8.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 326/11 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1419
tas-7 ta’ Ottubru 2020
li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-aċidu askorbiku (E 300) u tal-aċidu ċitriku (E 330) fuq il-ħxejjex bojod maħsuba biex jiġu pproċessati ulterjorment
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. |
(2) |
Din il-lista tista’ tiġi aġġornata f’konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni. |
(3) |
Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-aċidu askorbiku (E 300) u l-aċidu ċitriku (E 330) bħalissa huma awtorizzati għall-użu bħala addittivi tal-ikel f’varjetà kbira ta’ ikel. |
(4) |
Fis-17 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għall-modifika tal-kundizzjonijiet tal-użu tal-aċidu askorbiku (E 300) u tal-aċidu ċitriku (E 330) li jinsabu fil-kategorija tal-ikel 04.1.2 “Frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta’ u mqatta’ bċejjeċ bċejjeċ”, biex jiġi awtorizzat l-użu ta’ dawn is-sustanzi fuq il-ħxejjex bojod maħsuba biex jiġu pproċessati ulterjorment, inkluż it-trattament bis-sħana bħal pereżempju l-inkaljar, is-sajran bl-istim jew ix-xiwi, qabel ma jiġu kkunsmati mill-konsumaturi finali. |
(5) |
Meta jinqatgħu jew jitqattgħu f’fetti, fi bċejjeċ jew f’dadi, il-ħxejjex bojod huma suxxettibbli għal skurar enzimatiku minħabba li ċ-ċelloli jinkisru u jilliberaw l-enzimi, b’mod partikolari l-ossidażi tal-polifenol, mit-tessuti. L-iskurar enzimatiku jista’ jiġi kkontrollat billi l-ħxejjex jitpoġġew għal ftit minuti f’soluzzjoni ta’ ilma li jkun fiha l-aċidu askorbiku (E 300) u l-aċidu ċitriku (E 330) b’konċentrazzjoni massima ta’ 1 %. Mill-applikazzjoni jirriżulta li l-użu propost ta’ dawn l-addittivi bħala antiossidanti fuq ħxejjex mhux ipproċessati maħsuba biex jiġu pproċessati ulterjorment, inkluż it-trattament bis-sħana, qabel il-konsum, jirriżulta f’inqas ħela ta’ ikel billi tittejjeb l-kwalità globali tal-ikel u tiżdied il-ħajja fuq l-ixkaffa tal-ħxejjex ittrattati, sa ħamest ijiem. |
(6) |
Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni x’aktarx ma jkollux effett fuq is-saħħa tal-bniedem. |
(7) |
Fis-6 ta’ Mejju 2015, l-Awtorità ppubblikat opinjoni xjentifika li fost oħrajn tirrivaluta s-sikurezza tal-aċidu askorbiku (E 300) bħala addittiv tal-ikel. L-Awtorità kkonkludiet li ma hemm l-ebda tħassib dwar is-sikurezza għall-użu tal-aċidu askorbiku (E 300) bħala addittiv tal-ikel fl-użi u fil-livell tal-użu rrappurtati u ma hemmx bżonn ta’ doża aċċettabbli ta’ kuljum (“ADI”) għall-aċidu askorbiku u l-imlieħ tiegħu. Din il-konklużjoni tfisser li s-sustanza hija ta’ tħassib żgħir ħafna rigward is-sikurezza, li teżisti informazzjoni affidabbli kemm dwar l-esponiment kif ukoll dwar it-tossiċità u li l-probabbiltà li jkun hemm effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem f’dożi li ma jwasslux għal żbilanċ nutrittiv fl-annimali hija żgħira (3). |
(8) |
Is-sikurezza tal-aċidu ċitriku (E 330) ġiet evalwata fl-1990 mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, li stabbilixxa l-ADI tiegħu bħala “mhux speċifikat” (4). It-terminu “mhux speċifikat” ifisser li, abbażi tad-data tossikoloġika, bijokimika u klinika disponibbli, id-doża aċċettabbli ta’ kuljum tas-sustanza, li tittieħed mill-preżenza naturali tagħha fl-ikel u mill-użu jew l-użi attwali tagħha fl-ikel fil-livelli meħtieġa biex jinkiseb l-effett teknoloġiku mixtieq, ma tipperikolax is-saħħa. Sakemm issir rivalutazzjoni tal-aċidu ċitriku (E 330) skont il-programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 (5), il-Kummissjoni tqis li din il-valutazzjoni dwar is-sikurezza tibqa’ bażi valida għad-deċiżjoni tagħha għall-istess raġunijiet ta’ dak iż-żmien meta, abbażi tal-kriterji msemmijin fil-premessa 5 ta’ dak ir-Regolament, qieset li l-aċidu ċitriku (E 330) kien ta’ tħassib żgħir u li r-rivalutazzjoni ma kinitx prijorità għolja. |
(9) |
Minħabba li l-użu tal-aċidu askorbiku (E 300) u tal-aċidu ċitriku (E 330) bħala antiossidanti fuq ħxejjex bojod ippakkjati minn qabel maħsuba biex jiġu pproċessat ulterjorment, inkluż it-trattament bis-sħana, qabel il-konsum mhuwiex mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhuwiex meħtieġ li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità. |
(10) |
Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. |
(11) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).
(3) EFSA Journal 2014;12(6):3697.
(4) Reports of the Scientific Committee for Food, Twenty-fifth series, 1991, p. 13 (https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/sci-com_scf_reports_25.pdf).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal-25 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 19).
ANNESS
Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:
(1)
fil-kategorija tal-ikel 04.1.2 “Frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta’ u mqatta’ bċejjeċ bċejjeċ” l-entrata għall-aċidu askorbiku (E 300) hija sostitwita b’dan li ġej:
|
“E 300 |
Aċidu askorbiku |
quantum satis |
|
frott u ħxejjex refriġerati, mhux ipproċessati u ppakkjati minn qabel lesti għall-konsum, patata mqaxxra, mhux ipproċessata u ppakkjata minn qabel u ħxejjex bojod ippakkjati minn qabel maħsuba biex jiġu pproċessat ulterjorment, inkluż it-trattament bis-sħana, qabel il-konsum biss” |
(2)
fil-kategorija tal-ikel 04.1.2 “Frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta’ u mqatta’ bċejjeċ bċejjeċ” l-entrata għall-aċidu ċitriku (E 330) hija sostitwita b’dan li ġej:
|
“E 330 |
Aċidu ċitriku |
quantum satis |
|
frott u ħxejjex refriġerati, mhux ipproċessati u ppakkjati minn qabel lesti għall-konsum, patata mqaxxra, mhux ipproċessata u ppakkjata minn qabel u ħxejjex bojod ippakkjati minn qabel maħsuba biex jiġu pproċessat ulterjorment, inkluż it-trattament bis-sħana, qabel il-konsum biss” |