14.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/6

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1273

tal-4 ta’ Ġunju 2020

li jemenda u jikkorreġi r-Regolament Delegat (UE) 2019/980 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format, il-kontenut, l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (1), u b’mod partikolari l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 13, l-Artikoli 14(3), u l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980 (2) jistabbilixxi l-informazzjoni li l-emittenti ta’ titoli ta’ ekwità u dawk li mhumiex titoli ta’ ekwità huma meħtieġa li jiddivulgaw. It-titoli mhux ta’ ekwità huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ żvelar inqas stretti minn titoli ta’ ekwità. Xi titoli ta’ ekwità, bħal ċerti tipi ta’ titoli konvertibbli, skambjabbli u derivattivi, huma simili għal titoli mingħajr ekwità qabel ma jiġu kkonvertiti jew qabel ma jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija minnhom. Għalhekk, huwa xieraq li l-emittenti ta’ dawk it-titoli konvertibbli, skambjabbli u derivattivi jiġu soġġetti għar-regoli ta’ żvelar eħfef applikabbli għal titoli mingħajr ekwità.

(2)

Skont ir-Regolament (UE) 2017/1129, l-emittenti jistgħu jużaw dokument ta’ reġistrazzjoni universali biex jiddivulgaw ir-rapport finanzjarju annwali meħtieġ skont id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/980 jobbliga lill-emittenti li jużaw l-opzjoni li jipprovdu dokument ta’ reġistrazzjoni universali komplut fil-format Extensible Hypertext Markup Language (XHTML), li huwa piż amministrattiv sproporzjonat. Għalhekk, l-Artikolu 24(4) u l-Artikolu 25(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980 għandhom jiġu emendati biex jippermettu lill-emittenti jissottomettu biss l-informazzjoni li tinsab fir-rapport finanzjarju annwali fil-format XHTML.

(3)

It-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980, dwar informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi inkluża fil-prospett, tapplika għat-tipi kollha ta’ prospetti, inkluż il-prospett tat-Tkabbir tal-UE. Peress li l-prospett tat-Tkabbir tal-UE huwa soġġett għal format u sekwenza standardizzati, huwa meħtieġ li tiġi ċċarata l-ordni tad-divulgazzjoni ta’ elementi ta’ informazzjoni relatati ma’ titoli derivattivi u, fejn applikabbli, mal-ishma sottostanti u/jew mal-informazzjoni li għandha tiġi żvelata jekk il-kunsens biex jintuża l-prospett jingħata skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2017/1129. L-Artikolu 32 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980 u l-Annessi 26 u 27 għal dak ir-Regolament għandhom jiġu aġġornati skont dan.

(4)

L-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) 2019/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) emenda l-Anness V tar-Regolament (UE) 2017/1129 billi għamel ir-rekwiżit li tiġi żvelata d-dikjarazzjoni dwar il-kapital operatorju fil-prospett tat-Tkabbir tal-UE, applikabbli għall-emittenti kollha ta’ titoli ta’ ekwità irrispettivament mill-kapitalizzazzjoni tas-suq tagħhom. L-Artikolu 32(1), il-punt (g), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980 u l-Anness 26 għal dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(5)

L-Annessi 1, 3, 6 sa 9, 24 u 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980 jesiġu li għall-biċċa l-kbira tat-titoli tal-ekwità u mhux tal-ekwità, l-informazzjoni finanzjarja storika annwali għandha tiġi awditjata b’mod indipendenti u li r-rapport tal-awditjar għandu jitħejja skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dawk l-Annessi jirrikjedu wkoll li, meta d-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 ma japplikawx u meta dawk ir-rapporti ta’ awditjar dwar l-informazzjoni finanzjarja storika jkunu ġew irrifjutati mill-awdituri statutorji jew meta jkun fihom kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà jew enfasi fuq kwistjoni, dawn il-kwalifiki, modifiki, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew enfasi jiġu riprodotti bis-sħiħ u r-raġunijiet mogħtija. Sabiex l-investituri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati ta’ investiment, huwa xieraq li l-emittenti jiġu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni msemmija hawn fuq, irrispettivament minn jekk id-Direttiva 2006/43/KE jew ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 japplikawx. Għalhekk jenħtieġ li l-Annessi 1, 3, 6 sa 9, 24 u 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980 jiġu emendati skont dan.

(6)

Meta jkun applikabbli r-reġim ta’ żvelar simplifikat għall-ħruġ sekondarju, l-Anness 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980 jirrikjedi li l-impriżi ta’ investiment kollettiv jipprovdu informazzjoni li tirriżulta minn ċerti sezzjonijiet u partiti tal-Anness 3. Sabiex jiġu allinjati mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għal ħruġ primarju, dik il-lista ta’ taqsimiet u elementi għandha tiġi emendata biex tinkludi informazzjoni dwar kuntratti materjali u teskludi informazzjoni finanzjarja pro forma.

(7)

Fin-nota dwar it-titoli għal ħruġ sekondarju ta’ titoli mhux ta’ ekwità, id-deskrizzjoni tat-tip, il-klassi u l-ammont tat-titoli li qed jiġu offruti jew ammessi għall-kummerċ, għandhom jiġu mniżżla taħt il-kategorija B bl-istess mod għall-ħruġ primarju, peress li mhux id-dettalji kollha ta’ dik l-informazzjoni huma magħrufa fil-ħin tal-approvazzjoni tal-prospett bażi. Barra minn hekk, biex jiġu allinjati mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għal ħruġ primarju, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li għal ħruġ sekondarju ta’ titoli mingħajr ekwità fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut, meta s-sommarju tal-prospett ikun sostitwit parzjalment mal-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(3), il-punti (c) sa (i) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), dik l-informazzjoni jenħtieġ li tkun inkluża wkoll fin-nota tat-titoli. L-Anness 16 għar-Regolament ta’ Delega (UE) 2019/980 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(8)

L-Artikolu 33(7) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980 bi żball jirreferi għall-Anness 22 ta’ dak ir-Regolament, minflok l-Anness 23. Dak l-iżball għandu jiġi kkorreġut.

(9)

L-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) 2017/1129 jirrikjedi li dokument tar-reġistrazzjoni jew dokument tar-reġistrazzjoni universali nnotifikat skont il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu jkun fih appendiċi li jistabbilixxi l-informazzjoni ewlenija dwar l-emittent imsemmi fl-Artikolu 7(6) ta’ dak ir-Regolament. Il-punt (g) tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980 b’mod żbaljat jeħtieġ li tali appendiċi jiġi ppreżentat fi kwalunkwe każ u mhux biss fejn tali appendiċi jkun meħtieġ. Dak l-iżball jeħtieġ jiġi kkorreġut.

(10)

Ir-Regolament (UE) 2017/1129 u r-Regolament ta’ Delega (UE) 2019/980 beda japplika mill-21 ta’ Lulju 2019. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u biex jiġi żgurat li l-emittenti ma jkunux soġġetti għal piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, l-Artikolu 1, il-punti (1) sa (8), u l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament Delegat għandu jkollhom l-istess data ta’ applikazzjoni bħar-Regolament (UE) 2017/1129 u r-Regolament Delegat (UE) 2019/980.

(11)

Fl-interess taċ-ċertezza legali, prospetti approvati bejn il-21 ta’ Lulju 2019 u s-16 ta’ Settembru 2020, għandhom jibqgħu validi sa tmiem il-validità tagħhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2019/980

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/980 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Dokument tar-reġistrazzjoni għat-titoli tal-ekwità

1.   Għal titoli ta’ ekwità, id-dokument tar-reġistrazzjoni għandu jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma jitfassalx skont l-Artikoli 9, 14 jew 15 tar-Regolament (UE) 2017/1129.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, id-dokument ta’ reġistrazzjoni għat-titoli li ġejjin, fejn dawk it-titoli mhumiex ishma jew titoli trasferibbli oħra ekwivalenti għal ishma, jista’ jitħejja skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għal titoli ta’ bejgħ bl-imnut jew l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament għal titoli ta’ bejgħ bl-ingrossa:

(a)

It-titoli msemmija fl-Artikoli 19(1) u 20(1) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

it-titoli msemmija fl-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-Regolament, fejn dawk it-titoli huma skambjabbli jew konvertibbli f’ishma li huma jew se jinħarġu minn entità li tappartjeni għall-grupp tal-emittent u li mhumiex ammessi għall-kummerċ f’suq regolat;

(c)

it-titoli msemmija fl-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-Regolament, fejn dawk it-titoli huma skambjabbli jew konvertibbli f’ishma li jinħarġu/se jinħarġu minn entità li tappartjeni għall-grupp tal-emittent u li mhumiex ammessi għall-kummerċ f’suq regolat.”;

(2)

L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 4

Dokument tar-reġistrazzjoni għal ħruġ sekondarju ta’ titoli tal-ekwità

1.   Dokument tar-reġistrazzjoni speċifiku għal titoli ta’ ekwità li jitfassal skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/1129, għandu jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Anness 3 ta’ dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, id-dokument ta’ reġistrazzjoni għat-titoli li ġejjin, fejn dawk it-titoli mhumiex ishma jew titoli trasferibbli oħra ekwivalenti għal ishma, jista’ jitħejja skont l-Artikolu 9:

(a)

It-titoli msemmija fl-Artikoli 19(1) u 20(1) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

it-titoli msemmija fl-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-Regolament, fejn dawk it-titoli huma skambjabbli jew konvertibbli f’ishma li huma jew se jinħarġu minn entità li tappartjeni għall-grupp tal-emittent u li mhumiex ammessi għall-kummerċ f’suq regolat;

(c)

it-titoli msemmija fl-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-Regolament, fejn dawk it-titoli jagħtu d-dritt għal sottoskrizzjoni jew akkwist ta’ titoli li jinħarġu/se jinħarġu minn entità li tappartjeni għall-grupp tal-emittent u li mhumiex ammessi għall-kummerċ f’suq regolat.”;

(3)

L-Artikolu 12 jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 12

Nota dwar it-titoli għal titoli ta’ ekwità jew unitajiet maħruġa minn intrapriża ta’ investiment kollettiv tat-tip magħluq

1.   Għal titoli ta’ ekwità jew unitajiet maħruġa minn intrapriża ta’ investiment kollettiv tat-tip magħluq, in-nota dwar it-titoli għandu jkun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Anness 11 ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma titfassalx skont l-Artikoli 14 jew 15 tar-Regolament (UE) 2017/1129.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, in-nota dwar it-titoli għat-titoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artiklu 19 u l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament, fejn dawk it-titoli mhumiex ishma jew titoli trasferibbli oħra ekwivalenti għal ishma, jista’ jitħejja skont l-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament għal titoli ta’ bejgħ bl-imnut jew l-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament għal titoli ta’ bejgħ bl-ingrossa.”;

(4)

L-Artikolu 13 jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 13

Nota dwar it-titoli għal ħruġ sekondarju għal titoli ta’ ekwità jew unitajiet maħruġa minn intrapriża ta’ investiment kollettiv tat-tip magħluq

1.   Nota dwar it-titoli speċifika għal it-titoli tal-ekwità jew unitajiet maħruġa minn intrapriża ta’ investiment kollettiv tat-tip magħluq li titfassal skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/1129, għandu jkun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Anness 12 ta’ dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, in-nota dwar it-titoli speċifiċi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artiklu 19 u l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament, fejn dawk it-titoli mhumiex ishma jew titoli trasferibbli oħra ekwivalenti għal ishma, jista’ jitħejja skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament.”;

(5)

Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Meta jintuża dokument tar-reġistrazzjoni universali għall-finijiet tal-Artikolu 9(12) tar-Regolament (UE) 2017/1129, l-informazzjoni li tinsab f’dak l-Artikolu għandha tiġi ppreżentata f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 (*1).

(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni tal-format elettroniku uniku għar-rapportar (ĠU L 143, 29.5.2019, p. 1).”;"

(6)

Fl-Artikolu 25, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.

Meta jintuża dokument tar-reġistrazzjoni universali għall-finijiet tal-Artikolu 9(12) tar-Regolament (UE) 2017/1129, l-informazzjoni li tinsab f’dak l-Artikolu għandha tiġi ppreżentata f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815.”;

(7)

L-Artikolu 28 jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 28

Dokument tar-reġistrazzjoni tat-Tkabbir tal-UE għat-titoli tal-ekwità

1.   Dokument tar-reġistrazzjoni speċifiku għal titoli ta’ ekwità imfassal skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2017/1129, għandu jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Anness 24 ta’ dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, id-dokument ta’ reġistrazzjoni speċifiku għat-titoli li ġejjin, fejn dawk it-titoli mhumiex ishma jew titoli trasferibbli oħra ekwivalenti għal ishma, jista’ jitħejja skont l-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament:

(a)

It-titoli msemmija fl-Artikoli 19(1) u 20(1) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

it-titoli msemmija fl-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-Regolament, fejn dawk it-titoli huma skambjabbli jew konvertibbli f’ishma li huma jew se jinħarġu minn entità li tappartjeni għall-grupp tal-emittent u li mhumiex ammessi għall-kummerċ f’suq regolat;

(c)

it-titoli msemmija fl-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-Regolament, fejn dawk it-titoli jagħtu d-dritt għal sottoskrizzjoni jew akkwist ta’ titoli li jinħarġu/se jinħarġu minn entità li tappartjeni għall-grupp tal-emittent u li mhumiex ammessi għall-kummerċ f’suq regolat.”;

(8)

L-Artikolu 30 jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 30

Nota dwar it-titoli tat-Tkabbir tal-UE għat-titoli tal-ekwità

1.   Nota dwar it-titoli speċifika għal titoli tal-ekwità mfassla skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2017/1129, għandu jkun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Anness 26 ta’ dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, in-nota dwar it-titoli għat-titoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artiklu 19 u l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament, fejn dawk it-titoli mhumiex ishma jew titoli trasferibbli oħra ekwivalenti għal ishma, jista’ jitħejja skont l-Artikolu 31 ta’ dan ir-Regolament.”;

(9)

fl-Artikolu 32(1), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

l-informazzjoni msemmija fit-taqsima 1 tal-Anness 24 u fit-taqsima 1 tal-Anness 26, jew l-informazzjoni msemmija fit-taqsima 1 tal-Anness 25 u fit-taqsima 1 tal-Anness 27 għal dan ir-Regolament, skont it-tip ta’ titoli;”;

(10)

fl-Artikolu 32(1), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

għal titoli ta’ ekwità, l-informazzjoni msemmija fl-entrata 2.1 tal-Anness 26 u, fejn titoli ta’ ekwità jinħarġu minn emittent b’kapitalizzazzjoni tas-suq’ il fuq minn EUR 200 000 000, l-informazzjoni msemmija fl-entrata 2.2 tal-Anness 26 ta’ dan ir-Regolament;”;

(11)

fl-Artikolu 32(1), jiżdiedu l-punti (p) u (q) li ġejjin:

“(p)

fejn l-informazzjoni dwar is-sehem sottostanti hija meħtieġa skont l-Artikolu 19(2), il-punt (b), l-Artikolu 19(3) jew l-Artikolu 20(2), il-punt (b) ta’ dan ir-Regolament, l-informazzjoni msemmija fit-taqsima 6 tal-Anness 26 ta’ dan ir-Regolament jew l-informazzjoni msemmija fit-taqsima 6 tal-Anness 27 ta’ dan ir-Regolament, skont it-tip ta’ titoli;

(q)

fejn l-emittent jew il-persuna responsabbli mit-tfassil ta’ prospett jaqblu mal-użu tiegħu kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2017/1129, l-informazzjoni msemmija fit-taqsima 7 tal-Anness 26 jew fit-taqsima 7 tal-Anness 27 ta’ dan ir-Regolament, skont it-tip ta’ titoli.”;

(12)

għandu jiddaħħal l-Artikolu 46a li ġej:

Artikolu 46a

Prospetti approvati bejn il-21 ta’ Lulju 2019 us-16 ta’ Settembru 2020

Prospetti li ġew approvati bejn il-21 ta’ Lulju 2019 u s-16 ta’ Settembru 2020, għandhom jibqgħu validi sa tmiem il-validità tagħhom.”;

(13)

L-Anness 1 hu emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(14)

L-Anness 3 hu emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(15)

L-Anness 4 hu emendat skont l-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

(16)

L-Anness 6 hu emendat skont l-Anness IV ta’ dan ir-Regolament;

(17)

L-Anness 7 hu emendat skont l-Anness V ta’ dan ir-Regolament.

(18)

L-Anness 8 hu emendat skont l-Anness VI ta’ dan ir-Regolament;

(19)

L-Anness 9 hu emendat skont l-Anness VII ta’ dan ir-Regolament;

(20)

L-Anness 16 hu emendat skont l-Anness VIII ta’ dan ir-Regolament;

(21)

L-Anness 24 hu emendat skont l-Anness IX ta’ dan ir-Regolament;

(22)

L-Anness 25 hu emendat skont fl-Anness X ta’ dan ir-Regolament;

(23)

L-Anness 26 hu emendat skont fl-Anness XI ta’ dan ir-Regolament;

(24)

L-Anness 27 hu emendat skont l-Anness XII ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Korrezzjonijiet għar-Regolament Delegat (UE) 2019/980

(1)

fl-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’li ġej:

“7.

Is-sommarju speċifiku jista’ juża sottointestaturi biex jippreżenta l-informazzjoni msemmija fit-taqsimiet 2, 3, u 4 tal-Anness 23 ta’ dan ir-Regolament.”;

(2)

fl-Artikolu 42(2), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

appendiċi fejn meħtieġ mill-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) 2017/1129, sakemm ma jkunx meħtieġ sommarju skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) ta’ dak ir-Regolament;”.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 1, il-punti (1) sa (8), u l-Artikolu 2 għandhom japplikaw mill-21 ta’ Lulju 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN

(1)   ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format, il-kontenut, l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (ĠU L 166, 21.6.2019, p. 26).

(3)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda d-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 596/2014 u (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-promozzjoni tal-użu ta’ swieq tat-tkabbir tal-SMEs (ĠU L 320, 11.12.2019, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

ANNESS I

It-Taqsima 18 tal-Anness 1 hija emendata kif ġej:

(1)

l-entrata 18.3.1 hija mibdula b’dan li ġej:

Entrata 18.3.1

L-informazzjoni finanzjarja storika annwali trid tiġi awditjata b’mod indipendenti. Ir-rapport tal-awditjar għandu jitħejja skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

Meta d-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 ma japplikawx, l-informazzjoni finanzjarja storika annwali trid tiġi awditjata jew irrappurtata fir-rigward ta’ jekk, għall-finijiet tad-dokument tar-reġistrazzjoni, tagħtix opinjoni vera u ġusta jew le skont l-istandards tal-awditjar applikabbli fi Stat Membru jew standard ekwivalenti.

(2)

tiddaħħal l-entrata li ġejja 18.3.1a:

Entrata 18.3.1 a

Meta rapporti ta’ awditjar dwar l-informazzjoni finanzjarja storika jkunu ġew irrifjutati mill-awdituri statutorji jew meta jinkludu kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet, trid tingħata r-raġuni, u dawn il-kwalifiki, modifiki, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet iridu jiġu riprodotti fl-intier tagħhom.”.

ANNESS II

It-Taqsima 11 tal-Anness 3 hija emendata kif ġej:

(1)

entrata 11.2.1 hija mibdula b’dan li ġej:

Entrata 11.2.1

Ir-rapport tal-verifika

Ir-rapporti finanzjarji annwali jridu jiġu awditjati b’mod indipendenti. Ir-rapport tal-awditjar għandu jitħejja skont id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014.

Meta d-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 ma japplikawx, il-kontijiet finanzjarji annwali jridu jiġu awditjati jew irrappurtati fir-rigward ta’ jekk, għall-finijiet tad-dokument tar-reġistrazzjoni, tagħtix opinjoni vera u ġusta jew le skont l-istandards tal-awditjar applikabbli fi Stat Membru jew standard ekwivalenti. Inkella, l-informazzjoni li ġejja trid tiġi inkluża fid-dokument ta’ reġistrazzjoni:

(a)

dikjarazzjoni prominenti li tiddivulga liema standards ta’ awditjar ġew applikati;

(b)

spjegazzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza sinifikanti tal-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar.”;

(2)

tiddaħħal l-entrata li ġejja 11.2.1a:

Entrata 11.2.1 a

Meta rapporti ta’ awditjar dwar il-kontijiet finanzjarji annwalijkunu ġew irrifjutati mill-awdituri statutorji jew meta jinkludu kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet, trid tingħata r-raġuni, u dawn il-kwalifiki, modifiki, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet iridu jiġu riprodotti fl-intier tagħhom.”.

ANNESS III

Fl-Anness 4, l-introduzzjoni li tippreċedi t-Taqsima 1 tinbidel b’dan li ġej:

“Minbarra l-informazzjoni meħtieġa f’dan l-Anness, intrapriża ta’ investiment kollettiv trid tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa fit-taqsimiet/punti 1, 2, 3, 4, 6, 7.1, 7.2.1, 8.4, 9 (għalkemm id-deskrizzjoni tal-ambjent regolatorju li l-emittent jopera fih jeħtieġ li tirrelata biss mal-ambjent regolatorju rilevanti għall-investimenti tal-emittent), 11, 12, 13, 14, 15.2, 16, 17, 18 (minbarra l-informazzjoni finanzjarja pro forma), 19, 20, 21 tal-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament, jew, fejn l-intrapriża ta’ investiment kollettiv tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2017/1129, l-informazzjoni li ġejja kif meħtieġ skont il-paragrafi u taqsimiet/punti 1, 2, 3, 4, 7, 8, 9, 10, 11 (ħlief għal informazzjoni finanzjarja pro forma), 12, 13, 14 u 15 fl-Anness 3 ta’ dan ir-Regolament.

Fejn unitajiet jinħarġu minn intrapriża ta’ investiment kollettiv li hija kostitwita bħala fond komuni ġestit minn maniġer tal-fond, l-informazzjoni msemmija fit-taqsimiet/punti 6, 12, 13, 14, 15.2, 16 u 20 tal-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi divulgata fir-rigward tal-maniġer tal-fond, filwaqt li l-informazzjoni msemmija fil-punti 2, 4 u 18 tal-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi divulgata fir-rigward kemm tal-fond kif ukoll tal-maniġer tal-fond.”.

ANNESS IV

It-Taqsima 11 tal-Anness 6 hija emendata kif ġej:

(1)

entrata 11.3.1 hija mibdula b’dan li ġej:

“Entrata 11.3.1

L-informazzjoni finanzjarja storika annwali trid tiġi awditjata b’mod indipendenti. Ir-rapport tal-awditjar għandu jitħejja skont id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014.

Meta d-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 ma japplikawx, l-informazzjoni finanzjarja storika trid tiġi awditjata jew irrappurtata fir-rigward ta’ jekk, għall-finijiet tad-dokument tar-reġistrazzjoni, tagħtix opinjoni vera u ġusta jew le skont l-istandards tal-awditjar applikabbli fi Stat Membru jew standard ekwivalenti.”;

(2)

tiddaħħal l-entrata li ġejja 11.3.1a:

“Entrata 11.3.1a

Meta rapporti ta’ awditjar dwar l-informazzjoni finanzjarja storika jkunu ġew irrifjutati mill-awdituri statutorji jew meta jinkludu kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet, trid tingħata r-raġuni, u dawn il-kwalifiki, modifiki, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet iridu jiġu riprodotti fl-intier tagħhom.”.

ANNESS V

It-Taqsima 11 tal-Anness 7 hija emendata kif ġej:

(1)

entrata 11.2.1 hija mibdula b’dan li ġej:

“Entrata 11.2.1

L-informazzjoni finanzjarja storika annwali trid tiġi awditjata b’mod indipendenti. Ir-rapport tal-awditjar għandu jitħejja skont id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014.

Meta d-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 ma japplikawx, l-informazzjoni finanzjarja storika trid tiġi awditjata jew irrappurtata fir-rigward ta’ jekk, għall-finijiet tad-dokument tar-reġistrazzjoni, tagħtix opinjoni vera u ġusta jew le skont l-istandards tal-awditjar applikabbli fi Stat Membru jew standard ekwivalenti. Inkella, l-informazzjoni li ġejja trid tiġi inkluża fid-dokument ta’ reġistrazzjoni:

(a)

dikjarazzjoni prominenti li tiddivulga liema standards ta’ awditjar ġew applikati;

(b)

spjegazzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza sinifikanti tal-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar.”;

(2)

tiddaħħal l-entrata li ġejja 11.2.1a:

“Entrata 11.2.1a

Meta rapporti ta’ awditjar dwar l-informazzjoni finanzjarja storika jkunu ġew irrifjutati mill-awdituri statutorji jew meta jinkludu kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet, trid tingħata r-raġuni, u dawn il-kwalifiki, modifiki, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet iridu jiġu riprodotti fl-intier tagħhom.”.

ANNESS VI

It-Taqsima 10 tal-Anness 8 hija emendata kif ġej:

(1)

entrata 10.2.1 hija mibdula b’dan li ġej:

“Entrata 10.2.1

Ir-rapport tal-verifika

Ir-rapporti finanzjarji annwali jridu jiġu awditjati b’mod indipendenti. Ir-rapport tal-awditjar għandu jitħejja skont id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014.

Meta d-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 ma japplikawx, il-kontijiet finanzjarji annwali jridu jiġu awditjati jew irrappurtati fir-rigward ta’ jekk, għall-finijiet tad-dokument tar-reġistrazzjoni, tagħtix opinjoni vera u ġusta jew le skont l-istandards tal-awditjar applikabbli fi Stat Membru jew standard ekwivalenti. Inkella, l-informazzjoni li ġejja trid tiġi inkluża fid-dokument ta’ reġistrazzjoni:

(a)

dikjarazzjoni prominenti li tiddivulga liema standards ta’ awditjar ġew applikati;

(b)

spjegazzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza sinifikanti tal-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar.”;

(2)

tiddaħħal l-entrata li ġejja 10.2.1a:

Entrata 10.2.1 a

Meta rapporti ta’ awditjar dwar il-kontijiet finanzjarji annwali jkunu ġew irrifjutati mill-awdituri statutorji jew meta jinkludu kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet, trid tingħata r-raġuni, u dawn il-kwalifiki, modifiki, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet iridu jiġu riprodotti fl-intier tagħhom.”.

ANNESS VII

It-Taqsima 8 tal-Anness 9 hija emendata kif ġej:

(1)

L-entrata 8.2.a.3 tinbidel b’dan li ġej:

“Entrata 8.2.a.3

Ir-rapport tal-verifika

L-informazzjoni finanzjarja storika annwali trid tiġi awditjata b’mod indipendenti. Ir-rapport tal-awditjar għandu jitħejja skont id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014.

Meta d-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 ma japplikawx, l-informazzjoni finanzjarja storika trid tiġi awditjata jew irrappurtata fir-rigward ta’ jekk, għall-finijiet tad-dokument tar-reġistrazzjoni, tagħtix opinjoni vera u ġusta jew le skont l-istandards tal-awditjar applikabbli fi Stat Membru jew standard ekwivalenti. Inkella, l-informazzjoni li ġejja trid tiġi inkluża fid-dokument ta’ reġistrazzjoni:

(a)

dikjarazzjoni prominenti li tiddivulga liema standards ta’ awditjar ġew applikati;

(b)

spjegazzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza sinifikanti tal-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar.”;

(2)

tiddaħħal l-entrata li ġejja 8.2.a.4:

“Entrata 8.2.a.4

Dikjarazzjoni li l-informazzjoni finanzjarja storika tkun ġiet awditjata. Meta rapporti ta’ awditjar dwar l-informazzjoni finanzjarja storika jkunu ġew irrifjutati mill-awdituri statutorji jew meta jinkludu kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet, trid tingħata r-raġuni, u dawn il-kwalifiki, modifiki, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet iridu jiġu riprodotti fl-intier tagħhom.”.

ANNESS VIII

L-Anness 16 qed jiġi emendat kif ġej:

(1)

il-partita 4.1 tinbidel b’dan li ġej:

“Entrata 4.1

(a)

deskrizzjoni tat-tip, klassi u ammont ta’ titoli li qed jiġu offruti lill-pubbliku u/jew ammessi għall-kummerċ;

(b)

in-numru internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (“ISIN”) tat-titoli li qed jiġu offruti u/jew ammessi għall-kummerċ.”;

Kategorija B

Kategorija C

(2)

tiddaħħal l-entrata li ġejja 7.3.a:

“Entrata 7.3.a

(Bl-imnut biss)

Fejn is-sommarju huwa sostitwit parzjalment bl-informazzjoni stabbilita fil-punti (c) sa (i) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014, jeħtieġ li tiġi divulgata din l-informazzjoni kollha, sal-punt li mhix diġà divulgata xi mkien ieħor fin-nota tat-titoli.”.

Kategorija C

ANNESS IX

It-Taqsima 5 tal-Anness 24 hija emendata kif ġej:

(1)

entrata 5.3.1 hija mibdula b’dan li ġej:

“Entrata 5.3.1

L-informazzjoni finanzjarja storika annwali trid tiġi awditjata b’mod indipendenti. Ir-rapport tal-awditjar għandu jitħejja skont id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014.

Meta d-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 ma japplikawx, l-informazzjoni finanzjarja storika trid tiġi awditjata jew irrappurtata fir-rigward ta’ jekk, għall-finijiet tad-dokument tar-reġistrazzjoni, tagħtix opinjoni vera u ġusta jew le skont l-istandards tal-awditjar applikabbli fi Stat Membru jew standard ekwivalenti.”;

(2)

tiddaħħal l-entrata li ġejja 5.3.1a:

Entrata 5.3.1a

Meta rapporti ta’ awditjar dwar l-informazzjoni finanzjarja storika jkunu ġew irrifjutati mill-awdituri statutorji jew meta jinkludu kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet, trid tingħata r-raġuni, u dawn il-kwalifiki, modifiki, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet iridu jiġu riprodotti fl-intier tagħhom.”;

ANNESS X

It-Taqsima 5 tal-Anness 25 hija emendata kif ġej:

(1)

entrata 5.3.1 hija mibdula b’dan li ġej:

“Entrata 5.3.1

L-informazzjoni finanzjarja storika annwali trid tiġi awditjata b’mod indipendenti. Ir-rapport tal-awditjar għandu jitħejja skont id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014.

Meta d-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 ma japplikawx, l-informazzjoni finanzjarja storika trid tiġi awditjata jew irrappurtata fir-rigward ta’ jekk, għall-finijiet tad-dokument tar-reġistrazzjoni, tagħtix opinjoni vera u ġusta jew le skont l-istandards tal-awditjar applikabbli fi Stat Membru jew standard ekwivalenti.”;

(2)

tiddaħħal l-entrata li ġejja 5.3.1a:

“Entrata 5.3.1a

Meta rapporti ta’ awditjar dwar l-informazzjoni finanzjarja storika jkunu ġew irrifjutati mill-awdituri statutorji jew meta jinkludu kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet, trid tingħata r-raġuni, u dawn il-kwalifiki, modifiki, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet iridu jiġu riprodotti fl-intier tagħhom.”.

ANNESS XI

L-Anness 26 qed jiġi emendat kif ġej:

(1)

It-Taqsima 2 tinbidel b’ dan li ġej:

“TAQSIMA 2

DIKJARAZZJONI TAL-KAPITAL OPERATORJU U DIKJARAZZJONI TAL-KAPITALIZZAZZJONI U D-DEJN

Id-divulgazzjoni taħt din it-taqsima tipprovdi informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-kapital operatorju tal-emittent u l-kapitalizzazzjoni u d-dejn tiegħu.

Entrata 2.1

Dikjarazzjoni tal-kapital operatorju

Dikjarazzjoni mill-emittent, li fl-opinjoni tiegħu, il-kapital li jdur huwa suffiċjenti għar-rekwiżiti preżenti tal-emittent jew, jekk le, kif jipproponi li jipprovdi l-kapital li jdur addizzjonali meħtieġ.

Entrata 2.2

Emittenti b’kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ iżjed minn EUR 200 000 000 biss

Kapitalizzazzjoni u d-dejn

Dikjarazzjoni tal-kapitalizzazzjoni u d-dejn (issir distinzjoni bejn garantit u mhux garantit, dejn garantit u mhux garantit) minn data mhux qabel 90 jum qabel id-data tad-dokument. It-terminu “dejn” jinkludi wkoll dejn indirett u kontinġenti ta’ pożizzjoni ta’ dejn.

Fil-każ ta’ bidliet materjali fil-pożizzjoni tal-kapitalizzazzjoni u d-dejn tal-emittent fi żmien il-perjodu ta’ 90 jum, għandha tingħata informazzjoni addizzjonali permezz tal-preżentazzjoni ta’ deskrizzjoni narrattiva ta’ tali bidliet jew permezz tal-aġġornament ta’ dawk iċ-ċifri.”;

(2)

tiddaħħal l-entrata li ġejja 4.2:

“Entrata 4.2

Fil-każ tal-ħruġ ta’ ishma bil-warrants, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(2).”;

(3)

it-taqsimiet 6 u 7 li ġejjin huma miżjuda:

“TAQSIMA 6

INFORMAZZJONI SOTTOSTANTI DWAR IS-SEHEM (FEJN APPLIKABBLI)

Entrata 6.1

Fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fl-Anness 18.

TAQSIMA 7

INFORMAZZJONI DWAR IL-KUNSENS (FEJN APPLIKABBLI)

Entrata 7.1

Meta l-emittent jew il-persuna responsabbli biex tfassal prospett jagħtu kunsens biex jintuża kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2017/1129, l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)

l-informazzjoni msemmija fit-taqsimiet 1 u 2 A tal-Anness 22 ta’ dan ir-Regolament fejn ingħata kunsens lil intermedju finanzjarju speċifiku wieħed jew aktar;

(b)

l-informazzjoni msemmija fit-taqsimiet 1 u 2B tal-Anness 22 ta’ dan ir-Regolament fejn ingħata kunsens lill-intermedji finanzjarji kollha.”.

ANNESS XII

L-Anness 27 qed jiġi emendat kif ġej:

(1)

it-taqsima 3 hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata 3.1.17 hija mħassra;

(b)

tiddaħħal l-entrata li ġejja 3.2:

“Entrata 3.2

Informazzjoni dwar titoli ta’ derivattivi

Fil-każ ta’ ħruġ ta’ titoli derivattivi, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

għal titoli derivattivi msemmija fl-Artikolu 20(1), l-informazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu;

(b)

għal titoli derivattivi msemmija fl-Artikolu 20(2), l-informazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu;

(c)

għal titoli derivattivi msemmija fl-Artikolu 20(3), l-informazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu.”;

(2)

it-taqsimiet 6 u 7 li ġejjin huma miżjuda:

“TAQSIMA 6

INFORMAZZJONI SOTTOSTANTI DWAR IS-SEHEM (FEJN APPLIKABBLI)

Entrata 6.1

(a)

Fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fil-punti 2.1 u 2.2 tal-Anness 26 fir-rigward tal-emittent tas-sehem sottostanti.

1.1.

l-informazzjoni msemmija fit-taqsimiet 1 u 2B tal-Anness 22 ta’ dan ir-Regolament fejn ingħata kunsens lill-intermedji finanzjarji kollha.”.