|
21.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 305/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1302
tal-14 ta’ Lulju 2020
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lil kontropartijiet ċentrali stabbiliti f’pajjiżi terzi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25d(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 25d tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jirrikjedi li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) timponi kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) ta’ pajjiżi terzi assoċjati mal-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament u t-tariffi annwali assoċjati mat-twettiq tal-kompiti tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti. L-Artikolu 25d(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jirrikjedi li tali tariffi jkunu proporzjonati mal-fatturat tas-CCP ikkonċernata u jkopru l-kostijiet kollha mġarrba mill-ESMA għar-rikonoxximent u għat-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward tas-CCP ta’ pajjiż terz f’konformità ma’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
It-tariffi assoċjati mal-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent (“tariffi ta’ rikonoxximent”) jenħtieġ li jiġu imposti fuq CCPs ta’ pajjiżi terzi biex ikopru l-kostijiet tal-ESMA għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għar-rikonoxximent, inklużi l-kostijiet għall-verifika li l-applikazzjonijiet ikunu kompluti, għat-talba għal informazzjoni addizzjonali, għall-abbozzar ta’ deċiżjonijiet u kostijiet relatati mal-valutazzjoni tal-importanza sistemika ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi (“gradazzjoni”). Għal CCPs li huma sistemikament importanti jew li x’aktarx isiru sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha u li huma rikonoxxuti mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 25(2b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 (“CCPs tal-Grad 2”), il-kostijiet addizzjonali jiġġarrbu mill-ESMA. Dawn il-kostijiet addizzjonali jiġġarrbu mill-ESMA meta tiġi vvalutata l-konformità mal-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent stabbiliti fl-Artikolu 25(2b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u jekk, billi tikkonforma mal-qafas legali applikabbli ta’ pajjiż terz, CCP tistax titqies li tissodisfa l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 u t-Titoli IV u V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 (“konformità komparabbli”). Il-kostijiet assoċjati mal-applikazzjonijiet li jsiru mis-CCPs tal-Grad 2 għalhekk ikunu ogħla minn dawk assoċjati mal-applikazzjonijiet magħmula minn CCPs ta’ pajjiżi terzi li mhumiex meqjusa bħala sistemikament importanti jew li x’aktarx isiru sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha (“CCPs tal-Grad 1”). |
|
(3) |
Filwaqt li jenħtieġ li tiġi imposta tariffa ta’ rikonoxximent bażika lis-CCPs kollha ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jenħtieġ li tiġi imposta tariffa addizzjonali fuq CCPs tal-Grad 2 biex tkopri l-kost addizzjonali mġarrab mill-ESMA bħala parti mill-proċess ta’ applikazzjoni. Jenħtieġ li t-tariffa addizzjonali ta’ rikonoxximent tiġi imposta wkoll fuq CCPs diġà rikonoxxuti, l-ewwel darba li l-ESMA tiddetermina jekk għandhomx jiġu gradati bħala CCPs tal-Grad 2 wara r-rieżami tal-importanza sistemika tagħhom skont l-Artikolu 25(5) jew l-Artikolu 89(3c) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(4) |
It-tariffi annwali jridu jintalbu wkoll lis-CCPs ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti biex ikopru l-kostijiet tal-ESMA għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward ta’ dawn is-CCPs. Għal CCPs tal-Grad 1 u tal-Grad 2, dawk il-kompiti jinkludu r-rieżami perjodiku tal-importanza sistemika tas-CCPs skont l-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u l-monitoraġġ ta’ żviluppi regolatorji u superviżorji f’pajjiżi terzi. Għal CCPs tal-Grad 2, l-ESMA hija wkoll meħtieġa li tissorvelja fuq bażi kontinwa l-konformità ta’ dawn is-CCPs mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 u t-Titoli IV u V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, inkluż permezz tal-konformità komparabbli, fejn tingħata. Huwa għalhekk xieraq li tariffi annwali differenti japplikaw għal CCPs tal-Grad 1 u tal-Grad 2. |
|
(5) |
Jenħtieġ li r-rikonoxximent u t-tariffi annwali stabbiliti f’dan ir-Regolament ikopru l-kostijiet li l-ESMA tistenna li ġġarrab meta tipproċessa applikazzjonijiet għal rikonoxximent abbażi tal-esperjenza tagħha fit-twettiq ta’ kompiti fir-rigward ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi u entitajiet taħt superviżjoni oħra kif ukoll abbażi tal-kostijiet mistennija tagħha kif iddikjarat fil-baġit annwali tagħha bbażat fuq l-attività. |
|
(6) |
Il-kompiti mwettqa mill-ESMA skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward ta’ CCPs rikonoxxuti tal-Grad 1 se jkunu fil-biċċa l-kbira l-istess għal kull CCP tal-Grad 1 indipendentement mid-daqs tagħhom. Għalhekk huwa xieraq li l-kostijiet imġarrba mill-ESMA fir-rigward tas-CCPs tal-Grad 1 rikonoxxuti jiġu koperti billi tiġi imposta tariffa annwali tal-istess ammont fuq kull CCP tal-Grad 1 rikonoxxuta. Fir-rigward ta’ CCPs tal-Grad 2 rikonoxxuti, sabiex tiġi żgurata allokazzjoni ġusta ta’ tariffi li, fl-istess ħin, tirrifletti l-isforz amministrattiv reali meħtieġ mill-ESMA għat-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward ta’ kull CCP tal-Grad 2, jenħtieġ li t-tariffi annwali jqisu wkoll il-fatturat tas-CCP tal-Grad 2. |
|
(7) |
It-tariffi annwali imposti fuq CCPs ta’ pajjiżi terzi għall-ewwel sena li fiha huma rikonoxxuti skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jenħtieġ li jkunu proporzjonati għall-parti ta’ dik is-sena li matulha l-ESMA twettaq kompiti f’konformità ma’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ dawk is-CCPs. L-istess prinċipju jenħtieġ li japplika għas-sena li fiha CCP li hija rikonoxxuta bħala CCP tal-Grad 1, tkun gradata għall-ewwel darba bħala CCP tal-Grad 2 skont l-Artikolu 25(5) ta’ dan ir-Regolament. |
|
(8) |
Biex jiġi żgurat il-finanzjament f’waqtu tal-kostijiet imġarrba mill-ESMA fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għar-rikonoxximent magħmula skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jenħtieġ li t-tariffi ta’ rikonoxximent jitħallsu lill-ESMA qabel l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent jew il-valutazzjoni ta’ jekk CCPs tal-Grad 2 jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ rikonoxximent stabbiliti fl-Artikolu 25(2b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Sabiex jiġi żgurat il-finanzjament f’waqtu tal-kostijiet imġarrba mill-ESMA fit-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti, jenħtieġ li t-tariffi annwali jitħallsu fil-bidu tas-sena kalendarja li jkunu relatati magħha. It-tariffi annwali fl-ewwel sena ta’ rikonoxximent jenħtieġ li jitħallsu ftit wara l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent. |
|
(9) |
Sabiex jiġu skoraġġuti applikazzjonijiet ripetuti jew bla bażi, jenħtieġ li t-tariffi ta’ rikonoxximent ma jiġux rimborżati f’każ fejn applikant jirtira l-applikazzjoni tiegħu. Peress li x-xogħol amministrattiv meħtieġ fil-każ ta’ applikazzjoni għar-rikonoxximent li tiġi rrifjutata huwa l-istess bħal dak meħtieġ fil-każ ta’ applikazzjoni li tiġi aċċettata, jenħtieġ li t-tariffi ta’ rikonoxximent ma jiġux rimborżati jekk ir-rikonoxximent jiġi rifjutat. |
|
(10) |
Kwalunkwe kost imġarrab mill-ESMA wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi li diġà ġew rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 qabel it-22 ta’ Settembru 2020 jenħtieġ li jkun kopert minn tariffi. Tali CCPs ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ għalhekk li jkunu meħtieġa jħallsu tariffa annwali interim għall-2020 u għal kull sena sussegwenti sakemm jitwettaq ir-rieżami tal-importanza sistemika tagħhom skont l-Artikolu 89(3c) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(11) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament Delegat jidħol fis-seħħ b’urġenza biex jiżgura li l-ESMA tkun iffinanzjata b’mod xieraq u f’waqtu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/2099, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
TARIFFI
Artikolu 1
Tariffi ta’ rikonoxximent
1. CCP stabbilita f’pajjiż terz li tapplika għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha tħallas tariffa bażika ta’ rikonoxximent ta’ EUR 50 000.
2. CCP stabbilita f’pajjiż terz għandha tħallas tariffa ta’ rikonoxximent addizzjonali ta’ EUR 360 000 meta l-ESMA tiddetermina li, skont l-Artikolu 25(2a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, dik is-CCP hija sistemikament importanti jew x’aktarx li ssir sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha (“CCP tal-Grad 2”). CCP tal-Grad 2 għandha tħallas it-tariffa ta’ rikonoxximent addizzjonali fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
is-CCP tapplika għar-rikonoxximent; |
|
(b) |
is-CCP, meta tkun diġà rikonoxxuta skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, tiġi determinata li tkun CCP tal-Grad 2 wara r-rieżami mwettaq mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 25(5) ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Tariffi annwali
1. CCP rikonoxxuta għandha tħallas tariffa annwali.
2. Meta CCP tiġi rikonoxxuta mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 (“CCP tal-Grad 1”), it-tariffa annwali għal kull CCP tal-Grad 1 għal sena partikolari (n) għandha tkun it-tariffa annwali totali maqsuma f’partijiet ugwali bejn is-CCPs tal-Grad 1 kollha rikonoxxuti fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel (n-1).
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, it-tariffa annwali totali għal sena partikolari (n) għandha tkun l-istima tan-nefqa relatata mal-kompiti li għandhom jitwettqu mill-ESMA fir-rigward ta’ CCPs tal-Grad 1 rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 kif inkluż fil-baġit tal-ESMA għal dik is-sena.
3. Meta CCP tiġi rikonoxxuta mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 25(2b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 (“CCP tal-Grad 2”), it-tariffa annwali għal sena partikolari (n) għandha tkun it-tariffa annwali totali maqsuma bejn is-CCPs tal-Grad 2 kollha rikonoxxuti fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel (n-1) u mmultiplikati bil-piż applikabbli stabbilit skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, it-tariffa annwali totali għal sena partikolari (n) għandha tkun l-istima tan-nefqa relatata mal-kompiti li għandhom jitwettqu mill-ESMA fir-rigward ta’ CCPs tal-Grad 2 rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 kif inkluż fil-baġit tal-ESMA għal dik is-sena.
Artikolu 3
Tariffi annwali fis-sena ta’ rikonoxximent
1. Għas-sena li fiha CCP ta’ pajjiż terz hija rikonoxxuta mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, it-tariffa annwali għandha tiġi kkalkulata kif ġej:
|
(a) |
meta l-ESMA tirrikonoxxi CCP bħala CCP tal-Grad 1, it-tariffa annwali għandha tiġi determinata bħala l-proporzjon tat-tariffa ta’ rikonoxximent bażika stabbilita fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament ikkalkulata skont il-proporzjon li ġej:
|
|
(b) |
meta l-ESMA tirrikonoxxi CCP bħala CCP tal-Grad 2, it-tariffa annwali għandha tiġi determinata bħala l-proporzjon tat-tariffa ta’ rikonoxximent addizzjonali stabbilita fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament ikkalkulata skont il-proporzjon li ġej:
|
2. Meta CCP tkun ħallset tariffa annwali interim skont l-Artikolu 9 għas-sena li fiha dik is-CCP tkun rikonoxxuta bħala CCP tal-Grad 1, it-tariffa annwali kkalkulata skont il-paragrafu 1(a) ma għandhiex tiġi imposta.
3. Meta CCP tkun ħallset tariffa annwali interim skont l-Artikolu 9 jew tariffa annwali skont l-Artikolu 2(2) għas-sena li fiha dik is-CCP tkun rikonoxxuta bħala CCP tal-Grad 2, l-ammont ta’ dik it-tariffa għandu jitnaqqas mit-tariffa li għandha titħallas skont il-paragrafu 1(b).
Artikolu 4
Fatturat applikabbli għal CCPs tal-Grad 2
1. Il-fatturat rilevanti ta’ CCP tal-Grad 2 għandu jkun id-dħul dinji tagħha dovut mill-forniment ta’ servizzi tal-ikklerjar (tariffi tas-sħubija u tariffi tal-ikklerjar netti mill-kostijiet tat-tranżazzjoni) matul is-sena finanzjarja l-aktar reċenti tas-CCP.
CCPs tal-Grad 2 għandhom jipprovdu lill-ESMA, fuq bażi annwali, b’ċifri awditjati li jikkonfermaw id-dħul dinji tagħhom dovut mill-provvista ta’ servizzi ta’ kklerjar imsemmija fl-ewwel subparagrafu. Iċ-ċifri awditjati għandhom jiġu ppreżentati lill-ESMA sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru ta’ kull sena. Id-dokumenti li fihom ċifri awditjati għandhom jiġu pprovduti f’lingwa li hija komuni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
Jekk id-dħul imsemmi fl-ewwel subparagrafu jkun irrapportat f’munita oħra li ma tkunx l-euro, l-ESMA għandha tikkonvertihom f’euro billi tuża r-rata tal-kambju medja tal-euro applikabbli għall-perjodu li matulu d-dħul ikun ġie rreġistrat. Għal dan il-għan, għandha tintuża r-rata ta’ referenza tal-kambju tal-euro ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.
2. Fuq il-bażi tal-fatturat iddeterminat skont il-paragrafu 1 għal sena partikolari (n), is-CCP għandha titqies li tappartjeni għal wieħed mill-gruppi li ġejjin:
|
(a) |
Grupp 1: fatturat annwali ta’ inqas minn EUR 600 miljun; |
|
(b) |
Grupp 2: fatturat annwali ta’ EUR 600 miljun jew aktar. |
CCP tal-Grad 2 fil-Grupp 1 għandha tiġi attribwita l-piż tal-fatturat 1.
CCP tal-Grad 2 fil-Grupp 2 għandha tiġi attribwita l-piż tal-fatturat 1,2.
3. Il-piż totali tal-fatturat tas-CCPs rikonoxxuti tal-Grad 2 għal sena partikolari (n) għandu jkun is-somma tal-piżijiet tal-fatturat iddeterminati skont il-paragrafu 2 tas-CCPs tal-Grad 2 rikonoxxuti mill-ESMA fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel (n-1).
4. Għall-finijiet tal-Artikolu 2(3), il-piż applikabbli ta’ CCP tal-Grad 2 għal sena partikolari (n) għandu jkun il-piż ta’ fatturat tagħha ddeterminat skont il-paragrafu 2 diviż bil-piż totali ta’ fatturat tas-CCPs rikonoxxuti tal-Grad 2 kollha ddeterminati skont il-paragrafu 3.
KAPITOLU II
KUNDIZZJONIJIET TA’ ĦLAS
Artikolu 5
Modalitajiet ġenerali ta’ ħlas
1. It-tariffi kollha għandhom jitħallsu f’euro.
2. Kwalunkwe ħlas tard għandu jġarrab l-imgħax ta’ inadempjenza stabbilit fl-Artikolu 99 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).
3. Il-komunikazzjonijiet bejn l-ESMA u s-CCPs ta’ pajjiżi terzi għandhom isiru b’mezzi elettroniċi.
Artikolu 6
Ħlas tat-tariffi ta’ rikonoxximent
1. It-tariffa ta’ rikonoxximent bażika prevista fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament għandha titħallas meta s-CCP tippreżenta l-applikazzjoni tagħha għar-rikonoxximent.
Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, meta l-Kummissjoni ma tkunx adottat att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-pajjiż terz li fih hija stabbilita s-CCP meta s-CCP tapplika għar-rikonoxximent, it-tariffa ta’ rikonoxximent bażika għandha titħallas mhux aktar tard mill-jum li fih jidħol fis-seħħ tali att ta’ implimentazzjoni.
2. Id-data sa meta għandha titħallas it-tariffa ta’ rikonoxximent addizzjonali prevista fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi stabbilita f’nota ta’ debitu mibgħuta mill-ESMA lis-CCP wara t-talba tal-ESMA lis-CCP sabiex tippreżenta informazzjoni addizzjonali għall-valutazzjoni tal-konformità tas-CCP mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25(2b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Id-data tal-ħlas għandha tipprovdi lis-CCP mill-inqas 30 jum kalendarju biex tħallas, mill-jum li fih l-ESMA tkun bagħtet in-nota ta’ debitu lis-CCP.
3. It-tariffi ta’ rikonoxximent ma għandhomx jiġu rimborżati.
Artikolu 7
Ħlas tat-tariffi annwali
1. Il-ħlasijiet annwali previsti fl-Artikolu 2 għal sena partikolari (n) għandhom jitħallsu sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena (n).
L-ESMA għandha tibgħat noti ta’ debitu lis-CCPs rikonoxxuti kollha ta’ pajjiżi terzi li jispeċifikaw l-ammont tat-tariffa annwali mill-iktar tard fl-1 ta’ Marzu tas-sena (n).
2. L-ammont tat-tariffa annwali prevista fl-Artikolu 3 fis-sena ta’ rikonoxximent kif ukoll id-data sa meta trid titħallas it-tariffa annwali, għandhom jiġu ddikjarati f’nota ta’ debitu mibgħuta mill-ESMA lis-CCP. Id-data tal-ħlas għandha tipprovdi lis-CCP mill-inqas 30 jum kalendarju biex tħallas, mill-jum li fih l-ESMA tkun bagħtet in-nota ta’ debitu lis-CCP.
3. It-tariffi annwali mħallsa minn CCP ma għandhomx jiġu rimborżati.
KAPITOLU III
Dispożizzjonijiet Tranżitorji u Finali
Artikolu 8
Applikazzjonijiet għar-rikonoxximent diġà sottomessi
1. Meta CCP ta’ pajjiż terz tkun ressqet applikazzjoni għar-rikonoxximent qabel it-22 ta’ Settembru 2020, u l-ESMA tkun għadha ma adottatx deċiżjoni li tirrikonoxxi jew tirrifjuta r-rikonoxximent ta’ dik is-CCP, is-CCP għandha tħallas it-tariffa ta’ rikonoxximent prevista fl-Artikolu 1(1) sat-22 ta’ Ottubru 2020.
2. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, meta l-ESMA tkun issospendiet l-ipproċessar tal-applikazzjoni għar-rikonoxximent ta’ CCP ta’ pajjiż terz qabel it-22 ta’ Settembru 2020, is-CCP għandha tħallas it-tariffa ta’ rikonoxximent prevista fl-Artikolu 1(1) fid-data tal-ħlas iddikjarata fin-nota ta’ debitu mibgħuta mill-ESMA lis-CCP, wara n-notifika li l-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħha ma jkunx għadu sospiż. Id-data tal-ħlas għandha tipprovdi lis-CCP mill-inqas 30 jum kalendarju biex tħallas, mill-jum li fih l-ESMA tkun bagħtet in-nota ta’ debitu lis-CCP.
Artikolu 9
Tariffa annwali interim għas-CCPs diġà rikonoxxuti
1. CCP ta’ pajjiż terz li hija rikonoxxuta mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fil-ħin li jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament għandha tħallas tariffa annwali interim ta’ EUR 50 000 għall-2020 u ta’ kull sena sussegwenti sakemm jitwettaq ir-rieżami tal-importanza sistemika tagħha skont l-Artikolu 89(3c) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u tkun ġiet rikonoxxuta skont l-Artikolu 25(2) jew l-Artikolu 25(2b) ta’ dak ir-Regolament jew ma jkunx ingħata tali rikonoxximent.
2. Il-ħlas annwali interim għall-2020 għandu jitħallas fi żmien 30 jum kalendarju mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. It-tariffi annwali interim għal sena oħra (n) għandhom jitħallsu sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena (n).
Artikolu 10
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 322, 12.12.2019, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).