26.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1546

tat-23 ta’ Ottubru 2020

li tistabbilixxi l-istruttura u l-arranġamenti dettaljati tal-inventarju tas-sorsi u l-metodi użati għall-produzzjoni tal-aggregati tal-introjtu nazzjonali gross u l-komponenti tagħhom skont is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA 2010)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Dan ġie sostitwit bir-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/516, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) inventarju tas-sorsi u l-metodi li jridu jintużaw biex jiġu prodotti l-aggregati tal-introjtu nazzjonali gross (ING) skont il-prezzijiet tas-suq u l-komponenti tagħhom.

(2)

Huwa essenzjali li l-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom ikunu komparabbli bejn l-Istati Membri u li jkun hemm inventarju tas-sorsi u l-metodi użati biex jiġu prodotti l-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom li jkun konsistenti mad-definizzjonijiet rilevanti u r-regoli kontabilistiċi tal-ESA 2010 (2).

(3)

Huwa essenzjali li l-inventarji tas-sorsi u l-metodi użati biex jiġu prodotti l-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom jiġu ddokumentati u aġġornati regolarment mill-Istati Membri.

(4)

Sabiex jiġu ffaċilitati analiżijiet komparabbli, l-Inventarji tal-ING jenħtieġ li jsegwu struttura komuni li tikkonsisti f’għadd predefinit ta’ kapitoli u t-tabelli tal-proċessi b’estimi numeriċi għas-sena ta’ referenza.

(5)

Sabiex jiġu vverifikati s-sorsi, l-użi tagħhom u l-metodi użati biex jiġu prodotti l-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bl-aktar verżjoni reċenti tal-Inventarji tal-ING skont skeda ta’ żmien miftiehma.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-istruttura tal-inventarju

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu inventarju tas-sorsi u l-metodi użati biex jiġu prodotti l-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom (Inventarju tal-ING). L-inventarju tal-ING għandu jikkonsisti f’10 kapitoli u fit-tabelli tal-proċessi tal-ING.

2.   Il-kapitoli għandhom ikunu s-segwenti:

Kapitolu 1: Ħarsa ġenerali tas-sistema tal-kontijiet

Kapitolu 2: Il-politika ta’ reviżjoni u l-iskeda ta’ żmien għar-reviżjoni u l-finalizzar tal-istimi. Reviżjonijiet maġġuri mill-aħħar verżjoni tal-Inventarju tal-ING.

Kapitolu 3: L-approċċ tal-produzzjoni

Kapitolu 4: L-approċċ tal-introjtu

Kapitolu 5: L-approċċ tan-nefqa

Kapitolu 6: Il-proċedura ta’ bbilanċjar jew ta’ integrazzjoni, u l-validazzjoni tal-istimi

Kapitolu 7: Ħarsa ġenerali lejn l-aġġustamenti għall-eżawrjenza

Kapitolu 8: It-tranżizzjoni mill-prodott domestiku gross (PDG) għall-ING

Kapitolu 9: Klassifikazzjonijiet ewlenin użati

Kapitolu 10: Sorsi ta’ data ewlenin użati

3.   It-tabelli tal-proċessi tal-ING għandhom jinkludu:

(a)

informazzjoni numerika dwar l-istimi magħmula fl-istadji konsekuttivi tal-proċess ta’ kumpilazzjoni tal-ING għat-tipi individwali ta’ sorsi użati u l-aġġustamenti magħmula;

(b)

informazzjoni numerika dwar id-daqs relattiv tat-tipi individwali ta’ sorsi użati u l-aġġustamenti magħmula f’dak il-proċess ta’ kumpilazzjoni;

(c)

referenzi għall-kapitoli rilevanti tal-Inventarju tal-ING.

Artikolu 2

Arranġamenti dettaljati

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

id-deskrizzjoni tas-sorsi u tal-metodi użati fl-istima tal-ING ipprovduta fl-Inventarju tal-ING tuża termini u definizzjonijiet skont l-ESA 2010;

(b)

id-deskrizzjoni tas-sorsi u l-metodi użati fl-istima tal-ING ipprovduta fl-Inventarju tal-ING tkun komprensiva u ċara, tirrifletti l-proċeduri fis-seħħ fiż-żmien tal-abbozzar tal-Inventarju tal-ING, u tinkludi informazzjoni dwar it-trasformazzjoni tad-data minn sorsi statistiċi u amministrattivi fi stimi tal-kontijiet nazzjonali, permezz tal-applikazzjoni ta’ aġġustamenti kunċettwali, eżawrjentali u bilanċjali, u ta’ proċeduri ta’ validazzjoni;

(c)

l-evidenza numerika, li għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni fit-tabelli tal-proċessi, tingħata għall-passi individwali tal-proċess ta’ kumpilazzjoni tal-ING fid-deskrizzjoni msemmija hawn fuq;

(d)

l-evidenza numerika tkun ibbażata fuq sena riċenti li għaliha jkunu disponibbli stimi finali (sena ta’ referenza);

(e)

is-sorsi u l-metodi użati għall-produzzjoni tal-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom jiġu applikati fil-kumpilazzjoni tas-snin sussegwenti wara s-sena ta’ referenza.

Artikolu 3

Skeda ta’ żmien għall-aġġornament u t-trażmissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-Inventarju tal-ING lill-Kummissjoni (Eurostat) sal-31 ta’ Diċembru 2021.

2.   L-aġġornamenti sussegwenti tal-Inventarju tal-ING għandhom isiru u jiġu trażmessi lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien 12-il xahar wara kwalunkwe bidla maġġuri ta’ sorsi jew metodi għall-kumpilazzjoni tal-ING. Fi kwalunkwe każ, l-Inventarju tal-ING għandu jiġi aġġornat tal-anqas kull ħames snin.

3.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-Inventarju tal-ING b’mezzi elettroniċi lill-punt ta’ dħul uniku għad-data fil-Kummissjoni (Eurostat).

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 91, 29.3.2019, p. 19.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).