13.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 379/47


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1686

tat-12 ta’ Novembru 2020

li jagħmel suġġetti għar-reġistrazzjoni l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mit-Turkija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta’ Bidu”), il-bidu ta’ proċediment antidumping (“il-proċediment antidumping”) fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mit-Turkija wara lment ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2020 minn Eurofer (“min ilmenta”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(2)

Il-prodotti soġġetti għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huma prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, f’koljaturi jew le (inklużi prodotti “maqtugħa skont it-tul” u “strixxi dojoq”), mhux maħdumin aktar ħlief illaminati bis-sħana, mhux imlibbsa, maħsula jew miksija. Dawn il-prodotti attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7208 10 00, 7208 25 00, 7208 26 00, 7208 27 00, 7208 36 00, 7208 37 00, 7208 38 00, 7208 39 00, 7208 40 00, 7208 52 10, 7208 52 99, 7208 53 10, 7208 53 90, 7208 54 00, 7211 13 00, 7211 14 00, 7211 19 00, ex 7225 19 10 (il-kodiċi TARIC 7225191090), 7225 30 90, ex 7225 40 60 (il-kodiċi TARIC 7225406090), 7225 40 90, ex 7226 19 10 (kodiċi TARIC 7226191090), 7226 91 91 u 7226 91 99. Il-kodiċijiet NM u TARIC jingħataw għall-informazzjoni biss.

(3)

Dawn li ġejjin mhumiex soġġetti għal reġistrazzjoni: (i) prodotti tal-azzar inossidabbli u azzar elettriku tas-siliċju bil-granijiet orjentati; (ii) prodotti tal-azzar tal-għodda u tal-azzar li jintuża f’veloċità għolja; (iii) prodotti, mhux f’koljaturi, mingħajr diżinji f’riljev, ta’ ħxuna li taqbeż l-10 mm u ta’ wisa’ ta’ 600 mm jew aktar; u (iv) prodotti, mhux f’koljaturi, mingħajr diżinji f’riljev, ta’ ħxuna ta’ 4,75 mm jew aktar iżda li ma taqbiżx l-10 mm u ta’ wisgħa ta’ 2 050 mm jew aktar.

2.   TALBA

(4)

Fis-17 ta’ Settembru 2020, min ilmenta ppreżenta talba għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Min ilmenta talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni biex ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet retroattivament mid-data ta’ tali reġistrazzjoni.

(5)

Il-partijiet interessati li ġejjin ippreżentaw kummenti b’reazzjoni għat-talba: il-Gvern tat-Turkija, il-Konsorzju tal-Utenti (utenti), il-Gruppi Colakoglu u Erdemir u Habas (produtturi esportaturi), l-Assoċjazzjoni Torka tal-Esportaturi tal-Azzar (“ÇİB”) u l-Assoċjazzjoni Torka tal-Produtturi tal-Azzar (“TCUD”).

3.   RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(6)

F’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jieħdu l-passi xierqa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, biex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri fuq dawn l-importazzjonijiet mid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni, dment li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament bażiku jkunu ssodisfati. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

(7)

Fuq il-bażi tal-aktar statistika riċenti disponibbli min ilmenta allega li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet wara l-bidu tal-investigazzjoni liema żieda x’aktarx kienet se timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazji definittivi. Barra minn hekk, min ilmenta argumenta li kien hemm storja ta’ dumping mit-Turkija tul perjodu estiż u li l-importaturi kienu, jew kellhom ikunu, konxji tal-prattiki ta’ dumping mit-Turkija.

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni vverifikat jekk l-importaturi kinux akkonoxxenza, jew jekk kellhomx ikunu akkonoxxenza, tad-dumping fir-rigward tal-livell tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub. Analizzat ukoll jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta’ meta seħħet kif ukoll tal-volum u ta’ ċirkostanzi oħra, x’aktarx kienet timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv li se jiġi applikat.

3.1.   Il-konoxxenza tal-importaturi dwar id-dumping, il-livell tiegħu u d-dannu allegat

(9)

F’dan l-istadju l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mit-Turkija qed ikunu iddampjati. L-ilment ipprovda biżżejjed evidenza ta’ dumping abbażi ta’ tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Kumplessivament, u meta titqies il-portata tal-marġnijiet ta’ dumping allegat li jvarjaw minn 4 % sa 8 %, din l-evidenza pprovdiet biżżejjed indikazzjoni li l-produtturi esportaturi qed iwettqu dumping.

(10)

L-ilment ipprovda wkoll biżżejjed evidenza ta’ dannu allegat lill-industrija tal-Unjoni, inkluż l-iżvilupp negattiv ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(11)

Din l-informazzjoni kienet tinsab kemm fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment kif ukoll fin-Notifika ta’ Bidu ppubblikata fl-14 ta’ Mejju 2020. Permezz tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, in-notifika ta’ bidu hija dokument pubbliku aċċessibbli għall-importaturi kollha. Barra minn hekk, bħala partijiet interessati fl-investigazzjoni, l-importaturi għandhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment u għall-fajl mhux kunfidenzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li, fuq din il-bażi, l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, tad-dumping, il-portata tiegħu u d-dannu allegat (3).

(12)

Kif iddikjarat fil-premessa (5) diversi partijiet interessati ssottomettew kummenti għat-talba għar-reġistrazzjoni. Fir-rigward tal-ewwel kriterju, il-Gvern tat-Turkija, Habas, CIB u l-Gruppi Colakoglu u Erdemir enfasizzaw li s-sempliċi bidu ta’ investigazzjoni antidumping ma jfissirx awtomatikament li attwalment qed iseħħ dumping, billi ċerti investigazzjonijiet (uħud li jikkonċernaw it-Turkija) jintemmu mingħajr l-impożizzjoni ta’ dazji. Pjuttost din hija biss “allegazzjoni unilaterali”. Għalhekk, importatur ma jistax ikun konxju ta’ xi ħaġa (“prattiki ta’ dumping”) li l-investigazzjoni għadha ma stabbilixxietx. Il-Gvern tat-Turkija, Habas u CIB ikkontestaw ukoll ċerta evidenza addizzjonali pprovduta minn Eurofer fit-talba, inkluża l-affermazzjoni li s-CEO ta’ produttur esportatur Tork kien konxju mill-investigazzjoni antidumping li kienet se tinfetaħ u mill-informazzjoni li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat huma soġġetti għal miżuri ta’ difiża tal-kummerċ f’pajjiżi terzi. Fl-aħħar nett, TCUD innota li x’uħud mill-affermazzjonijiet magħmula minn Eurofer rigward il-miżuri antidumping kontra l-importazzjonijiet Torok tal-prodott ikkonċernat ma kinux deskritti b’mod onest fis-sottomissjoni. F’dan ir-rigward, TCUD argumenta li kumpanija waħda kienet eżentata mill-miżuri tal-Istati Uniti wara kontestazzjoni quddiem il-qrati rilevanti u li pajjiż terz ieħor (il-Marokk) neħħa d-dazji antidumping kontra t-Turkija wara d-deċiżjoni tal-bord tad-WTO.

(13)

L-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku jistipula li, mill-bidu tal-investigazzjoni u wara li tkun infurmat lill-Istati Membri fi żmien xieraq, il-Kummissjoni tista’ tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, biex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni. L-objettiv ewlieni tar-reġistrazzjoni f’dan il-każ huwa li tippermetti l-possibbiltà li jiġu imposti miżuri proviżorji retroattivament sa 90 jum qabel l-applikazzjoni tagħhom f’konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tirreġistra l-importazzjonijiet wara li jkun diġà ġie impost dazju proviżorju.

(14)

Jekk, kif issuġġerit minn xi partijiet, ir-reġistrazzjoni tkun possibbli biss wara li tkun saret sejba ta’ dumping minn investigazzjoni, allura b’definizzjoni hija qatt ma tista’ ssir qabel l-impożizzjoni ta’ dazji proviżorji. Tali approċċ ineħħi kompletament l-effet utile tal-għodda ta’ reġistrazzjoni (4). Għalhekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar jekk għandhiex jew le tirreġistra l-importazzjonijiet qabel ma jidħol fis-seħħ kwalunkwe dazju proviżorju. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni nnutat li fl-istadju meta min ilmenta ppreżenta t-talba għar-reġistrazzjoni, l-aħjar informazzjoni disponibbli kienet dik tal-ilment, li fuq il-bażi tagħha, kif stabbilit fin-Notifika ta’ Bidu, l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni antidumping, liema informazzjoni kienet tindika l-eżistenza ta’ evidenza bix-xejra li turi dumping dannuż. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet bħala infondati. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ din is-sejba, il-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tivvaluta l-evidenza addizzjonali msemmija hawn fuq rigward l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi Torok lejn pajjiżi terzi u l-argumenti relatati.

(15)

B’hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ewwel kriterju għar-reġistrazzjoni kien issodisfat.

3.2.   Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet

(16)

Il-Kummissjoni analizzat dan il-kriterju fuq il-bażi tad-data statistika dwar il-prodott ikkonċernat disponibbli fil-bażi tad-data Surveillance 2. Biex tivvaluta jekk kienx hemm żieda sostanzjali oħra minn meta nbdiet l-investigazzjoni, il-Kummissjoni l-ewwel iddefinixxiet il-perjodi ta’ żmien li kellhom jitqabblu. Minn naħa, hija vvalutat id-data tal-importazzjonijiet mit-Turkija wara l-bidu tal-investigazzjoni antidumping (jiġifieri l-punt fiż-żmien minn meta l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu jafu, dwar il-prattiki tad-dumping) sal-perjodu l-aktar reċenti, jiġifieri l-perjodu bejn Ġunju u nofs Ottubru 2020. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkalkulat l-importazzjonijiet Torok għall-istess perjodu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (5) (jiġifieri bejn Ġunju u nofs Ottubru 2019) u l-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar fil-perjodu sħiħ tal-investigazzjoni.

(17)

Il-Kummissjoni qieset li, f’dan il-każ, tqabbil bejn il-volumi medji ta’ importazzjonijiet ta’ kull xahar ta’ wara l-bidu mal-volumi medji ta’ importazzjonijiet Torok ta’ kull xahar fil-perjodu ta’ investigazzjoni kollu ma kienx ikun biżżejjed biex jiġi vvalutat jekk kienx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq u l-effett ta’ kumulazzjoni derivat mill-miżuri ta’ salvagwardja fis-seħħ li jaffettwaw il-prodott ikkonċernat. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tibbaża d-determinazzjoni tagħha fuq il-paragun bejn il-volumi medji ta’ importazzjonijiet ta’ kull xahar ta’ wara l-bidu mal-istess perjodu fil-perjodu ta’ investigazzjoni sabiex tirrifletti aħjar l-influwenza potenzjali tal-miżuri ta’ salvagwardja fis-seħħ fuq l-imġiba tal-flussi tal-importazzjonijiet mit-Turkija fil-perjodu vvalutat (6). It-tqabbil tal-volumi tal-importazzjonijiet ta’ wara l-bidu mal-volumi tal-importazzjonijiet fl-istess perjodu fis-sena preċedenti, barra minn hekk, iqis kif xieraq l-effetti possibbli tal-istaġjonalità, jekk hemm (7).

(18)

Rigward tal-influwenza tal-miżuri ta’ salvagwardja fuq il-flussi tal-importazzjonijiet Torok, il-Kummissjoni nnotat li matul is-sena 2019 kollha (il-Perjodu ta’ Investigazzjoni), l-importazzjonijiet mit-Turkija tal-prodott ikkonċernat kienu affettwati minn bosta aġġustamenti fil-funzjonament tal-miżuri ta’ salvagwardja li kellhom impatt fuq l-imġiba tal-esportazzjoni mit-Turkija.

(19)

L-ewwel, Jannar 2019, bil-bosta x-xahar bl-aqwa prestazzjoni tal-importazzjonijiet Torok tal-prodott ikkonċernat, ikkoinċida mal-aħħar xahar tal-miżuri proviżorji ta’ salvagwardja. F’dan ir-rigward, kien hemm inċertezza fis-suq dwar il-forma li kellhom jieħdu il-miżuri definittivi. Il-Kummissjoni nnotat li kwalunkwe volum ta’ Kwota Tariffarja (Tariff-Rate Quota, “TRQ”) mingħajr dazju mhux mibjugħa sal-aħħar ta’ dak ix-xahar ma kinitx tiġi riportata għall-perjodu li jmiss, jiġifieri volumi ta’ TRQ mingħajr dazju kienu “jintilfu”. Sitwazzjoni simili, jiġifieri l-aħħar xahar (xhur) qabel perjodu ġdid tal-miżuri, seħħet fit-trimestru ta’ Frar-Marzu 2019. It-tieni, fi Frar, f’April, f’Lulju u f’Ottubru tas-sena 2019 infetħu lottijiet ġodda ta’ TRQ mingħajr dazju. Skont il-miżuri ta’ salvagwardja fuq ċerti prodotti tal-azzar, kull ftuħ ta’ TRQ ġeneralment wassal biex volumi kbar jiġu importati fl-istadji bikrin ta’ kull trimestru. Fl-aħħar, f’Awwissu 2019, il-Kummissjoni ħabbret, fil-qafas tal-ewwel investigazzjoni ta’ rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-azzar, li se tagħmel l-importazzjonijiet Torok tal-prodott ikkonċernat soġġetti għal limitu massimu ta’ 30 % fuq it-TRQ disponibbli taħt il-kategorija ta’ prodotti rilevanti, u b’hekk twassal ukoll għal żieda fl-importazzjonijiet qabel din il-bidla fl-amministrazzjoni tat-TRQ.

(20)

Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li l-eventi msemmija hawn fuq kellhom impatt fuq il-fluss tal-volumi tal-importazzjonijiet kif jidher mill-istatistika. Notevolment, ix-xhur ta’ Jannar, Marzu u Settembru jikklassifikaw l-ewwel, it-tieni u r-raba’ f’termini ta’ volumi esportati kull xahar mit-Turkija fl-2019 (f’xi każijiet kienu sostanzjalment ogħla minn kwalunkwe xahar ieħor f’dik is-sena) (8). Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-azzjonijiet regolatorji kollha fil-qafas tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-azzar influwenzaw b’mod sinifikanti l-imġiba tal-operaturi tas-suq u x-xejra tal-flussi tal-importazzjonijiet matul is-sena.

(21)

Is-sitwazzjoni f’perjodu sostanzjalment iqsar (bejn Ġunju u nofs Ottubru) kienet inqas affettwata mill-bidliet regolatorji fil-ġestjoni tat-TRQs. Għalhekk, il-Kummissjoni qabblet il-volum medju ta’ importazzjonijiet Torok ta’ kull xahar fil-perjodu minn Ġunju sa nofs Ottubru 2020 mal-volum medju ta’ importazzjonijiet fix-xahar fl-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, l-2019.

(22)

It-tqabbil juri li l-volum medju ta’ importazzjonijiet fix-xahar mit-Turkija f’dan il-perjodu żdied b’6 %.

Volumi ta’ importazzjonijiet (medja fix-xahar)

Perjodu ta’ Investigazzjoni (2019)

Ġunju – nofs Ottubru 2019

Ġunju – nofs Ottubru 2020

Delta

Ġunju – nofs Ottubru 2020 vs Perjodu ta’ Investigazzjoni

Ġunju – nofs Ottubru 2020 vs Ġunju – nofs Ottubru 2019  (9)

It-Turkija (tunnellati)

227 875

164 897

174 986

-23 %

+ 6 %

Sors: Bażi ta’ data Surveillance 2.

(23)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll ix-xejriet tal-importazzjoni fil-perjodu magħżul u fil-perjodu rispettiv fil-Perjodu ta’ Investigazzjoni biex tiddetermina jekk dik iż-żieda ta’ 6 % kinitx tikkostitwixxi żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet f’dan il-każ. B’mod partikolari, il-Kummissjoni osservat li kien hemm volumi ta’ importazzjonijiet negliġibbli mit-Turkija fix-xahar ta’ Settembru 2020. Dan il-volum eċċezzjonalment baxx ta’ importazzjonijiet kien dovut l-aktar għall-fatt li bil-miżuri ta’ salvagwardja tal-azzar it-Turkija kienet virtwalment eżawriet it-TRQ speċifika tagħha għall-pajjiż f’dak ix-xahar għall-kategorija 1 tal-prodott (fejn jaqa’ l-prodott ikkonċernat) u għalhekk kienet tkun tista’ biss tesporta kwalunkwe ammonti sinifikanti tal-prodott ikkonċernat b’dazju ta’ 25 % (10). Dan il-volum eċċezzjonalment baxx ta’ importazzjonijiet f’Settembru 2020 naqqas ħafna l-volumi medji tal-importazzjonijiet fix-xahar fil-perjodu rilevanti magħżul mill-Kummissjoni biex jitqabblu (Ġunju-nofs Ottubru 2020). Fl-istess ħin, il-Kummissjoni nnotat li preċiżament fl-istess xahar tas-sena preċedenti, f’Settembru 2019, kien hemm volum għoli ħafna ta’ importazzjonijiet minħabba li f’Ottubru 2019 kienu se jidħlu fis-seħħ l-aġġustamenti wara l-ewwel investigazzjoni ta’ rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja. Għalhekk, b’antiċipazzjoni ta’ dan l-event, il-produtturi Torok esportaw ammonti kbar ħafna matul ix-xahar ta’ Settembru 2019.

(24)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessa preċedenti, il-Kummissjoni qieset li l-importazzjonijiet tax-xhur ta’ Settembru 2019 u Settembru 2020 rispettivament ma kinux rappreżentattivi u għalhekk ivvalutat l-livelli tal-importazzjonijiet mingħajr ma inkludiet dan ix-xahar la għal sena u lanqas għall-oħra. Dan it-tqabbil ikkonferma li ż-żidiet fil-volumi tal-importazzjonijiet meta mqabbla mal-istess xhur matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienu sinifikanti ħafna. Pereżempju, meta wieħed iqabbel il-perjodu Ġunju-Awwissu fl-2020 u l-istess perjodu fl-2019 kien hemm żieda ta’ 44 %. Żieda sinifikanti ta’ + 49 % tinstab ukoll meta l-perjodu ta’ bejn Ġunju u Ottubru 2020 jitqabbel mal-istess perjodu fl-2019, mingħajr ma jitqies Settembru. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żieda fl-importazzjonijiet f’dan il-każ hija sostanzjali.

(25)

Rigward dan il-kriterju, il-Gvern tat-Turkija, Habas, CIB, il-Gruppi Colakoglu u Erdemir u l-Konsorzju tal-utenti HRFS ikkontestaw il-perjodu propost minn min ilmenta biex jiġi vvalutat jekk kienx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet. Minflok, dawn il-partijiet ipproponew perjodi differenti biex jitwettaq dan it-tqabbil, li fil-fehma tagħhom juru li dan il-kriterju ma ġiex issodisfat. Habas u l-Konsorzju tal-utenti HRFS issuġġerew li jekk it-tqabbil isir fuq bażi trimestrali tal-istess perjodi tal-2019 u tal-ewwel nofs tal-2020, jiġifieri l-ewwel żewġ trimestri ta’ kull sena, dan juri tnaqqis fl-importazzjonijiet. CIB u l-Gruppi Colakoglu u Erdemir argumentaw li l-perjodu magħżul minn Eurofer, jiġifieri Ġunju-Lulju 2020, kien qasir wisq, u għalhekk mhux rappreżentattiv. Barra minn hekk, CIB u l-Konsorzju tal-utenti HRFS allegaw li r-raġunijiet għal kwalunkwe żieda fl-importazzjonijiet xorta waħda kienu l-konsegwenza tal-laxkar tal-miżuri tal-lockdown fl-Unjoni relatati mal-pandemija tal-COVID-19, li ħabtet mal-istadji bikrin tal-perjodu ta’ wara l-bidu. CIB argumentat li l-Kummissjoni trid tqabbel il-volum tal-importazzjonijiet li seħħew wara l-bidu tal-investigazzjoni mal-volum tal-importazzjonijiet li seħħew matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Din il-parti argumentat ukoll li l-importazzjonijiet tat-Turkija kienu juru tnaqqis kostanti f’Jannar-Mejju 2020 u li fix-xhur ta’ Ġunju u Lulju 2020, l-importazzjonijiet kienu żdiedu biss biex jerġgħu lura għal-“livell normali tagħhom”. Barra minn hekk, CIB ikkonkluda li l-Kummissjoni jenħtieġ tinjora d-data ta’ wara l-bidu ta’ Ġunju 2020 minħabba l-impatt tal-allegata sitwazzjoni partikolari ta’ “wara l-kwarantina”. F’dan il-każ, il-paragun mal-medja ta’ kull xahar fil-perjodu ta’ investigazzjoni juri żieda ta’ 12 %, li ma setgħetx tikkwalifika bħala “żieda sostanzjali ulterjuri”, iżda pjuttost bħala żieda “modesta ħafna”. Partijiet oħra pproponew li jiġu vvalutati x-xejriet tal-importazzjonijiet fl-ewwel seba’ xhur (Jannar-Lulju) tal-perjodi 2017-2020, ix-xejriet tal-importazzjonijiet matul is-snin l-2017 sal-2020 (annwalizzati) (11), il-medja ta’ kull xahar fis-snin 2018 u 2019 mal-medja ta’ kull xahar fil-perjodu Jannar-Lulju 2020, il-medja ta’ kull xahar tal-perjodu Jannar-Lulju 2018 u 2019 mal-istess perjodu fis-sena 2020, u l-medja ta’ kull xahar fil-perjodu ta’ investigazzjoni mal-volum tal-importazzjonijiet fix-xahar ta’ Lulju 2020 (12), biex jintwera li kien hemm tnaqqis fl-importazzjonijiet. Il-Gruppi Colakoglu u Erdemir ikkontestaw ukoll il-fatt li t-talba ma kinitx tinkludi data dwar l-importazzjonijiet bejn tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-bidu tal-investigazzjoni, minkejja ż-żmien li għadda bejniethom.

(26)

Barra minn hekk, il-Konsorzju tal-utenti HRFS sostna wkoll li r-reġistrazzjoni tnaqqas il-livell tal-importazzjonijiet u tikkawża nuqqas ta’ provvista li jkunu ta’ theddida għall-operazzjonijiet ta’ ċerti faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ utenti stabbiliti fl-Unjoni. Dan allegatament ifixkel is-suq u jikkawża ħsara irreparabbli lil utenti indipendenti tal-prodott ikkonċernat.

(27)

Il-partijiet interessati kollha li rreaġixxew għat-talba ta’ reġistrazzjoni minn Eurofer qablu meta argumentaw li minħabba l-impatt tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-azzar fuq it-Turkija, it-Turkija ma tkunx tista’ żżid iżjed l-importazzjonijiet tagħha fix-xhur li ġejjin (jiġifieri x-xhur ta’ qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping proviżorji), u li għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni tinjora t-talba għar-reġistrazzjoni.

(28)

Fir-rigward tal-perjodi differenti proposti mill-partijiet, il-Kummissjoni tirreferi għar-raġunament u għall-ispjegazzjonijiet li hija ppreżentat fit-Taqsima 3.2 hawn fuq. Madankollu, hemm numru ta’ affermazzjonijiet f’dan ir-rigward li jiġġustifikaw konfutazzjoni speċifika. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li filwaqt li normalment hija tqabbel ukoll l-importazzjonijiet medji ta’ kull xahar ta’ perjodu ta’ wara l-bidu mal-livelli medji tal-importazzjonijiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni, dan it-tqabbil mhux dejjem ikun xieraq. F’dan il-każ, il-Kummissjoni sabet u spjegat fil-premessi, minn (16) sa (20) hawn fuq li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari tas-suq fir-rigward tal-importazzjonijiet investigati, l-użu tal-importazzjonijiet medji tas-sena 2019 mhuwiex l-aktar bażi xierqa għat-tqabbil.

(29)

It-tieni, il-Kummissjoni tinnota li waħda mill-proposti rreferiet għal xejriet minn perjodu qabel il-bidu tal-investigazzjoni antidumping. Dan ikun inkonsistenti mas-sejba li l-prattiki tad-dumping mit-Turkija saru magħrufa bis-saħħa tal-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ Bidu. Għalhekk, ix-xejra fl-importazzjonijiet minn perjodu qabel il-mument li fih importatur seta’ kien jaf bl-eżistenza ta’ dumping, ma tistax titqies fil-valutazzjoni tal-merti tat-talba għar-reġistrazzjoni.

(30)

It-tielet, il-Kummissjoni tinnota wkoll li, filwaqt li t-talba ta’ Eurofer tikkostitwixxi l-punt tat-tluq għall-analiżi, il-Kummissjoni madankollu trid twettaq analiżi komprensiva hija stess. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha sett ta’ data ta’ perjodu aktar reċenti minn dak ipprovdut mill-Eurofer fit-talba (jiġifieri, sa nofs Ottubru 2020) (13). Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset ukoll li kien aktar xieraq li dan is-sett ta’ data jitqabbel mal-istess perjodu fil-perjodu ta’ investigazzjoni, għar-raġunijiet spjegati hawn fuq.

(31)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tqisx li l-proposti differenti wrew xi raġunijiet konvinċenti li jagħmluhom aktar adattati biex jivvalutaw ix-xejriet tal-importazzjonijiet minn dawk żviluppati fit-Taqsima 3.2. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet.

(32)

Fir-rigward tal-affermazzjonijiet li minħabba l-miżuri ta’ salvagwardja fis-seħħ, fi kwalunkwe każ ma hemmx riskju ta’ żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet, il-Kummissjoni ma qablitx għar-raġunijiet li ġejjin.

(33)

L-ewwel nett, ir-reġistrazzjoni ma tippreġudikax deċiżjoni dwar il-ġbir retroattiv tad-dazji antidumping proviżorji. Jekk il-miżuri ta’ salvagwardja humiex se jipprevjenu żieda fl-importazzjonijiet sal-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji jenħtieġ li jiġi vvalutat fil-kuntest tal-ġbir retroattiv possibbli tal-miżuri (14).

(34)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, bħala riżultat tal-bidliet introdotti mill-miżuri ta’ salvagwardja mill-1 ta’ Lulju 2020, it-Turkija saret soġġetta għal TRQ speċifika għall-pajjiż li l-volumi trimestrali tagħha huma stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/894 (15). Jekk dawn il-volumi jiġu eżawriti, it-Turkija xorta waħda titħalla tkompli tesporta lejn l-Unjoni (16).

(35)

Madankollu, il-Kummissjoni ma taqbilx li dan il-fatt waħdu jimpedixxi awtomatikament l-importazzjonijiet Torok milli jiżdiedu sostanzjalment qabel l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping proviżorji, jekk ikun hemm. Dan huwa hekk minħabba li sa mhux aktar tard minn meta jkunu jistgħu jiġu imposti d-dazji proviżorji, jiġifieri sa nofs Jannar 2021, żewġ lottijiet ta’ TRQ speċifiċi għall-pajjiż li huma mingħajr dazju jkunu sew rilaxxati għat-Turkija (17). Barra minn hekk, kwalunkwe tqabbil eventwali bejn il-volumi tal-importazzjonijiet biex jiġi vvalutat jekk il-ġbir retroattiv tad-dazji huwiex ġustifikat ikun ikopri wkoll perjodu qabel dak meta t-Turkija kienet ġiet soġġetta għal TRQ speċifika għall-pajjiż kif spjegat fil-premessi (18) u (19) hawn fuq. Għalhekk, f’dan l-istadju, ma hemm l-ebda evidenza li l-volumi kumplessivi li t-Turkija tista’ tesporta mingħajr dazju (u taħt id-dazju ta’ 25 %) sal-impożizzjoni eventwali ta’ miżuri antidumping proviżorji jistgħu ma jikkwalifikawx bħala żieda sostanzjali ulterjuri. Il-Kummissjoni se tkun fi kwalunkwe każ tista’ tikkonkludi biss dwar din il-kwistjoni f’każ li jiġu imposti dazji antidumping definittivi fi tmiem din l-investigazzjoni.

(36)

Għalhekk il-Kummissjoni tiċħad l-affermazzjonijiet li minħabba l-miżuri ta’ salvagwardja fis-seħħ jenħtieġ li tiġi eskluża żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet.

(37)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-kumment li sar mill-Konsorzju tal-utenti rigward l-impatt tar-reġistrazzjoni fuq il-provvista tal-prodott ikkonċernat u fuq l-utenti indipendenti ma jaqax taħt ir-rekwiżiti legali li jridu jiġu vvalutati meta tittieħed deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet. Għalhekk il-Kummissjoni mhux se tindirizzaha f’dan l-istadju tal-proċediment.

(38)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li t-tieni kriterju għar-reġistrazzjoni ġie ssodisfat ukoll.

3.3.   L-imminar tal-effett ta’ rimedju tad-dazju

(39)

Il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza għad-dispożizzjoni tagħha li żieda kontinwata fl-importazzjonijiet mit-Turkija bi prezzijiet li jkomplu jonqsu tikkaġuna dannu addizzjonali.

(40)

Kif stabbilit fit-Taqsima 3.2 hemm biżżejjed evidenza ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

(41)

Apparti hekk, teżisti evidenza ta’ xejra ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. F’dan ir-rigward il-prezzijiet tal-importazzjoni mit-Turkija lejn l-Unjoni fil-perjodu Ġunju-nofs Ottubru 2020 naqsu, bħala medja, bi 13 % meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2019 u b’14 % meta mqabbla mal-medja ta’ kull xahar fil-perjodu tal-investigazzjoni.

Perjodu

PI (2019)

Ġunju – nofs Ottubru 2019

Ġunju – nofs Ottubru 2020

Delta

Ġunju - nofs Ottubru 2020 vs PI

Ġunju - nofs Ottubru 2020 vs Ġunju - nofs Ottubru 2019

Il-prezz medju ta’ kull Unità

(EUR/tunnellata)

493

488

422

– 14 %

– 13 %

Sors: Bażi ta’ data Surveillance 2.

(42)

Iż-żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet wara l-bidu tal-każ x’aktarx għalhekk li, fid-dawl taż-żmien u tal-volum tagħha u ta’ ċirkostanzi oħra bħall-imġiba tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi, timmina serjament l-effett rimedjali ta’ kwalunkwe dazju definittiv, sakemm tali dazju ma jkunx applikat b’mod retroattiv.

(43)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tielet kriterju għar-reġistrazzjoni kien issodisfat ukoll.

4.   PROĊEDURA

(44)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza sabiex tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku.

(45)

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn jenħtieġ li jinstemgħu.

5.   REĠISTRAZZJONI

(46)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiġi żgurat li, f’każ li l-investigazzjoni tirriżulta f’konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping, dawk id-dazji jkunu jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jkunu ssodisfati, jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(47)

Kull obbligazzjoni fil-futur tiġi mill-konklużjonijiet tal-investigazzjoni antidumping.

(48)

L-allegazzjonijiet fl-ilment li rriżultaw fit-tnedija ta’ investigazzjoni antidumping jistmaw marġnijiet ta’ dumping ta’ bejn 4 % u 8 % u livelli ta’ eliminazzjoni tad-dannu li jvarjaw minn 10 % sa 25 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur jista’ jiġi stmat fil-livell tal-ogħla marġni ta’ dumping stmat fuq il-bażi tal-ilment, jiġifieri 8 % bħala proporzjon tal-valur tal-importazzjonijiet CIF tal-prodott ikkonċernat.

6.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(49)

Kull data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti ċatti b’laminazzjoni tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar, f’koljaturi jew le (inklużi prodotti “maqtugħa skont it-tul” u “strixxi dojoq”), mhux maħdumin aktar ħlief illaminati bis-sħana, mhux imlibbsa, maħsula jew miksija. Dawn il-prodotti attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7208 10 00, 7208 25 00, 7208 26 00, 7208 27 00, 7208 36 00, 7208 37 00, 7208 38 00, 7208 39 00, 7208 40 00, 7208 52 10, 7208 52 99, 7208 53 10, 7208 53 90, 7208 54 00, 7211 13 00, 7211 14 00, 7211 19 00, ex 7225 19 10 (il-kodiċi TARIC 7225191090), 7225 30 90, ex 7225 40 60 (kodiċi TARIC 7225406090), 7225 40 90, ex 7226 19 10 (il-kodiċi TARIC 7226191090), 7226 91 91 u 7226 91 99 u li joriġinaw mit-Turkija.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta’ sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)   ĠU C 166, 14.5.2020, p. 9.

(3)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019, f’T-749/16, Stemcor vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-punt 56.

(4)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019, f’T-749/16, Stemcor vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-punt 33.

(5)  Il-perjodu ta’ investigazzjoni (PI) kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019.

(6)  L-importazzjonijiet mit-Turkija tal-prodott ikkonċernat ilhom soġġetti għal miżuri ta’ salvagwardja minn nofs Lulju 2018 (taħt il-kategorija 1 tal-prodott). Il-Kwota Tariffarja (“TRQs”) skont il-miżuri ta’ salvagwardja jiġu amministrati kull trimestru. Għalhekk, meta jitqabblu l-istess perjodi, ix-xejra se tkun inqas affettwata mill-bidliet numerużi fl-amministrazzjoni tat-TRQ li seħħew matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li huwa sena sħiħa (2019), billi t-Turkija kienet soġġetta għal tliet reġimi differenti taħt is-sistema tal-amministrazzjoni tat-TRQ matul is-sena 2019.

(7)  Il-Kummissjoni nnotat li għall-prodott ikkonċernat, il-perjodu tas-sajf juri b’mod konsistenti tnaqqis fil-konsum meta mqabbel mal-perjodu ta’ qablu. Il-perjodi użati mill-Kummissjoni f’dan il-każ għalhekk ineħħu kwalunkwe distorsjoni marbuta ma’ effetti staġjonali possibbli.

(8)  Il-volumi medji tal-importazzjoni f’dawn ix-xhur kienu aktar mid-doppju tal-medja tal-volumi tal-importazzjonijiet tad-disa’ xhur l-oħra tas-sena 2019.

(9)  Dan it-tqabbil huwa meqjus aktar xieraq, ara l-premessi (17)-(21) hawn fuq.

(10)  Sakemm sar disponibbli l-lott tat-TRQ speċifiku għall-pajjiż li kien imiss.

(11)  Il-Konsorzju tal-utenti HRFS.

(12)  Il-Gruppi Colakoglu u Erdemir

(13)  It-talba ta’ Eurofer għar-reġistrazzjoni qieset biss id-data għax-xhur ta’ Ġunju u Lulju 2020.

(14)  Jiġifieri meta tkun disponibbli d-data tal-importazzjonijiet għall-perjodu rilevanti li jkun se jiġi vvalutat biex jiġi ddeterminat jekk il-ġbir retroattiv tad-dazji huwiex ġustifikat jew le.

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/894 tad-29 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 206, 30.6.2020, p. 27).

(16)  Soġġett għal dazju ta’ 25 % sal-ftuħ tal-lott li jmiss ta’ TRQs fit-trimestru li jmiss.

(17)  Dawk li jikkorrispondu għat-trimestri Ottubru-Diċembru 2020 u Jannar-Marzu 2021 rispettivament.

(18)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).