26.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 356/3


REGOLAMENT (UE) 2020/1543 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 514/2014 fir-rigward tal-proċedura tad-diżimpenn

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 79(2) u (4), l-Artikolu 82(1), l-Artikolu 84 u l-Artikolu 87(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Istati Membri ġew affettwati b’mod mingħajr preċedent mill-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19. Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri fl-Istati Membri, u konsegwentement dan aggrava n-nuqqas serju ta’ likwidità li l-Istati Membri qed jiffaċċaw minħabba żieda f’daqqa u sinifikanti fl-investimenti pubbliċi meħtieġa f’ħafna setturi. Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li jenħtieġ li tiġi indirizzata b’miżuri speċifiċi.

(2)

Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jingħataw flessibbiltà addizzjonali biex ikunu jistgħu jirrispondu għal din il-kriżi bla preċedent billi tissaħħaħ il-possibbiltà li jsir użu sħiħ mill-perjodu tal-implimentazzjoni disponibbli għal programmi nazzjonali kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) sal-għeluq ta’ dawk il-programmi sal-31 ta’ Diċembru 2023. Bħala rispons għal tali ħtieġa, l-iskadenzi għad-diżimpenn u l-preżentazzjoni tat-talbiet għal pagamenti tal-bilanċ annwali jenħtieġ li jkunu l-istess. L-iskadenza regolatorja għat-talbiet għal pagamenti tal-bilanċ annwali hija l-15 ta’ Frar tas-sena wara s-sena finanzjarja rilevanti, li l-Kummissjoni tista’ eċċezzjonalment iġġedded sal-1 ta’ Marzu ta’ dik is-sena, filwaqt li l-iskadenza inizjalment iffissata għad-diżimpenn kienet il-31 ta’ Diċembru tat-tieni sena wara dik tad-diżimpenn tal-baġit. Bl-allinjament tal-iskadenza għad-diżimpenn mal-iskadenza rilevanti għall-preżentazzjoni ta’ talbiet għal pagamenti, il-Kummissjoni ser tkun tista’ tikkunsidra t-talba għal pagament tal-bilanċ annwali ppreżentata mill-Istat Membru fil-15 ta’ Frar jew l-1 ta’ Marzu, kif xieraq, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-diżimpenn.

(3)

Sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu sħiħ minn allokazzjonijiet addizzjonali mogħtija fl-2018 u fl-2019, jenħtieġ li tiġi aġġustata s-sena li fiha jsir l-impenn tal-baġit. Dawk l-allokazzjonijiet addizzjonali kienu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-snin finanzjarji 2018 u 2019 u sussegwentement impenjati għall-programmi nazzjonali.

(4)

Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, hu kkunsidrat xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(5)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi massimizzat l-użu tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u l-Fond għas-Sigurtà Interna, stabbilit mir-Regolamenti (UE) Nru 513/2014 (4) u (UE) Nru 515/2014 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fl-indirizzar tal-effetti diretti u indiretti li jirriżultaw mill-kriżi, bla preċedenti, tas-saħħa pubblika fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(6)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(7)

Sabiex l-Istati Membri jkollhom ċertezza tad-dritt fir-rigward tal-iskadenza tad-diżimpenn, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-programmi nazzjonali għandhom jiġu sottomessi għal proċedura ta’ diżimpenn stabbilita fuq il-bażi li fejn, sal-15 ta’ Frar jew, fil-każ li l-Kummissjoni eċċezzjonalment testendi l-iskadenza għall-preżentazzjoni tat-talba għal pagament f’konformità mal-Artikolu 44(1), l-1 ta’ Marzu tas-sena wara t-tieni sena wara dik tal-impenn tal-baġit, ammonti konnessi ma’ impenn ma jkunux koperti mill-prefinanzjament inizjali u annwali msemmi fl-Artikolu 35 u minn talba għal pagament ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 44(1), dawk l-ammonti għandhom jiġu diżimpenjati. Għall-finijiet tad-diżimpenn, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ammont billi żżid parti waħda minn sitta tal-impenn baġitarju annwali relatat mal-ammont tal-kontribuzzjoni annwali totali tal-2014 għal kull wieħed mill-impenji baġitarji tas-snin 2015-2020.

Fir-rigward tal-ammonti korrispondenti għall-allokazzjonijiet addizzjonali assenjati għall-programmi nazzjonali fl-2018, l-impenn tal-baġit għandu jsir fl-2019. Fir-rigward tal-ammonti korrispondenti għall-allokazzjonijiet addizzjonali assenjati għall-programmi nazzjonali fl-2019, l-impenn tal-baġit għandu jsir fl-2020.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Ottubru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2020.

(2)  Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).

(3)  Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).

(4)  Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/JHA (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93).

(5)  Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).