11.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1263

tal-10 ta’ Settembru 2020

li japprova s-sustanza attiva idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza b’riskju baxx f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(1) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Marzu 2016, f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 l-Awstrija rċeviet applikazzjoni minn BIOFA AG għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva idroġenu karbonat tas-sodju. Fil-21 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni ġiet infurmata bit-trasferiment bid-drittijiet tad-detentur tal-applikazzjoni minn Biofa AG għal SCC Legal GmbH.

(2)

Fis-26 ta’ April 2016, b’konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Awstrija, bħala Stat Membru relatur, innotifikat lill-applikant, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni.

(3)

Fis-7 ta’ Settembru 2017 l-Istat Membru relatur ressaq abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni b’kopja lill-Awtorità, li jivvaluta jekk is-sustanza attiva hix mistennija tissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(4)

L-Awtorità kienet konformi mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. F’konformità mal-Artikolu 12(3) ta’ dak ir-Regolament, hija talbet li l-applikant jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità. Il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali mill-Istati Membru relatur tressqet lill-Awtorità fil-forma ta’ abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni aġġornat f’Ġunju 2018.

(5)

Fis-17 ta’ Awwissu 2018, l-Awtorità kkomunikat mal-applikant, l-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (2) dwar jekk is-sustanza attiva idroġenu karbonat tas-sodju hux mistenni jissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-Awtorità għamlet il-konklużjoni tagħha disponibbli għall-pubbliku.

(6)

Fl-24-25 ta’ Jannar 2019 il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ rieżami għall-idroġenu karbonat tas-sodju lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, li jipprevedi li l-idroġenu karbonat tas-sodju jiġi approvat.

(7)

L-applikant ingħata l-possibbiltà li jressaq kummenti dwar ir-rapport ta’ rieżami.

(8)

F’dak li jirrigwarda l-użu rappreżentattiv wieħed jew iktar ta’ mill-inqas prodott għall-protezzjoni tal-pjanti wieħed li fih is-sustanza attiva, u b’mod partikolari l-użi li ġew eżaminati u ddettaljati fir-rapport ta’ rieżami, ġie stabbilit li l-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati.

(9)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-idroġenu karbonat tas-sodju huwa sustanza attiva b’riskju baxx skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-idroġenu karbonat tas-sodju mhux sustanza ta’ tħassib u tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II tal-punt 5 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(10)

Għalhekk huwa xieraq li s-sustanza idroġenu karbonat tas-sodju jiġi approvat bħala sustanza ta’ riskju baxx.

(11)

F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku, jeħtieġ li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet.

(12)

F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3) jiġi emendat kif xieraq.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni ta’ sustanza attiva

Is-sustanza attiva idroġenu karbonat tas-sodju, kif speċifikat fl-Anness I, hija approvata skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)   EFSA Journal 2018;16(9):5407.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Karbonat idroġenat tas-sodju

Nru CAS: 144-55-8

Karbonat idroġenat tas-sodju

≥ 990 g/kg

Arseniku ≤ 3 mg/kg

Ċomb ≤ 2 mg/kg

Merkurju ≤ 1 mg/kg

l-1 ta’ Ottubru 2020

l-1 ta’ Ottubru 2035

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-karbonat idroġenat tas-sodju, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.


ANNESS II

Fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

 

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità  (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“24

Karbonat idroġenat tas-sodju

Nru CAS: 144-55-8

Karbonat idroġenat tas-sodju

≥ 990 g/kg

Arseniku ≤ 3 mg/kg

Ċomb ≤ 2 mg/kg

Merkurju ≤ 1 mg/kg

l-1 ta’ Ottubru 2020

l-1 ta’ Ottubru 2035

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-karbonat idroġenat tas-sodju, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.