|
20.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 390/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1732
tat-18 ta’ Settembru 2020
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2017/2402, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) għandha timponi tariffi għar-repożitorji tat-titolizzazzjoni li jkopru bis-sħiħ l-infiq meħtieġ tal-ESMA fir-rigward tar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ dawk ir-repożitorji. L-ESMA se ġġarrab spejjeż ogħla meta tipproċessa l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni mingħand ir-repożitorji ta’ titolizzazzjoni li jkun biħsiebhom joffru servizzi anċillari. Madankollu, dawn l-ispejjeż se jkunu inqas meta r-repożitorju ta’ titolizzazzjoni jkun diġà rreġistrat bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). It-tariffa għal entitajiet li japplikaw għar-reġistrazzjoni jenħtieġ għalhekk li tqis b’mod speċifiku t-tip ta’ servizzi li jridu jiġu pprovduti mir-repożitorju tat-titolizzazzjoni u jekk huwiex diġà rreġistrat bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Billi l-infiq tal-ESMA fil-valutazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa l-istess, irrispettivament mid-daqs tal-applikant, u jiddependi biss fuq it-tip ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti, huwa xieraq li t-tariffa għar-reġistrazzjoni tkun fissa. |
|
(2) |
Meta entità li ma tkunx diġà rreġistrat bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet tippreżenta, fl-istess ħin, applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet u bħala repożitorju ta’ titolizzazzjoni, l-ispejjeż imġarrba mill-ESMA meta tipproċessa dawk l-applikazzjonijiet fl-istess ħin ikunu wkoll aktar baxxi minħabba s-sinerġiji. Fejn tali applikazzjonijiet jiġu ppreżentati fl-istess ħin, ir-repożitorju ta’ titolizzazzjoni għandu jħallas it-tariffa sħiħa skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew ir-Regolament (UE) 2015/2365, kif applikabbli, għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet filwaqt li tariffa mnaqqsa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni għandha titħallas għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju ta’ titolizzazzjoni. |
|
(3) |
It-tariffa tar-reġistrazzjoni jew it-tariffa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni pagabbli minn repożitorju ta’ titolizzazzjoni li joffri servizzi anċillari wara r-reġistrazzjoni jenħtieġ li tqis dawk is-servizzi anċillari. Għall-kuntrarju ta’ dan, repożitorju ta’ titolizzazzjoni li jwaqqaf l-offerta ta’ servizzi anċillari wara r-reġistrazzjoni ma għandux ikollu d-dritt tar-reġistrazzjoni jew it-tariffa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni rimborżat billi l-ESMA diġà tkun ġarrbet l-ispiża għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni. |
|
(4) |
Sabiex jiġu skoraġġuti l-applikazzjonijiet frivoli, it-tariffi ta’ reġistrazzjoni jew it-tariffi ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni ma għandhomx jiġu rimborżati meta l-ESMA tkun irrifjutat ir-reġistrazzjoni u jenħtieġ li tiġi rrimborżata parzjalment biss meta applikant jirtira l-applikazzjoni tiegħu matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni. |
|
(5) |
Biex tiġi żgurata l-allokazzjoni ġusta tat-tariffi superviżorji u jiġi żgurat li t-tariffi imposti jirriflettu l-ispiża reali mġarraba mill-ESMA fir-rigward ta’ kull entità taħt superviżjoni, it-tariffa superviżorja annwali għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-fatturat iġġenerat minn kull repożitorju ta’ titolizzazzjoni. Meta d-data storika dwar fatturat ta’ repożitorju ta’ titolizzazzjoni rreġistrat ma tkunx disponibbli, it-tariffa superviżorja annwali għandha tkun ibbażata fuq il-fatturat mistenni tar-repożitorju ta’ titolizzazzjoni. |
|
(6) |
It-tariffi superviżorji annwali imposti fuq kull repożitorju ta’ titolizzazzjoni jenħtieġ li jkunu proporzjonati għall-fatturat dovut minn dak ir-repożitorju f’sena finanzjarja partikolari meta mqabbel mal-fatturat totali dovut mir-repożitorji tat-titolizzazzjonijiet irreġistrati u sorveljati kollha fl-istess sena finanzjarja. Jenħtieġ li tiġi imposta wkoll tariffa superviżorja annwali minima fuq kull repożitorju ta’ titolizzazzjoni, billi ċerti spejjeż amministrattivi fissi japplikaw għas-superviżjoni tar-repożitorji tat-titolizzazzjoni kollha, irrispettivament mill-ammont ta’ fatturat dovut. |
|
(7) |
Billi se tkun disponibbli biss data limitata dwar l-attività ta’ repożitorju ta’ titolizzazzjoni matul is-sena finanzjarja wara r-reġistrazzjoni, it-tariffa superviżorja annwali għal dik is-sena għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tat-tariffa għar-reġistrazzjoni u l-isforz li għamlet l-ESMA għas-superviżjoni ta’ dak ir-repożitorju ta’ titolizzazzjoni matul is-sena. L-isforz ta’ superviżjoni fl-ewwel xhur wara r-reġistrazzjoni huwa simili għall-isforz biex tiġi vvalutata r-reġistrazzjoni tal-applikant. Għalhekk, fl-ewwel sena tal-operat tar-repożitorju ta’ titolizzazzjoni, it-tariffa superviżorja għandha tkun ibbażata fuq it-tariffa għar-reġistrazzjoni mħallsa mill-applikant, aġġustata b’koeffiċjent. |
|
(8) |
Fid-dawl tal-proċedura baġitarja annwali tal-ESMA u ż-żmien meħtieġ biex jiġu stmati l-ispejjeż superviżorji, ma jkunx possibbli li jittieħdu repożitorji ta’ titolizzazzjoni rreġistrati fl-1 ta’ Ottubru ta’ sena finanzjarja partikolari jew wara li jitqiesu għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża superviżorja annwali totali għas-sena ta’ wara. Għalhekk, it-tariffa superviżorja annwali għal repożitorju ta’ titolizzazzjoni rreġistrat fl-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel għandha tkun ugwali għat-tariffa ta’ reġistrazzjoni tagħha. |
|
(9) |
L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jġarrbu spejjeż meta jwettqu xogħol skont ir-Regolament (UE) 2017/2402, u, b’mod partikolari, iwettqu kompiti ddelegati skont l-Artikolu 14(1) ta’ dak ir-Regolament. It-tariffi imposti mill-ESMA fuq ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni jenħtieġ li jkopru wkoll dawk l-ispejjeż. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti ma jġarrbux telf jew jagħmlu profitt mit-twettiq tal-kompiti ddelegati jew mill-assistenza lill-ESMA, l-ESMA għandha tirrimborża l-ispejjeż reali biss imġarrba minn dik l-awtorità kompetenti nazzjonali f’dan ir-rigward. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Irkupru tal-ispejjeż kollha ta’ superviżjoni
It-tariffi imposti fuq ir-repożitorji ta’ titolizzazzjoni jkopru:
|
(a) |
l-ispejjeż kollha relatati mar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-titolizzazzjoni mill-ESMA f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2402, inklużi l-ispejjeż li jirriżultaw mill-estensjoni tar-reġistrazzjoni għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet li diġà ġew irreġistrati skont it-Titolu VI, il-Kapitolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2015/2365; |
|
(b) |
l-ispejjeż kollha għar-rimborż tal-awtoritajiet kompetenti li wettqu xogħol skont ir-Regolament (UE) Nru 2017/2402 u, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 14 (1) ta’ dak ir-Regolament. |
Artikolu 2
Fatturat applikabbli
1. Ir-repożitorji ta’ titolizzazzjoni rreġistrati biss taħt ir-Regolament (UE) 2017/2402 għandhom iżommu kontijiet awditjati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament li jiddistingwu d-dħul iġġenerat minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
servizzi ewlenin ta’ titolizzazzjoni kif definiti fl-Artikolu 1, il-punt (3), tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1230 (4); |
|
(b) |
servizzi anċillari ta’ titolizzazzjoni kif definiti fl-Artikolu 1, il-punt (4), tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1230. |
|
(c) |
Kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut. |
2. Repożitorju ta’ titolizzazzjoni rreġistrat skont ir-Regolament (UE) 2017/2402 li huwa rreġistrat ukoll bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew ir-Regolament (UE) 2015/2365 għandu jżomm kontijiet awditjati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament li jiddistingwu bejn id-dħul iġġenerat minn:
|
(a) |
il-forniment ta’ servizzi ta’ titolizzazzjoni ewlenin; |
|
(b) |
il-forniment ta’ servizzi ta’ titolizzazzjoni anċillari; |
|
(c) |
funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali ta’ rekords ta’ derivattivi skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012; |
|
(d) |
il-forniment ta’ servizzi anċillari li huma relatati direttament mal-ġbir u maż-żamma tar-rekords tad-derivati f’post ċentrali skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012; |
|
(e) |
funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali ta’ rekords ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli skont ir-Regolament (UE) 2015/2365; |
|
(f) |
il-forniment ta’ servizzi anċillari li huma relatati direttament mal-ġbir u maż-żamma tar-rekords tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli f’post ċentrali skont ir-Regolament (UE) 2015/2365; |
|
(g) |
il-forniment ta’ servizzi anċillari kkombinati li huma relatati direttament ma’:
|
|
(h) |
kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut. |
3. Il-fatturat applikabbli ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għal sena partikolari n għandu jkun is-somma ta’:
|
(a) |
id-dħul ta’ dan ir-repożitorju, jew id-dħul mistenni, fejn japplika l-paragrafu 5, iġġenerat mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), kif iddikjarat fil-kontijiet awditjati tas-sena n-2; |
|
(b) |
id-dħul mir-repożitorju ġġenerat mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b) u s-sehem applikabbli tad-dħul iġġenerat mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punti (g)(i) u g(ii), kif iddikjarat fil-kontijiet awditjati tas-sena n-2. |
4. Is-sehem applikabbli tad-dħul imsemmi fil-paragrafu 3, il-punt (b), għandu jkun daqs id-dħul iġġenerat mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), diviż bis-somma tad-dħul iġġenerat mill-attivitajiet imsemmija fi:
|
(a) |
il-paragrafu 2, il-punt (a); |
|
(b) |
il-paragrafu 2, il-punt (a); |
|
(c) |
il-paragrafu 2, il-punt (e); |
5. Meta ma jkunu disponibbli l-ebda kontijiet awditjata għas-sena n-2, l-ESMA għandha tuża d-dħul mistenni għas-sena n ipprovdut fil-pjanijiet tan-negozju ppreżentati lill-ESMA skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1230. Dak id-dħul mistenni għandu jinqasam f’dawn l-elementi:
|
(a) |
id-dħul li mistenni jiġi ġġenerat mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a); |
|
(b) |
id-dħul li mistenni jiġi ġġenerat mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b); |
|
(c) |
id-dħul li mistenni jiġi ġġenerat mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punti (g)(i) u g(ii). |
Repożitorju ta’ titolizzazzjoni li jiddeċiedi li jipprovdi lill-ESMA b’aġġornament tad-dħul mistenni għas-sena n għandu jagħmel dan sat-30 ta’ Settembru tas-sena n-1.
Artikolu 3
Tariffa għar-reġistrazzjoni u tariffa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni
1. Meta l-applikant ma jkunx irreġistrat bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont it-Titolu VI, il-Kapitolu 1, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2015/2365, it-tariffa għar-reġistrazzjoni għandha tammonta għal li ġej:
|
(a) |
EUR 100 000, meta r-repożitorju jkollu l-ħsieb li jipprovdi servizzi anċillari kif imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punti (b), (g)(i), jew (g)(ii); |
|
(b) |
EUR 65 000, fejn il-punt (a) ma japplikax. |
2. Meta l-applikant ikun irreġistrat bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont it-Titolu VI, il-Kapitolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2015/2365, it-tariffa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni għandha tkun din li ġejja:
|
(a) |
EUR 50 000, meta r-repożitorju jkollu l-ħsieb li jipprovdi servizzi anċillari kif imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punti (b), (g)(i), jew (g)(ii); |
|
(b) |
EUR 32 500 meta l-punt (a) ma japplikax. |
3. Meta l-applikant ma jkunx irreġistrat bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew ir-Regolament (UE) 2015/2365 u fl-istess ħin jippreżenta applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni kemm skont ir-Regolament (UE) 2017/2402 kif ukoll skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew skont ir-Regolament (UE) 2015/2365, l-applikant għandu jħallas it-tariffa sħiħa għar-reġistrazzjoni dovuta skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1003/2013 (5) jew l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/360 (6), kif applikabbli, u t-tariffa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni dovuta skont il-paragrafu 3.
4. Meta l-applikant ma jkunx irreġistrat bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, u lanqas skont ir-Regolament (UE) 2015/2365, u fl-istess waqt jippreżenta applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni kemm skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, kif ukoll skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 u r-Regolament (UE) 2017/2402, l-applikant għandu jħallas it-tariffa għal estensjoni ta’ reġistrazzjoni dovuta skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 2019/360 u t-tariffa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni dovuta skont il-paragrafu 3.
5. Repożitorju ta’ titolizzazzjoni li joffri servizzi anċillari wara r-reġistrazzjoni u, b’konsegwenza, ikollu jħallas tariffa ta’ reġistrazzjoni ogħla jew tariffa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni ogħla mit-tariffa ta’ reġistrazzjoni jew it-tariffa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni mħallsa inizjalment, għandu jħallas id-differenza bejn it-tariffa ta’ reġistrazzjoni mħallsa inizjalment jew it-tariffa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni u t-tariffa ta’ reġistrazzjoni jew it-tariffa ta’ estensjoni applikabbli ogħla tat-tariffa ta’ reġistrazzjoni.
Artikolu 4
Tariffi annwali għas-superviżjoni għal repożitorji tat-titolizzazzjoni rreġistrati u għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet li estendew ir-reġistrazzjoni tagħhom
1. It-tariffa superviżorja annwali għar-repożitorji tat-titolizzazzjoni rreġistrati kollha għas-sena n għandha tkun daqs l-istima tal-ispejjeż għas-superviżjoni tal-attivitajiet ta’ dawk l-attivitajiet tar-repożitorji tat-titolizzazzjoni kif inklużi fil-baġit tal-ESMA għal dik is-sena.
2. It-tariffa superviżorja annwali li għandha titħallas minn repożitorju ta’ titolizzazzjoni għas-sena li fiha r-repożitorju ta’ titolizzazzjoni ġie rreġistrat għandha tkun daqs it-tariffa għar-reġistrazzjoni dovuta skont l-Artikolu 5, immultiplikata bin-numru ta’ jiem tax-xogħol mid-data tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju ta’ titolizzazzjoni sal-aħħar ta’ dik is-sena u diviża b’250.
3. It-tariffa superviżorja annwali għal sena n partikolari li trid titħallas minn repożitorju ta’ titolizzazzjoni rreġistrat fl-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel jew wara għandha tkun ugwali għat-tariffa ta’ reġistrazzjoni dovuta skont l-Artikolu 5.
4. It-tariffa superviżorja annwali għal sena partikolari n li għandha titħallas minn repożitorju ta’ titolizzazzjoni rreġistrat qabel l-1 ta’ Ottubru tas-sena preċedenti għandha tkun ugwali għat-tariffa superviżorja annwali msemmija fil-paragrafu 1 maqsuma bejn ir-repożitorji kollha ta’ titolizzazzjoni rreġistrati qabel l-1 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena preċedenti b’mod proporzjonali għall-fatturat applikabbli għal kull repożitorju ta’ titolizzazzjoni kkalkulat skont l-Artikolu 2(3).
5. Bl-eċċezzjoni tat-tariffa superviżorja annwali pagabbli skont il-paragrafu 2, it-tariffa superviżorja annwali ma għandha qatt tkun inqas minn EUR 30 000.
Artikolu 5
Modalitajiet ġenerali tal-ħlas
1. It-tariffi kollha għandhom jitħallsu f’euro. It-tariffi għandhom jitħallsu kif speċifikat fl-Artikoli 6, 7 u 8.
2. Kull ħlas tard għandu jkun soġġett għal penali ta' kuljum ugwali għal 0,1 % tal-ammont dovut.
Artikolu 6
Ħlasijiet ta’ miżati ta’ reġistrazzjoni u rimborżi
1. It-tariffa ta’ reġistrazzjoni u t-tariffa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jitħallsu kollha meta r-repożitorju ta’ titolizzazzjoni jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu ta’ reġistrazzjoni jew l-estensjoni ta’ reġistrazzjoni.
2. Nofs it-tariffa ta’ reġistrazzjoni jew it-tariffa ta’ estensjoni mħallsa mir-repożitorju tat-titolizzazzjoni għandha tiġi rimborżata meta r-repożitorju ta’ titolizzazzjoni jirtira l-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni jew għall-estensjoni ta’ reġistrazzjoni qabel ma l-ESMA tkun innotifikat lir-repożitorju ta’ titolizzazzjoni li l-applikazzjoni tiegħu hija kompluta skont l-Artikolu 10(6) tar-Regolament (UE) 2017/2402.
3. It-tariffa ta’ reġistrazzjoni u t-tariffa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni ma għandhiex tiġi rimborżata wara li l-ESMA tkun innotifikat lir-repożitorju ta’ titolizzazzjoni li l-applikazzjoni tiegħu hija kompluta skont l-Artikolu 10(6) tar-Regolament (UE) 2017/2402.
Artikolu 7
Ħlas tat-tariffi annwali għas-superviżjoni
It-tariffa superviżorja annwali msemmija fl-Artikolu 4 għandha titħallas f’pagament wieħed, li għandha tkun dovuta sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Marzu tas-sena li għaliha tirreferi, ħlief għat-tariffa superviżorja annwali msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu.
L-ESMA għandha tibgħat noti ta’ debitu lir-repożitorji tat-titolizzazzjoni rreġistrati kollha li jispeċifikaw l-ammont tat-tariffa annwali mill-inqas 30 jum kalendarju qabel il-jum li fih għandhom jitħallsu t-tariffi annwali.
Artikolu 8
Rimborż tal-awtoritajiet kompetenti
1. L-ESMA biss titlob tariffa għar-reġistrazzjoni, it-tariffa ta’ estensjoni ta’ reġistrazzjoni u t-tariffa superviżorja annwali.
2. L-ESMA għandha tirrimborża lil awtorità kompetenti għall-ispejjeż attwali mġarrba bħala riżultat tat-twettiq ta’ kompiti skont ir-Regolament (UE) 2017/2402 u bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega ta’ kompiti skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, f’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365 u f’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1)
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1230 tad-29 ta’ Novembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-titolizzazzjoni u d-dettalji tal-applikazzjoni simplifikata għal estensjoni tar-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 289, 3.9.2020, p. 345.).
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1003/2013 tat-12 ta’ Lulju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 279, 19.10.2013, p. 4).
(6) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/360 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 81, 22.3.2019, p. 58).