|
18.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 430/8 |
IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2133
tas-17 ta' Diċembru 2020
li jimplimenta l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta' Lulju 2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-18 ta' Lulju 2005, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1183/2005. |
|
(2) |
Fit-2 ta' Novembru 2020, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1533 (2004) aġġorna l-informazzjoni relattiva għal persuna waħda soġġetta għal miżuri restrittivi. |
|
(3) |
L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 huwa b'dan emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
S. SCHULZE
ANNESS
Fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005, il-Parti (a) (Lista ta' persuni msemmija fl-Artikoli 2 u 2a), l-entrata 7 hija sostitwita b'dan li ġej:
|
"7. |
Thomas LUBANGA |
Post tat-twelid: Ituri, Repubblika Demokratika tal-Kongo.
Nazzjonalità: Repubblika Demokratika tal-Kongo.
Indirizz: Repubblika Demokratika tal-Kongo.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 1 ta' Novembru 2005.
Informazzjoni oħra: Huwa ġie arrestat f'Kinshasa f'Marzu 2005 minħabba l-involviment tal-UPC/L fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa ġie ttrasferit lejn il-QKI fis-17 ta' Marzu 2006. Huwa nstab ħati mill-QKI f'Marzu 2012 u ngħata sentenza ta' 14-il sena ħabs. Fl-1 ta' Diċembru 2014, l-imħallfin tal-appell tal-QKI kkonfermaw il-kundanna u s-sentenza ta' Lubanga. Huwa ġie ttrasferit lejn faċilità tal-ħabs fir-RDK fid-19 ta' Diċembru 2015 biex jiskonta s-sentenza ta' ħabs tiegħu. Huwa nħeles fil-15 ta' Marzu 2020 wara li skonta s-sentenza tal-QKI tiegħu. Link web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals
Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar provduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Thomas Lubanga kien il-President tal-UPC/L, wieħed mill-gruppi armati u l-milizzji msemmijin fil-paragrafu 20 tar-Riżoluzzjoni 1493 (2003), u kien involut fit-traffikar ta' armi, bi ksur tal-embargo fuq l-armi. Skont l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Konflitt Armat, huwa kien responsabbli għar-reklutaġġ u l-użu ta' tfal f'Ituri mill-2002 sal-2003. Huwa ġie arrestat f'Kinshasa f'Marzu 2005 minħabba l-involviment tal-UPC/L fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ġie ttrasferit lejn il-QKI mill-awtoritajiet tar-RDK fis-17 ta' Marzu 2006. Huwa nstab ħati mill-QKI f'Marzu 2012 u ngħata sentenza ta' 14-il sena ħabs. Fl-1 ta' Diċembru 2014, l-imħallfin tal-appell tal-QKI kkonfermaw il-kundanna u s-sentenza. Huwa ġie ttrasferit lejn faċilità ta' ħabs fir-RDK fid-19 ta' Diċembru 2015 biex jiskonta s-sentenza ta' ħabs tiegħu."