10.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 415/46


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2018

tad-9 ta’ Diċembru 2020

li jdaħħal isem fir-reġistru ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Mozzarella di Gioia del Colle (DOP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Italja biex tirreġistra l-isem “Mozzarella di Gioia del Colle” bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Fid-19 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni relatata mill-Ġermanja. Fit-13 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni għaddiet lill-Italja l-avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni li rċeviet mill-Ġermanja.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-oppożizzjoni li bagħtet il-Ġermanja u sabitha ammissibbli. Il-kelma “Mozzarella”, li tagħmel parti mill-isem “Mozzarella di Gioia del Colle” hija identika għall-isem li jintuża fil-Ġermanja għal tip ta’ ġobon prodott u kummerċjalizzat fil-Ġermanja fuq skala kummerċjali. L-oppożizzjoni ssostni li l-isem “Mozzarella di Gioia del Colle” ma jistax jiġi rreġistrat bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 peress li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament peress li l-isem “Mozzarella” meqjus ġeneriku u skont dan ineliġibbli għar-reġistrazzjoni. L-oppożizzjoni ssostni li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ “Mozzarella di Gioia del Colle” ma tikkonformax mal-kondizzjoni msemmija fl-Artikoli 5 u 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 peress li la l-kwalità u lanqas il-karatteristiki tal-ġobon ma humiex essenzjalment jew esklużivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi naturali u umani inerenti tiegħu. L-oppożizzjoni ssostni wkoll li r-reġistrazzjoni tal-isem propost ta’ “Mozzarella di Gioia del Colle” tkun thedded l-eżistenza tal-isem identiku (“Mozzarella”) u l-eżistenza ta’ prodotti li jkunu legalment fis-suq Ġermaniż mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Mozzarella di Gioia del Colle”. Barra minn hekk, l-oppożizzjoni ssostni li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tmur kontra r-reġistrazzjoni tal-isem “Mozzarella” bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita mingħajr ma l-isem jiġi rriżervat (Regolament (KE) Nru 2527/98).

(4)

B’ittra datata t-12 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu ftehim bejniethom f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom.

(5)

Minħabba żball amministrattiv, l-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Frar 2020 ma ġietx riċevuta mill-partijiet kollha. Il-Ġermanja rċeviet formalment l-istedina biex tinvolvi ruħha fil-konsultazzjonijiet xierqa biex jintlaħaq ftehim fl-14 ta’ Ottubru 2020. L-Italja rċevieta formalment fis-26 ta’ Ottubru 2020.

(6)

Għalkemm kien hemm skambji u fehim sostanzjali dwar ir-reġistrazzjoni tal-isem “Mozzarella di Gioia del Colle” diġà f’Marzu 2020, il-partijiet laħqu fehim formali biss f’Novembru 2020. L-Italja għarrfet lill-Kummissjoni bil-ftehim fid-9 ta’ Novembru 2020.

(7)

L-Italja u l-Ġermanja kkonfermaw li jenħtieġ li l-protezzjoni tad-denominazzjoni “Mozzarella di Gioia del Colle” ma tkoprix l-isem waħdu ta’ “Mozzarella” iżda biss l-isem kompost “Mozzarella di Gioia del Colle” bħala tali. Meta applikat għar-reġistrazzjoni tal-isem “Mozzarella di Gioia del Colle”, l-Italja ma kellhiex l-għan li tirriżerva l-użu tat-terminu “Mozzarella”.

(8)

Barra minn hekk, qablu li jenħtieġ li t-terminu “Mozzarella” fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fid-Dokument Uniku dejjem ikun segwit bit-termini “di Gioia del Colle” sabiex ifisser li dik il-protezzjoni tirreferi biss għal dak l-isem kompost. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u d-Dokument Uniku ġew emendati skont dan.

(9)

Jenħtieġ li jitqies il-kontenut tal-ftehim konkluż bejn L-Italja u l-Ġermanja billi jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(10)

L-Italja u l-Ġermanja pproponew ukoll li jenħtieġ li r-Regolament idaħħal nota f’qiegħ il-paġna li tispjega li l-protezzjoni tal-isem “Mozzarella” mhix mitluba. Madankollu, għal raġunijiet ta’ ċarezza u ta’ ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni dwar l-istat ta’ protezzjoni ta’ terminu speċifiku titmexxa direttament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament.

(11)

Wara l-kjarifika espressa fl-Artikolu ta’ dan ir-Regolament tal-istat tat-terminu “Mozzarella”, it-talba msejsa fuq l-inkonsistenza ta’ din l-applikazzjoni, bir-reġistrazzjoni tat-terminu “Mozzarella” bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita mingħajr ma l-isem jiġi rriżervat, issir nulla.

(12)

Fis-17 ta’ Jannar 2020 il-Kummissjoni rċeviet l-avviż ta’ oppożizzjoni mill-Consortium for Common Food Names (CCFN) u mid-Dairy Export Council tal-Istati Uniti (USDDEC). Il-Kummissjoni għaddiet l-avviż ta’ oppożizzjoni lill-Italja fil-21 ta’ Jannar 2020. Fis-17 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni rċeviet id-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni, sal-iskadenza stipulata.

(13)

Il-Kummissjoni eżaminat l-oppożizzjoni mibgħuta mill-Consortium for Common Food Names (CCFN) u mid-Dairy Export Council tal-Istati Uniti (USDDEC) u sabitha ammissibbli. It-terminu “Mozzarella”, li jagħmel parti mill-isem “Mozzarella di Gioia del Colle” huwa identiku għat-terminu li jintuża għal tip ta’ ġobon li għalih hemm Standard tal-Codex Alimentarius attiv (Codex Stan 262-2006). L-oppożizzjoni ssostni li l-isem “Mozzarella di Gioia del Colle” ma jistax jiġi rreġistrat bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 peress li l-isem “Mozzarella” hu termini ġeneriku u l-applikazzjoni ma tinkludix assigurazzjoni li ma tintalabx protezzjoni għal dak it-terminu u li dan it-terminu ġeneriku se jibqa’ jintuża b’mod ħieles. Barra minn hekk, is-CCFN u l-USDEC qajmu tħassib dwar il-proċedura mwettqa fil-livell tal-Istat Membru fir-rigward tal-bidla allegata tal-isem tal-prodott, u b’hekk isostnu vjolazzjoni tal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(14)

B’ittra datata t-8 ta’ April 2020, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu ftehim bejniethom f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom.

(15)

L-Italja, il-Consortium for Common Food Names (CCFN) u d-Dairy Export Council tal-Istati Uniti (USDEC) ikkonfermaw li jenħtieġ li d-deżinjazzjoni “Mozzarella di Gioia del Colle” tiġi protetta bħala tali, filwaqt li l-isem waħdu ta’ “Mozzarella” jista’ jissokta jiġi użat fit-tikkettar jew fil-preżentazzjonijiet fi ħdan it-territorju tal-Unjoni dment li jitħarsu l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridiku tagħha.

(16)

Madankollu, il-Consortium for Common Food Names (CCFN) u d-Dairy Export Council tal-Istati Uniti (USDEC) ma tawx il-kunsens finali tagħhom peress li l-Italja ma tathomx aċċess għad-dokumenti tal-proċedura nazzjonali u li ma nvolvitx ruħha biex tikkonferma l-istatus ħieles tal-isem “Mozzarella” għat-talb fil-ġejjieni ta’ protezzjoni tal-isem “Mozzarella di Gioia del Colle” barra mill-UE.

(17)

Jenħtieġ li jitqies il-kontenut tal-ftehim parzjali konkluż bejn l-Italja, il-Consortium for Common Food Names (CCFN) u d-Dairy Export Council tal-Istati Uniti (USDEC) billi jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(18)

Għall-bqija, il-Kummissjoni vverifikat li l-proċedura mwettqa fuq livell tal-Istat Membru kkonċernat l-isem applikat u li l-isem kien qed jintuża fil-kummerċ u fil-lingwaġġ komuni biex jiddeskrivi l-prodott speċifiku, f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(19)

L-applikazzjonijiet fil-ġejjieni possibbli tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Mozzarella di Gioia del Colle” barra mill-UE jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(20)

Effettivament, mhux qiegħda tintalab protezzjoni għat-terminu “Mozzarella”.

(21)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-denominazzjoni ta’ oriġini “Mozzarella di Gioia del Colle” (DOP) tiġi protetta bħala tali, filwaqt li jenħtieġ li t-terminu “Mozzarella” jissokta jiġi użat fi ħdan it-territorju tal-Unjoni dment li jitħarsu l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridiku tagħha. Il-verżjoni konsolidata tad-Dokument Uniku jenħtieġ li tiġi ppubblikata għall-informazzjoni.

(22)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Mozzarella di Gioia del Colle” (DOP) hu rreġistrat.

L-isem fl-ewwel paragrafu jirreferi għal prodott tal-Klassi 1.3. Il-ġobon stabbilit fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3). Id-Dokument Uniku konsolidat huwa stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-isem “Mozzarella” jista’ jibqa’ jintuża fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, dment li jitħarsu l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridika tagħha.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU C 356, 21.10.2019, p. 10.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


ANNESS

“MOZZARELLA DI GIOIA DEL COLLE”

Nru tal-UE: PDO-IT-02384 – 29.12.2017

DOP (X) IĠP ()

1.   Isem (ismijiet)

“Mozzarella di Gioia del Colle”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Mozzarella di Gioia del Colle” huwa ġobon tal-baqta mġebbda frisk magħmul bil-ħalib sħiħ tal-baqra biss u bil-kultura starter tax-xorrox. Huwa kkaratterizzat minn:

(a)

Il-kompożizzjoni kimika li ġejja (il-valuri għall-ġobon frisk): lattożju ≤ 0,6 %, aċidu lattiku ≥ 0,20 %, indewwa 58-65 %, xaħam 15-21 % fin-niedi.

(b)

Togħma reminixxenti ta’ ħalib kemxejn qares, li jħalli togħma pjaċevoli tal-fermentazzjoni jew ta’ xorrox qares (li hija iktar qawwija fil-ġobon li jkun għadu kif sar) u aroma tal-ħalib qarsa, kultant akkumpanjata minn ħjiel ta’ butir.

(c)

In-nuqqas ta’ preservattivi, addittivi u għajnuniet għall-ipproċessar.

“Mozzarella di Gioia del Colle” għandha wiċċ lixx jew kemxejn fibruż. Il-ġobon ileqq, u mhuwiex imtajjan jew imsaffaf. Dan huwa ġobon abjad, possibbilment b’lewn ħafif kulur it-tiben skont l-istaġun. Meta l-ġobon jinqata’, jenħtieġ li jkollu konsistenza elastika u jkun ħieles mid-difetti. Jenħtieġ li joħroġ ammont żgħir ta’ xorrox abjad mill-ġobon maqtugħ.

“Mozzarella di Gioia del Colle” tiġi fi tliet forom: tonda, mibruma f’għoqiedi, u mmaljata. Skont il-forma u d-daqs, il-piż tal-porzjon ivarja minn 50 g għal 1 000 g. Il-ġobon huwa kkummerċjalizzat mgħaddas f’likwidu preservattiv (ilma, possibbilment bil-melħ miżjud u ftit aċidifikat).

3.3.   Għalf (għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Sabiex isir dan il-ġobon jintuża biss ħalib sħiħ tal-baqra mhux ipproċessat, miġbur f’żewġ sessjonijiet separati ta’ taħlib. Il-ħalib jista’ jiġi pproċessat bis-sħana jew pastorizzat.

Il-ġobon isir skont il-prattika tradizzjonali bl-użu ta’ kultura starter tax-xorrox.

Il-ħalib użat biex issir il-“Mozzarella di Gioia del Colle” jiġi mill-merħliet tal-baqar li jappartjenu għar-razez Bruna [Kannella], Frisona [Friesian], Pezzata Rossa [Red Pied] jew Jersey u taħlita ta’ dawn r-razez, fejn mill-inqas 60 % tat-total tal-materja niexfa mitmugħa lill-baqar tal-ħalib hija ħaxix u/jew ħuxlief li ġej mill-mergħat li joffru varjetà kbira ta’ veġetazzjoni.

Id-dieta tal-baqar tista’ tinkludi wkoll konċentrati bbażati fuq iċ-ċereali (qamħirrum, xgħir, qamħ, ħafur) u l-legumi (sojja, ful, ful tal-magħlef u piżelli tal-magħlef), grixa jew qxur, li jistgħu jingħataw ukoll bħala għalf komplimentari. Jistgħu jintużaw ukoll il-prodotti sekondarji tal-ipproċessar tal-ħarrub u taċ-ċereali — nuħħala u qxura tal-qamħ komuni, qxura tal-qamħ durum — sakemm dawn ma jaqbżux 40 % tal-materja niexfa. Fl-aħħar nett, id-dieta tal-baqar tista’ tiġi ssupplimentata b’kumplessi ta’ vitamini u ta’ minerali.

Sabiex ma jiġux kompromessi l-karatteristiki ta’ kwalità kkonferiti lill-“Mozzarella di Gioia del Colle” permezz tal-konnessjoni tagħha maż-żona lokali, mill-inqas 60 % tal-prodotti użati fl-għalf tal-baqar iridu jiġu miż-żona deskritta fil-punt 4. Dan ir-rekwiżit ta’ perċentwal huwa ssodisfat bl-użu ta’ ħaxix u/jew ħuxlief li ġej mill-mergħat li jinsabu fiż-żona identifikata. Dan huwa l-porzjon tal-għalf li huwa assoċjat mal-fibra diġeribbli, definita b’mod wiesgħa bħala “foraġġ” (ħaxix u/jew ħuxlief, bur, eċċ), u għandu impatt kbir fuq il-karatteristiċi kimiċi u organolettiċi tal-ħalib.

Minħabba l-kondizzjonijiet ġeografiċi u pedoklimatiċi tagħha, iż-żona ġeografika qatt ma kienet — u qatt ma hi se tkun — adatta għall-kultivazzjoni taċ-ċereali bħall-għelejjel tal-qamħirrum jew taż-żerriegħa taż-żejt bħas-sojja li minnhom jinkiseb l-għalf bil-proteini. Billi mhuwiex possibbli li dan l-għalf jiġi ssostitwit b’foraġġ ta’ kwalità għolja miż-żona, irid jiġi permess l-użu ta’ konċentrati u ta’ għalf komplimentari li jiġu minn barra ż-żona. Dawn il-prodotti jistgħu jiġu mfarrka u maħlula faċilment fil-kirxa (granularità iżgħar minn 0,8 ċm — jiġifieri li mhux kapaċi jistimulaw kontrazzjonijiet tal-kirxa) u għalhekk jipprovdu enerġija (l-aktar minn fdal ta’ karboidrati bħal-lamtu) u proteini li huma disponibbli faċilment għall-mikrobijoma tal-kirxa. Madankollu, billi r-rwol tagħhom huwa limitat għall-funzjoni fiżjoloġika ta’ appoġġ tal-mikrobijoma, dawn m’għandhom l-ebda impatt fuq il-proprjetajiet tal-ħalib u tal-“Mozzarella di Gioia del Colle”. Għalhekk, ir-ragħa obbligatorju għaż-żmien li fih ikun possibbli (150 ġurnata), u d-dieta rikka b’foraġġ prodott fiż-żona, huma l-aspetti tad-dieta li jgħinu jiddeterminaw il-proprjetajiet kimiċi u sensorjali tal-materja prima u tal-prodott finali. Għaldaqstant, dawn huma iż-żewġ elementi fundamentali li jorbtu flimkien il-materja prima, il-prodott finali u t-territorju.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni — it-trobbija u t-taħlib tal-baqar, il-ġbir u l-ipproċessar tal-ħalib, u l-preparazzjoni tal-ġobon stess — iseħħu fiż-żona ġeografika deskritta fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar eċċ.

Billi dan huwa prodott frisk li għandu t-tendenza li jiddeterjora malajr, il-“Mozzarella di Gioia del Colle” trid tiġi imballata fl-istess impjant fejn issir, fiż-żona ġeografika definita fil-punt 4.

Il-“Mozzarella di Gioia del Colle” tista’ tiġi kkummerċjalizzata f’pakketti ta’ piżijiet differenti u/jew f’porzjonijiet individwali. Din tiġi kkummerċjalizzata f’likwidu preservattiv (ilma, possibbilment bil-melħ miżjud u kemxejn aċidifikat).

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

Il-logo (Illustrazzjoni 1) u d-data tal-produzzjoni jridu jkunu stampati fuq l-imballaġġ użat għall-kummerċjalizzazzjoni tal-“Mozzarella di Gioia del Colle”.

Il-logo muri fl-illustrazzjoni 1 irid jintwera b’mod prominenti fuq il-wiċċ ta’ fuq tat-tikkettar jew tal-imballaġġ, kif ukoll fuq il-ġnub. Il-logo muri fl-illustrazzjoni 1 irid jintwera fuq iż-żewġt iġnub tal-porzjonijiet imgeżwrin wieħed wieħed.

Image 1

Illustrazzjoni 1: logo

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tinkludi l-muniċipalitajiet ta’ Acquaviva delle Fonti, Alberobello, Altamura, Casamassima, Cassano delle Murge, Castellana Grotte, Conversano, Gioia del Colle, Gravina in Puglia, Locorotondo, Monopoli, Noci, Putignano, Sammichele di Bari, Santeramo in Colle u Turi fil-provinċja ta’ Bari; Castellaneta, Crispiano, Laterza, Martina Franca, Massafra u Mottola fil-Provinċja ta’ Taranto; u parti tal-muniċipalità ta’ Matera li tinsab biswit il-muniċipalitajiet ta’ Altamura, Santeramo in Colle u Laterza, demarkata mit-toroq prinċipali SS 99 u SS 7.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika fejn dan il-ġobon huwa prodott tkopri l-partijiet tal-provinċji ta’ Bari u ta’ Taranto fuq il-plateau ta’ Murge, fejn hemm ħafna mħaleb (il-“farms tal-baqar” ta’ oriġini Frederiċjana). F’din iż-żona, fejn il-farms u l-imħaleb jinsabu viċin ħafna ta’ xulxin (ħafna minnhom fl-istess impjant), id-drawwa lokali li jipproduċu “Mozzarella di Gioia del Colle” mill-ħalib tal-baqar ilha żmien: hemm referenzi li jmorru lura sal-1885 għall-“mozzarella skwiżita minn Apulia” f’pubblikazzjoni bit-titlu L’ Italia agricola, giornale dedicato al miglioramento morale ed economico delle popolazioni rurali [“L-Italja Agrikola, ġurnal iddedikat għat-titjib morali u ekonomiku tal-popolazzjonijiet rurali”] (Redaelli, Milan). Minbarra ċertu pekuljaritajiet tal-ġeografija, il-ħamrija u l-klima tagħha, iż-żona tiddistingwi ruħha permezz tat-tradizzjoni tagħha tal-produzzjoni tal-ġobon, antika u b’għeruq fil-fond, li baqgħu maż-żmien u ngħaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra. Dawn iż-żewġ aspetti għandhom impatt profond fuq il-karatteristiċi tal-ħalib u tal-ġobon u huma l-fatturi ewlenin li jorbtu l-“Mozzarella di Gioia del Colle” mat-territorju.

Il-karatteristiċi fiżikokimiċi u nutrittivi tal-ħalib, b’mod partikolari, huma marbutin mat-territorju permezz tad-dieta mitmugħa lill-annimali u l-kuntest ambjentali usa’ li jitrabbew fih. Huwa magħruf sew li l-kompożizzjoni tal-ħalib hija marbuta mill-qrib b’mod ġenerali mal-kuntest żootekniku li jgħixu fih l-annimali u li t-tip ta’ komposti volatili huwa importanti ħafna għall-kompożizzjoni. Il-karatteristiċi aromatiċi tal-ħalib jiddependu minn dawn is-sustanzi, li huma ffurmati parzjalment mill-metaboliżmu tal-annimali u parzjalment mill-ambjent. Il-komposti volatili mill-ambjent jistgħu jidħlu fil-ħalib permezz tad-diġestjoni (ruminazzjoni) jew inkella permezz tal-pulmun (inalazzjoni). Fiż-żona ġeografika fejn tiġi prodotta l-“Mozzarella di Gioia del Colle” DOP, il-kondizzjonijiet ġeografiċi, u pedoklimatiċi wasslu għall-għażla ta’ ċerti varjetajiet ta’ pjanti kkultivati u li jseħħu b’mod naturali, li huma reżistenti għall-kondizzjonijiet sħan u niexfa tipiċi ta’ ambjent psewdo-steppa. Il-veġetazzjoni li sseħħ b’mod naturali hija l-aktar kserofila u din tinkludi ħxejjex aromatiċi bħat-Thymus striatus, il-Ferula communis u l-Foeniculum vulgare. Dawn il-pjanti — il-veġetazzjoni kserofila b’mod ġenerali — huma partikolarment rikki bil-polifenoli, bit-terpini, bil-komposti tal-karbonil u bis-sustanzi volatili oħra li jista’ jkollhom influwenza diretta jew indiretta fuq it-togħma tal-ħalib. Din l-influwenza hija diretta meta dawn jiġu ttrasferiti kif inhuma u indiretta meta dawn jaġixxu bħala prekursuri għal metaboliti volatili oħra b’impatt fuq il-fwieħa. Il-preżenza kostanti tal-annimali f’dan l-ambjent twassal biex il-prinċipji volatili bi proprjetajiet aromatiċi jgħaddu fil-ħalib, b’mod speċjali f’ċertu żminijiet tas-sena. B’mod ġenerali, ir-ragħha obbligatorju u d-dieta rikka b’foraġġ prodott fiż-żona jiggarantixxu l-karatteristiċi nutrittivi u funzjonali distintivi tal-ħalib, bħall-profil tal-lipidi tiegħu u l-kontenut tal-komposti volatili tiegħu. Il-kondizzjonijiet ambjentali lokali u t-tekniki ta’ trobbija tal-bhejjem għandhom rwol importanti fil-formazzjoni tal-mikrobijota tal-ħalib. Dawn il-fatturi kollha miġbura flimkien għandhom impatt kbir fuq il-karatteristiċi organolettiċi tal-“Mozzarella di Gioia del Colle”.

Fir-rigward tal-influwenza tat-teknika tal-ipproċessar, dan huwa l-metodu tradizzjonali u storiku li jippermetti biss li jintuża ħalib frisk u jiġi miżjud xorrox lokali (il-kultura starter). L-istarter tax-xorrox li jiġi miżjud mal-ħalib jirrappreżenta rabta oħra mat-territorju lokali, billi dan ilu jsir bl-istess mod għal żmien twil: bl-użu tax-xorrox tal-ġurnata ta’ qabel li jkun tħalla jiqras, li b’hekk jarrikkixxi ruħu bl-enzimi tal-ħalib li huma karatteristiċi tal-maħleb. Dawn l-aspetti jiggarantixxu rabta soda mat-territorju, għaliex jiddeterminaw li l-maġġoranza tal-komponent mikrobijoloġiku jkun nattiv ukoll. Il-komponent mikrobiku għandu rwol importanti fil-proprjetajiet sensorjali għaliex dan huwa responsabbli għall-formazzjoni tal-“aromi sekondarji” tal-prodott. Il-profil mikrobijoloġiku nattiv tal-kultura starter tax-xorrox huwa ggarantit parzjalment bil-karatteristiċi tal-ħalib li hija derivata minnu, iżda iktar importanti, bil-metodu ta’ preparazzjoni u bl-ambjent li titħalla tiżviluppa fih. It-“taħlita ta’ mikroorganiżmi nattivi” fil-kultura starter tirrifletti l-fażijiet kollha fil-proċess ta’ produzzjoni u hija ttrasferita fuq bażi ta’ kuljum għall-ħalib u għalhekk għall-prodott finali, u b’hekk tipperpetwa b’mod kostanti r-rabta mat-territorju. Il-metodi użati mill-produttur tal-ġobon għall-immaniġġjar tax-xorrox fit-tank, għall-maturazzjoni tal-baqta u mbagħad għall-ipproċessar tat-taħlita jikkombinaw biex jifformaw ir-rabta distintiva mat-territorju. Fil-fatt, il-kombinazzjoni tal-parametri kollha tal-ipproċessar għandha impatt fuq l-ekosistema mikrobika, li diġà hija pjuttost distintiva, u b’hekk tifforma l-progress tal-fermentazzjoni. L-għarfien espert tal-produttur tal-ġobon huwa essenzjali f’dak ir-rigward għaliex jippermetti lis-sett ta’ mikrobi jiżviluppaw f’mod uniku u irreplikabbli, li jagħti lill-“Mozzarella di Gioia del Colle” l-karatteristiċi sensorjali tipiċi tagħha. F’dak li għandu x’jaqsam mat-togħma, din il-fermentazzjoni toħloq noti kemxejn qarsa li jħallu togħma ta’ ħmira pjaċevoli li hija iktar qawwija fil-ġobon li jkun għadu kif sar. L-aroma dderivata mill-proċess tal-produzzjoni tal-ġobon tikkombina ma’ dawk li huma dderivati mill-ħalib, jiġifieri mill-proċess ta’ fermentazzjoni (“aroma sekondarja”) li joħloq noti friski ta’ ħalib, butir u xorrox aċiduż u mill-materja prima (“aroma primarja”) bin-noti karatteristiċi delikati tagħha tal-pjanti u tal-annimali. Fil-qosor, l-aromi primarji jirriflettu l-kondizzjonijiet li fihom ikunu trabbew il-baqar, bir-rwol importanti li għandha d-dieta ta’ foraġġ lokali (frisk jew ħuxlief), u l-aromi sekondarji li huma marbutin mal-mikrobijota nativa.

Minbarra l-karatteristiċi speċifiċi ffurmati mit-tekniki użati fit-trobbija tal-annimali u fil-produzzjoni tal-ġobon, hemm ukoll l-influwenzi ambjentali, storiċi u kulturali. Il-pajsaġġ (Natura 2000), il-ġeoloġija lokali (ir-reġjun tal-plateau ta’ Murge ta’ Apulia, bil-ġebel tal-ġir kretaċju, bis-saffi tal-blat u bit-tafal ridott) u l-klima huma kollha sinifikanti. F’termini storiċi u kulturali, hemm rabta bl-għeruq fil-fond bejn il-prodott u t-tip ta’ biedja fiż-żona: farms tal-bhejjem ta’ daqs żgħir u medju li huma l-aktar immexxija minn familji u strutturati skont id-drawwiet lokali, fejn il-bhejjem iqattgħu perjodi twal ta’ żmien jirgħu. Fl-aħħar nett, hemm ħafna evidenza, prova li l-mozzarella ilha tidher fl-istorja tal-Gioia del Colle, inkluż f’dokumentarju prodott mill-Istituto Luce fil-Gioia del Colle fit-28 ta’ Awwissu 1950. Rekords oħra juru li fl-ewwel għexieren ta’ snin tas-seklu għoxrin “bidwi jismu Clement Milano li jrabbi l-baqar tar-razza Alpine Brown fiż-żona tal-Gioia del Colle kien l-ewwel li uża l-ħalib mill-istokk tiegħu biex jagħmel il-prodott tal-ħalib frisk speċjali magħruf bħala mozzarella” (minn Gioia del Colle, oggi [“Gioia del Colle, Illum”], editjat minn Giovanni Bozzo għal Japigia Editrice, Bari 1970). Artiklu tal-1922 minn Giovanni Carano Donvito jgħid li “...l-‘Mozzarella di Gioia (del Colle)’ kienet apprezzata ħafna, imfittxija u tiswa ħafna fis-suq f’Ruma u f’Napli kif ukoll f’Bari, f’Taranto, f’Lecce, f’Foggia u fi bliet oħra iżgħar” (La riforma sociale [“Riforma soċjali”], F.S. Nitti, L. Roux, L. Einaudi — Roux e Viarengo, Turin). Fl-aħħar nett, hemm evidenza li diversi avvenimenti lokali bl-għan li jgħollu l-profil tal-“Mozzarella di Gioia del Colle” ilhom iseħħu sa mis-snin sittin.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

Wieħed jista’ jara t-test ikkonsolidat tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew inkella:

billi jżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u Forestali (www.politicheagricole.it) u jagħfas fuq “Prodotti DOP IGP” (fuq in-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin), u fl-aħħar jagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.