10.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 415/43 |
IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2017
tad-9 ta’ Diċembru 2020
li jemenda l-parti 2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/878 dwar l-entrata għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/772 (2) jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tal-miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb, li huma maħsuba għall-movimenti mhux kummerċjali fit-territorju jew f’partijiet tat-territorju ta’ ċerti Stati Membri. B’mod partikolari, l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament Delegat jistabbilixxi r-regoli għall-kategorizzazzjoni tal-Istati Membri, jew partijiet minnhom, fir-rigward tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis, u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li Stat Membru jrid jissodisfa sabiex jibqa’ eliġibbli li japplika dawk il-miżuri sanitarji preventivi. |
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/878 (3) jelenka l-Istati Membri jew parti mit-territorji tal-Istati Membri li jikkonformaw mar-regoli għall-kategorizzazzjoni fir-rigward tal-Echinococcus multilocularis stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2018/772. Il-lista tal-Istati Membri jew ta’ partijiet tat-territorju tal-Istati Membri li jikkonformaw mar-regoli għall-kategorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/772, hija stabbilita fil-Parti 2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/878. |
(3) |
F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Ftehim dwar il-Ħruġ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqu, japplikaw għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni. |
(4) |
It-territorju kollu tar-Renju Unit bħalissa hu elenkat fil-Parti 2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/878. Jeħtieġ li tiġi emendata l-Parti 2 ta’ dak l-Anness skont dan, billi l-entrata li tirreferi għar-Renju Unit tiġi sostitwita b’entrata li tirreferi għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. |
(5) |
Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. |
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-Parti 2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/878 hija sostitwita bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/772 tal-21 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb, u li jħassar ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1152/2011. (ĠU L 130, 28.5.2018, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/878 tat-18 ta’ Ġunju 2018 li jadotta l-lista tal-Istati Membri, jew partijiet tat-territorju tal-Istati Membri, li jikkonformaw mar-regoli għall-kategorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/772 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb (ĠU L 155, 19.6.2018, p. 1).
ANNESS
“PARTI 2
Lista tal-Istati Membri (*1) jew ta’ partijiet tat-territorju tal-Istati Membri li jikkonformaw mar-regoli għall-kategorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/772
|
Kodiċi |
It-territorju kollu/partijiet mit-territorju |
Il-Finlandja |
FI |
It-territorju kollu |
L-Irlanda |
IE |
It-territorju kollu |
Ir-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq) |
UK(NI) |
L-Irlanda ta’ Fuq |
(*1) F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, dan ir-Regolament japplika għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.” ”