12.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/20


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1434

tad-9 ta’ Ottubru 2020

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 16

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk estern bla preċedent lejn l-Unjoni u l-ekonomija tagħha filwaqt li ħolqot ħtieġa għal miżuri mmirati biex itaffu l-impatti negattivi fuq iċ-ċittadini u l-kumpaniji fejn possibbli.

(3)

L-Istati Membri u l-Unjoni ħadu miżuri biex jipprovdu għajnuna finanzjarja lil kumpaniji, inklużi vaganzi mħallsa bbażati fuq moratorji privati jew pubbliċi, biex jiġu evitati l-fallimenti u t-telfien mhux meħtieġa ta’ impjiegi mhux meħtieġa, u biex jiġi sostnut l-irkupru rapidu.

(4)

Fit-28 ta’ Mejju 2020, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (International Accounting Standards, IASB) ippubblika l-Konċessjonijiet tal-Kirjiet marbuta mal-COVID-19 (emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju, IFRS) 16 Kirjiet).

(5)

L-emenda għall-IFRS 16 tipprovdi eżenzjoni operattiva fakultattiva temporanja marbuta mal-COVID-19 għall-kerrejja li jibbenefikaw minn vaganzi bi ħlas tal-kera mingħajr ma jiddgħajfu r-rilevanza u l-utilità tal-informazzjoni finanzjarja rrapportata mill-kumpaniji. Wara konsultazzjonijiet mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emendi fl-IFRS 16 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(6)

L-IASB stabbilixxa data effettiva tal-emendi għall-IFRS 16 sa mill-1 ta’ Ġunju 2020. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw b’mod retroattiv biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fil-kwistjonijiet ikkonċernati kif ukoll il-konsistenza ma’ standards oħra ta’ kontabbiltà stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1126/2008.

(7)

Wara li titqies l-urġenza ta’ din l-eżenzjoni operattiva marbuta mal-COVID-19, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(8)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabbiltà,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 16 Kirjiet, huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2020 għas-snin finanzjarji li jibdew nhar l-1 ta’ Jannar 2020 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

Konċessjonijiet għall-kirjiet b’rabta mal-COVID-19

Emenda għall-IFRS 16

Emenda għall-IFRS 16 Kirjiet

Jiżdiedu l-paragrafi 46 A, 46B, 60 A, C1 A, C20 A u C20B. Tiżdied intestatura ġdida qabel C20 A. Għall-faċilità ta’ qari, dawn il-paragrafi mhumiex b’linja taħthom.

KERREJ

Kejl

Kejl sussegwenti

Modifiki tal-kera

46 A

Bħala espedjent prattiku, kerrej jista’ jagħżel li ma jivvalutax jekk konċessjoni tal-kera li tissodisfa l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 46B hijiex modifika tal-kirja. Kerrej li jagħmel din l-għażla għandu jikkontabilizza kull tibdil fil-ħlasijiet tal-kera li jirriżulta mill-konċessjoni tal-kera bl-istess mod li tkun tgħodd għall-bidla li tapplika dan l-Istandard, jekk il-bidla ma tkunx modifika tal-kirja.

46B

L-espedjent prattiku fil-paragrafu 46 A japplika biss għal konċessjonijiet tal-kirja li jseħħu bħala konsegwenza diretta tal-pandemija COVID-19 u biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-bidla fil-ħlasijiet tal-kera tirriżulta f’konsiderazzjoni riveduta għall-kera li hija sostanzjalment l-istess bħal, jew inqas minn, il-konsiderazzjoni għall-kera immedjatament qabel il-bidla;

(b)

kull tnaqqis fil-ħlasijiet tal-kera jaffettwa biss il-ħlasijiet oriġinarjament dovuti fit-30 ta’ Ġunju 2021 jew qabel (pereżempju, konċessjoni tal-kera tkun tissodisfa din il-kundizzjoni jekk tirriżulta fi ħlasijiet ta’ kera mnaqqsa fit-30 ta’ Ġunju 2021 jew qabel u jiżdiedu l-ħlasijiet tal-kera li jestendu lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2021); kif ukoll

(c)

ma hemm l-ebda bidla sostantiva għal termini u kundizzjonijiet oħra tal-kirja.

Żvelar

60 A

Jekk il-kerrej japplika l-espedjent prattiku fil-paragrafu 46 A, il-kerrej għandu jiżvela:

(a)

li jkun applika l-espedjent prattiku għall-konċessjonijiet kollha tal-kera li jissodisfaw il-kundizzjonijiet fil-paragrafu 46B jew, jekk mhux applikat għal konċessjonijiet kollha tal-kera bħal dawn, l-informazzjoni dwar in-natura tal-kuntratti li għalihom ikun applikat l-espedjent prattiku (ara l-paragrafu 2); kif ukoll

(b)

l-ammont rikonoxxut fi profitt jew telf għall-perjodu ta’ rapportar biex jiġu riflessi bidliet fil-ħlasijiet tal-kera li jirriżultaw minn konċessjonijiet tal-kera li għalihom il-kerrej ikun applika l-espedjent prattiku fil-paragrafu 46 A.

Appendiċi C

Data effettiva u tranżizzjoni

DATA EFFETTIVA

C1 A

Konċessjonijiet għall-Kirjiet b’rabta mal-COVID-19, maħruġa f’Mejju 2020, miżjuda l-paragrafi 46 A, 46B, 60 A, C20 A u C20B. Kerrej għandu japplika din l-emenda għall-perjodi annwali ta’ rappurtar li jibdew fl-1 ta’ Ġunju 2020 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa, inkluż f’rapporti finanzjarji li ma kinux awtorizzati għall-ħruġ fit-28 ta’ Mejju 2020.

TRANŻIZZJONI

Konċessjonijiet għall-kirjiet b’rabta mal-COVID-19 għall-kerrejja

C20 A

Kerrej għandu japplika retrospettivament il-Konċessjonijiet għall-Kirjiet b’rabta mal-COVID-19, (ara l-paragrafu C1 A), filwaqt li jirrikonoxxi l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni inizjali ta’ din l-emenda bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ tal-qligħ imfaddal (jew komponent ieħor ta’ ekwità, kif xieraq) fil-bidu tal-perjodu annwali tar-rappurtar li fih il-kerrej japplika l-emenda għall-ewwel darba.

C20B

Fil-perjodu ta’ rapportar li fih il-kerrej japplika l-ewwel darba l-Konċessjonijiet għall-Kirjiet b’rabta mal-COVID-19, il-kerrej ma jkunx meħtieġ li jiżvela l-informazzjoni mitluba mill-paragrafu 28(f) tal-IAS 8.