16.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/24


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1293

tal-15 ta’ Settembru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva ażadiraktin

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/44/UE (2) inkludiet l-ażadiraktin bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

(2)

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont dak ir-Regolament u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva ażadiraktin, kif stipulat fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, kienet ristretta għall-użu bħala insettiċida.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fis-27 ta’ Frar 2012, Trifolio-M GmbH, wieħed mill-produtturi tas-sustanza attiva, ippreżenta applikazzjoni lill-Ġermanja, l-Istat Membru maħtur bħala relatur, fejn talab emenda għall-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tal-ażadiraktin sabiex jiġi permess l-użu tagħha bħala akariċida. L-Istat Membru maħtur bħala relatur sab li l-applikazzjoni kienet ammissibbli.

(5)

L-Istat Membru maħtur bħala relatur ivvaluta kif l-użu ġdid tas-sustanza attiva ażadiraktin jista’ jaffettwa s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u pprepara addendum mal-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni u r-rapport addizzjonali li ġie ppreżentat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Jannar 2013.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Awtorità ċċirkolat l-addendum mal-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni u r-rapport addizzjonali lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti u qegħditu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. F’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-applikant intalab jibgħat informazzjoni addizzjonali. Il-Ġermanja vvalutat l-informazzjoni addizzjonali u ppreżentat addendum rivedut mal-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni u r-rapport addizzjonali lill-Kummissjoni u lill-Awtorità fid-19 ta’ Settembru 2017.

(7)

Fl-14 ta’ Settembru 2018, l-Awtorità kkomunikat il-konklużjoni tagħha (5) lill-Kummissjoni dwar jekk hux mistenni li l-użu l-ġdid tas-sustanza attiva ażadiraktin jissodisfax il-kriterji tal-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fid-19 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz tal-addendum mar-rapport tar-rieżami tal-ażadiraktin u abbozz ta’ Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(8)

L-applikant ġie mistieden jagħti l-kummenti tiegħu dwar l-addendum mar-rapport tar-rieżami.

(9)

Dwar l-użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta’ mill-inqas prodott wieħed tal-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati meta l-prodott jintuża bħala akariċida. Għaldaqstant, jixraq li tiġi rtirata r-restrizzjoni għall-użu tal-ażadiraktin bħala insettiċida biss.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/44/UE tat-13 ta’ April 2011 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi l-ażadiraktin bħala sustanza attiva u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/941/KE (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 43).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(5)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Peer review of the pesticide risk assessment of the active substance azadirachtin (Margosa extract) EFSA Journal 2018;16(9):5234. Doi: 10.2903/j.efsa.2018.5234.


ANNESS I

Il-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tar-ringiela 343, ażadiraktin, tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar l-ażadiraktin, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fil-11 ta’ Marzu 2011, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-addendum mar-rapport ta’ rieżami dwar l-ażadiraktin, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fis-17 ta’ Lulju 2020, għandhom jiġu kkunsidrati.

F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

(1)

għall-esponiment dijetetiku tal-konsumaturi fid-dawl ta’ reviżjonijiet futuri tal-Livelli Massimi tar-Residwi;

(2)

għall-ħarsien tal-atropodi u l-organiżmi akkwatiċi mhux fil-mira.

Fejn xieraq, il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskji.”