15.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 423/18


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2082

tal-14 ta’ Diċembru 2020

li jistipula l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli madwar l-Unjoni u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2116

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6e(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, mill-15 ta’ Ġunju 2017, jenħtieġ li l-fornituri domestiċi ma jimponu l-ebda ħlas supplimentari addizzjonali mal-prezz bl-imnut domestiku lill-klijenti tar-roaming f’xi Stat Membru għat-telefonati regolati tar-roaming li jaslulhom, fil-limiti permessi mill-politika tal-użu ġust.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jillimita kull ħlas supplimentari applikat għat-telefonati regolati tar-roaming irċevuti għall-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli madwar l-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2116 (2) jistabbilixxi l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli madwar l-Unjoni li trid tiġi applikata fl-2020 abbażi tal-valuri ta’ data fl-1 ta’ Lulju 2019.

(4)

Il-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjoni Elettronika pprovda informazzjoni aġġornata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-livell massimu tar-rati għat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli li imponew, skont l-Artikoli 7 u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), f’kull suq nazzjonali għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-vuċi bl-ingrossa fuq networks individwali tat-telefonija mobbli; u dwar l-għadd totali ta’ abbonati fl-Istati Membri.

(5)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-Kummissjoni kkalkulat il-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli madwar l-Unjoni billi mmultiplikat ir-rata massima għat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli li ppermetta Stat Membru partikolari bl-għadd totali ta’ abbonati f’dak l-Istat Membru; u għoddiet flimkien ir-riżultati ta’ dawn il-multiplikazzjonijiet tal-Istati Membri differenti u ddividiethom bl-għadd totali ta’ abbonati fl-Istati Membri kollha, abbażi tal-valuri ta’ data fl-1 ta’ Lulju 2020. Għall-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro, ir-rata tal-kambju rilevanti hi l-medja tat-tieni kwart tal-2020 miksuba mid-databażi tal-Bank Ċentrali Ewropew.

(6)

Għalhekk jenħtieġ tiġi aġġornata ċ-ċifra tal-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli madwar l-Unjoni.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2116 jitħassar.

(8)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, jenħtieġ li annwalment il-Kummissjoni tirrevedi l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli madwar l-Unjoni kif stabbilita skont dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet stabbilit bl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli madwar l-Unjoni hi stabbilita għal EUR 0,0076 kull minuta.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2116 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2116 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistipula l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli madwar l-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1979 (ĠU L 320, 11.12.2019, p. 11).

(3)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

(4)  Id-Direttiva Nru 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-ikkonnettjar ta’, networks ta’ komunikazzjoni elettronika u faċilitajiet assoċjati (Direttiva dwar l-Aċċess)(ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7).