16.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 425/19


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2099

tal-15 ta’ Diċembru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/386 fir-rigward tar-regoli speċifiċi għat-tqassim tal-kwoti tariffarji li l-perjodu tal-kwota tagħhom ikun għadu għaddej fid-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/216 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-punti (a) u (c) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/386 (2) jistabbilixxi r-regoli f’dak li jirrigwarda t-tqassim tal-kwoti tariffarji għal ċerti prodotti agrikoli inklużi fl-iskeda tad-WTO tal-Unjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Dawk ir-regoli jridu japplikaw mill-jum minn meta jibda japplika l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/216 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

Għal ċerti kwoti tariffarji, il-perjodu tal-kwota tariffarja jkun beda qabel il-jum li minnu jibda japplika l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/216 u jintemm wara dak il-jum. Għal dawn il-każijiet, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/386 jipprevedi regoli speċifiċi għat-tqassim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit tal-kwantitajiet li jifdal li għandhom jiġu allokati skont dawk il-kwoti tariffarji mill-jum li fih japplika l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/216.

(3)

Wara diskussjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, intlaħaq fehim komuni dwar it-tqassim ta’ kwoti tariffarji bħal dawn. Jenħtieġ li dan il-fehim komuni jiżgura li l-kwantitajiet globali tal-kwoti tariffarji disponibbli għall-allokazzjoni ma jaqbżux il-kwantitajiet stabbiliti fl-iskeda tad-WTO tal-Unjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/386 jiġi emendat skont dan.

(5)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u sabiex il-kwantitajiet hekk imqassma jkunu l-bażi għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji mressqa mill-1 ta’ Jannar 2021, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/386 japplika mill-jum li fih japplika l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/216, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2021, jenħtieġ li dan ir-Regolament emendatorju japplika mill-istess jum.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/386

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/386, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

B’deroga mill-paragrafu 1, f’każ li għal kwota tariffarja l-perjodu tal-kwota jibda qabel il-jum li fih jibda japplika l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/216 u jintemm wara dak il-jum, it-tqassim tal-kwantitajiet li jridu jiġu allokati minn dak il-jum skont il-kwota tariffarja kkonċernata għandu jsir kif ġej għall-Unjoni:

(a)

jekk il-kwantitajiet allokati fl-Istati Membri minbarra r-Renju Unit qabel il-jum li fih japplika l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/216 ikunu daqs jew ogħla mill-kwantità stabbilita fit-tielet kolonna tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-kwoti tariffarji ġestiti bil-metodu tal-eżami simultanju jew fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-kwoti tariffarji ġestiti bil-metodu ta’ “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”, l-ebda kwantità addizzjonali ma għandha tkun disponibbli għall-allokazzjoni;

(b)

jekk il-kwantitajiet allokati fl-Istati Membri minbarra r-Renju Unit qabel il-jum li fih japplika l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/216 ikunu inqas mill-kwantità stabbilita fit-tielet kolonna tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-kwoti tariffarji ġestiti bil-metodu tal-eżami simultanju jew bl-Anness II ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-kwoti tariffarji ġestiti bil-metodu ta’ “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”, il-kwantità disponibbli għall-allokazzjoni għandha tkun id-differenza bejn il-kwantità stabbilita fit-tielet kolonna tal-Anness I jew l-Anness II ta’ dan ir-Regolament u l-kwantitajiet allokati f’dawk l-Istati Membri.

Madankollu, fejn il-kwantitajiet allokati fir-Renju Unit qabel il-jum li fih japplika l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/216 ikunu ikbar mid-differenza bejn il-kwantità tal-UE-28 kif stabbilita fl-iskeda tad-WTO tal-Unjoni u l-kwantità tal-UE-27 stabbilita fit-tielet kolonna tal-Anness I jew l-Anness II ta’ dan ir-Regolament, dawk il-kwantitajiet li jaqbżu għandhom jitnaqqsu mill-kwantità disponibbli għall-allokazzjoni fl-Istati Membri minbarra r-Renju Unit mill-jum li fih japplika l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/216.

Fi żmien jumejn tax-xogħol mill-jum li fih jibda japplika l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/216, il-Kummissjoni għandha tippubblika, permezz ta’ pubblikazzjoni xierqa fuq l-Internet, il-kwantitajiet disponibbli għal kull kwota tariffarja msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fil-jum li fih jibda japplika l-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament.”

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/386 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi r-regoli f’dak li jirrigwarda t-tqassim tal-kwoti tariffarji għal ċerti prodotti agrikoli inklużi fl-iskeda tad-WTO tal-Unjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u f’dak li jirrigwarda l-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa u d-drittijiet tal-importazzjoni allokati fil-qafas ta’ dawk il-kwoti tariffarji (ĠU L 70, 12.3.2019, p. 4).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/216 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2019 dwar it-tqassim tal-kwoti tariffarji inklużi fl-iskeda tad-WTO tal-Unjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 32/2000 (ĠU L 38, 8.2.2019, p. 1).