18.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 428/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2146

tal-24 ta’ Settembru 2020

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli ta’ produzzjoni eċċezzjonali fil-produzzjoni organika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(1)(b) u (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi r-regoli ġenerali tal-produzzjoni għall-prodotti organiċi.

(2)

Ċerti avvenimenti bħal avvenimenti klimatiċi estremi jew mard mifrux tal-annimali jew tal-pjanti jista’ jkollhom effetti serji fuq il-produzzjoni organika fl-azjendi jew fl-unitajiet tal-produzzjoni affettwati fl-Unjoni. Sabiex il-produzzjoni organika tkun tista’ tissokta jew terġa’ tibda, ir-Regolament (UE) 2018/848 jipprevedi l-adozzjoni ta’ regoli ta’ produzzjoni eċċezzjonali, dment li dawn ikunu limitati għal sitwazzjonijiet li jikkwalifikaw bħala ċirkostanzi katastrofiċi fl-Unjoni, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fil-bilanċ ekoloġiku, fil-klima u fil-kundizzjonijiet lokali fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni.

(3)

Fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta’ każijiet u ċirkostanzi li jistgħu jseħħu fl-Istati Membri u fid-dawl tan-nuqqas ta’ esperjenza fl-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2018/848, f’dan l-istadju mhuwiex possibbli li jiġu stabbiliti kriterji komuni fil-livell tal-Unjoni biex jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni tistax tikkwalifika bħala ċirkostanzi katastrofiċi. Madankollu, huwa xieraq li jiġi previst li l-Istat Membru fejn isseħħ tali sitwazzjoni jenħtieġ li joħroġ deċiżjoni formali li tirrikonoxxi s-sitwazzjoni bħala ċirkostanzi katastrofiċi. Dik id-deċiżjoni formali jenħtieġ li tinħareġ għal żona sħiħa jew għal operatur individwali.

(4)

Huwa meħtieġ li l-użu tar-regoli ta’ produzzjoni eċċezzjonali fl-Unjoni jiġi limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ biex il-produzzjoni organika tissokta jew terġa’ tibda. Għalhekk, id-derogi previsti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu limitati fiż-żmien u jingħataw biss għat-tipi ta’ produzzjoni affettwati, jew, fejn rilevanti, għall-irqajja’ ta’ art, u lill-operaturi rilevanti kollha fiż-żona kkonċernata, jew lill-operatur individwali kopert mid-deċiżjoni formali.

(5)

Huwa meħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġu stabbiliti r-regoli ta’ produzzjoni eċċezzjonali li jistgħu jiġu applikati f’każ ta’ ċirkostanzi katastrofiċi għall-produzzjoni tal-pjanti, tal-bhejjem, tal-akkwakultura u tal-inbid f’termini ta’ derogi u l-kundizzjonijiet tagħhom.

(6)

Meta l-operaturi affettwati minn ċirkostanzi katastrofiċi ma jkunx jista’ jkollhom aċċess għal materjal riproduttiv organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni tal-pjanti għall-produzzjoni organika tal-pjanti u għal prodotti tal-pjanti għajr materjal riproduttiv tal-pjanti, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li dawk l-operaturi jużaw materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti f’ċerti kundizzjonijiet.

(7)

F’każ ta’ mortalità għolja ta’ annimali, inklużi n-naħal jew insetti oħra, f’azjenda jew f’unità ta’ produzzjoni u meta l-operaturi ma jistax ikollhom aċċess għall-annimali, għan-naħal jew għall-insetti oħra organiċi biex iġeddu jew jirrikostitwixxu l-merħla jew il-qatgħa tagħhom, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li dawk l-operaturi jużaw annimali mhux organiċi f’ċerti kundizzjonijiet.

(8)

Peress li ċerti avvenimenti klimatiċi estremi bħal nixfiet jew għargħar serji jistgħu jnaqqsu drastikament id-disponibbiltà tal-għalf organiku jew tal-għalf fil-fażi ta’ konverżjoni, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li l-operaturi affettwati jitimgħu lill-bhejjem b’għalf mhux organiku.

(9)

Billi ċerti avvenimenti bħal terremoti jew għargħar jistgħu jeqirdu parzjalment il-mergħat jew il-bini użat mill-bhejjem f’azjenda jew f’unità ta’ produzzjoni, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li l-operaturi affettwati jidderogaw mill-obbligu li l-bhejjem jirgħu, jew li jinżammu skont id-densitajiet massimi tal-ħażna fil-bini u l-uċuħ minimi għaż-żoni ta’ ġewwa u ta’ barra kif stabbiliti f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2018/848.

(10)

Minħabba li ċerti avvenimenti klimatiċi estremi bħal nixfiet jew għargħar serji jistgħu jnaqqsu b’mod drastiku d-disponibbiltà ta’ għalf oħxon organiku, foraġġ frisk jew imnixxef, jew silaġġ, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li l-operaturi affettwati jnaqqsu l-perċentwal ta’ materja niexfa fir-razzjonijiet ta’ kuljum għall-annimali bovini, għall-annimali ovini, għall-annimali kaprini u għall-annimali ekwini, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti nutrittivi tal-annimali fl-istadji varji tal-iżvilupp tagħhom.

(11)

Billi ċerti avvenimenti għajr il-kundizzjonijiet klimatiċi bħal nirien jew terremoti jistgħu jnaqqsu drastikament id-disponibbiltà tan-nektar u tal-għabra tad-dakra għan-naħal, jeħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li l-kolonji tan-naħal jingħalfu b’għasel organiku, għabra tad-dakra organika, ġulepp taz-zokkor organiku, jew zokkor organiku, meta s-sopravivenza tal-kolonja tkun fil-periklu.

(12)

Peress li ċerti avvenimenti bħall-kundizzjonijiet klimatiċi estremi, nirien jew terremoti jistgħu jnaqqsu drastikament is-sorsi tan-nektar u tal-għabra tad-dakra f’ċerti żoni, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li l-operaturi affettwati jċaqalqu l-kolonji tan-naħal f’żoni li jistgħu ma jikkonsistux essenzjalment minn għelejjel prodotti b’mod organiku, jew minn veġetazzjoni spontanja jew minn foresti ġestiti mhux organikament jew minn għelejjel li jiġu ttrattati biss b’metodi li jkollhom impatt ambjentali baxx, meta s-sopravivenza tal-kolonja tkun fil-periklu.

(13)

F’każ ta’ mortalità għolja tal-annimali tal-akkwakultura f’azjenda jew f’unità ta’ produzzjoni u meta l-operaturi ma jistgħux ikollhom aċċess għall-annimali tal-akkwakultura organiċi biex iġeddu jew jirrikostitwixxu l-istokk tagħhom, jeħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li dawk l-operaturi jużaw annimali tal-akkwakultura li ma jkunux organiċi f’kundizzjonijiet speċifiċi.

(14)

Meta ċerti ċirkostanzi katastrofiċi jaffettwaw b’mod negattiv l-istatus sanitarju tal-għeneb organiku, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li l-produtturi tal-inbid affettwati jużaw aktar diossidu tal-kubrit mill-ammont massimu stipulat fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 24(9) tar-Regolament (UE) 2018/848 iżda, fi kwalunkwe każ, mhux aktar mill-ammont massimu stabbilit fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 (2) biex jinkiseb prodott finali komparabbli.

(15)

Għall-fini tat-trasparenza u tal-kontrolli, huwa meħtieġ li t-tagħrif dwar id-derogi mogħtija jinqasam b’mod armonizzat bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni permezz ta’ sistema tal-kompjuter.

(16)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-operaturi li ngħatawlhom id-derogi jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tad-derogi mogħtija. Għall-fini ta’ kontrolli, l-operaturi jenħtieġ li jżommu prova dokumentata li tixhed li dawn ingħataw ċerti derogi rilevanti għall-attivitajiet tagħhom u li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet relatati magħhom.

(17)

Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Rikonoxximent taċ-ċirkostanzi katastrofiċi

1.   Għall-finijiet tar-regoli ta’ produzzjoni eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2018/848, sabiex sitwazzjoni tikkwalifika bħala ċirkostanzi katastrofiċi li tirriżulta minn “avveniment klimatiku negattiv”, “mard tal-annimali”, “inċident ambjentali”, “diżastru naturali” jew “avveniment katastrofiku”, kif ukoll kwalunkwe sitwazzjoni komparabbli, din għandha tkun rikonoxxuta bħala ċirkostanzi katastrofiċi minn deċiżjoni formali maħruġa mill-Istat Membru fejn isseħħ is-sitwazzjoni.

2.   Skont jekk iċ-ċirkostanzi katastrofiċi jaffettwawx żona speċifika jew operatur individwali, id-deċiżjoni formali maħruġa skont il-paragrafu 1 għandha tirreferi għaż-żona jew l-operatur ikkonċernat.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għal deroga

1.   Skont id-deċiżjoni formali msemmija fl-Artikolu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, malli jidentifikaw l-operaturi affettwati fiż-żona kkonċernata jew fuq talba mill-operatur individwali kkonċernat, jagħtu d-derogi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 3 u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom, sakemm dawk id-derogi u l-kundizzjonijiet ikunu japplikaw:

(a)

għal perjodu limitat taż-żmien u mhux aktar milli meħtieġ, u fl-ebda każ itwal minn 12-il xahar, sabiex tissokta jew terġa’ tinbeda l-produzzjoni organika kif kienet issir qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dawk id-derogi;

(b)

fir-rigward tat-tipi ta’ produzzjoni jew, fejn rilevanti, tal-irqajja’ ta’ art speċifikament affettwati; kif ukoll

(c)

għall-operaturi organiċi rilevanti kollha affettwati fiż-żona kkonċernata jew biss għall-operatur individwali kkonċernat, skont il-każ.

2.   L-applikazzjoni tad-derogi msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-validità taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/848 matul il-perjodu li fih japplikaw id-derogi, dment li l-operatur jew l-operaturi kkonċernati jissodisfaw il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom ikunu ngħataw id-derogi.

Artikolu 3

Derogi speċifiċi mir-Regolament (UE) 2018/848

1.   B’deroga mill-punt 1.8.1. tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, għall-produzzjoni ta’ pjanti u prodotti mill-pjanti minbarra l-materjal riproduttiv tal-pjanti, jista’ jintuża materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti meta l-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti organiku ma jkunx possibbli, dment li jkun hemm konformità mal-punt 1.8.5.3. tal-Parti I ta’ dak l-Anness u, fejn xieraq, mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.7. tal-Parti I ta’ dak l-Anness.

2.   B’deroga mill-punt 1.3.1 tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, il-merħla jew il-qatgħa tista’ tiġi mġedda jew rikostitwita b’annimali mhux organiċi f’każ ta’ mortalità għolja ta’ annimali u meta annimali mrobbija b’mod organiku ma jkunux disponibbli, dment li jkun hemm konformità mal-perjodi ta’ konverżjoni rispettivi speċifikati fil-punt 1.2.2 tal-Parti II ta’ dak l-Anness II.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika mutatis mutandis għall-produzzjoni tan-naħal u ta’ insetti oħra.

3.   B’deroga mill-punt 1.4.1. (b) tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, il-bhejjem jistgħu jingħalfu għalf mhux organiku minflok għalf organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni, meta l-produzzjoni tal-għalf tintilef jew jiġu imposti restrizzjonijiet.

4.   B’deroga mill-punti 1.4.2.1., 1.6.3. u 1.6.4. tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, meta l-unità tal-produzzjoni tal-bhejjem tkun affettwata, ir-ragħa fuq art organika, id-densità tal-ħażna fil-binjiet u l-uċuħ minimi għal żoni fuq ġewwa u fuq barra, kif stipulat f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 14(3) ta’ dak ir-Regolament, jistgħu jiġu adattati.

5.   B’deroga mill-punt 1.9.1.1. (f) tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, meta tintilef il-produzzjoni tal-għalf jew meta jiġu imposti restrizzjonijiet, jista’ jitnaqqas il-perċentwal tal-materja niexfa li tikkonsisti f’għalf oħxon, foraġġ frisk jew imnixxef, jew silaġġ fir-razzjonijiet ta’ kuljum, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti nutrittivi tal-annimal fl-istadji varji tal-iżvilupp tiegħu.

6.   B’deroga mill-punt 1.9.6.2. (b) tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, meta s-sopravivenza tal-kolonja jkun fil-periklu għal raġunijiet oħra għajr il-kundizzjonijiet klimatiċi, il-kolonji tan-naħal jistgħu jingħalfu b’għasel organiku, għabra tad-dakra organika, ġulepp taz-zokkor organiku, jew zokkor organiku.

7.   B’deroga mill-punti 1.9.6.5. (a) u (c) tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, meta s-sopravivenza tal-kolonja tkun fil-periklu, il-kolonji tan-naħal jistgħu jittieħdu f’żoni li ma jissodisfawx id-dispożizzjonijiet għat-tpoġġija tal-imġiebaħ.

8.   B’deroga mill-punt 3.1.2.1. (a) tal-Parti III tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, l-istokk tal-akkwakultura jista’ jiġġedded jew jiġi rikostitwit b’annimali tal-akkwakultura li ma jkunux organiċi f’każ ta’ mortalità għolja ta’ annimali tal-akkwakultura u meta ma jkunx hemm disponibbli annimali mrobbija b’mod organiku, dment li l-aħħar żewġ terzi taċ-ċiklu tal-produzzjoni jkunu ġestiti b’mod organiku.

9.   B’deroga mill-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 24(9) tar-Regolament (UE) 2018/848 u li jistabbilixxi b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ prodotti u sustanzi awtorizzati fil-produzzjoni organika, id-diossidu tal-kubrit jista’ jintuża fil-produzzjoni ta’ prodotti tas-settur tal-inbid, sal-kontenut massimu stabbilit fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934 meta l-istatus sanitarju tal-għeneb organiku jobbliga lill-produttur tal-inbid biex juża aktar diossidu tal-kubrit milli fis-snin preċedenti biex jikseb prodott finali komparabbli.

Artikolu 4

Monitoraġġ u rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar id-derogi mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont dan ir-Regolament permezz ta’ sistema tal-kompjuter li se tagħmel disponibbli l-Kummissjoni li tippermetti l-iskambju elettroniku ta’ dokumenti u ta’ tagħrif.

2.   Kwalunkwe operatur li għalih japplikaw id-derogi mogħtija għandu jżomm prova dokumentata relatata mad-derogi mogħtija kif ukoll prova dokumentata dwar l-użu ta’ dawk id-derogi tul il-perjodu li fih japplikaw dawk id-derogi.

3.   L-awtoritajiet kompetenti, jew fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll tal-Istati Membri, għandhom jivverifikaw il-konformità tal-operaturi mal-kundizzjonijiet tad-derogi mogħtija.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda ż-żoni ta’ vitikultura li fihom tista’ tiżdied il-qawwa alkoħolika, il-prattiki enoloġiċi awtorizzati u r-restrizzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni u l-konservazzjoni tal-prodotti tad-dielja, il-persentaġġ minimu tal-alkoħol għall-prodotti sekondarji u r-rimi tagħhom, u l-pubblikazzjoni tal-fajls tal-OIV (ĠU L 149, 7.6.2019, p. 1).