15.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 423/37


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2085

tal-14 ta’ Diċembru 2020

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (2) jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-attivitajiet soġġetti għad-Direttiva 2003/87/KE. B’mod partikolari, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jistabbilixxi regoli dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet mill-bijomassa li huma konsistenti mar-regoli dwar l-użu tal-bijomassa stabbiliti fid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tħassar id-Direttiva 2009/28/KE b’effett mill-1 ta’ Lulju 2021. Għalhekk huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet mill-bijomassa stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jiġu allinjati mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjonijiet rilevanti u l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-użu tal-bijomassa. Barra minn hekk, peress li d-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi l-kriterji tas-sostenibbiltà għall-karburanti u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra meta jintużaw għal skopijiet ta’ enerġija, jenħtieġ li l-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa fil-qafas tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 japplikaw biss fil-każ tal-kombustjoni tal-bijomassa f’installazzjoni jew bħala bijokarburant għall-avjazzjoni. Għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt, jeħtieġ ukoll li jiġi ċċarat li meta l-bijomassa li tintuża għall-kombustjoni ma tikkonformax mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, jenħtieġ li l-kontenut ta’ karbonju tagħha jitqies bħala karbonju fossili.

(2)

Skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 (5) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1842 (6), l-operatur ta’ installazzjoni li japplika għal allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE huwa meħtieġ li jinkludi d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-monitoraġġ fi pjan tal-metodoloġija tal-monitoraġġ, soġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti. Ma hemmx bżonn li jiġu inklużi elementi oħra fil-pjanijiet ta’ monitoraġġ tal-installazzjonijiet li għalihom tingħata allokazzjoni bla ħlas. Għaldaqstant, ma għadux meħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jirrikjedu l-inklużjoni ta’ elementi bħal dawn.

(3)

Matul il-fażi ta’ tranżizzjoni bejn in-notifika ta’ modifika ta’ pjan ta’ monitoraġġ u l-approvazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ modifikat il-ġdid mill-awtorità kompetenti, jenħtieġ li tiġi evitata kwalunkwe lakuna fil-monitoraġġ jew kwalunkwe applikazzjoni ta’ metodoloġija inqas preċiża. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-ġbir tad-data f’dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni jenħtieġ li jkun ibbażat kemm fuq il-pjan ta’ monitoraġġ oriġinali u l-pjan ta’ monitoraġġ modifikat u li r-rekords taż-żewġ riżultati tal-monitoraġġ jenħtieġ li jinżammu.

(4)

Bil-ħsieb li jiġi żgurat monitoraġġ preċiż tal-flussi minn sorsi li jinvolvu l-bijogass injettat fi grilja tal-gass, jenħtieġ li jittejbu r-regoli dwar id-determinazzjoni tad-data tal-attivitajiet mill-bijogass. B’mod partikolari, jenħtieġ li d-determinazzjoni tal-frazzjoni tal-bijomassa tiddependi fuq ix-xiri proprju tal-bijogass mill-operatur, u kwalunkwe għadd doppju potenzjali tal-istess bijogass minn utenti differenti jenħtieġ li jiġi evitat. Abbażi tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-frazzjoni tal-bijomassa tal-gass naturali minn grilja tal-gass, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa għal rieżami ta’ dik il-metodoloġija.

(5)

Minħabba l-proċeduri amministrattivi u l-prattiċi tipiċi fl-ajrudromi, huwa diffiċli li jiġi aċċertat f’liema inġenju tal-ajru jiġi ppumpjat fiżikament lott ta’ karburant. Billi l-karburanti tal-avjazzjoni huma uniformi fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom, huwa xieraq li jiġi permess approċċ ta’ monitoraġġ għall-ippumpjar tal-bijokarburanti bbażat fuq id-data tax-xiri, sakemm ikun hemm konformità mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Artikoli 29, 30 u 31 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(6)

Għal raġunijiet ta’ konsistenza, jenħtieġ li l-approssimazzjoni tad-data dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tiġi allinjata mal-mod kif l-emissjonijiet ivverifikati jiġu approssimati fir-Reġistru tal-Unjoni stabbilit skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87/KE.

(7)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi li jużaw ċerti materjali tal-proċess imħallta, jenħtieġ li tiġi evitata fejn possibbli d-distinzjoni bejn il-karbonju inorganiku, l-aktar fil-forma ta’ karbonati u karbonju organiku. Sabiex il-prattika komuni tal-laboratorju tiġi allinjata mat-terminoloġija ta’ tipi ta’ flussi minn sorsi differenti, huwa xieraq li l-forom kollha ta’ karbonju jiġu inklużi fl-istess approċċ għall-emissjonijiet ta’ proċess. Għalhekk, jenħtieġ li tkun permessa l-analiżi tal-karbonju totali ta’ materjal minflok trattament separat tal-karbonju inorganiku totali u tal-karbonju organiku totali fejn possibbli. Bħala konsegwenza, jenħtieġ li l-espressjoni “karbonju mhux karbonat” tintuża minflok “karbonju organiku” biex tirreferi għall-forom kollha ta’ karbonju minbarra l-karbonati.

(8)

Il-ħames Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (7) jipprovdi valuri ġodda għall-potenzjali ta’ tisħin tal-gassijiet serra. Għalhekk, jenħtieġ li l-potenzjali ta’ tisħin globali tal-gassijiet serra użati fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet jiġu adattati għal dawk il-valuri u allinjati ma’ atti oħra tal-Unjoni.

(9)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, instab żball fil-formula użata biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet tal-C2F6. Jenħtieġ li dak l-iżball jiġi kkorreġut.

(10)

L-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva (UE) 2018/2001 sat-30 ta’ Ġunju 2021. Billi l-monitoraġġ u r-rappurtar skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jitwettqu fuq bażi ta’ sena kalendarja, l-emendi li saru sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament jiġu allinjati mad-Direttiva (UE) 2018/2001 jenħtieġ li jibdew japplikaw biss mill-bidu tal-perjodu ta’ rapportar sussegwenti, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2022. Jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni għall-emendi l-oħra u l-korrezzjoni tkun l-istess bħal dik tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2021. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet eżistenti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-bijomassa skont id-Direttiva 2009/28/KE jkomplu japplikaw għall-emissjonijiet li jseħħu fl-2021.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jiġi emendat u kkoreġut skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (21) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(21)

‘bijomassa’ tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli tal-prodotti, l-iskart u r-residwi ta’ oriġini bijoloġika mill-agrikoltura, inklużi s-sustanzi veġetali u tal-annimali, mill-forestrija u minn industriji oħrajn relatati, inkluż mis-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli tal-iskart, inkluż l-iskart industrijali u muniċipali ta’ oriġini bijoloġika;”;

(b)

jiddaħħlu l-punti (21a) sa (21e) li ġejjin:

“(21a)

‘karburanti tal-bijomassa’ tfisser karburanti gassużi u solidi prodotti mill-bijomassa;

(21b)

‘bijogass’ tfisser karburanti gassużi prodotti mill-bijomassa;

(21c)

‘skart’ tfisser skart kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE bl-esklużjoni ta’ sustanzi li jkunu ġew modifikati jew kontaminati intenzjonalment sabiex jissodisfaw din id-definizzjoni;

(21d)

‘residwu’ tfisser sustanza li mhijiex il-prodott(i) finali li proċess ta’ produzzjoni jkun maħsub li jipproduċi direttament; din mhijiex għan primarju tal-proċess ta’ produzzjoni u l-proċess ma jkunx ġie mmodifikat apposta biex jipproduċiha;

(21e)

‘residwi mill-agrikoltura, l-akkwakultura, is-sajd u l-forestrija’ tfisser residwi li huma ġġenerati direttament mill-agrikoltura, l-akkwakultura, is-sajd u l-forestrija u li ma jinkludux residwi minn industriji relatati jew minn ipproċessar relatat;’;

(c)

il-punt (23) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(23)

‘bijokarburanti’ tfisser karburanti likwidi għat-trasport prodotti mill-bijomassa;”;

(2)

fl-Artikolu 12, jitħassar il-paragrafu 3;

(3)

fl-Artikolu 16(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“F’każ ta’ dubju, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu juża b’mod parallel kemm il-pjan ta’ monitoraġġ modifikat kif ukoll dak oriġinali biex iwettaq il-monitoraġġ u r-rapportar kollu skont iż-żewġ pjanijiet, u għandu jżomm rekords taż-żewġ riżultati tal-monitoraġġ.”;

(4)

fl-Artikolu 18(2), jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:

“Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 38(5), sakemm l-informazzjoni rilevanti dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti tal-bijomassa użati għall-kombustjoni tkun disponibbli għall-operatur.”;

(5)

Fl-Artikolu 19, jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

“6.   Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika l-Artikolu 38(5).”;

(6)

L-Artikolu 38 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 38(5).”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel sottoparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-fattur ta’ emissjoni tal-bijomassa għandu jkun żero. Għall-fini ta’ dan is-sottoparagrafu, għandu japplika l-Artikolu 38(5).”;

(c)

fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 38(5).

(d)

jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, il-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti tal-bijomassa użati għall-kombustjoni għandhom jissodisfaw il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7 u 10 tal-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

Madankollu, il-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti tal-bijomassa prodotti mill-iskart u mir-residwi, minbarra r-residwi agrikoli, tal-akkwakultura, tas-sajd u tal-forestrija huma meħtieġa jissodisfaw biss il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Dan is-subparagrafu għandu japplika wkoll għal skart u residwi li l-ewwel jiġu pproċessati fi prodott qabel ikomplu jiġu proċessati f’bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa.

L-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ prodotti mill-iskart solidu muniċipali ma għandhomx ikunu soġġetti għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

Il-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7 u 10 tal-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 għandhom japplikaw irrispettivament mill-oriġini ġeografika tal-bijomassa.

L-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 għandu japplika għal installazzjoni kif definita fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87/KE.

Il-konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7 u 10 tal-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 għandha tiġi vvalutata f’konformità mal-Artikoli 30 u 31(1) ta’ dik id-Direttiva.

Meta l-bijomassa li tintuża għall-kombustjoni ma tikkonformax ma’ dan il-paragrafu, il-kontenut tal-karbonju tagħha għandu jitqies bħala karbonju fossili.”;

(7)

L-Artikolu 39 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2 u l-Artikolu 30, l-operatur m’għandux juża l-analiżi jew il-metodi ta’ stima skont il-paragrafu 2 biex jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa ta’ gass naturali riċevuta minn grilja tal-gass li magħha jiżdied il-bijogass.

L-operatur jista’ jiddetermina li ċerta kwantità ta’ gass naturali mill-grilja tal-gass tkun bijogass billi juża l-metodoloġija stipulata fil-paragrafu 4.”

(b)

jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   L-operatur jista’ jiddetermina l-frazzjoni ta’ bijomassa billi juża r-rekords tax-xiri ta’ bijogass b’kontenut ta’ enerġija ekwivalenti, sakemm l-operatur jipprovdi evidenza għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li:

(a)

ma jkun hemm l-ebda għadd doppju tal-istess kwantità ta’ bijogass, b’mod partikolari li l-bijogass mixtri ma jkunx iddikjarat li jintuża minn xi ħadd ieħor, inkluż permezz ta’ divulgazzjoni tal-garanzija tal-oriġini kif definit fl-Artikolu 2(12) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(b)

l-operatur u l-produttur tal-bijogass ikunu konnessi mal-istess grilja tal-gass.

Għall-fini li tintwera l-konformità ma’ dan il-paragrafu, l-operatur jista’ juża d-data rreġistrata f’bażi tad-data stabbilita minn Stat Membru wieħed jew aktar li tippermetti t-traċċar tat-trasferimenti tal-bijogass.”;

(8)

fl-Artikolu 43(4), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 38(5).”;

(9)

fl-Artikolu 47(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 38(5).”;

(10)

L-Artikolu 54 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 54

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-bijokarburanti

1.   Għal karburanti jew materjali mħallta, l-operatur ta’ inġenju tal-ajru jista’ jew jassumi n-nuqqas ta’ bijokarburant u japplika frazzjoni fossili prestabbilita ta’ 100 %, jew jiddetermina frazzjoni ta’ bijokarburant skont il-paragrafi 2 jew 3.

2.   Fejn il-bijokarburanti jitħalltu fiżikament mal-karburanti fossili u jitwasslu lill-inġenju tal-ajru f’lottijiet fiżikament identifikabbli, l-operatur ta’ inġenju tal-ajru jista’ jwettaq analiżijiet skont l-Artikoli 32 sa 35 biex jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa, abbażi ta’ standard rilevanti u l-metodi analitiċi stabbiliti f’dawk l-Artikoli, sakemm l-użu ta’ dak l-istandard u ta’ dawk il-metodi analitiċi jiġi approvat mill-awtorità kompetenti. Fejn l-operatur ta’ inġenju tal-ajru jipprovdi evidenza lill-awtorità kompetenti li analiżijiet bħal dawn iġarrbu kostijiet irraġonevoli jew mhumiex teknikament fattibbli, l-operatur tal-inġenju tal-ajru jista’ jibbaża l-istima tal-kontenut tal-bijokarburanti fuq bilanċ tal-massa ta’ karburanti fossili u bijokarburanti mixtrija.

3.   Fejn il-lottijiet ta’ bijokarburant mixtrija ma jitwasslux fiżikament lil inġenju tal-ajru speċifiku, l-operatur ta’ inġenju tal-ajru m’għandux juża l-analiżijiet biex jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa tal-karburanti użati.

L-operatur ta’ inġenju tal-ajru jista’ jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa billi juża r-rekords tax-xiri ta’ bijokarburant b’kontenut ta’ enerġija ekwivalenti, sakemm l-operatur ta’ inġenju tal-ajru jipprovdi evidenza għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li ma hemmx għadd doppju tal-istess kwantità ta’ bijokarburant, b’mod partikolari li l-bijokarburant mixtri ma jkunx iddikjarat li jintuża minn xi ħadd ieħor.

Sabiex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti msemmija fit-tieni subparagrafu, l-operatur jista’ juża d-data rrekordjata fil-bażi tad-data tal-Unjoni stabbilita skont l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

4.   Il-fattur ta’ emissjoni tal-bijokarburant għandu jkun żero.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 38(5) għall-kombustjoni tal-bijokarburant mill-operatur ta’ inġenju tal-ajru.”;

(11)

fl-Artikolu 72(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-emissjonijiet totali annwali ta’ kull wieħed mill-gassijiet serra CO2, N2O u PFCs għandhom jiġu rrapportati f’tunnellati approssimati ta’ CO2 jew CO2(e). L-emissjonijiet totali annwali tal-installazzjoni għandhom jiġu kkalkulati bħala t-total tal-valuri approssimati għas-CO2, l-N2O u l-PFCs.”;

(12)

L-Annessi I u X huma emendati skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(13)

L-Annessi II, IV u VI huma emendati skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Korrezzjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066

Fis-subtaqsima B tat-Taqsima 8 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, “Il-Metodu tal-Kalkolu B – Il-Metodu tal-Vultaġġ Żejjed” huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

Il-formula “emissjonijiet C2F6 [t] = emissjonijiet CF4 × FCF2F6” hija sostitwita bil-formula “emissjonijiet C2F6 [t] = emissjonijiet CF4 × FC2F6”;

(2)

Id-definizzjoni “FCF2F6 = Frazzjoni tal-piż ta’ C2F6 (t C2F6/t CF4)” hija sostitwita bi “FC2F6 = Frazzjoni tal-piż ta’ C2F6 (t C2F6/t CF4)”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Madanakollu, il-punti (1), (4) sa (10) u (12) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 59, 27.2.2019, p. 8).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1842 tal-31 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ arranġamenti ulterjuri għall-aġġustamenti għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet minħabba bidliet fil-livell tal-attività (ĠU L 282, 4.11.2019, p. 20).

(7)  Il-kolonna “GWP 100-year” fit-Tabella 8.A.1 tal-Appendiċi 8.A tar-rapport “Climate Change 2013: The Physical Science Basis. Il-kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma I għall-Ħames Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima”, p. 731; disponibbli fuq https://www.ipcc.ch/assessment-report/ar5/.


ANNESS I

L-Annessi I u X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-Taqsima 1, jiżdiedu l-punti (8) u (9) li ġejjin:

“(8)

fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċedura użata biex jiġi vvalutat jekk il-flussi minn sorsi ta’ bijomassa jikkonformawx mal-Artikolu 38(5);

(9)

fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċedura użata biex jiġu ddeterminati l-kwantitajiet tal-bijogass abbażi tar-rekords tax-xiri skont l-Artikolu 39(4).”;

(b)

fil-punt 2 tat-Taqsima 2, jiżdiedu l-punti (f) u (g) li ġejjin:

“(f)

fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċedura użata biex jiġi vvalutat jekk il-bijokarburanti jikkonformawx mal-Artikolu 38(5);

(g)

fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċedura użata biex jiġu ddeterminati l-kwantitajiet tal-bijokarburant abbażi tar-rekords tax-xiri skont l-Artikolu 54(3).”;

(2)

L-Anness X huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 6 tat-Taqsima 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

l-emissjonijiet totali espressi bħala t CO2(e), inkluż is-CO2 mill-flussi minn sorsi ta’ bijomassa li ma jikkonformawx mal-Artikolu 38(5);”;

(b)

fil-punt 8 tat-Taqsima 1, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

l-emissjonijiet, l-ammonti u l-kontenut tal-enerġija tal-karburanti u tal-bijolikwidi maħruqa, espressi f’t u f’TJ, u l-informazzjoni dwar jekk tali karburanti mill-bijomassa u bijolikwidi jikkonformawx mal-Artikolu 38(5).”;

(c)

it-Taqsima 2 hija emendata kif ġej:

(1)

il-punt 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(9)

L-emissjonijiet totali ta’ CO2 f’tunnellati ta’ CO2 diżaggregati mill-Istat Membru tat-tluq u tal-wasla, inkluż is-CO2 minn bijokarburanti li ma jikkonformawx mal-Artikolu 38(5);”;

(2)

il-punt 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(12)

Elementi ta’ memo:

(a)

ammont ta’ bijokarburanti użati matul is-sena ta’ rapportar (f’tunnellati jew m3) elenkati skont it-tip ta’ karburant, u jekk il-bijokarburanti jikkonformawx mal-Artikolu 38(5);

(b)

il-valur kalorifiku nett tal-bijokarburanti u tal-karburanti alternattivi;”.


ANNESS II

L-Annessi II, IV u VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-ewwel paragrafu tat-Taqsima 2, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Fejn il-karburanti jew materjali kombustibbli li joħolqu emissjonijiet ta’ CO2 jintużaw bħala input ta’ proċess, għandha tapplika t-Taqsima 4 ta’ dan l-Anness.”;

(b)

it-Taqsima 4 hija sostitwita b’dan li ġej:

“4.   DEFINIZZJONI TAL-LIVELLI GĦALL-FATTURI TA’ KALKOLU GĦALL-EMISSJONIJIET TA’ PROĊESS TA’ CO2

Għall-emissjonijiet kollha ta’ proċess ta’ CO2, b’mod partikolari għall-emissjonijiet mid-dekompożizzjoni tal-karbonati u minn materjali ta’ proċess li fihom il-karbonju għajr fil-forma ta’ karbonati, inklużi l-urea, il-kokk u l-grafit, fejn jiġu mmonitorjati bl-użu tal-metodoloġija standard skont l-Artikolu 24(2), għandhom jiġu applikati l-livelli ddefiniti f’din it-taqsima għall-fatturi ta’ kalkolu applikabbli.

Fil-każ ta’ materjali mħallta li jkun fihom forom inorganiċi kif ukoll organiċi tal-karbonju, l-operatur jista’ jagħżel:

li jiddetermina fattur ta’ emissjoni preliminari totali għall-materjal imħallat billi jiġi analizzat il-kontenut totali tal-karbonju, u bl-użu ta’ fattur ta’ konverżjoni u — jekk applikabbli — frazzjoni ta’ bijomassa u valur kalorifiku nett relatat ma’ dak il-kontenut totali ta’ karbonju; jew

li jiddetermina l-kontenuti organiċi u inorganiċi separatament u jittrattahom bħala żewġ flussi minn sorsi separati.

Għall-emissjonijiet mid-dekompożizzjoni tal-karbonati, għal kull fluss minn sors l-operatur jista’ jagħżel wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

Metodu A (Abbażi tal-input): Il-fattur tal-emissjoni, il-fattur tal-konverżjoni u d-data tal-attivitajiet relatati mal-ammont tal-input ta’ materjal fil-proċess.

(b)

Metodu B (Abbażi tal-produzzjoni): Il-fattur tal-emissjoni, il-fattur tal-konverżjoni u d-data tal-attivitajiet relatati mal-ammont tal-produzzjoni ta’ materjal fil-proċess.

Għal emissjonijiet ta’ proċess ta’ CO2 oħra, l-operatur għandu japplika biss il-metodu A.

4.1   Livelli għall-fattur ta’ emissjoni bl-użu tal-Metodu A

Livell 1: L-operatur għandu japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-fatturi standard elenkati fl-Anness VI taqsima 2 Tabella 2 fil-każ ta’ dekompożizzjoni tal-karbonat, jew fit-Tabelli 1, 4 jew 5 għal materjali oħra tal-proċess;

(b)

valuri oħrajn kostanti skont il-punt (e) tal-Artikolu 31(1), fejn ma jkun hemm l-ebda valur applikabbli fl-Anness VI.

Livell 2: L-operatur għandu japplika fattur ta’ emissjoni speċifiku għall-pajjiż skont il-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 31(1), jew valuri skont il-punt (d) tal-Artikolu 31(1).

Livell 3: L-operatur għandu jiddetermina l-fattur ta’ emissjoni skont l-Artikoli 32 sa 35. Il-proporzjonijiet stojkjometriċi kif elenkati fit-Taqsima 2 tal-Anness VI għandhom jintużaw għall-konverżjoni tad-data ta’ kompożizzjoni f’fatturi ta’ emissjoni, fejn rilevanti.

4.2   Livelli għall-fattur ta’ konverżjoni bl-użu tal-Metodu A

Livell 1: Għandu jintuża fattur ta’ konverżjoni ta’ 1.

Livell 2: Il-karbonati u karbonju ieħor li joħorġu mill-proċess għandhom jiġu kkunsidrati permezz ta’ fattur ta’ konverżjoni b’valur ta’ bejn 0 u 1. L-operatur jista’ jassumi konverżjoni kompluta għal input wieħed jew ħafna inputs u jattribwixxi materjali mhux konvertiti jew karbonju ieħor lill-inputs li jifdal. Id-determinazzjoni addizzjonali ta’ parametri kimiċi rilevanti tal-prodotti għandha titwettaq skont l-Artikoli 32 sa 35.

4.3   Livelli għall-fattur ta’ emissjoni bl-użu tal-Metodu B

Livell 1: L-operatur għandu japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-fatturi standard elenkati fl-Anness VI taqsima 2 Tabella 3.

(b)

valuri oħrajn kostanti skont il-punt (e) tal-Artikolu 31(1), fejn ma jkun hemm l-ebda valur applikabbli fl-Anness VI.

Livell 2: L-operatur għandu japplika fattur ta’ emissjoni speċifiku għall-pajjiż skont il-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 31(1), jew valuri skont il-punt (d) tal-Artikolu 31(1).

Livell 3: L-operatur għandu jiddetermina l-fattur ta’ emissjoni skont l-Artikoli 32 sa 35. Il-proporzjonijiet stojkjometriċi msemmija fl-Anness VI t-Taqsima 2 it-Tabella 3 għandhom jintużaw għall-konverżjoni tad-data ta’ kompożizzjoni f’fatturi ta’ emissjoni bis-suppożizzjoni li l-ossidi metalliċi rilevanti kollha jkunu ġew idderivati mill-karbonati rispettivi. Għal dan il-għan l-operatur għandu jqis mill-inqas CaO u MgO, u għandu jipprovdi evidenza lill-awtorità kompetenti dwar liema ossidi tal-metall oħra jirrigwardaw il-karbonati fil-materja prima.

4.4   Livelli għall-fattur ta’ konverżjoni bl-użu tal-Metodu B

Livell 1: Għandu jintuża fattur ta’ konverżjoni ta’ 1.

Livell 2: L-ammont ta’ komposti mhux karbonati tal-metalli rilevanti fil-materja prima, inkluż it-trab li jirritorna jew l-irmied li jtir jew materjali oħrajn li diġà jkunu ġew kalċinati, għandu jiġi rifless permezz ta’ fatturi ta’ konverżjoni b’valur ta’ bejn 0 u 1 b’valur ta’ 1 li jikkorrispondi għal konverżjoni kompluta tal-karbonati tal-materja prima f’ossidi. Id-determinazzjoni addizzjonali ta’ parametri kimiċi rilevanti tal-inputs tal-proċessi għandha titwettaq skont l-Artikoli 32 sa 35.

4.5   Livelli għall-valur kalorifiku nett (NCV)

Jekk ikun rilevanti, l-operatur għandu jiddetermina l-valur kalorifiku nett tal-materjal ta’ proċess bl-użu tal-livelli definiti fit-Taqsima 2.2 ta’ dan l-Anness. L-NCV jitqies bħala mhux rilevanti għal flussi minn sorsi de minimis jew fejn il-materjal innifsu mhuwiex kombustibbli mingħajr ma jiġu miżjuda fjuwils oħra. Jekk ikun hemm xi dubju, l-operatur għandu jfittex konferma mill-awtorità kompetenti dwar jekk l-NCV għandux jiġi mmonitorjat u rrappurtat.

4.6   Livelli għall-frazzjoni tal-bijomassa

Jekk ikun rilevanti, l-operatur għandu jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa tal-karbonju li fih il-materjal ta’ proċess, bl-użu tal-livelli definiti fit-Taqsima 2.4 ta’ dan l-Anness.”;

(c)

it-Taqsima 5 titħassar;

(2)

L-Anness IV huwa emendat kif ġej:

(a)

fis-Subtaqsima C.2 tat-Taqsima 1, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B’deroga mit-Taqsima 4 tal-Anness II, l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-użu ta’ urea għat-tisfija tal-gassijiet mit-tromba taċ-ċumnija għandhom jiġu kkalkulati skont l-Artikolu 24(2) billi jiġu applikati l-livelli li ġejjin.”;

(b)

fit-Taqsima 4, is-Subtaqsima B hija sostitwita b’dan li ġej:

“B.   Regoli speċifiċi ta’ monitoraġġ

Għall-monitoraġġ ta’ emissjonijiet mix-xiwi, is-sinterizzazzjoni jew il-pelitizzazzjoni ta’ metall mhux maħdum, l-operatur jista’ jagħżel li juża bilanċ tal-massa skont l-Artikolu 25 u t-Taqsima 3 tal-Anness II jew il-metodoloġija standard skont l-Artikolu 24 u t-Taqsimiet 2 u 4 tal-Anness II.”;

(c)

it-Taqsima 9 hija emendata kif ġej:

(1)

is-Subtaqsima A hija sostitwita b’dan li ġej:

“A.   Kamp ta’ applikazzjoni

L-operatur għandu jinkludi mill-inqas is-sorsi potenzjali ta’ emissjonijiet ta’ CO2 li ġejjin: il-kalċinazzjoni tal-ġebla tal-ġir fil-materja prima, karburanti fossili konvenzjonali tal-kalkara, karburanti alternattivi u materja prima tal-kalkara bbażati fuq il-fossili, karburanti tal-kalkara tal-bijomassa (skart tal-bijomassa), karburanti mhux tal-kalkara, kontenut ta’ karbonju mhux karbonat tal-ġebla tal-ġir u shale u materja prima użata għat-tisfija mill-impuritajiet tal-gass ta’ skart.”;

(2)

fis-Subtaqsima B, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-emissjonijiet ta’ CO2 relatati mat-trab imneħħija mill-proċess u l-karbonju mhux karbonat fil-materja prima għandhom jiżdiedu skont is-sottotaqsimiet C u D ta’ din it-taqsima.”;

(3)

fis-Subtaqsima D, it-tieni u t-tielet paragrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Permezz ta’ deroga mit-Taqsima 4 tal-Anness II, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tal-livelli li ġejjin għall-fattur ta’ emissjoni:

Livell 1: Il-kontenut ta’ karbonju mhux karbonat fil-materja prima rilevanti għandu jkun stmat billi jintużaw il-linji ta’ gwida tal-aħjar prattika fl-industrija.

Livell 2: Il-kontenut tal-karbonju mhux karbonat fil-materja prima rilevanti għandu jiġi ddeterminat mill-inqas darba fis-sena skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 32 sa 35.

Permezz ta’ deroga mit-Taqsima 4 tal-Anness II, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tal-livelli li ġejjin għall-fattur ta’ konverżjoni:

Livell 1: Għandu jiġi applikat fattur ta’ konverżjoni ta’ 1.

Livell 2: Il-fattur ta’ konverżjoni għandu jiġi kkalkulat bl-applikazzjoni tal-aqwa prattiki tal-industrija.”;

(d)

it-Taqsima 10 hija emendata kif ġej:

(1)

fis-Subtaqsima B, il-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-emissjonijiet mill-kombustjoni għandhom jiġu mmonitorjati skont it-Taqsima 1 ta’ dan l-Anness. L-emissjonijiet tal-proċess mill-materja prima għandhom jiġu mmonitorjati skont it-Taqsima 4 tal-Anness II. Il-karbonati tal-kalċju u tal-manjeżju għandhom dejjem jiġu kkunsidrati. Għandhom jiġu kkunsidrati karbonati oħrajn u karbonju mhux karbonat fil-materja prima, fejn dawn ikunu rilevanti għall-kalkolu tal-emissjonijiet.”;

(2)

tiżdied is-Subtaqsima C li ġejja:

“C.   Emissjonijiet minn karbonju mhux karbonat fil-materja prima

L-operatur għandu jiddetermina l-emissjonijiet mill-karbonju mhux karbonat tal-anqas mill-ġebel tal-ġir, shale jew materja prima alternattiva fil-kalkara skont l-Artikolu 24(2).

Permezz ta’ deroga mit-Taqsima 4 tal-Anness II, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tal-livelli li ġejjin għall-fattur ta’ emissjoni:

Livell 1: Il-kontenut ta’ karbonju mhux karbonat fil-materja prima rilevanti għandu jkun stmat billi jintużaw il-linji ta’ gwida tal-aħjar prattika fl-industrija.

Livell 2: Il-kontenut tal-karbonju mhux karbonat fil-materja prima rilevanti għandu jiġi ddeterminat mill-inqas darba fis-sena skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 32 sa 35.

Permezz ta’ deroga mit-Taqsima 4 tal-Anness II, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tal-livelli li ġejjin għall-fattur ta’ konverżjoni:

Livell 1: Għandu jiġi applikat fattur ta’ konverżjoni ta’ 1.

Livell 2: Il-fattur ta’ konverżjoni għandu jiġi kkalkulat bl-applikazzjoni tal-aqwa prattiki tal-industrija.”;

(e)

fis-Subtaqsima B tat-Taqsima 11, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-emissjonijiet mill-kombustjoni, inkluż it-tisfija mill-impuritajiet tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija, għandhom jiġu mmonitorjati skont it-Taqsima 1 ta’ dan l-Anness. L-emissjonijiet tal-proċess minn materja prima għandhom jiġu mmonitorjati skont it-Taqsima 4 tal-Anness II. Il-karbonati li għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu mill-inqas CaCO3, MgCO3, Na2CO3, NaHCO3, BaCO3, Li2CO3, K2CO3, u SrCO3. Għandu jintuża biss il-Metodu A. L-emissjonijiet mill-materjali ta’ proċess inkluż il-kokk, il-grafit u t-trab tal-faħam għandhom jiġu mmonitorjati skont it-Taqsima 4 tal-Anness II.”;

(f)

it-Taqsima 12 hija emendata kif ġej:

(1)

is-Subtaqsima A hija sostitwita b’dan li ġej:

“A.   Kamp ta’ applikazzjoni

L-operatur għandu jinkludi mill-inqas is-sorsi potenzjali ta’ emissjonijiet ta’ CO2 li ġejjin: karburanti tal-kalkara, kalċinazzjoni tal-ġebla tal-ġir/dolomit u karbonati oħra fil-materja prima, il-ġebla tal-ġir u karbonati oħra għat-tnaqqis tas-sustanzi li jniġġsu l-arja u tindif ieħor ta’ gassijiet mit-tromba taċ-ċumnija, addittivi fossili/tal-bijomassa użati sabiex isseħħ il-porożità, inkluż il-polistirol, ir-residwi mill-produzzjoni tal-karta jew is-serratura tal-injam, kontenut ta’ karbonju mhux karbonat fit-tafal u materja prima oħra.”;

(2)

fis-Subtaqsima B, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-emissjonijiet mill-kombustjoni, inkluż it-tisfija mill-impuritajiet tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija, għandhom jiġu mmonitorjati skont it-Taqsima 1 ta’ dan l-Anness. L-emissjonijiet tal-proċess mill-komponenti u addittivi tal-grixa mhux raffinata għandhom jiġu mmonitorjati skont it-Taqsima 4 tal-Anness II. Għall-prodotti taċ-ċeramika bbażati fuq tafal ippurifikat jew sintetiku l-operatur jista’ juża l-Metodu A jew il-Metodu B. Għall-prodotti taċ-ċeramika bbażati fuq tafal mhux ipproċessat u kull darba li jintużaw tafal jew addittivi b’kontenut ta’ karbonju mhux karbonat sinifikanti, l-operatur għandu juża l-Metodu A. Il-karbonati tal-kalċju dejjem għandhom jiġu kkunsidrati. Għandhom jiġu kkunsidrati karbonati oħrajn u karbonju mhux karbonat fil-materja prima, fejn dawn ikunu rilevanti għall-kalkolu tal-emissjonijiet.”;

(3)

Fl-Anness VI, it-Tabella 6 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Tabella 6

Potenzjali għat-tisħin globali

Gass

Potenzjal għat-tisħin globali

N2O

265 t CO2(e)/t N2O

CF4

6 630 t CO2(e)/t CF4

C2F6

11 100 t CO2(e)/t C2F6