30.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 400/1


REGOLAMENT (UE) 2020/1781 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2020

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1139 fir-rigward ta’ tnaqqis tal-kapaċità tas-sajd fil-Baħar Baltiku, u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward tal-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd għall-flotot li jistadu għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent u l-aringi tal-Baltiku tal-Punent

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku (“il-Pjan Pluriennali tal-Baltiku”). Il-Pjan Pluriennali tal-Baltiku għandu jimplimenta l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jiżgura li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Huwa għandu jkun koerenti mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-objettiv li jinkiseb stat ambjentali tajjeb fl-ambjent tal-baħar sal-2020, kif stipulat fid-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Pjan Pluriennali tal-Baltiku rigward l-adozzjoni tad-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art previst fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar Baltiku jenħtieġ li japplikaw ukoll għas-salamun tal-Atlantiku (Salmo salar) fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ sopravivenza għolja.

(3)

Skont il-valutazzjoni xjentifika mwettqa mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (l-ICES), ħafna speċijiet u ħabitats tal-Baħar Baltiku mhumiex f’kundizzjoni tajba. L-inputs annwali tan-nutrijenti għadhom jaqbżu l-miri maqbula reġjonalment fil-Baħar Baltiku ċentrali, fil-Baħar tal-Arċipelagu u fil-Golf tal-Finlandja. Il-konċentrazzjonijiet tan-nutrijenti għadhom relattivament għoljin, kif ukoll il-firxa ta’ żoni tal-baħar fond b’nuqqas ta’ ossiġnu jew mingħajru. Il-livelli tal-kontaminanti għadhom għoljin meta mqabbla mal-biċċa l-kbira tal-ibħra Ewropej. Dik is-sitwazzjoni ambjentali ġenerali taffettwa l-funzjonalità tal-katina tal-ikel, tnaqqas ir-reżiljenza u r-reżistenza kontra aktar bidliet ambjentali, u tnaqqas il-prospetti għal benefiċċji soċjoekonomiċi, inkluż l-opportunitajiet tas-sajd.

(4)

Id-deterjorament fil-kundizzjoni tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant (Gadus morhua) ġiet marbuta ma’ dik is-sitwazzjoni. Skont l-ICES, l-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant ibati minn livell fil-bijomassa li tant huwa baxx li mhuwiex sostenibbli minħabba kombinazzjoni ta’ tnaqqis fir-reklutaġġ, disponibbiltà baxxa ta’ speċijiet tal-priża, fatturi ambjentali, u bidliet fl-ekosistema - pereżempju tnaqqis fil-livell tal-ossiġenu, temperaturi ogħla jew tniġġis - li jwasslu għal mortalità naturali għolja ta’ bejn wieħed u ieħor tliet darbiet il-mortalità mis-sajd, u mortalità mis-sajd eċċessiva minħabba l-istatus tal-istokkijiet. Il-bijomassa tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant ta’ daqs kummerċjali attwalment tinsab fl-aktar livell baxx osservat mis-snin 1950 ’l hawn. Barra minn hekk, l-ICES ikkalkula li l-bijomassa tal-istokk li jbid il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant ser tibqa’ taħt il-punt ta’ referenza għas-sostenibbiltà fiż-żmien medju (sal-2024), anki jekk ma jsir l-ebda sajd, u għaldaqstant, fil-parir tiegħu dwar l-istokkijiet għall-2020, l-ICES irrakkomanda li ma jsirx qbid ta’ dan il-ħut.

(5)

Il-Pjan Pluriennali tal-Baltiku jeħtieġ li, meta l-parir xjentifiku jindika li stokk ikun mhedded, iridu jittieħdu miżuri ta’ rimedju, inkluż it-tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd u miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni, u li dawk il-miżuri għandhom jiġu ssupplimentati bil-miżuri xierqa l-oħra kollha. Il-miżuri ta’ rimedju jistgħu jinkludu s-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk u t-tnaqqis adegwat tal-opportunitajiet tas-sajd. L-għażla tal-miżuri trid issir skont in-natura, is-serjetà, it-tul u r-ripetizzjoni tas-sitwazzjoni.

(6)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1248 (6), li sal-31 ta’ Diċembru 2019 jipprojbixxi bastimenti tas-sajd tal-Unjoni milli jistadu għall-bakkaljaw fis-Suddiviżjonijiet 24, 25 u 26 tal-ICES. Dik il-projbizzjoni kellha impatt sinifikanti fuq ir-reġjun tal-Baltiku tal-Lvant, speċjalment fuq is-settur tas-sajd artiġjanali fuq skala żgħira. Hija kellha wkoll impatt fuq is-sajd fil-Baltiku tal-Punent.

(7)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1838 (7) jipprevedi tnaqqis neċessarju u bla preċedent ta’ 92 % tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2020 meta mqabbel mal-2019 għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, u jillimita l-użu tal-qabda totali permissibbli (“TAC”) għal qabdiet inċidentali biss. Għalhekk, l-ebda sajd immirat għal dak l-istokk ma għandu jkun permess. L-operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi huma permessi biex jiġu segwiti x-xejriet tal-bijomassa tal-istokk. Peress li fis-Suddiviżjoni 24 tal-ICES fil-biċċa l-kbira huwa preżenti l-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, l-użu tat-TAC tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent fis-Suddiviżjoni 24 tal-ICES ġie wkoll limitat għall-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw.

(8)

Il-flotot tas-sajd attwalment dipendenti fuq il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant ma għandhomx il-possibbiltà li jistadu għal stokkijiet oħra bħala alternattiva. Huwa stmat li t-tpaċija tat-telf ekonomiku kkawżat mill-għeluq tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant tkun teħtieġ qabdiet addizzjonali ta’ madwar 20 000 tunnellata fi speċijiet alternattivi. Madankollu, ir-Regolament (UE) 2019/1838 jipprevedi tnaqqis drastiku għal stokkijiet oħra għall-2020, b’mod partikolari fir-rigward tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent, bi tnaqqis ta’ 60 %, u fir-rigward tal-aringi tal-Baltiku tal-Punent (Clupea harengus), bi tnaqqis ta’ 65 % għall-istokk tal-Punent u ta’ 27 % fil-Golf ta’ Bothnia.

(9)

L-analiżi turi li s-segmenti tal-flotta bl-ogħla dipendenza fuq il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant jinkludu aktar minn 300 bastiment, prinċipalment bastimenti tat-tkarkir u tax-xbieki fil-Litwanja, fil-Latvja u fil-Polonja, u sa ċertu punt, iżda inqas, fid-Danimarka u l-Ġermanja. Dawk is-segmenti tal-flotta huma ta’ importanza soċjoekonomika sinifikanti, għax jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor bejn 20 % u 50 % tal-flotta nazzjonali rispettivament fil-Litwanja, fil-Latvja u fil-Polonja, espressi f’ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time. Ftit segmenti biss tal-flotta jidhru reżiljenti biżżejjed biex jibqgħu operattivi fil-każ ta’ għeluq fuq tul ta’ żmien qasir, iżda mhux fuq perijodu ta’ żmien medju jew twil. Il-bqija jew diġà jbatu minn sitwazzjoni batuta li ser tiggrava minħabba l-għeluq jew ser jaraw il-profittabbiltà tagħhom tixxejjen. Fil-fatt, l-użu tal-kwota għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant kien diġà inqas minn 60 % għal ħafna snin, u dan kompla jonqos għal 40 % fl-2018 u saħansitra inqas fl-2019; l-użu tal-kwota sal-bidu tal-miżuri ta’ emerġenza tal-Kummissjoni f’nofs Lulju tal-2019 kien ta’ 19 %, li jirrifletti l-problema bijoloġika b’dak is-sajd. Minħabba li l-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant mhuwiex mistenni li jirkupra għal livelli b’saħħithom anki fit-terminu medju, ser ikun hemm żbilanċ strutturali persistenti għal dawk is-segmenti tal-flotta, li b’hekk jiġġustifika r-ristrutturar tal-flotta.

(10)

Ir-ristrutturar tal-flotot irid jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, li jirrikjedi li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jaġġustaw il-kapaċità tas-sajd tal-flotot tagħhom għall-opportunitajiet tas-sajd tagħhom matul iż-żmien, billi jitqiesu x-xejriet u abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, bl-objettiv li jinkiseb bilanċ stabbli u dejjiem bejniethom. Sabiex jinkiseb dak l-objettiv, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, rapport fejn jiġi vvalutat il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotot tagħhom u l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom. Jekk il-valutazzjoni turi b’mod ċar li l-kapaċità tas-sajd mhijiex bilanċjata b’mod effikaċi mal-opportunitajiet tas-sajd, l-Istat Membru kkonċernat għandu jħejji u jinkludi fir-rapport tiegħu, pjan ta’ azzjoni għas-segmenti tal-flotta b’kapaċità strutturali żejda identifikata.

(11)

Fil-ftehim politiku tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 2019 dwar il-limiti tas-sajd għall-2020 fil-Baħar Baltiku, l-Istati Membri kkonċernati ddikjaraw li, jekk ikollhom bżonn inaqqsu l-kapaċità tas-sajd tal-flotta biex jimmaniġġjaw il-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi tat-tnaqqis tas-sajd, huma ser jippreżentaw pjan ta’ azzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Fis-17 ta’ Ottubru 2019, l-Istati Membri kkonċernati rrikonoxxew ukoll li, fid-dawl tal-ħtieġa li titnaqqas il-kapaċità tas-sajd tal-flotta, huwa importanti li tiġi evitata għajnuna pubblika għal investimenti f’kapaċità addizzjonali ta’ sajd. L-Istati Membri jenħtieġ li fi kwalunkwe ħin jitħallew jibagħtu lill-Kummissjoni r-rapporti annwali tagħhom dwar il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd jew emendi għal dawk ir-rapporti sabiex jintroduċu jew jemendaw tali pjan ta’ azzjoni.

(12)

Il-livelli tal-kapaċità tas-sajd tal-Istati Membri li jimplimentaw miżuri ta’ waqfien permanenti f’segmenti tal-flotta li għandhom fil-mira tagħhom il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent jew l-aringa tal-Baltiku tal-Punent (“it-tliet stokkijiet ikkonċernati”) jenħtieġ li ma jaqbżux il-livelli tal-kapaċità tas-sajd medji tal-bastimenti b’opportunitajiet tas-sajd għat-tliet stokkijiet ikkonċernati fis-snin 2015 sal-2019. Dawk il-livelli tal-kapaċità tas-sajd jenħtieġ li jitnaqqsu meta l-bastimenti jiġu rtirati b’għajnuna pubblika, bil-għan li jinbnew mill-ġdid it-tliet stokkijiet ikkonċernati. Dawk l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li bastimenti minn segmenti oħra tal-flotta ma jkunux jistgħu jiġu ttrasferiti lejn is-segmenti tal-flotta li jistadu għal kwalunkwe wieħed mit-tliet stokkijiet ikkonċernati billi ma jallokawx mill-ġdid il-kapaċità tas-sajd lil dawk il-gruppi ta’ bastimenti qabel ħames snin wara d-data tal-irtirar, jew qabel ma l-istokk ikkonċernat ikun qabeż l-MSY Btrigger għal perijodu ta’ tliet snin, skont liema jseħħ l-ewwel. Sabiex jiġi żgurat li l-livelli tal-kapaċità tas-sajd ma jinqabżux, l-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-livell tal-kapaċità tas-sajd inizjali tagħhom u kwalunkwe bidla fih.

(13)

Minħabba l-kundizzjoni serja tat-tliet stokkijiet ikkonċernati, l-Istati Membri jenħtieġ li jtejbu l-monitoraġġ u l-kontroll ta’ bastimenti bi kwota ta’ qabdiet aċċessorji għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant jew b’opportunitajiet tas-sajd għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent jew għall-aringi tal-Baltiku tal-Punent. Barra minn hekk, il-livell limitu tal-kwantità li, ladarba jinqabeż, bastiment tas-sajd ikun meħtieġ li jibgħat notifika minn qabel tal-ħatt l-art u li jħott l-art il-qabda tiegħu f’post speċifiku jenħtieġ li titnaqqas għal 250 kilogramma għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u l-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent.

(14)

Għalhekk ir-Regolament (UE) 2016/1139 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(15)

L-ICES ħareġ valutazzjoni analitika tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, iżda ma setax jipprovdi la meded tal-mortalità tas-sajd u lanqas diversi punti ta’ referenza minħabba nuqqas ta’ data meħtieġa. Għalhekk, jenħtieġ li jittejjeb il-ġbir tad-data.

(16)

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (“il-FEMS”) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jipprevedi l-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd sal-31 ta’ Diċembru 2017 bħala għodda biex titnaqqas il-kapaċità strutturali żejda identifikata. Fejn l-Istati Membri identifikaw żbilanċ strutturali, il-pjan ta’ azzjoni li rriżulta skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għalhekk ippermettielhom jinkludu l-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd bħala mod biex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan ta’ azzjoni.

(17)

Sabiex jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi dannużi ħafna għall-komunitajiet u għan-negozji involuti fis-sajd ikkawżati mis-sitwazzjoni ambjentali persistenti u negattiva fil-Baħar Baltiku u t-tnaqqis drastiku li rriżulta fl-opportunitajiet tas-sajd, u fid-dawl tal-miżuri speċifiċi previsti fil-Pjan Pluriennali tal-Baltiku, jenħtieġ li jkun hemm disponibbli appoġġ pubbliku għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd permezz tal-iskrappjar ta’ bastimenti tas-sajd, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jilħqu l-objettivi tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u jitnaqqas kwalunkwe żbilanċ strutturali identifikat fis-segmenti tal-flotta kkonċernati. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 508/2014 jiġi emendat skont dan biex jiġi introdott mill-ġdid l-appoġġ għal waqfien permanenti tal-bastimenti fis-segmenti tal-flotta kkonċernati.

(18)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-adattament strutturali tal-flotta fil-Baħar Baltiku mal-objettivi ta’ konservazzjoni stabbiliti fil-Pjan Pluriennali tal-Baltiku, l-appoġġ għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd permezz tal-iskrappjar ta’ bastimenti tas-sajd fis-segmenti tal-flotta kkonċernati jenħtieġ li jkun strettament kundizzjonali mal-konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u mal-limiti massimi tal-kapaċità tas-sajd speċifiċi għas-segmenti tal-flotta kkonċernati.

(19)

Fid-dawl tal-ekosistema fraġli fil-Baħar Baltiku, jenħtieġ li l-appoġġ għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd ma jingħatax għat-tagħmir mill-ġdid ta’ bastimenti tas-sajd għal attivitajiet oħra għajr is-sajd kummerċjali, bħas-sajd rikreattiv, li jista’ jkollu impatt detrimentali fuq l-ekosistema. Għalhekk, jenħtieġ li l-appoġġ jingħata biss għall-iskrappjar ta’ bastimenti tas-sajd.

(20)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li l-kapaċità tas-sajd li tikkorrispondi għall-bastimenti tas-sajd irtirati bl-għajnuna pubblika ma għandhiex tiġi sostitwita. Barra minn hekk, dak ir-Regolament jipprevedi li d-dħul fil-flotta tal-kapaċità tas-sajd ġdida mingħajr għajnuna pubblika għandu jiġi kkumpensat bl-irtirar minn qabel tal-kapaċità tas-sajd mingħajr għajnuna pubblika li tkun mill-inqas tal-istess ammont.

(21)

Peress li l-appoġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 jista’ jingħata sa tmiem l-2023, jenħtieġ li l-aħħar rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali jiġi ppreżentat sal-31 ta’ Mejju 2024. Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (UE) Nru 508/2014 jiġi emendat kif meħtieġ.

(22)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika ħażina tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’dipendenza sinifikanti fuq it-tliet stokkijiet ikkonċernati u l-ħtieġa li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ appoġġ taħt il-FEMS għal waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd ta’ dawk il-bastimenti fl-2020, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2016/1139

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Dan ir-Regolament jispeċifika wkoll dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar Baltiku għas-salamun tal-Atlantiku (Salmo salar) fis-Suddiviżjonijiet 22-32 tal-ICES.”;

(2)

fl-Artikolu 7(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Madankollu, fir-rigward tas-salamun tal-Atlantiku, is-setgħat ta’ delega mogħtija lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu għandhom ikunu limitati għall-miżuri msemmija fil-punt (a) ta’ dak is-subparagrafu.”;

(3)

jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

“KAPITOLU VI A

TNAQQIS TAL-KAPAĊITÀ TAS-SAJD

Artikolu 8a

Tnaqqis tal-kapaċità tas-sajd għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent u l-aringi tal-Baltiku tal-Punent

1.   L-Istati Membri li adottaw pjan ta’ azzjoni f’konformità mal-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar segmenti tal-flotta li jinkludu bastimenti tas-sajd li għandhom fil-mira tagħhom il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent jew l-aringi tal-Baltiku tal-Punent (“it-tliet stokkijiet ikkonċernati”) jistgħu jimplimentaw miżuri għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

2.   L-appoġġ għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandu jingħata biss jekk il-pjan ta’ azzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 jistabbilixxi miri speċifiċi għat-tnaqqis tal-kapaċità tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd b’opportunitajiet tas-sajd għal wieħed jew aktar mit-tliet stokkijiet ikkonċernati.

3.   L-Istati Membri jistgħu fi kwalunkwe ħin jibagħtu jew jemendaw ir-rapport annwali tagħhom msemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 sabiex jintroduċu jew jemendaw il-pjan ta’ azzjoni tagħhom.

4.   Il-limitu massimu tal-kapaċità tas-sajd ta’ Stat Membru li jimplimenta miżuri ta’ waqfien permanenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jonqos b’ammont ugwali għall-kapaċità tas-sajd li jikkorrispondi għall-bastimenti tas-sajd li jiġu rtirati b’għajnuna pubblika f’konformità mal-Artikolu 22(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-Artikolu 34(5) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe tnaqqis fil-limitu massimu tal-kapaċità tas-sajd tal-Istati Membri fir-rapporti li għandhom jiġu ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

6.   L-Istati Membri li jimplimentaw il-miżuri ta’ waqfien permanenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-medja annwali għas-snin 2015 - 2019 tal-kapaċità tas-sajd totali tal-bastimenti tas-sajd kollha b’allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għal kwalunkwe wieħed mit-tliet stokkijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ammont totali tal-kapaċità tas-sajd irtirata għall-bastimenti tas-sajd b’allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għal kwalunkwe wieħed mit-tliet stokkijiet ikkonċernati.

7.   L-Istati Membri li jimplimentaw il-miżuri ta’ waqfien permanenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li l-kapaċità tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd b’allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għal kwalunkwe wieħed mit-tliet stokkijiet ikkonċernati ma taqbiżx il-kapaċità tas-sajd medja annwali kkomunikata lill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 6 billi ma jallokawx mill-ġdid il-kapaċità tas-sajd lil kwalunkwe wieħed minn dawk il-gruppi ta’ bastimenti qabel ħames snin wara d-data tal-irtirar, jew qabel ma l-istokk ikkonċernat ikun ogħla mill-MSY Btrigger għal perijodu ta’ tliet snin, skont liema jseħħ l-ewwel.”;

(4)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-obbligu ta’ notifika minn qabel stabbilit f’dak l-Artikolu għandu japplika għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ta’ tul totali ta’ tmien metri jew iżjed li jżommu abbord mill-inqas 250 kilogramma bakkaljaw jew żewġ tunnellati ta’ stokkijiet pelaġiċi.”;

(5)

fl-Artikolu 14, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

250 kilogramma bakkaljaw;”;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 14a

Kontroll tal-qabdiet tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent u tal-aringi tal-Baltiku tal-Punent

L-Istati Membri għandhom itejbu l-monitoraġġ u l-kontroll ta’ bastimenti bi kwota ta’ qabdiet aċċessorji għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant jew b’opportunitajiet tas-sajd għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent jew għall-aringi tal-Baltiku tal-Punent.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 508/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Madankollu, fil-każ tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), is-sentejn kalendarji msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu s-snin 2017 u 2018.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).”;"

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-appoġġ taħt dan l-Artikolu jista’ jingħata sal-31 ta’ Diċembru 2017, dment li ma jiġux adottati miżuri ta’ waqfien permanenti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-pjanijiet pluriennali li ġejjin:

(a)

il-pjan pluriennali għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli ta’ stokkijiet demersali fil-Punent tal-Baħar Mediterran, stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(b)

il-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/1139, fir-rigward ta’ bastimenti li għandhom fil-mira tagħhom il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent jew l-aringi tal-Baltiku tal-Punent kif stabbilit fl-Artikolu 8a tar-Regolament (UE) 2016/1139.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1).”;"

(c)

il-paragrafu 4a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4a.   In-nefqa relatata mal-miżuri ta’ waqfien permanenti adottati sabiex jinkisbu l-objettivi tar-Regolament (UE) 2019/1022 għandha tkun eliġibbli għall-appoġġ mill-FEMS mis-16 ta’ Lulju 2019.

In-nefqa relatata mal-miżuri ta’ waqfien permanenti adottati sabiex jinkisbu l-objettivi tar-Regolament (UE) 2016/1139, b’mod partikolari l-Artikolu 8a tiegħu, għandha tkun eliġibbli għall-appoġġ mill-FEMS mill-1 ta’ Diċembru 2020.”;

(d)

fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   B’deroga mill-paragrafu 1, jista’ jingħata appoġġ għat-twaqqif permanenti tal-attivitajiet tas-sajd mingħajr skrappjar dment li l-bastimenti jinstallaw tagħmir biex jadattaw għal attivitajiet li mhumiex sajd kummerċjali. Din id-deroga ma għandhiex tapplika għall-appoġġ mogħti taħt il-paragrafu 4, punt (b).”;

(2)

fl-Artikolu 114, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Sal-31 ta’ Mejju 2016, u sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena sussegwenti sa u inkluż l-2024, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali fis-sena kalendarja preċedenti. Ir-rapport ippreżentat fl-2016 għandu jkopri s-snin kalendarji 2014 u 2015.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU C 106, 31.3.2020, p. 10.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2020.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1248 tat-22 ta’ Lulju 2019 li jistabbilixxi l-miżuri li jnaqqsu t-theddida serja għall-konservazzjoni tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Lvant tal-Baltiku (Gadus morhua) (ĠU L 195, 23.7.2019, p. 2).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1838 tat-30 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi għall-2020 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/124 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet ta’ sajd f’ilmijiet oħra (ĠU L 281, 31.10.2019, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).