3.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 406/39


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1822

tat-2 ta’ Diċembru 2020

li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-bijomassa tal-ħmira li fiha l-kromu (Yarrowia lipolytica) bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/760 (3) awtorizza, f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2283, it-tqegħid fis-suq tal-bijomassa tal-ħmira Yarrowia lipolytica bħala ikel ġdid biex jintuża fis-supplimenti tal-ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), minbarra s-supplimenti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar.

(4)

Fit-22 ta’ Awwissu 2018, il-kumpanija Skotan S.A. (“l-applikant”) ippreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex tqiegħed il-bijomassa arrikkita bil-kromu tal-ħmira Yarrowia lipolytica fis-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid. L-applikant talab li l-bijomassa arrikkita bil-kromu tal-ħmira Yarrowia lipolytica tintuża bħala ikel ġdid fis-supplimenti tal-ikel, minbarra s-supplimenti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar. Il-livelli massimi ta’ użu proposti mill-applikant huma 2 g kuljum għat-tfal ta’ età minn tlieta (3) sa disa’ (9) snin, u 4 g kuljum għall-adolexxenti u għall-adulti.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283, fit-18 ta’ Frar 2019 il-Kummissjoni kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”), u talbitha tagħti opinjoni xjentifika abbażi ta’ valutazzjoni tal-bijomassa tal-ħmira li fiha l-kromu (Yarrowia lipolytica) bħala ikel ġdid.

(6)

Fit-23 ta’ Jannar 2020, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha “Safety of chromium-enriched biomass of Yarrowia lipolytica as a novel food pursuant to Regulation (UE) 2015/2283” (5). Dik l-opinjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(7)

Fl-opinjoni tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li l-bijomassa tal-ħmira li fiha l-kromu (Yarrowia lipolytica) hija sikura skont l-użi u l-livelli tal-użu proposti, meta tintuża fis-supplimenti tal-ikel maħsuba għall-popolazzjoni ġenerali li għandha aktar minn tliet (3) snin.

(8)

L-opinjoni tal-Awtorità tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-bijomassa tal-ħmira li fiha l-kromu (Yarrowia lipolytica) skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti tikkonforma mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-bijomassa tal-ħmira li fiha l-kromu (Yarrowia lipolytica) kif speċifikata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, għandha tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/760 tat-13 ta’ Mejju 2019 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 125, 14.5.2019, p. 13).

(4)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).

(5)  EFSA Journal 2020;18(3):6005.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja f’ordni alfabetika:

Ikel ġdid awtorizzat

Il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

“Bijomassa tal-ħmira li fiha l-kromu (Yarrowia lipolytica)

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Id-deżinjazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minnu għandha tkun “bijomassa tal-ħmira li fiha l-kromu (Yarrowia lipolytica)”

It-tikkettar tas-supplimenti tal-ikel li fihom il-bijomassa tal-ħmira li fiha l-kromu (Yarrowia lipolytica) għandu jkollu dikjarazzjoni li s-supplimenti tal-ikel ma għandhomx jiġu kkunsmati minn trabi u tfal żgħar (tfal taħt it-tliet (3) snin)/tfal minn tliet (3) snin sa disa’ (9) snin  (*1).

 

Supplimenti tal-ikel kif iddefinit fid-Direttiva 2002/46/KE, minbarra s-supplimenti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar

2 g kuljum għal tfal minn tlieta (3) sa (9) snin, li jirriżulta f’46 μg ta’ kromu kuljum

4 g kuljum għal tfal minn età ta’ 10 snin, għall-adolexxenti u għall-adulti, li jirriżulta f’92 μg ta’ kromu kuljum

(2)

fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja fl-ordni alfabetiku:

Ikel Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjoni

“Bijomassa tal-ħmira li fiha l-kromu (Yarrowia lipolytica)

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

L-ikel ġdid huwa l-bijomassa tal-ħmira li fiha l-kromu Yarrowia lipolytica mnixxfa u maqtula bis-sħana.

L-ikel ġdid huwa prodott permezz tal-fermentazzjoni fil-preżenza tal-klorur tal-kromu segwit minn għadd ta’ passi ta’ purifikazzjoni u pass ta’ qtil bis-sħana tal-ħmira biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm ċelloli vijabbli tal-Yarrowia lipolytica fl-ikel il-ġdid.

Karatteristiċi/Kompożizzjoni:

 

Kromu totali: 18–23 μg/g

 

Kromu (VI): < 10 μg/kg (jiġifieri l-limitu ta’ detezzjoni)

 

Proteina: 40–50 g/100 g

 

Fibra: 24-32 g/100 g

 

Zokkrijiet: < 2 g/100 g

 

Xaħam: 6-12 g/100 g

 

Irmied totali: ≤ 15 %

 

Ilma: ≤ 5 %

 

Materja niexfa: ≥ 95 %

Metalli tqal:

 

Ċomb: ≤ 3,0 mg/kg

 

Kadmju: ≤ 1,0 mg/kg

 

Merkurju: ≤ 0,1 mg/kg

Kriterji mikrobijoloġiċi:

 

L-għadd mikrobjali aerobiku totali: ≤ 5x103 UJK/g

 

Għadd ta’ ħmira u moffa totali: ≤ 102 UJK/g

 

Ċelloli vijabbli tal-Yarrowia lipolytica  (*2) : < 10 UJK/g (jiġifieri l-limitu ta’ detezzjoni)

 

Koliformi: ≤ 10 UJK/g

 

Salmonella spp.: Assenti f’25 g

 

UJK: unitajiet li jifformaw kolonji


(*1)  Skont il-grupp tal-età li jkun maħsub għalih is-suppliment tal-ikel.”

(*2)  Applikabbli fl-istadji kollha wara l-istadju tat-trattament bis-sħana biex jiggarantixxi n-nuqqas ta’ ċelloli vijabbli ta’ Yarrowia lipolytica u biex l-ewwel jiġi ttestjat immedjatament wara l-istadju tat-trattament bis-sħana. Il-miżuri jridu jkunu fis-seħħ biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni kroċjata biċ-ċelloli vijabbli tal-Yarrowia lipolytica waqt l-imballaġġ u/jew il-ħżin tal-ikel ġdid.”