8.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 412/31


REGOLAMENT (UE) 2020/2004 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-26 ta’ Novembru 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1333/2014 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji (BĊE/2020/58)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 5(1) u 6(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 jipprovdi li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt, f’każijiet debitament iġġustifikati, li jiġbor mingħand l-aġenti li jirrapportaw tagħrif statistiku fuq bażi kkonsolidata, inkluż tagħrif dwar l-entitajiet ikkontrollati minnhom. Il-BĊE jispeċifika l-grad tal-konsolidazzjoni għal dan l-iskop. Għall-finijiet tal-produzzjoni regolari tal-istatistiċi dwar is-suq monetarju, ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/48) (2) jeħtieġ li l-aġenti li jirrapportaw għandhom jirrapportaw lill-bank ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru fejn huma residenti fuq bażi kkonsolidata, inkluż għall-friegħi kollha tagħhom li jinsabu fl-Unjoni u l-EFTA, tagħrif statistiku ta' kuljum marbut mal-istrumenti tas-suq monetarju.

(2)

It-tagħrif statistiku fir-rigward tal-friegħi tal-aġenti li jirrapportaw fir-Renju Unit huwa sinifikanti f’termini tal-volum totali tiegħu. Minħabba d-dipendenza tar-rata tal-euro fuq żmien qasir (€STR) fuq it-tagħrif statistiku rrapportat taħt ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48), jenħtieġ li jiġi żgurat ir-rapportar kontinwat ta’ tagħrif statistiku għal dawk il-friegħi sabiex tkompli tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ statistika ta’ kwalità għolja fis-suq monetarju tal-euro.

(3)

Il-perjodu ta’ tranżizzjoni stipulat fil-Ftehim ta’ rtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ser jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Sabiex is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali tkompli tirċievi tagħrif statistiku ta’ kuljum relatat ma’ strumenti tas-suq monetarju fir-rigward ta’ friegħi ta’ aġenti li jirrapportaw li jinsabu fir-Renju Unit, l-ambitu tar-rapportar ikkonsolidat fir-rigward ta’ friegħi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48) jenħtieġ li jitwessa’.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48) għandu jiġi emendat f’dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48) huwa mibdul b’dan li gej:

“1.   Għall-finijiet tal-produzzjoni regolari tal-istatistiċi dwar is-suq monetarju, l-aġenti li jirrapportaw għandhom jirrapportaw lill-BĊN tal-Istat Membru fejn huma residenti fuq bażi kkonsolidata, inklużi għall-friegħi kollha tagħhom li jinsabu fl-Unjoni u fl-EFTA, tagħrif statistiku ta' kuljum marbut mal-istrumenti tas-suq monetarju. It-tagħrif statistiku meħtieġ huwa speċifikat fl-Annessi I, II u III. L-aġenti li jirrapportaw għandhom jirrapportaw l-informazzjoni statistika meħtieġa skont l-istandards minimi għat-trażmissjoni, il-preċiżjoni, il-konformità mal-kunċetti, ir-reviżjonijiet u l-integrità tad-data stipulati fl-Anness IV. Il-BĊN għandu jittrażmetti t-tagħrif statistiku li jirċievi mingħand l-aġenti li jirrapportaw lill-BĊE skont l-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament.”.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta' Novembru 2014 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji (BĊE/2014/48) (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 97).