet l-azzjoni.

ADR.OPS.A.050 Trażmissjoni tad-data

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li d-data ajrunawtika tiġi trażmessa b’mezzi elettroniċi.

ADR.OPS.A.055 Għodod u software

Meta joriġina, jipproċessa jew jittrażmetti data ajrunawtika lill-fornitur tal-AIS, l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li l-għodod u s-software użati għas-sostenn jew għall-awtomatizzazzjoni tal-proċessi tad-data ajrunawtika jwettqu l-funzjonijiet tagħhom mingħajr ma jaffettwaw b’mod negattiv il-kwalità tad-data ajrunawtika.

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1).”."

(c)

jiżdied il-punt ADR.OPS.A.057 li ġej:

ADR.OPS.A.057 Oriġinazzjoni ta’ NOTAM

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu:

(1)

jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri li skonthom huwa joriġina NOTAM maħruġ mill-fornitur tas-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika rilevanti:

(i)

li fih informazzjoni dwar l-istabbiliment, il-kundizzjoni, jew it-tibdil ta’ kwalunkwe faċilità, servizz, proċedura jew periklu ajrunawtiċi, li l-għarfien dwaru fiż-żmien opportun huwa essenzjali għall-persunal involut fl-operazzjonijiet ta’ titjir;

(ii)

li fih informazzjoni ta’ natura temporanja jew ta’ durata qasira jew li tikkonċerna bidliet permanenti operazzjonalment sinifikanti jew bidliet temporanji ta’ durata twila li jsiru f’qasir żmien, ħlief għal test u/jew grafika estensivi;

(2)

jiddeżinja persunal tal-ajrudrom, li jkun temm b’suċċess it-taħriġ rilevanti u jkun wera l-kompetenza tiegħu, li joriġina NOTAM u jipprovdi informazzjoni rilevanti lill-fornituri tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika li jkollu arranġamenti magħhom;

(3)

jiżgura li l-persunal l-ieħor kollu tal-ajrudrom li d-dmirijiet tiegħu jinvolvu l-użu tan-NOTAM ikun temm b’suċċess it-taħriġ rilevanti u jkun wera l-kompetenza tiegħu li jagħmel dan.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu joriġina NOTAM meta jkun hemm bżonn sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni li ġejja:

(1)

l-istabbiliment jew l-għeluq ta’ ajrudromi jew ta’ ħeliports jew ta’ runways jew bidliet sinifikanti fl-operat ta’ dawn;

(2)

l-istabbiliment jew l-irtirar ta’ servizzi tal-ajrudrom jew bidliet sinifikanti fl-operat tagħhom;

(3)

l-istabbiliment jew l-irtirar ta’ servizzi tan-navigazzjoni bir-radju u ta’ komunikazzjoni mill-ajru għall-art jew bidliet sinifikanti fil-kapaċità operazzjonali ta’ dawn li għalihom l-operatur tal-ajrudrom huwa responsabbli;

(4)

l-indisponibbiltà ta’ sistemi ta’ riżerva u sekondarji, b’impatt operazzjonali dirett;

(5)

l-istabbiliment jew l-irtirar ta’ għajnuniet viżwali jew bidliet sinifikanti fihom;

(6)

l-interruzzjoni jew ir-ritorn lura għall-operat ta’ komponenti importanti tas-sistemi tat-tidwil tal-ajrudrom;

(7)

l-istabbiliment jew l-irtirar ta’ proċeduri għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jew bidliet sinifikanti fihom li għalihom l-operatur tal-ajrudrom huwa responsabbli;

(8)

l-okkorrenza jew il-korrezzjoni ta’ difetti jew ta’ impedimenti importanti fiż-żona ta’ mmanuvrar;

(9)

bidliet u limitazzjonijiet fid-disponibbiltà ta’ fjuwil, ta’ żejt u ta’ ossiġenu;

(10)

l-istabbiliment jew l-irtirar ta’ sinjali ta’ periklu li jimmarkaw ostakoli għan-navigazzjoni bl-ajru jew ir-ritorn għat-tħaddim tagħhom;

(11)

l-emissjonijiet ippjanati ta’ laser, displejs ta’ laser u dawl tat-tiftix fl-inħawi tal-ajrudromi, jekk huwa probabbli li l-vista tal-bdot billejl se tkun affettwata ħażin;

(12)

it-twaħħil jew it-tneħħija ta’ ostakoli għan-navigazzjoni bl-ajru fiż-żoni ta’ qtugħ mill-art, ta’ tlugħ, ta’ avviċinament bla suċċess u ta’ avviċinament, kif ukoll fl-istrixxa tar-runway jew bidliet fihom;

(13)

bidliet fil-kategorija ta’ salvataġġ u ta’ tifi tan-nar tal-ajrudrom jew tal-ħeliport;

(14)

il-preżenza jew it-tneħħija ta’ kundizzjonijiet perikolużi minħabba borra, silġ maħlul, silġ, materjal radjuattiv, sustanzi kimiċi tossiċi, depożitu ta’ rmied volkaniku jew ilma fiż-żona ta’ moviment jew bidliet sinifikanti fihom;

(15)

il-preżenza ta’ runway jew ta’ parti minnha li tkun imxarrba li tiżloq;

(16)

il-preżenza ta’ runway li mhijiex disponibbli minħabba xogħlijiet ta’ mmarkar fuq ir-runway; jew informazzjoni dwar l-intervall ta’ żmien meħtieġ biex ir-runway issir disponibbli, jekk it-tagħmir użat għal dawn ix-xogħlijiet ikun jista’ jitneħħa, fejn ikun meħtieġ;

(17)

il-preżenza ta’ perikli li jaffettwaw in-navigazzjoni bl-ajru, inkluża l-preżenza ta’ annimali selvaġġi, ostakoli, wirjiet u avvenimenti ewlenin.

(c)

Għall-finijiet tal-punt (b), l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li:

(1)

NOTAM jiġi oriġinat b’biżżejjed żmien minn qabel sabiex il-partijiet affettwati jkunu jistgħu jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa, ħlief fil-każ ta’ nuqqas ta’ servizzjabbiltà, ta’ rilaxx ta’ materjal radjuattiv, ta’ sustanzi kimiċi tossiċi u ta’ avvenimenti oħra li ma jistgħux ikunu previsti;

(2)

NOTAM li jinnotifika nuqqas ta’ servizzjabbiltà ta’ faċilitajiet assoċjati, servizzi u għajnuniet ta’ navigazzjoni fl-ajrudrom, jipprovdi stima tal-perjodu ta’ nuqqas ta’ servizzjabbiltà jew taż-żmien li fih huwa mistenni li jerġa’ lura s-servizz;

(3)

fi żmien tliet xhur mill-ħruġ ta’ NOTAM permanenti, l-informazzjoni li tinsab fin-NOTAM tkun inkluża fil-prodotti ta’ informazzjoni ajrunawtika affettwati;

(4)

fi żmien tliet xhur mill-ħruġ ta’ NOTAM temporanju ta’ durata twila, l-informazzjoni li tinsab fin-NOTAM tkun inkluża f’suppliment għall-AIP;

(5)

meta NOTAM bi tmiem mistenni tal-validità jaqbeż il-perjodu ta’ tliet xhur mingħajr dan ma jkun mistenni, jiġi oriġinat NOTAM sostitut sakemm il-kundizzjoni ma tkunx mistennija ddum għal perjodu itwal ta’ aktar minn tliet xhur; f’dak il-każ, l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li l-informazzjoni tiġi ppubblikata f’suppliment għall-AIP.

(d)

Barra minn hekk, l-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li:

(1)

ħlief kif previst fil-punt (d)(4), kull NOTAM li huwa joriġina jkun fih l-informazzjoni applikabbli fl-ordni murija fil-Format tan-NOTAM kif stabbilit fl-Appendiċi 1 ta’ dan l-Anness;

(2)

it-test tan-NOTAM ikun magħmul mis-sinifikati jew mill-frażijiet imqassra uniformi assenjati għall-Kodiċi tan-NOTAM tal-ICAO, ikkomplementat minn abbrevjazzjonijiet, indikaturi, identifikaturi, deżinjaturi, sinjali tas-sejħa, frekwenzi, figuri u lingwaġġ sempliċi tal-ICAO;

(3)

NOTAM jiġi oriġinat bil-lingwa Ingliża jew bil-lingwa nazzjonali, kif miftiehem mal-fornitur tas-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika rilevanti;

(4)

informazzjoni rigward borra, silġ maħlul, silġ, ġlata, ilma qiegħed jew ilma assoċjat ma’ borra, ma’ silġ maħlul, ma’ silġ jew ma’ ġlata fiż-żona ta’ moviment għandha tinxtered permezz ta’ SNOWTAM u għandu jkun fiha l-informazzjoni fl-ordni murija fil-Format ta’ SNOWTAM kif stabbilit fl-Appendiċi 2 ta’ dan l-Anness;

(5)

meta jokkorri errur f’NOTAM, jiġi oriġinat NOTAM b’numru ġdid sabiex jissostitwixxi n-NOTAM errunjuż jew in-NOTAM errunjuż jitħassar u jiġi oriġinat NOTAM ġdid;

(6)

meta jiġi oriġinat NOTAM li jħassar jew jissostitwixxi NOTAM preċedenti:

(a)

is-serje u n-numru/is-sena tan-NOTAM preċedenti huma indikati;

(b)

l-Indikaturi tal-Post u s-suġġett taż-żewġ NOTAM huma l-istess;

(7)

NOTAM wieħed biss jitħassar jew jiġi ssostitwit minn NOTAM ġdid;

(8)

kull NOTAM oriġinat ikun jindirizza suġġett wieħed biss u kundizzjoni waħda biss tas-suġġett;

(9)

kull NOTAM oriġinat ikun kemm jista’ jkun qasir u jiġi kkompilat b’tali mod li t-tifsira tiegħu tkun ċara mingħajr il-bżonn li jsir riferiment għal dokument ieħor;

(10)

NOTAM oriġinat li jkun fih informazzjoni permanenti jew temporanja ta’ durata twila jinkludi referenzi xierqa għall-AIP jew għas-suppliment għall-AIP;

(11)

l-Indikatur tal-Post tal-ICAO inkluż fit-test ta’ NOTAM oriġinat għall-ajrudrom huwa dak li jinsab fl-Indikaturi tal-Post. M’għandhiex tintuża forma mqassra tat-tali indikaturi.

(e)

L-operatur tal-ajrudrom għandu, wara l-pubblikazzjoni ta’ NOTAM li jkun oriġina hu, jirrevedi l-kontenut tiegħu biex jiżgura l-preċiżjoni tiegħu, u jiżgura t-tixrid tal-informazzjoni lill-persunal u lill-organizzazzjonijiet tal-ajrudrom rilevanti kollha fl-ajrudrom.

(f)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jżomm rekords:

(1)

tan-NOTAM li huwa jkun oriġina u ta’ dawk li nħarġu;

(2)

fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-punti (a)(2) u (3).”;

(d)

jiżdied il-punt ADR.OPS.A.60 li ġej:

ADR.OPS.A.060 Rapportar ta’ kontaminanti tas-superfiċje

L-operatur tal-ajrudrom għandu jirrapporta lis-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika u lill-unitajiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru dwar kwistjonijiet ta’ sinifikat operazzjonali li jaffettwaw l-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru u tal-ajrudrom fiż-żona ta’ moviment, b’mod partikolari fir-rigward tal-preżenza ta’ dan li ġej:

(a)

ilma;

(b)

borra;

(c)

silġ maħlul;

(d)

silġ;

(e)

ġlata;

(f)

sustanzi kimiċi likwidi kontra l-formazzjoni tas-silġ jew għat-tneħħija tas-silġ jew sustanzi kontaminanti oħra;

(g)

munzelli ta’ borra jew ċaqliq tal-borra.”;

(e)

jiżdied il-punt ADR.OPS.065 li ġej:

ADR.OPS.A.065 Rapportar tal-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jirrapporta l-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway fuq kull terz tar-runway billi juża rapport dwar il-kundizzjoni tar-runway (RCR). Ir-rapport għandu jinkludi kodiċi tal-kundizzjoni tar-runway (RWYCC) bl-użu tan-numri 0 sa 6, il-kopertura u l-fond tal-kontaminanti, u deskrizzjoni bl-użu tat-termini li ġejjin:

(1)

BORRA KOMPATTA;

(2)

NIEXEF;

(3)

BORRA NIEXFA;

(4)

BORRA NIEXFA FUQ BORRA KOMPATTA;

(5)

BORRA NIEXFA FUQ SILĠ;

(6)

ĠLATA;

(7)

SILĠ;

(8)

IMXARRAB JIŻLOQ;

(9)

SILĠ MAĦLUL;

(10)

RUNWAY TAX-XITWA PPREPARATA APPOSTA;

(11)

ILMA QIEGĦED;

(12)

ILMA FUQ BORRA KOMPATTA;

(13)

IMXARRAB;

(14)

SILĠ IMXARRAB;

(15)

BORRA MXARRBA;

(16)

BORRA MXARRBA FUQ BORRA KOMPATTA;

(17)

BORRA MXARRBA FUQ SILĠ;

(18)

ITTRATTAT KIMIKAMENT;

(19)

RAMEL MAQLUGĦ.

(b)

Ir-rapportar għandu jibda meta sseħħ bidla sinifikanti fil-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway minħabba l-ilma, il-borra, is-silġ maħlul, is-silġ jew il-ġlata.

(c)

Ir-rapportar tal-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway għandu jkompli jirrifletti bidliet sinifikanti sakemm ir-runway ma tkunx aktar ikkontaminata. Meta sseħħ dik is-sitwazzjoni, l-operatur tal-ajrudrom għandu joħroġ RCR li jiddikjara li r-runway hija mxarrba jew niexfa, kif ikun xieraq.

(d)

Il-kejl tal-frizzjoni ma għandux jiġi rrapportat.

(e)

Meta runway miksija jew parti minnha tkun imxarrba li tiżloq, l-operatur tal-ajrudrom għandu jagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-utenti rilevanti tal-ajrudrom. Dan għandu jsir billi joriġina NOTAM u għandu jiddeskrivi l-post tal-parti affettwata.”;

(f)

jiżdied l-Appendiċi 1 li ġej:

“Appendiċi 1

FORMAT TAN-NOTAM

Image 1

(g)

jiżdied l-Appendiċi 2 li ġej:

“Appendiċi 2

FORMAT TA’ SNOWTAM

Image 2

”;

(h)

jiddaħħal il-punt ADR.OPS.B.003 li ġej:

ADR.OPS.B.003 Handover tal-attivitajiet — għoti ta’ informazzjoni operazzjonali

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri għall-handover tal-attivitajiet operazzjonali bejn il-persunal involut fl-operat u l-manutenzjoni tal-ajrudrom biex jiżgura li l-persunal kollu l-ġdid li jkun dieħel jingħata informazzjoni operazzjonali relatata mal-kompiti tiegħu.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri biex jipprovdi lill-organizzazzjonijiet li joperaw jew li jipprovdu servizzi fl-ajrudrom, b’informazzjoni operazzjonali relatata mal-ajrudrom li tista’ taffettwa t-twettiq tal-kompiti tal-persunal ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.”;

(i)

il-punt ADR.OPS.B.010 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (c), (d) u (e) huma mibdula b’dan li ġej:

“(c)

Il-programm ta’ taħriġ għandu jitwettaq skont il-punt ADR.OR.D.017, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:

(1)

it-taħriġ rikorrenti għandu jinkludi taħriġ prattiku teoretiku u kontinwu;

(2)

iċ-ċekkjaturi tal-profiċjenza għandhom jitwettqu f’intervalli li ma jaqbżux it-12-il xahar minn meta jintemm it-taħriġ inizjali.

(d)

It-taħriġ tal-persunal ta’ salvataġġ u ta’ tifi tan-nar għandu jkun imfassal biex jipprovdi għarfien fundamentali u ħiliet prattiċi relatati mat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

(e)

It-tnaqqis temporanju fil-livell ta’ protezzjoni tas-servizzi ta’ salvataġġ u ta’ tifi tan-nar tal-ajrudrom, minħabba ċirkostanzi mhux previsti, ma għandux jirrikjedi approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti.”;

(ii)

jitħassar il-punt (f);

(j)

jiddaħħal il-punt ADR.OPS.B.016 li ġej:

ADR.OPS.B.016 Programm ta’ kontroll tal-fdalijiet ta’ oġġetti barranin

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ kontroll tal-fdalijiet ta’ oġġetti barranin (FOD) u għandu jirrikjedi li l-organizzazzjonijiet li joperaw jew li jipprovdu servizzi fl-ajrudrom jipparteċipaw f’dak il-programm.

(b)

Bħala parti mill-programm ta’ kontroll tal-FOD, l-operatur tal-ajrudrom għandu:

(1)

jiżgura l-għarfien u l-parteċipazzjoni tal-persunal, u li tali persunal ikun temm b’suċċess it-taħriġ rilevanti u jkun wera l-kompetenza tiegħu;

(2)

jistabbilixxi u jimplimenta miżuri biex tiġi evitata l-ġenerazzjoni tal-FOD;

(3)

jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri sabiex:

(i)

jidentifika l-FOD, inkluż il-monitoraġġ u l-ispezzjoni taż-żona ta’ moviment jew taż-żoni kontigwi skont skeda ta’ spezzjoni u kull meta tali spezzjoni tkun meħtieġa minħabba attivitajiet, fenomeni tat-temp, jew okkorrenzi li setgħu wasslu għall-ġenerazzjoni tal-FOD;

(ii)

ineħħi, iżomm u jarmi l-FOD mill-ewwel, u jipprovdi l-mezzi rilevanti kollha meħtieġa;

(iii)

jinnotifika, mill-aktar fis possibbli, lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru fil-każ ta’ partijiet tal-inġenji tal-ajru identifikati;

(c)

jiġbor u janalizza d-data u l-informazzjoni biex jidentifika s-sorsi u x-xejriet tal-FOD, u jimplimenta miżuri korrettivi u/jew preventivi biex itejjeb l-effikaċja tal-programm.”;

(k)

jiddaħħal il-punt ADR.OPS.B.024 li ġej:

ADR.OPS.B.024 Awtorizzazzjoni tas-sewwieqa tal-vetturi

(a)

Ħlief kif previst fil-punt (d), is-sewqan ta’ vettura fuq kwalunkwe parti taż-żona ta’ moviment jew ta’ żoni operazzjonali oħra ta’ ajrudrom għandu jirrikjedi awtorizzazzjoni maħruġa lis-sewwieq mill-operatur ta’ dak l-ajrudrom. L-awtorizzazzjoni tas-sewqan għandha tinħareġ lil persuna li:

(1)

tiġi allokata kompiti li jinvolvu sewqan f’tali żoni;

(2)

ikollha liċenzja tas-sewqan valida, u kwalunkwe liċenzja oħra meħtieġa għat-tħaddim ta’ vetturi speċjalizzati;

(3)

tkun temmet b’suċċess programm rilevanti ta’ taħriġ fis-sewqan u tkun uriet il-kompetenza tagħha skont il-punt (b);

(4)

tkun uriet profiċjenza fil-lingwa skont il-punt ADR.OPS.B.029, jekk dik il-persuna tkun biħsiebha ssuq vettura fiż-żona ta’ mmanuvrar;

(5)

tkun irċeviet taħriġ mill-impjegatur tagħha dwar l-użu tal-vettura maħsuba biex topera fl-ajrudrom.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ taħriġ fis-sewqan għas-sewwieqa li joperaw fuq is-superfiċje asfaltata fl-ajrudrom jew żoni operazzjonali oħra, minbarra ż-żona ta’ mmanuvrar, u għas-sewwieqa li joperaw fuq iż-żona ta’ mmanuvrar. Il-programm ta’ taħriġ għandu:

(1)

ikun xieraq għall-karatteristiċi u l-operat tal-ajrudrom, il-funzjonijiet u l-kompiti tas-sewwieq li għandhom jitwettqu, u ż-żoni tal-ajrudrom li s-sewwieqa jistgħu jkunu awtorizzati joperaw;

(2)

jinkludi:

(i)

taħriġ teoretiku u prattiku ta’ durata adegwata, mill-inqas fl-oqsma li ġejjin:

(A)

qafas regolatorju u responsabbiltajiet personali;

(B)

standards tal-vetturi, rekwiżiti u proċeduri operazzjonali tal-ajrudrom;

(C)

il-komunikazzjonijiet;

(D)

radjutelefonija, għas-sewwieqa li joperaw fiż-żona ta’ mmanuvrar;

(E)

prestazzjoni umana;

(F)

familjarizzazzjoni mal-ambjent operatorju;

(ii)

valutazzjoni tal-kompetenza tas-sewwieqa.

(c)

Awtorizzazzjoni tas-sewqan maħruġa skont il-punt (a) għandha tispeċifika l-partijiet taż-żona ta’ moviment jew żoni operazzjonali oħra li fuqhom is-sewwieq huwa permess isuq u għandha tibqa’ valida sakemm:

(1)

jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-punti (a)(1) u (a)(2);

(2)

id-detentur tal-awtorizzazzjoni tas-sewqan:

(i)

jgħaddi minn u jtemm b’suċċess taħriġ u ċċekkjar tal-profiċjenza skont il-punti ADR.OR.D.017 (f) u (g);

(ii)

jekk applikabbli, ikompli juri l-profiċjenza fil-lingwa meħtieġa skont il-punt ADR.OPS.B.029.

(d)

Minkejja l-punt (a), l-operatur tal-ajrudrom jista’ jippermetti persuna li ssuq vettura b’mod temporanju fiż-żona ta’ moviment jew f’żoni operazzjonali oħra jekk:

(1)

dik il-persuna jkollha liċenzja tas-sewqan valida, u kwalunkwe liċenzja oħra meħtieġa għat-tħaddim ta’ vetturi speċjalizzati;

(2)

dik il-vettura tkun skortata minn vettura misjuqa minn sewwieq awtorizzat skont il-punt (a).

(e)

L-operatur tal-ajrudrom għandu:

(1)

jistabbilixxi sistema u jimplimenta proċeduri:

(i)

għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sewqan u l-awtorizzazzjoni tas-sewqan tal-vetturi b’mod temporanju;

(ii)

biex jiġi żgurat li s-sewwieqa li tkun inħarġitilhom awtorizzazzjoni tas-sewqan ikomplu jikkonformaw mal-punti (c)(1) u (c)(2);

(iii)

għall-monitoraġġ tal-konformità tas-sewwieqa ma’ kwalunkwe rekwiżit ta’ sewqan applikabbli fl-ajrudrom u għat-teħid ta’ azzjoni xierqa, inklużi s-sospensjoni u r-revoka tal-awtorizzazzjonijiet tas-sewqan jew tal-permessi għas-sewqan ta’ vettura b’mod temporanju;

(2)

iżomm ir-rekords rilevanti.”;

(l)

jitħassar il-punt ADR.OPS.B.25;

(m)

jiddaħħlu l-punti ADR.OPS.B.026, ADR.OPS.B.027, ADR.OPS.B.028 u ADR.OPS.B.029 li ġejjin:

ADR.OPS.B.026 Awtorizzazzjoni tal-vetturi

(a)

It-tħaddim ta’ vettura fiż-żona ta’ moviment jew f’żoni operazzjonali oħra għandu jirrikjedi awtorizzazzjoni maħruġa mill-operatur tal-ajrudrom. L-awtorizzazzjoni tista’ tinħareġ jekk il-vettura tintuża f’attivitajiet relatati mal-operat tal-ajrudrom u:

(1)

ikun jista’ jsir servizz fuqha u tkun adattata għall-operazzjoni maħsuba;

(2)

tikkonforma mar-rekwiżiti tal-immarkar u tat-tidwil tal-punt ADR.OPS.B.080;

(3)

tkun mgħammra b’radju li jippermetti komunikazzjoni bidirezzjonali fuq il-frekwenza tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru xierqa u kwalunkwe frekwenza oħra meħtieġa, jekk tkun maħsuba li titħaddem fuq waħda minn dawn iż-żewġ żoni:

(i)

iż-żona ta’ mmanuvrar;

(ii)

żoni operazzjonali oħra fejn hija meħtieġa komunikazzjoni mal-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru jew unitajiet operazzjonali oħra tal-ajrudrom;

(4)

tkun mgħammra bi transponder jew b’tagħmir ieħor li jsostni s-sorveljanza, jekk tkun maħsuba li titħaddem fiż-żona ta’ mmanuvrar; u l-ajrudrom ikun mgħammar b’sistema ta’ gwida u ta’ kontroll tal-moviment fuq is-superfiċje li t-tħaddim tagħha jeħtieġ l-użu ta’ transponder jew ta’ tagħmir ieħor li jsostni s-sorveljanza mwaħħla fuq il-vetturi.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jillimita l-għadd ta’ vetturi awtorizzati li joperaw fiż-żona ta’ moviment u żoni operazzjonali oħra għall-għadd minimu meħtieġ għat-tħaddim sikur u effiċjenti tal-ajrudrom.

(c)

Awtorizzazzjoni maħruġa skont il-punt (a) għandha:

(1)

tispeċifika l-partijiet taż-żona ta’ moviment jew żoni operazzjonali oħra fejn tista’ titħaddem il-vettura;

(2)

tibqa’ valida sakemm jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-punt (a).

(d)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jassenja sinjal tas-sejħa lil vettura awtorizzata skont il-punt (a) biex topera fl-ajrudrom, jekk dik il-vettura tkun meħtieġa li tkun mgħammra bir-radju. Is-sinjal tas-sejħa assenjat lil vettura:

(1)

ma għandux jikkawża konfużjoni fir-rigward tal-identità tiegħu;

(2)

għandu jkun xieraq għall-funzjoni tiegħu;

(3)

għall-vetturi li joperaw fiż-żona ta’ mmanuvrar, għandu jkun ikkoordinat mal-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, u jinxtered lill-organizzazzjonijiet rilevanti fl-ajrudrom.

(e)

B’deroga mill-punt (a), l-operatur tal-ajrudrom jista’ jippermetti:

(1)

vettura awtorizzata skont il-punti (a)(1) u (2), li ma tkunx mgħammra b’radju meħtieġ skont il-punt (a)(3) u transponder jew tagħmir ieħor li jsostni s-sorveljanza meħtieġa skont il-punt (a)(4), li titħaddem kultant fiż-żoni msemmija fil-punti (a)(3) u (a)(4), sakemm:

(i)

li dik il-vettura tiġi skortata, f’kull ħin, minn vettura awtorizzata li tissodisfa r-rekwiżit tal-punt (a)(3) u, jekk ikun meħtieġ, il-punt (a)(4);

(ii)

li l-vettura tal-iskorta tikkonforma mar-rekwiżiti tal-immarkar u tat-tidwil tal-punt ADR.OPS.B.080;

(iii)

li ma jkunux fis-seħħ proċeduri f’viżibbiltà baxxa, jekk il-vettura skortata tkun se titħaddem fiż-żona ta’ mmanuvrar;

(2)

id-dħul temporanju ta’ vettura fl-ajrudrom u t-tħaddim tagħha fiż-żona ta’ moviment jew f’żoni operazzjonali oħra, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

spezzjoni viżwali ta’ dik il-vettura tiddetermina li l-kundizzjoni tagħha ma tipperikolax is-sikurezza;

(b)

dik il-vettura tiġi skortata, f’kull ħin, minn vettura awtorizzata li:

(i)

tissodisfa r-rekwiżit tal-punt (a)(3) u, jekk meħtieġ, il-punt (a)(4), meta topera fiż-żoni msemmija fil-punti (a)(3) u (a)(4);

(ii)

tikkonforma mar-rekwiżiti tal-immarkar u tat-tidwil tal-punt ADR.OPS.B.080;

(c)

ma jkunux fis-seħħ proċeduri f’viżibbiltà baxxa, jekk il-vettura tkun se titħaddem fiż-żona ta’ mmanuvrar.

(f)

L-operatur tal-ajrudrom għandu:

(1)

jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri:

(i)

għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet tal-vetturi u awtorizzazzjoni għad-dħul u t-tħaddim temporanji ta’ vetturi fl-ajrudrom;

(ii)

għall-għoti ta’ sinjali tas-sejħa lill-vetturi;

(iii)

għall-monitoraġġ tal-konformità ta’ vetturi mal-punt ADR.OPS.B.026 u għat-teħid ta’ azzjoni xierqa, inkluż is-sospensjoni u r-revoka ta’ awtorizzazzjonijiet tal-vetturi jew permessi biex vettura titħaddem b’mod temporanju;

(2)

għaż-żamma ta’ rekords rilevanti.

ADR.OPS.B.027 Tħaddim tal-vetturi

(a)

Is-sewwieq ta’ vettura fiż-żona ta’ mmanuvrar għandu jħaddem il-vettura:

(1)

kif awtorizzat mill-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru biss, u skont l-istruzzjonijiet maħruġa minn dik l-unità;

(2)

b’konformità mal-istruzzjonijiet obbligatorji kollha mogħtija b’marki u sinjali sakemm ma jkunx awtorizzat mod ieħor mill-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru;

(3)

b’konformità mal-istruzzjonijiet obbligatorji kollha mogħtija bid-dwal.

(b)

Is-sewwieq ta’ vettura fiż-żona ta’ mmanuvrar għandu jħaddem il-vettura skont ir-regoli li ġejjin:

(1)

vetturi tal-emerġenza li jkunu qegħdin jipproċedu sabiex imorru jassistu inġenju tal-ajru li jkun f’periklu għandhom jingħataw prijorità fuq it-traffiku l-ieħor kollu ta’ moviment fuq is-superfiċje;

(2)

soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-punt (1):

(i)

il-vetturi u l-vetturi li jkunu qegħdin jirmonkaw inġenju tal-ajru għandhom jagħtu d-dritta lill-inġenji tal-ajru li jkunu qed iwettqu llandjar, qtugħ mill-art jew taxiing;

(ii)

il-vetturi li ma jirmonkawx inġenju tal-ajru għandhom jagħtu d-dritta lill-vetturi li jkunu qegħdin jirmonkaw inġenju tal-ajru;

(iii)

il-vetturi li ma jirmonkawx inġenju tal-ajru għandhom jagħtu d-dritta lil vetturi oħra li ma jirmonkawx inġenju tal-ajru skont l-istruzzjonijiet tal-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru;

(iv)

minkejja d-dispożizzjonijiet tal-punti (i), (ii) u (iii), il-vetturi u l-vetturi li jkunu qegħdin jirmonkaw inġenju tal-ajru għandhom jikkonformaw mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru.

(c)

Is-sewwieq ta’ vettura mgħammra bir-radju, li biħsiebu jopera jew li jkun qed jopera fiż-żona ta’ mmanuvrar, għandu:

(1)

jistabbilixxi komunikazzjoni sodisfaċenti bir-radju bidirezzjonali mal-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru fuq il-frekwenza tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru xierqa qabel ma jidħol fiż-żona ta’ mmanuvrar, u jżomm sorveljanza bi smigħ kontinwu fuq il-frekwenza assenjata;

(2)

qabel ma jidħol fiż-żona ta’ mmanuvrar, jikseb awtorizzazzjoni mill-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u għandu jopera biss kif awtorizzat mill-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru. Minkejja tali awtorizzazzjoni, id-dħul f’runway jew fi strixxa tar-runway jew bidla fl-operazzjoni awtorizzata, għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni speċifika ulterjuri mill-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru;

(3)

jaqra lura, lill-persunal tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, il-partijiet tal-istruzzjonijiet relatati mas-sikurezza li jiġu trażmessi bil-vuċi. L-istruzzjonijiet għad-dħul, l-istennija barra mir-runway, il-qsim u t-tħaddim fuq kwalunkwe runway, taxiway jew strixxa tar-runway għandhom dejjem jinqraw lura;

(4)

jaqra lura, lill-persunal tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, jew jiġu rikonoxxuti, struzzjonijiet differenti minn dawk fil-punt (3) b’mod li jiġi indikat b’mod ċar li dawn inftiehmu u għandu jkun hemm konformità magħhom.

(d)

Is-sewwieq ta’ vettura li tkun qiegħda taħdem fiż-żona ta’ mmanuvrar, meta jkollu dubju dwar il-pożizzjoni tal-vettura fir-rigward taż-żona ta’ mmanuvrar, għandu:

(1)

jinnotifika lill-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru dwar iċ-ċirkostanzi, inkluża l-aħħar pożizzjoni magħrufa;

(2)

fl-istess ħin, sakemm ma jkunx ingħata struzzjonijiet mod ieħor mill-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, jitlaq mir-runway, it-taxiway, jew parti oħra miż-żona ta’ mmanuvrar, għal distanza sikura kemm jista’ jkun malajr;

(3)

wara l-azzjonijiet imsemmija fil-punti (1) u (2), iwaqqaf il-vettura.

(e)

Is-sewwieq ta’ vettura fiż-żona ta’ mmanuvrar:

(1)

meta jkun qed iħaddem vettura fuq strixxa tar-runway meta dik ir-runway tkun qiegħda tintuża għall-illandjar jew għall-qtugħ mill-art, ma għandux jersaq lejn ir-runway aktar viċin mid-distanza li fiha l-pożizzjoni ta’ stennija fuq ir-runway jew kwalunkwe pożizzjoni ta’ stennija fit-triq tkun ġiet stabbilita għal dik ir-runway;

(2)

meta runway tintuża għall-illandjar jew għall-qtugħ mill-art, ma għandux jopera vettura fi:

(i)

il-parti tal-istrixxa tar-runway li testendi lil hinn mit-truf ta’ dik ir-runway;

(ii)

iż-żoni ta’ sikurezza ta’ tarf ta’ dik ir-runway;

(iii)

mogħdija tal-ikklerjar, jekk tkun disponibbli, f’distanza li tipperikola inġenju tal-ajru fl-arja.

(f)

Is-sewwieq ta’ vettura mgħammra bir-radju fuq is-superfiċje asfaltata fl-ajrudrom għandu, jekk ikun meħtieġ fl-ajrudrom:

(1)

jistabbilixxi komunikazzjoni sodisfaċenti bir-radju bidirezzjonali mal-unità responsabbli deżinjata mill-operatur tal-ajrudrom qabel ma jidħol fis-superfiċje asfaltata fl-ajrudrom;

(2)

iżomm sorveljanza ta’ smigħ kontinwu fuq il-frekwenza assenjata.

(g)

Is-sewwieq ta’ vettura fuq is-superfiċje asfaltata fl-ajrudrom għandu jħaddem il-vettura skont dan li ġej:

(1)

kif awtorizzat biss mill-unità responsabbli deżinjata mill-operatur tal-ajrudrom, u skont l-istruzzjonijiet maħruġa minn dik l-unità;

(2)

b’konformità mal-istruzzjonijiet obbligatorji kollha mogħtija b’marki u sinjali sakemm ma jkunx awtorizzat mod ieħor mill-unità responsabbli deżinjata mill-operatur tal-ajrudrom;

(3)

b’konformità mal-istruzzjonijiet obbligatorji kollha mogħtija bid-dwal;

(4)

jagħti d-dritta lil vettura tal-emerġenza, inġenju tal-ajru li jkun qed jinsaq, li jkun se jibda jinsaq, jew li jkun qed jiġi mbottat jew irmonkat;

(5)

jagħti d-dritta lil vetturi oħra skont ir-regolamenti lokali;

(6)

dejjem jagħti prijorità fuq vetturi ta’ emerġenza li jwieġbu għal emerġenza.

(h)

Is-sewwieq ta’ vettura fiż-żona ta’ moviment u żoni operazzjonali oħra għandu:

(1)

iħaddem il-vettura skont il-limiti tal-veloċità u r-rotot tas-sewqan stabbiliti;

(2)

ma jkunx involut f’attivitajiet ta’ disturb jew distrazzjoni waqt is-sewqan;

(3)

jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni u mal-proċeduri operazzjonali li jinsabu fil-manwal tal-ajrudrom.

(i)

Is-sewwieq ta’ vettura li teskorta vettura oħra għandu jiżgura li s-sewwieq tal-vettura skortata jħaddem il-vettura skont l-istruzzjonijiet mogħtija.

(j)

Is-sewwieq ta’ vettura għandu jipparkja l-vettura biss f’żoni deżinjati mill-operatur tal-ajrudrom.

(k)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri sabiex jiżgura li s-sewwieqa li joperaw fiż-żona ta’ moviment u żoni operazzjonali oħra jikkonformaw mal-punti (a) sa (j).

ADR.OPS.B.028 Irmonkar tal-inġenji tal-ajru

L-operatur tal-ajrudrom għandu:

(a)

jistabbilixxi proċeduri ta’ mmanuvrar tal-inġenji tal-ajru u jiddeżinja rotot li għandhom jintużaw waqt operazzjonijiet tal-irmonkar ta’ inġenju tal-ajru fiż-żona ta’ moviment, biex jiżgura s-sikurezza;

(b)

jiżgura l-forniment ta’ gwida adegwata u xierqa matul l-operazzjonijiet tal-irmonkar;

(c)

jiżgura li l-inġenji tal-ajru rmonkati, matul l-operazzjonijiet tal-irmonkar, ikollhomid-dawl mixgħul skont id-dispożizzjonijiet tal-punt SERA.3215 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (*2);

(d)

jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri biex jiżgura komunikazzjoni u koordinazzjoni adegwati bejn l-organizzazzjoni li twettaq l-operazzjoni tal-irmonkar, l-unità tas-servizzi tal-immaniġġjar tas-superfiċje asfaltata fl-ajrudrom, u l-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, kif ikun xieraq għall-operazzjoni tal-irmonkar;

(e)

jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri biex jiżgura s-sikurezza tal-operazzjonijiet tal-irmonkar f’kundizzjonijiet tat-temp jew meteoroloġiċi ħżiena, inkluż billi jillimita jew ma jippermettix operazzjonijiet bħal dawn.

ADR.OPS.B.029 Profiċjenza fil-lingwa

(a)

Persuna meħtieġa skont il-punt ADR.OPS.B.024 biex turi profiċjenza fil-lingwa, għandha turi profiċjenza, mill-inqas f’livell operazzjonali kemm fl-użu ta’ frażijiet kif ukoll f’lingwaġġ sempliċi, skont il-punt (b), fi:

(1)

il-lingwa Ingliża; kif ukoll

(2)

kwalunkwe lingwa jew lingwi oħra użati fl-ajrudrom għall-finijiet ta’ komunikazzjoni bir-radju mal-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru tal-ajrudrom.

(b)

L-applikant għandu juri l-kapaċità tiegħu li:

(1)

jikkomunika b’mod effettiv f’sitwazzjonijiet fejn tintuża l-vuċi biss u f’sitwazzjonijiet wiċċ imb wiċċ;

(2)

jikkomunika dwar suġġetti komuni u relatati max-xogħol b’mod preċiż u ċar;

(3)

juża strateġiji komunikattivi xierqa sabiex jiskambja messaġġi u biex jagħraf u jsolvi nuqqas ta’ ftehim f’kuntest ġenerali jew relatat max-xogħol;

(4)

jegħleb b’suċċess l-isfidi lingwistiċi li jitfaċċaw minħabba kumplikazzjonijiet jew avvenimenti mhux mistennija li jseħħu fil-kuntest tar-rutina tax-xogħol jew waqt kompitu ta’ komunikazzjoni li normalment ikun familjari magħhom;

(5)

juża djalett jew aċċent li jinftiehem mill-komunità ajrunawtika.

(c)

Il-profiċjenza fil-lingwa għandha tintwera permezz ta’ ċertifikat maħruġ mill-organizzazzjoni li tkun wettqet il-valutazzjoni, li jixhed il-lingwa jew il-lingwi, il-livell jew il-livelli ta’ profiċjenza, u d-data tal-valutazzjoni.

(d)

Għajr għall-persuni li jkunu wrew profiċjenza fil-lingwa fil-livell ta’ esperti, il-profiċjenza fil-lingwa għandha tiġi vvalutata mill-ġdid kull:

(1)

erba’ snin mid-data tal-valutazzjoni, jekk il-livell muri jkun il-livell operazzjonali;

(2)

sitt snin mid-data tal-valutazzjoni, jekk il-livell muri jkun livell estiż.

(e)

Il-wiri ta’ profiċjenza fil-lingwa għandha ssir permezz ta’ metodu ta’ valutazzjoni, li għandu jinkludi:

(1)

il-proċess li permezz tiegħu ssir valutazzjoni;

(2)

il-kwalifiki tal-valutaturi li jwettqu l-valutazzjonijiet tal-profiċjenza fil-lingwa;

(3)

il-proċedura ta’ appell.

(f)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni taħriġ fil-lingwa biex iżomm il-livell meħtieġ ta’ profiċjenza fil-lingwa tal-persunal tiegħu.

(g)

B’deroga mill-punt (a), l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li l-profiċjenza fil-lingwa Ingliża ma tistax tkun meħtieġa għall-persunal imsemmi fil-punt ADR.OPS.B.024, għall-finijiet ta’ komunikazzjoni bir-radju mal-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru tal-ajrudrom. F’każ bħal dan, huwa għandu jwettaq valutazzjoni tas-sikurezza li tkopri ajrudrom wieħed jew aktar.

(h)

L-operatur tal-ajrudrom jista’ joħroġ awtorizzazzjoni lil persuna li ma tkunx uriet konformità mal-punti (a) u (b) sa:

(1)

is-7 ta’ Jannar 2026 fir-rigward tal-lingwa Ingliża;

(2)

is-7 ta’ Jannar 2023 fir-rigward ta’ kwalunkwe lingwa oħra għajr il-lingwa Ingliża.

(*2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).”;"

(n)

il-punt ADR.OPS.B.030 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ADR.OPS.B.030 Sistema ta’ gwida u ta’ kontroll tal-moviment fuq is-superfiċje

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li fl-ajrudrom tiġi pprovduta sistema ta’ gwida u ta’ kontroll tal-moviment fuq is-superfiċje.

(b)

Bħala parti mis-sistema ta’ gwida u ta’ kontroll tal-moviment fuq is-superfiċje, l-operatur tal-ajrudrom għandu, f’koordinazzjoni mal-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, jivvaluta l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rotot standard għas-sewqan tal-inġenji tal-ajru fl-ajrudrom. Meta jkunu pprovduti rotot standard, l-operatur tal-ajrudrom għandu:

(1)

jiżgura li jkunu adegwati u adattati għat-traffiku tal-ajrudrom, id-disinn u l-operazzjonijiet intenzjonati, u jkunu identifikati kif xieraq;

(2)

jipprovdi informazzjoni rilevanti lill-fornitur tas-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika għall-pubblikazzjoni fl-AIP.

(c)

Fejn it-tħaddim tas-sistema ta’ gwida u ta’ kontroll tal-moviment fuq is-superfiċje jeħtieġ l-użu ta’ transponder minn inġenju tal-ajru fiż-żona ta’ moviment, l-operatur tal-ajrudrom għandu jikkoordina mal-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru:

(1)

il-proċeduri operazzjonali tat-transponder rilevanti li għandhom jitħarsu mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru;

(2)

il-forniment tal-informazzjoni rilevanti lill-fornitur tas-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika għall-pubblikazzjoni fl-AIP.”;

(o)

jiddaħħal il-punt ADR.OPS.B.031 li ġej:

“ADR.OPS.B.031 Komunikazzjonijiet

(a)

Il-vetturi u l-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru għandhom jikkomunikaw skont ir-rekwiżiti applikabbli tat-Taqsima 14 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu, f’koordinazzjoni mal-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, jistabbilixxi proċeduri ta’ komunikazzjoni, li jinkludu:

(1)

il-frekwenzi u l-lingwa jew il-lingwi li għandhom jintużaw għall-komunikazzjoni bejn l-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u l-vetturi li għandhom l-intenzjoni li joperaw jew li qegħdin joperaw fiż-żona ta’ mmanuvrar;

(2)

il-komunikazzjoni bejn l-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u l-persuni bil-mixi li biħsiebhom joperaw jew li qegħdin joperaw fiż-żona ta’ mmanuvrar;

(3)

it-tixrid ta’ informazzjoni sinifikanti relatata mal-ajrudrom li tista’ taffettwa s-sikurezza tal-operazzjonijiet fiż-żona ta’ mmanuvrar, bl-użu ta’ komunikazzjonijiet bir-radju;

(4)

sinjali u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, li għandhom jintużaw, fil-kundizzjonijiet kollha tal-viżibbiltà, fil-każ ta’ falliment tal-komunikazzjoni bir-radju bejn l-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u vetturi jew persuni bil-mixi fiż-żona ta’ mmanuvrar.”;

(p)

jiddaħħal il-punt ADR.OPS.B.033 li ġej:

“ADR.OPS.B.033 Kontroll ta’ persuni bil-mixi

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri sabiex:

(1)

jillimita l-aċċess għaż-żona ta’ moviment u żoni operazzjonali oħra biss għall-persuni li d-dmirijiet tagħhom jeħtieġu li jkollhom aċċess għal tali żoni;

(2)

jiżgura li tali persuni jkunu permessi aċċess mingħajr skorta għal tali żoni biss jekk ikunu rċevew taħriġ rilevanti u jkunu wrew il-kompetenza tagħhom;

(3)

jikkontrolla l-moviment tal-persuni fuq is-superfiċje asfaltata fl-ajrudrom, u jiżgura li l-passiġġieri li jkunu qed jitilgħu jew jinżlu minn inġenju tal-ajru jew li jkunu jeħtieġu jimxu lejn, minn jew għal fuq is-superfiċje asfaltata fl-ajrudrom:

(i)

ikunu skortati minn persunal imħarreġ u kompetenti;

(ii)

ma jfixklux l-attivitajiet stazzjonarji ta’ inġenji tal-ajru u ta’ manutenzjoni fuq l-art;

(iii)

ikunu protetti minn inġenji tal-ajru li jkunu qegħdin joperaw, inklużi l-effetti tal-magni tagħhom, kif ukoll minn vetturi jew attivitajiet oħra.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri sabiex jiżgura:

(1)

id-dħul u t-tħaddim ordnat u sikur fiż-żona ta’ mmanuvrar tal-persunal li l-kompiti tiegħu jinvolvu aċċess għal din iż-żona mingħajr vettura;

(2)

li tali persunal:

(i)

ikun mgħammar kif xieraq, inkluż b’ilbies ta’ viżibbiltà għolja, b’mezzi ta’ orjentazzjoni, u mezzi li jippermettu komunikazzjoni bidirezzjonali mal-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u l-unità rispettiva tal-operatur tal-ajrudrom matul operazzjonijiet bħal dawn;

(ii)

jikseb awtorizzazzjoni mill-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru qabel ma jidħol fiż-żona ta’ mmanuvrar. Minkejja tali awtorizzazzjoni, id-dħul f’runway jew fi strixxa tar-runway jew bidla fl-operazzjoni awtorizzata għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni speċifika ulterjuri mill-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru;

(iii)

ma jidħolx fiż-żona ta’ mmanuvrar meta jkunu fis-seħħ proċeduri f’viżibbiltà baxxa.”;

(q)

il-punt ADR.OPS.B.035 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ADR.OPS.B.035 Operazzjonijiet f’kundizzjonijiet xitwija

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu, meta l-ajrudrom ikun mistenni jopera f’kundizzjonijiet fejn il-borra, is-silġ maħlul jew is-silġ jistgħu jakkumulaw fiż-żona ta’ moviment, jiżviluppa u jimplimenta pjan għall-borra. Bħala parti mill-pjan għall-borra, l-operatur tal-ajrudrom għandu:

(1)

ikollu dispożizzjonijiet għall-użu ta’ materjali sabiex titneħħa jew tiġi evitata l-formazzjoni ta’ silġ u ġlata jew biex jittejbu l-karatteristiċi tal-frizzjoni tas-superfiċje tar-runway;

(2)

jiżgura, sa fejn ikun raġonevolment prattiku, it-tneħħija tal-borra, is-silġ maħlul jew silġ mir-runways li jkunu qed jintużaw u l-partijiet l-oħra taż-żona ta’ moviment li huma maħsuba li jintużaw għat-tħaddim tal-inġenji tal-ajru.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jipprovdi għall-pubblikazzjoni fl-informazzjoni dwar l-AIP fir-rigward ta’:

(1)

id-disponibbiltà tat-tagħmir għat-tneħħija tal-borra u l-operazzjonijiet ta’ kontroll tal-borra u tas-silġ;

(2)

status ta’ approvazzjoni, jekk applikabbli, rigward l-użu ta’ runways tax-xitwa ppreparati apposta;

(3)

it-tip ta’ materjali li jkunu qed jintużaw għat-trattament tas-superfiċje taż-żona ta’ moviment.”;

(r)

jiddaħħlu l-punti ADR.OPS.B.036 u ADR.OPS.B.037 li ġejjin:

“ADR.OPS.B.036 Operazzjonijiet fuq runways tax-xitwa ppreparati apposta

(a)

Operatur tal-ajrudrom jista’, soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti, jistabbilixxi u juża proċeduri għat-tħaddim tal-ajruplani fuq runways tax-xitwa ppreparati apposta, meta t-tip ta’ kontaminant ikun kompatt fuq il-borra jew is-silġ. Ir-runways tax-xitwaippreparati apposta jistgħu jkunu assoċjati mal-RWYCC 4 primarju; madankollu, jekk it-trattament ma jiġġustifikax RWYCC 4, għandha tapplika l-proċedura normali skont il-punt ADR.OPS.B.037.

(b)

Sabiex jikseb l-approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti, l-operatur tal-ajrudrom għandu:

(1)

jistabbilixxi proċeduri li jinkludu dan li ġej:

(i)

it-tip ta’ tagħmir jew it-tip, il-kwalità u/jew il-kwantità tal-materjal li jintużaw biex jittejbu l-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway u l-metodu tal-applikazzjoni;

(ii)

il-monitoraġġ tal-parametri meteoroloġiċi;

(iii)

il-ġestjoni ta’ kontaminanti mhux imwaħħla;

(iv)

il-valutazzjoni tar-riżultati miksuba;

(2)

jikseb data dwar l-ajruplan li jkollha x’taqsam mal-waqfien tal-prestazzjoni fuq ir-runway bit-trattament speċjali minn tal-inqas minn operatur wieħed tal-ajruplan;

(3)

janalizza u jipproċessa d-data miksuba taħt il-punt (2), sabiex juri l-kapaċità li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tar-runway skont RWYCC partikolari;

(4)

jistabbilixxi programm ta’ manutenzjoni li jkopri kemm manutenzjoni preventiva kif ukoll dik korrettiva għat-tagħmir li jintuża sabiex tinkiseb prestazzjoni konsistenti.

(c)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm għall-monitoraġġ tal-effikaċja kontinwa tal-proċedura. Il-programm għandu juża rapporti ta’ azzjoni tal-ibbrejkjar mid-data tal-ajruplan li għandhom jitqabblu mal-kundizzjonijiet tar-runway irrapportati.

(d)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jevalwa l-prestazzjoni tal-operazzjonijiet tax-xitwa wara tmiem il-perjodu tax-xitwa sabiex jidentifika l-ħtieġa għal:

(1)

rekwiżiti addizzjonali tat-taħriġ;

(2)

aġġornament tal-proċeduri;

(3)

tagħmir u materjali addizzjonali jew differenti.

ADR.OPS.B.037 Valutazzjoni tal-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway u l-assenjazzjoni tal-kodiċi tal-kundizzjoni tar-runway

Kull meta l-kontaminanti elenkati fil-punti ADR.OPS.A.060(a) sa (e) ikunu preżenti fuq is-superfiċje ta’ runway, l-operatur tal-ajrudrom għandu:

(a)

jassenja RWYCC ibbażat fuq it-tip u l-fond tal-kontaminant u t-temperatura;

(b)

jispezzjona r-runway kull meta l-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway setgħet inbidlet minħabba kundizzjonijiet meteoroloġiċi, jivvaluta l-kundizzjoni tas-superfiċje tar-runway u jassenja runway RWYCC ġdida;

(c)

juża rapporti speċjali dwar l-ajru biex jagħti bidu għal rivalutazzjoni tar-RWYCC.”;

(s)

il-punt ADR.OPS.B.080 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ADR.OPS.B.080 Sinjali u tidwil ta’ vetturi u oġġetti mobbli oħra

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li l-vetturi u oġġetti mobbli oħra, esklużi inġenji tal-ajru, fiż-żona ta’ moviment tal-ajrudrom ikunu:

(1)

immarkati bl-użu ta’ kuluri li jidhru, jew juru, f’postijiet adattati, bnadar ta’ daqs xieraq, disinn iċċangjat u kuluri kontrastanti;

(2)

mixgħula bi dwal ta’ ostaklu ta’ intensità baxxa li t-tip u l-karatteristiċi tagħhom ikunu xierqa għall-funzjoni tagħhom, jekk il-vetturi u l-ajrudrom jintużaw billejl jew f’kundizzjonijiet ta’ viżibbiltà baxxa. Il-kulur tad-dwal li għandhom jintwerew għandu jkun kif ġej:

(i)

blu jteptep għal vetturi assoċjati ma’ emerġenza jew ma’ sigurtà;

(ii)

isfar iteptep għal vetturi oħra, inklużi l-vetturi ta’ insegwiment;

(iii)

aħmar fiss għal oġġetti b’mobbiltà limitata.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom jista’ jeżenta mill-punt (a) it-tagħmir ta’ manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru u vetturi użati biss fuq is-superfiċji asfaltati fl-ajrudrom.”;

(t)

il-punt ADR.OPS.C.005 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ADR.OPS.C.005 Manutenzjoni — Ġenerali

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ manutenzjoni, li jinkludi manutenzjoni preventiva fejn ikun xieraq, sabiex iżomm il-faċilitajiet, is-sistemi u t-tagħmir tal-ajrudrom meħtieġa għat-tħaddim tal-ajrudrom f’kundizzjoni li ma tfixkilx is-sikurezza, ir-regolarità jew l-effiċjenza tan-navigazzjoni bl-ajru. It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ manutenzjoni għandhom josservaw il-prinċipji tal-fatturi umani.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li jkunu pprovduti mezzi xierqa u adegwati għall-implimentazzjoni effettiva tal-programm ta’ manutenzjoni.”;

(u)

jiddaħħal il-punt ADR.OPS.C.007 li ġej:

“ADR.OPS.C.007 Manutenzjoni ta’ vetturi

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu:

(1)

jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ manutenzjoni, li jinkludi manutenzjoni preventiva u josserva l-prinċipji tal-fatturi umani, għall-vetturi ta’ salvataġġ u ta’ tifi tan-nar, biex jiżgura l-effikaċja tal-vetturi u t-tagħmir tagħhom u l-konformità mal-ħin speċifikat ta’ rispons matul il-ħajja tal-vettura;

(2)

jiżgura l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ manutenzjoni għall-vetturi l-oħra tiegħu li joperaw fiż-żona ta’ moviment jew f’żoni operazzjonali oħra.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu:

(1)

jistabbilixxi proċeduri biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-programm ta’ manutenzjoni msemmi fil-punt (a);

(2)

jiżgura li jkunu pprovduti mezzi u faċilitajiet xierqa u adegwati għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu;

(3)

iżomm rekords tal-manutenzjoni għal kull vettura.

(c)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li l-organizzazzjonijiet li joperaw jew jipprovdu servizzi fl-ajrudrom:

(1)

iżommu l-vetturi tagħhom li joperaw fiż-żona ta’ moviment jew f’żoni operazzjonali oħra, skont programm ta’ manutenzjoni stabbilit, inkluża l-manutenzjoni preventiva;

(2)

iżommu rekords tal-manutenzjoni rilevanti.

(d)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li l-vetturi li ma jistgħux isir servizz fuqhom ma jintużawx għall-operazzjonijiet.”;

(v)

il-punti ADR.OPS.C.010 u ADR.OPS.C.015 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“ADR.OPS.C.010 Manutenzjoni ta’ bankini, uċuh tal-art oħrajn u drenaġġ

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jispezzjona s-superfiċji taż-żoni ta’ moviment kollha inklużi l-bankini (ir-runways, it-taxiways u s-superfiċji asfaltati fl-ajrudrom), iż-żoni kontigwi u d-drenaġġ biex regolarment jevalwa l-kundizzjoni tagħhom bħala parti minn programm ta’ manutenzjoni preventiva jew korrettiva tal-ajrudrom.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu:

(1)

jagħmel manutenzjoni fuq is-superfiċji fiż-żoni ta’ moviment kollha bil-għan li jevita u jelimina kull FOD li jista’ jikkawża ħsarat lill-inġenji tal-ajru jew ixekkel l-operat tas-sistemi tal-inġenju tal-ajru;

(2)

jagħmel manutenzjoni fuq is-superfiċje tar-runways, tat-taxiways u tas-superfiċji asfaltati fl-ajrudrom biex jipprevjeni l-formazzjoni ta’ irregolaritajiet li jwasslu għal xi ħsara;

(3)

iżomm ir-runway f’kundizzjoni sabiex tipprovdi karatteristiċi tal-frizzjoni tas-superfiċje fl-istandards minimi jew ogħla minnhom;

(4)

jispezzjona u jiddokumenta perjodikament il-karatteristiċi tal-frizzjoni tas-superfiċje tar-runway għall-finijiet ta’ manutenzjoni. Il-frekwenza ta’ dawk l-ispezzjonijiet għandha tkun biżżejjed biex tiġi ddeterminata t-tendenza tal-karatteristiċi tal-frizzjoni tas-superfiċje tar-runway;

(5)

jieħu azzjoni korrettiva ta’ manutenzjoni biex ma jħallix il-karatteristiċi tal-frizzjoni tas-superfiċje tar-runway jew għar-runway kollha jew għal parti minnha, meta mhux ikkontaminata, jaqgħu taħt l-istandards minimi.

ADR.OPS.C.015 Manutenzjoni ta’ għajnuniet viżwali u sistemi elettriċi

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ manutenzjoni preventiva u korrettiva sabiex jiżgura s-servizzjabbiltà tas-sistemi elettriċi u d-disponibbiltà tal-provvista tal-enerġija fil-faċilitajiet kollha meħtieġa tal-ajrudrom, b’mod li jiżgura s-sikurezza, ir-regolarità u l-effiċjenza tan-navigazzjoni bl-ajru.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ manutenzjoni preventiva u korrettiva sabiex jiżgura s-servizzjabbiltà tad-dwal individwali u l-affidabbiltà tas-sistemi tat-tidwil tal-ajrudrom, b’mod li jiżgura l-kontinwità tal-gwida u l-kontroll tal-inġenji tal-ajru u l-vetturi, kif ġej:

(1)

Għal runway b’avviċinament bi preċiżjoni, għall-Kategorija II jew III, is-sistema ta’ manutenzjoni preventiva għandu jkollha bħala l-għan tagħha, li matul kwalunkwe perjodu ta’ operazzjonijiet tal-Kategorija II jew III, l-avviċinament u d-dwal tar-runway kollha jkun jista’ jsir servizz fuqhom u li, fi kwalunkwe każ, mill-inqas:

(i)

95 % tad-dwal ikun jista’ jsir servizz fuqhom f’kull wieħed minn dawn l-elementi:

(A)

sistema tat-tidwil tal-Kategorija II u III b’avviċinament ta’ preċiżjoni, 450 m interni;

(B)

dwal tal-linja ċentrali tar-runway;

(C)

dwal tal-livell limitu tar-runway;

(D)

dwal tat-tarf tar-runway.

(ii)

90 % tad-dwal ikun jista’ jsir servizz fuqhom fid-dwal taż-żona tal-illandjar;

(iii)

85 % tad-dwal ikun jista’ jsir servizz fuqhom fis-sistema tat-tidwil ta’ avviċinament ta’ aktar minn 450 m;

(iv)

5 % tad-dwal ikun jista’ jsir servizz fuqhom fid-dwal ta’ tmiem ir-runway.

(2)

Id-dwal li ma jistgħux isiru servizzi fuqhom f’konformità mal-punt (1) ma għandhomx ibiddlu l-mudell bażiku tas-sistema tat-tidwil.

(3)

Dawl li ma jistax isir servizz fuqu ma għandux ikun permess ħdejn dawl ieħor li ma jistax isir servizz fuqu, ħlief f’barrette jew fi crossbar fejn jistgħu jkunu permessi żewġt idwal li ma jistax isir servizz fuqhom ħdejn xulxin.

(4)

Għal żbarra tal-waqfien li tkun ipprovduta f’pożizzjoni ta’ stennija fuq ir-runway u li tintuża flimkien ma’ runway maħsuba għall-operazzjonijiet f’kundizzjonijiet ta’ medda viżwali tar-runway b’valur ta’ inqas minn 550 m, is-sistema ta’ manutenzjoni preventiva għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin:

(i)

mhux aktar minn żewġt idwal għandhom jibqgħu tat-tip li ma jistax isir servizz fuqhom;

(ii)

żewġt idwal ħdejn xulxin ma għandhomx jibqgħu tat-tip li ma jistax isir servizz fuqhom sakemm l-ispazjar tad-dawl ma jkunx sostanzjalment inqas minn dak meħtieġ.

(5)

Għal taxiway maħsuba għall-użu f’kundizzjonijiet ta’ medda viżwali tar-runway b’valur ta’ inqas minn 550 m, is-sistema ta’ manutenzjoni preventiva għandu jkollha bħala l-għan tagħha li l-ebda żewġt idwal tal-linja ċentrali tat-taxiway ħdejn xulxin ma jkunu tat-tip li ma jistax isir servizz fuqhom.

(6)

Għal runway b’avviċinament bi preċiżjoni tal-Kategorija I, is-sistema ta’ manutenzjoni preventiva mħaddma għandu jkollha, bħala l-għan tagħha, li matul kwalunkwe perjodu ta’ operazzjonijiet tal-Kategorija I, id-dwal kollha ta’ avviċinament u tar-runway ikun jista’ jsir servizz fuqhom u li, fi kwalunkwe każ:

(i)

mill-inqas 85 % tad-dwal ikun jista’ jsir servizz fuqhom f’kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(A)

sistema tat-tidwil tal-Kategorija I b’avviċinament ta’ preċiżjoni;

(B)

dwal tal-livell limitu tar-runway;

(C)

dwal tat-tarf tar-runway;

(D)

dwal ta’ tmiem ir-runway;

(ii)

dawl li ma jistax isir servizz fuqu ma għandux ikun permess ħdejn dawl ieħor li ma jistax isir servizz fuqu sakemm l-ispazjar tad-dawl ma jkunx inqas sew minn dak meħtieġ.

(7)

Għal runway maħsuba għall-qtugħ mill-art f’kundizzjonijiet ta’ medda viżwali tar-runway b’valur ta’ 550 m, is-sistema ta’ manutenzjoni preventiva għandu jkollha bħala l-għan tagħha li, matul kwalunkwe perjodu tal-operazzjonijiet, id-dwal kollha tar-runway ikun jista’ jsir servizz fuqhom, u li, fi kwalunkwe każ:

(i)

mill-inqas:

(A)

95 % tad-dwal ikun jista’ jsir servizz fuqhom fid-dwal tal-linja ċentrali tar-runway (fejn ikun ipprovdut) u fid-dwal tat-tarf tar-runway;

(B)

75 % tad-dwal ikun jista’ jsir servizz fuqhom fid-dwal ta’ tmiem ir-runway;

(ii)

dawl li ma jistax isir servizz fuqu ma għandux ikun permess ħdejn dawl ieħor li ma jistax isir servizz fuqu.

(8)

Għal runway maħsuba għall-qtugħ mill-art f’kundizzjonijiet ta’ medda viżwali tar-runway b’valur ta’ 550 m jew aktar, is-sistema ta’ manutenzjoni preventiva għandu jkollha bħala l-għan tagħha li, matul kwalunkwe perjodu tal-operazzjonijiet, id-dwal kollha tar-runway ikun jista’ jsir servizz fuqhom, u li, fi kwalunkwe każ:

(i)

mill-inqas 85 % tad-dwal ikun jista’ jsir servizz fuqhom fid-dwal tat-tarf tar-runway u fid-dwal ta’ tmiem ir-runway;

(ii)

dawl li ma jistax isir servizz fuqu ma għandux ikun permess ħdejn dawl ieħor li ma jistax isir servizz fuqu.

(9)

Għal runway mgħammra b’sistemi ta’ indikatur tal-inklinazzjoni b’avviċinament viżwali, is-sistema ta’ manutenzjoni preventiva għandu jkollha bħala l-għan tagħha li, matul kwalunkwe perjodu tal-operazzjonijiet, l-unitajiet kollha jkun jista’ jsir servizz fuqhom. Unità għandha titqies li ma jistax isir servizz fuqha jekk l-għadd ta’ dwal li ma jistax isir servizz fuqhom ikun tali li l-unità ma tipprovdix il-gwida intenzjonata lill-inġenju tal-ajru.

(c)

Għall-finijiet tal-punt (b), dawl għandu jitqies li ma jistax isisr servizz fuqu jekk:

(1)

l-intensità medja tar-raġġ ewlieni tkun inqas minn 50 % tal-valur speċifikat fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni maħruġa mill-Aġenzija. Għall-unitajiet tad-dawl fejn l-intensità medja tar-raġġ ewlieni ddiżinjata tkun ogħla mill-valur speċifikat fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni maħruġa mill-Aġenzija, il-valur ta’ 50 % għandu jkun relatat ma’ dak il-valur tad-disinn;

(2)

il-filtru assoċjat mad-dawl huwa nieqes, bil-ħsara, jew id-dawl ma jipproduċix ir-raġġ korrett tad-dawl tal-kulur.

(d)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ manutenzjoni preventiva u korrettiva sabiex jiżgura s-servizzjabbiltà u l-affidabbiltà tas-sistema tal-immarkar u tas-sinjali tal-ajrudrom, b’mod li jiżgura l-kontinwità tal-gwida u l-kontroll tal-inġenji tal-ajru u l-vetturi.

(e)

L-attivitajiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ manutenzjoni ma għandhomx iseħħu fil-prossimità tas-sistemi elettriċi tal-ajrudrom meta l-proċeduri f’viżibbiltà baxxa jkunu fis-seħħ fl-ajrudrom.

(f)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li:

(1)

l-programmi ta’ manutenzjoni preventiva msemmija fil-punti (a), (b) u (d) jinkludu spezzjonijiet u ċekkjaturi xierqa tal-elementi individwali ta’ kull sistema, u tas-sistema nnifisha, li jitwettqu f’konformità mal-proċeduri stabbiliti, u f’intervalli ddefiniti, xierqa għall-operazzjoni u s-sistema prevista;

(2)

jittieħdu azzjonijiet korrettivi xierqa biex jitranġaw xi difetti identifikati.

(g)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jżomm rekords tal-attivitajiet ta’ manutenzjoni rilevanti.”.


(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1).”.

(*2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).”;”