11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 416/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2035

tas-7 ta’ Diċembru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 fir-rigward tal-formola tal-applikazzjoni għall-azzjoni prevista fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex tiġi introdotta l-possibbiltà li tintalab azzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 (2) jistabbilixxi, fl-Anness I tiegħu, il-formola li trid tintuża għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni li titlob lill-awtoritajiet doganali jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ oġġetti suspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali, imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 (“il-formola tal-applikazzjoni għal azzjoni”).

(2)

Mill-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea u sar “pajjiż terz”. Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim dwar il-Ħruġ) (3) jipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Sa din id-data, il-liġi tal-UE kollha kemm hi tapplika għar-Renju Unit u fih.

(3)

Wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, japplika l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll IE/NI”), li jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ. Il-Protokoll IE/NI jagħmel ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli taħt ċerti kundizzjonijiet anki għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq (4).

(4)

Il-Protokoll IE/NI jipprevedi li r-regolamenti elenkati fl-Anness 2 tiegħu taħt il-punt 45 (ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); Ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6); Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7); Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), it-Taqsimiet 2 u 3 tal-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II u r-Regolament (UE) Nru 608/2013) japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li detentur tad-dritt ikun jista’ jitlob azzjoni doganali fi Stat Membru għall-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fl-Irlanda ta’ Fuq, billi jippreżenta applikazzjoni tal-Unjoni.

(6)

B’mod aktar speċifiku, jenħtieġ li detentur tad-dritt ikun jista’ jitlob li l-proċedura għall-qerda ta’ oġġetti f’kunsinni żgħar, stabbilita fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 tintuża għal oġġetti li l-indikazzjoni ġeografika tagħhom tkun inkisret, peress li dawn l-oġġetti huma inklużi fid-definizzjoni ta’ oġġetti ffalsifikati fil-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013.

(7)

Għalhekk, il-formola tal-applikazzjoni għal azzjoni trid tiġi adattata billi tiddaħħal il-kaxxa “6. Stat Membru jew, fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni, Stati Membri li fihom tintalab azzjoni doganali” u fil-kaxxa “10. Jien is-sottoskritt, nitlob li tintuża l-proċedura tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 (kunsinni żgħar) fl-Istat(i) Membru/i li ġej(jin) u, fejn mitlub mill-awtoritajiet doganali, naqbel li nkopri l-ispejjeż relatati mal-qerda tal-oġġetti skont din il-proċedura,” kaxxa ġdida li trid tiġi mmarkata msejħa “XI” għall-Irlanda ta’ Fuq.

(8)

Fl-istess oqsma, il-kaxxa li trid tiġi mmarkata għar-Renju Unit jenħtieġ li titħassar biex tirrifletti t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(9)

In-noti dwar il-mili tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013, li huma stabbiliti fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu emendati biex jiċċaraw li azzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq tista’ tintalab biss għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li huma protetti fl-Irlanda ta’ Fuq bis-saħħa tal-Protokoll IE/NI.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 jiġi emendat kif xieraq.

(11)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika fil-jum wara dak li fih jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(2)

L-Anness III huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 tal-4 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 10).

(3)  Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7 (“Il-Ftehim dwar il-Ħruġ”).

(4)  L-Artikolu 5(4) tal-Protokoll IE/NI.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).


ANNESS I

“ANNESS I

Image 1

Image 2

Image 3

Image 4

Image 5

Image 6

Image 7

Image 8

Image 9

Image 10


ANNESS II

Fil-Parti I tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013, fin-nota dwar il-mili tal-kaxxa 6 (“Stat Membru jew, fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni, Stati Membri li fihom tintalab azzjoni doganali”), jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Fil-każ li l-Irlanda ta’ Fuq (XI) hija indikata, l-applikazzjoni għandha tkun applikazzjoni tal-Unjoni u tista’ tingħata biss għall-protezzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li ġejjin li huma protetti fl-Irlanda ta’ Fuq bis-saħħa tal-Protokoll IE/NI:

(a)

indikazzjonijiet ġeografiċi jew denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel kif previst fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

(b)

indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż kif previst fir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**);

(c)

denominazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti aromatizzati kif previst fir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***);

(d)

denominazzjonijiet tal-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid kif previst fit-Taqsimiet 2 u 3 tal-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****).


(*)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(**)  Ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1).

(***)  Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14).

(****)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671). ””