31.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1234

tad-9 ta’ Ġunju 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 139/2014 fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-proċeduri għad-dikjarazzjoni minn organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment ta’ servizzi ta’ mmaniġġjar tar-rampa

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 39(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 (2) jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi relatati mal-ajrudromi u mal-forniment ta’ servizzi ta’ mmaniġġjar tar-rampa (“AMS”). Madankollu, dak ir-Regolament fih għadd limitat ta’ dispożizzjonijiet li jindirizzaw il-provvista sikura ta’ dak is-servizz. Għalhekk jenħtieġ li jiġi previst sett iddedikat ta’ rekwiżiti addizzjonali, bħala subparti tal-operazzjonijiet tal-ajrudromi.

(2)

L-Anness II (Parti-ADR.AR) tar-Regolament 139/2014 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-immaniġġjar u s-sorveljanza tal-organizzazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti. Dan l-Anness jenħtieġ li jiġi emendat biex jagħti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jiġu forniti l-AMS, is-setgħat li tirċievi u li tirreġistra d-dikjarazzjonijiet ta’ kapaċità ppreżentati mill-organizzazzjonijiet responsabbli mill-għoti ta’ servizzi ta’ mmaniġġjar tar-rampa.

(3)

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza fl-ajrudromi, ir-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment ta’ AMS jenħtieġ li jiġu allinjati ma’ dawk applikabbli għall-operaturi tal-ajrudromi u b’mod partikolari mar-rekwiżiti għall-immaniġġjar tas-sikurezza, il-proċeduri operazzjonali u l-persunal.

(4)

Jenħtieġ li jiġu previsti wkoll ir-rekwiżiti għall-immaniġġjar tal-interfaċċi relatati mas-sikurezza bejn l-operatur tal-ajrudrom, l-organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment ta’ AMS u l-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru fir-rigward tal-operazzjonijiet fuq ir-rampa.

(5)

Sabiex jingħata kontribut għas-sikurezza tal-operazzjonijiet fuq rampa, jenħtieġ li jiġu previsti proċeduri operazzjonali speċifiċi applikabbli għall-operatur tal-ajrudrom. L-operatur tal-ajrudrom jenħtieġ li jkun jista’ jalloka responsabbiltajiet lil organizzazzjonijiet oħra.

(6)

L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ħejjiet abbozz ta’ regoli u ppreżentatu mal-Opinjoni Nru 2/2014 (3) f’konformità mal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 75(2) u mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 139/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(h)

il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għad-dikjarazzjoni minn u għas-sorveljanza tal-organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment tas-servizzi tal-immaniġġjar tar-rampa msemmija fl-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) kif stabbilit fl-Annessi II u III.”;

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).’;"

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

L-operaturi tal-ajrudromi u l-organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment tas-servizzi tal-immaniġġjar tar-rampa għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi III u IV.”;

(c)

il-paragrafu 4 jitħassar;

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sorveljanza”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

L-Istati Membri għandhom jaħtru entità waħda jew aktar bħala l-Awtorità(jiet) Kompetenti f’dak l-Istat Membru bis-setgħat u r-responsabbiltajiet meħtieġa għaċ-ċertifikazzjoni u għas-sorveljanza ta’ ajrudromi u operaturi tal-ajrudromi, għall-ilqugħ tad-dikjarazzjonijiet u għas-sorveljanza tal-fornituri tas-servizzi tal-immaniġġjar tar-rampa, kif ukoll tal-persunal involut fihom.”;

(3)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 5 jitħassar;

(4)

L-Anness II huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(5)

L-Anness III huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(6)

L-Anness IV huwa emendat skont l-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-20 ta’ Marzu 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 44, 14.2.2014, p. 1).

(3)  https://www.easa.europa.eu/document-library/opinions


ANNESS I

L-Anness II (Parti-ADR.AR) tar-Regolament (UE) Nru 139/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt ADR.AR.A.001 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ADR.AR.A.001 Kamp ta’ applikazzjoni

Dan l-Anness jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-Awtoritajiet Kompetenti responsabbli minn:

(a)

iċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza tal-ajrudromi u tal-operaturi tal-ajrudromi;

(b)

ir-riċeviment tad-dikjarazzjonijiet ta’ kapaċità u disponibbiltà tal-mezzi biex jitwettqu r-responsabbiltajiet mill-organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment ta’ servizzi tal-immaniġġjar tar-rampa u s-sorveljanza tagħhom.”;

(2)

fil-punt ADR.AR.A.005, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

ir-riċeviment tad-dikjarazzjonijiet ta’ kapaċità u disponibbiltà tal-mezzi biex jitwettqu r-responsabbiltajiet mill-organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment ta’ servizzi tal-immaniġġjar tar-rampa u s-sorveljanza tagħhom.”;

(3)

fil-punt ADR.AR.A.010, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

L-Awtorità Kompetenti għandha tagħmel disponibbli l-atti leġiżlattivi, l-istandards, ir-regoli, il-pubblikazzjonijiet tekniċi u d-dokumenti relatati għall-operaturi tal-ajrudromi, għall-organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment ta’ AMS u għal partijiet interessati oħrajn biex jiffaċilitaw il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti applikabbli.”;

(4)

il-punt ADR.AR.A.015(d) huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

L-Awtorità Kompetenti għandha tevalwa l-mezzi alternattivi ta’ konformità proposti minn operatur tal-ajrudrom jew minn organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS, f’konformità mal-punt ADR.OR.A.015, billi tanalizza d-dokumentazzjoni pprovduta u, jekk jitqies bħala meħtieġ, billi tagħmel spezzjoni tal-operatur tal-ajrudrom, tal-ajrudrom jew tal-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS.”;

(b)

fit-tieni paragrafu, il-punt (4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(4)

tinforma lill-ajrudromi ċċertifikati u lill-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS taħt is-sorveljanza tagħha, kif xieraq.”;

(5)

il-punt ADR.AR.A.030 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

L-Awtorità Kompetenti għandha timplimenta sistema biex tiġbor, tanalizza u xxerred b’mod xieraq l-informazzjoni dwar is-sikurezza f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rapportar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).”;"

(b)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

Il-miżuri meħuda f’konformità mal-punt (c) għandhom jiġu nnotifikati minnufih lill-operaturi tal-ajrudromi jew lill-organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment ta’ AMS li jeħtieġ li jkunu konformi magħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tagħhom. L-Awtorità Kompetenti għandha tinnotifika wkoll b’dawk il-miżuri lill-Aġenzija u, meta tkun meħtieġa azzjoni kkombinata, lill-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati.”;

(c)

jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

Il-miżuri nnotifikati lil organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandhom jiġu nnotifikati wkoll lill-operatur tal-ajrudrom fejn jiġi pprovdut is-servizz.”;

(6)

fil-punt ADR.AR.A.040, jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

Id-direttivi dwar is-sikurezza nnotifikati lill-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandhom jiġu nnotifikati wkoll lill-operatur tal-ajrudrom fejn jiġi pprovdut is-servizz.”;

(7)

fil-punt ADR.AR.B.005, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

L-Awtorità Kompetenti għandha tistabbilixxi proċeduri għall-parteċipazzjoni fi skambju reċiproku tal-informazzjoni u l-assistenza kollha meħtieġa ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn ikkonċernati, inkluża informazzjoni dwar is-sejbiet kollha mqajma, l-azzjonijiet korrettivi ta’ segwitu meħuda b’reazzjoni għal dawn is-sejbiet, u l-miżuri ta’ infurzar meħuda bħala riżultat tas-sorveljanza tal-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS irreġistrati f’aktar minn Stat Membru wieħed.”;

(8)

fil-punt ADR.AR.B.020(a), il-punt (11) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(11)

l-użu ta’ dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà f’konformità mal-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2018/1139.”;

(9)

fil-punt ADR.AR.C.005(a), il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

il-konformità kontinwa mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni u r-rekwiżiti applikabbli tal-ajrudromi u tal-operaturi tal-ajrudromi jew tal-organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment ta’ AMS; u”;

(10)

il-punt ADR.AR.C.010 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), il-frażi introduttorja hija sostitwita b’din li ġejja:

“(a)

L-Awtorità Kompetenti għandha, għal kull operatur tal-ajrudrom u għal kull organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS:”;

(b)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

Il-programm ta’ sorveljanza u ċ-ċiklu tal-ippjanar għandhom jirriflettu l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-operatur tal-ajrudrom jew tal-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS, rispettivament, kif ukoll l-esponiment għar-riskju tal-ajrudrom.”;

(11)

fil-punt ADR.AR.C.040, it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ADR.AR.C.040 Bidliet — operatur tal-ajrudrom”;

(12)

il-punt ADR.AR.C.050 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ADR.AR.C.050 Dikjarazzjoni tal-organizzazzjonijiet responsabbli mill-forniment ta’ AMS u n-notifika ta’ bidla

(a)

Malli tirċievi dikjarazzjoni minn organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS li jkollha l-ħsieb li tipprovdi tali servizz f’ajrudrom, jew malli tirċievi notifika ta’ bidla fl-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni, l-Awtorità Kompetenti għandha tirrikonoxxi li rċeviet id-dikjarazzjoni jew in-notifika ta’ bidla, u għandha tivverifika li d-dikjarazzjoni jew in-notifika jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Anness III (Parti-ADR.OR).

(b)

Jekk id-dikjarazzjoni jew in-notifika ta’ bidla ma jkunx fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont il-punt ADR.OR.F.005 tal-Anness III, jew ikun fiha informazzjoni li ma tkunx konformi mar-rekwiżiti applikabbli, l-Awtorità Kompetenti għandha tinnotifika lill-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS u lill-operatur tal-ajrudrom fejn jiġi pprovdut tali servizz dwar in-nuqqas ta’ konformità u titlob aktar informazzjoni. Jekk jitqies li huwa meħtieġ, l-awtorità kompetenti għandha twettaq spezzjoni fuq l-organizzazzjoni. Jekk in-nuqqas ta’ konformità jiġi kkonfermat, l-Awtorità Kompetenti għandha tieħu azzjoni kif definit fil-punt ADR.AR.C.055 ta’ dan l-Anness.

(c)

L-Awtorità Kompetenti għandha żżomm reġistru tad-dikjarazzjonijiet u tan-notifiki ta’ bidla tal-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS taħt is-sorveljanza tagħha.”;

(13)

fil-punt ADR.AR.C.055, jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f)

Kwalunkwe sejba maħruġa fir-rigward ta’ organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS jew kwalunkwe osservazzjoni magħmula lill-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tiġi nnotifikata mill-Awtorità Kompetenti lill-operatur tal-ajrudrom fejn jiġi pprovdut tali servizz.”


(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rapportar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).”;”


ANNESS II

L-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 139/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-titolu tal-Anness III huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Parti Rekwiżiti tal-Organizzazzjoni (Parti-ADR.OR)”;

(2)

it-titolu tas-Subparti B huwa sostitwit b’dan li ġej:

“SUBPARTI B – ĊERTIFIKAZZJONI – AJRUDROMI U OPERATURI TAL-AJRUDROMI (ADR.OR.B)”;

(3)

il-punt ADR.OR.B037 huwa mħassar;

(4)

il-punt ADR.OR.B060 huwa mħassar;

(5)

jiżdied il-punt ADR.OR.B.070 li ġej:

“ADR.OR.B.070 Terminazzjoni tal-forniment ta’ servizz tal-immaniġġjar tar-rampa

L-operatur tal-ajrudrom għandu:

(a)

jieħu l-miżuri xierqa biex jiżgura li r-riskji tas-sikurezza li jirriżultaw mit-terminazzjoni tal-operazzjoni jkunu ġew ivvalutati u mitigati;

(b)

jipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri msemmija fil-punt (a) lill-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika xierqa.”;

(6)

fil-punt ADR.OR.C.015, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’din li ġejja:

“Għall-fini tad-determinazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti rilevanti fir-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, operatur ta’ ajrudrom għandu jagħti aċċess lil kwalunkwe persuna awtorizzata mill-Awtorità Kompetenti għal:”;

(7)

fil-punt ADR.OR.C.020, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’din li ġejja:

“Wara li jkun irċieva notifika tas-sejbiet, l-operatur tal-ajrudrom għandu:”;

(8)

il-punt ADR.OR.C.025 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ADR.OR.C.025 Reazzjoni immedjata għal problema ta’ sikurezza — konformità mad-direttivi dwar is-sikurezza

L-operatur tal-ajrudrom għandu jimplimenta kwalunkwe miżura ta’ sikurezza, inklużi d-direttivi dwar is-sikurezza, meħuda mill-Awtorità Kompetenti f’konformità mal-punti ADR.AR.A.030(c) u ADR.AR.A.040 tal-Anness II.”;

(9)

Il-punt ADR.OR.C.030 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jirrapporta lill-Awtorità Kompetenti u lil kwalunkwe organizzazzjoni oħra meħtieġa mill-Istat fejn jinsab l-ajrudrom, kwalunkwe aċċident, inċident serju u okkorrenza kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u fir-Regolament (UE) Nru 376/2014.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).”;"

(b)

il-punti (d) u (e) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(d)

Ir-rapporti għandhom isiru mill-operatur tal-ajrudrom fi żmien 72 siegħa minn dak il-ħin li jsir konxju tal-okkorrenza li magħha huwa relatat ir-rapport, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jipprevjenu dan.

(e)

Fejn ikun rilevanti, l-operatur tal-ajrudrom għandu jipproduċi rapport ta’ segwitu biex jipprovdi d-dettalji tal-azzjonijiet li jkollu l-ħsieb li jieħu biex jevita okkorrenzi simili fil-ġejjieni, hekk kif dawk l-azzjonijiet ikunu ġew identifikati. Dak ir-rapport għandu jiġi prodott f’forma u b’mod stabbiliti mill-Istat Membru.”;

(10)

it-titolu tas-Subparti D huwa sostitwit b’dan li ġej:

“SUBPARTI D – IMMANIĠĠJAR – OPERATURI TAL-AJRUDROMI (ADR.OR.D)”;

(11)

tiżdied is-Subparti F li ġejja:

“SUBPARTI F – IS-SERVIZZ TAL-IMMANIĠĠJAR TAR-RAMPA (ADR.OR.F)

ADR.OR.F.001 Ir-responsabbiltajiet tal-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tipprovdi s-servizz tal-immaniġġjar tar-rampa f’konformità ma’:

(a)

ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-Anness III (Parti-ADR.OR) u fl-Anness IV (Parti-ADR.OPS) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

id-dikjarazzjoni tagħha;

(c)

il-proċeduri operattivi inklużi fil-manwal tal-ajrudrom;

(d)

il-manwal tas-sistema tal-immaniġġjar tagħha f’konformità mal-punt ADR.OR.F.095;

(e)

kwalunkwe manwal ieħor użat għall-forniment ta’ servizz tal-immaniġġjar tar-rampa.

ADR.OR.F.005 Dikjarazzjoni tal-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS

(a)

Meta organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS ikollha l-ħsieb li tipprovdi gwida lill-inġenji tal-ajru kif stipulat fil-punti a(1) u a(2) tal-punt ADR.OPS.D.001 bħala minimu, hija għandha tissottometti dikjarazzjoni lill-Awtorità Kompetenti mill-inqas xahrejn qabel id-data tal-bidu intenzjonat tal-forniment tas-servizz. Id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(1)

l-isem tal-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS;

(2)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS;

(3)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-maniġer responsabbli;

(4)

l-isem/ismijiet tal-ajrudrom(i) fl-Istat Membru fejn ser jiġi pprovdut is-servizz;

(5)

lista ta’ ajrudromi li jinsabu fi Stati Membri oħrajn fejn jiġi pprovdut is-servizz;

(6)

id-data tal-bidu intenzjonat tal-forniment tas-servizz tal-immaniġġjar tar-rampa;

(7)

dikjarazzjoni li tikkonferma li hija stabbilixxiet arranġamenti formali mal-operatur tal-ajrudrom u mal-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru fl-ajrudrom fejn ikollha l-ħsieb li tipprovdi s-servizz tal-immaniġġjar tar-rampa;

(8)

dikjarazzjoni li tikkonferma li l-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS żviluppat politika dwar is-sikurezza u ser tapplika dik il-politika matul il-forniment tas-servizz kopert mid-dikjarazzjoni, f’konformità mal-punt ADR.OR.F.045(b)(2);

(9)

dikjarazzjoni li tikkonferma li l-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS hija konformi u, matul il-forniment tas-servizz kopert mid-dikjarazzjoni, ser tkompli tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2018/1139 u tal-Anness III (Parti-ADR.OR) u tal-Anness IV (Parti-ADR.OPS) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

B’deroga mill-punt (a), meta operatur tal-ajrudrom iċċertifikat jew fornitur approvat ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru jkollu l-ħsieb li jipprovdi servizz tal-immaniġġjar tar-rampa, huwa għandu:

(1)

jinnotifika lill-Awtorità Kompetenti tiegħu;

(2)

jirrevedi l-politika tas-sikurezza tiegħu sabiex tinkludi l-forniment ta’ servizz tal-immaniġġjar tar-rampa;

(3)

jissottometti lill-Awtorità Kompetenti l-programm ta’ taħriġ tal-persunal maħsub biex jintuża għall-forniment tas-servizz.

ADR.OR.F.010 Il-validità kontinwa tad-dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni magħmula minn organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS f’konformità mal-punt ADR.OR.F.005 għandha tibqa’ valida soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-Anness III (Parti-ADR.OR) u fl-Anness IV (Parti-ADR.OPS) ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis id-dispożizzjonijiet relatati mat-trattament tas-sejbiet kif speċifikati taħt il-punt ADR.OR.F.035 ta’ dan l-Anness;

(b)

l-Awtorità Kompetenti tingħata aċċess għall-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS f’konformità mal-punt ADR.OR.F.030 ta’ dan l-Anness biex tiddetermina l-konformità kontinwa mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-Anness III (Parti-ADR.OR) u fl-Anness IV (Parti-ADR.OPS) ta’ dan ir-Regolament;

(c)

id-dikjarazzjoni ma tkunx ġiet irtirata mill-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS jew innotifikata mill-Awtorità Kompetenti dwar il-waqfien ta’ wħud mis-servizzi jew tas-servizzi kollha koperti mid-dikjarazzjoni.

ADR.OR.F.015 Il-bidu tal-forniment ta’ servizz tal-immaniġġjar tar-rampa

Organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tibda l-forniment tas-servizz tal-immaniġġjar tar-rampa f’ajrudrom, meta:

(a)

id-dikjarazzjoni tkun ġiet riċevuta mill-Awtorità Kompetenti;

(b)

hija tkun stabbilixxiet arranġamenti formali mal-operatur tal-ajrudrom iċċertifikat u mal-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru approvat fl-ajrudrom fejn ser jiġi pprovdut is-servizz f’konformità mal-punti ADR.OR.F.085 u ADR.OR.F.090, rispettivament;

(c)

hija tipprovdi evidenza li l-membri tal-persunal tagħha jkunu lestew it-taħriġ inizjali u tal-unità meħtieġ.

ADR.OR.F.020 It-terminazzjoni tal-forniment ta’ servizz tal-immaniġġjar tar-rampa

Organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS li jkollha l-ħsieb li tittermina b’mod permanenti l-forniment tas-servizz f’ajrudrom għandha:

(a)

tinnotifika lill-operatur tal-ajrudrom u lill-Awtorità Kompetenti, mill-aktar fis possibbli, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri xierqa għall-kontinwazzjoni sikura tas-servizz;

(b)

tissottometti lill-Awtorità Kompetenti dikjarazzjoni emendata jew jitlob li titneħħa r-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni, fid-data tat-terminazzjoni tal-forniment tas-servizz.

ADR.OR.F.025 Bidliet

(a)

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tikkoordina mal-operatur tal-ajrudrom kwalunkwe bidla fl-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni speċifikata fil-punt ADR.OR.F.005(a) u fil-programm ta’ taħriġ jew fil-manwal tas-sistema tal-immaniġġjar imsemmi, rispettivament, fil-punt ADR.OR.F.005(b) u fil-punt ADR.OR.F.095.

(b)

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tinnotifika mingħajr dewmien żejjed lill-Awtorità Kompetenti bi kwalunkwe bidla speċifikata fil-punt (a) u, jekk ikun meħtieġ, tissottometti dikjarazzjoni emendata.

(c)

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tipprovdi lill-Awtorità Kompetenti bid-dokumentazzjoni rilevanti f’konformità mal-punt (d).

(d)

Bħala parti mis-sistema tal-immaniġġjar tagħha msemmija fil-punt ADR.OR.F.045, l-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS li tipproponi bidla fl-organizzazzjoni tagħha, fis-sistema tal-immaniġġjar tagħha jew fil-programm ta’ taħriġ tagħha għandha:

(1)

tiddetermina l-interdipendenzi ma’ kwalunkwe parti affettwata, u tippjana u twettaq valutazzjoni tas-sikurezza b’koordinazzjoni ma’ dawn l-organizzazzjonijiet;

(2)

tallinja s-suppożizzjonijiet u l-mitigazzjonijiet ma’ kwalunkwe parti affettwata b’mod sistematiku;

(3)

tiżgura valutazzjoni komprensiva tal-bidla, inkluża kwalunkwe interazzjoni meħtieġa;

(4)

tiżgura li jiġu stabbiliti u ddokumentati argumenti kompleti u validi, evidenza u kriterji ta’ sikurezza biex jappoġġjaw il-valutazzjoni tas-sikurezza, u li l-bidla tkun waħda li tappoġġja t-titjib tas-sikurezza kull meta jkun raġonevolment prattikabbli.

ADR.OR.F.030 Aċċess

Għall-fini tad-determinazzjoni ta’ jekk organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS hijiex qiegħda taġixxi f’konformità mad-dikjarazzjoni tagħha, l-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tiżgura li kwalunkwe persuna debitament awtorizzata mill-Awtorità Kompetenti, fi kwalunkwe ħin:

(a)

tingħata aċċess għal kwalunkwe faċilità, dokument, rekord, data, proċedura jew kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għall-attività tagħha;

(b)

titħalla twettaq jew tagħti xhieda ta’ kwalunkwe azzjoni, spezzjoni, test, valutazzjoni jew eżerċizzju li l-Awtorità Kompetenti ssib li huma meħtieġa.

ADR.OR.F.035 Sejbiet u azzjonijiet korrettivi

(a)

Wara li l-Awtorità Kompetenti tkun ikkomunikat sejba lil organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS f’konformità mal-punt ADR.AR.C.055 tal-Anness II, l-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tieħu l-passi li ġejjin fil-perjodu ta’ żmien iddeterminat mill-Awtorità Kompetenti:

(1)

tidentifika l-kawża ewlenija tan-nuqqas ta’ konformità;

(2)

tiddefinixxi pjan ta’ azzjoni korrettiva;

(3)

turi l-implimentazzjoni ta’ azzjoni korrettiva għas-sodisfazzjon tal-Awtorità Kompetenti fil-perjodu ta’ żmien miftiehem ma’ dik l-awtorità f’konformità mal-punt ADR.AR.C.055(d) tal-Anness II.

(b)

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tinforma lill-operatur tal-ajrudrom bl-azzjonijiet spjegati fid-dettall fil-punt (a) u, fejn xieraq, tikkoordina dawn l-azzjonijiet mal-operatur tal-ajrudrom.

ADR.OR.F.040 Reazzjoni immedjata għal problema ta’ sikurezza — konformità mad-direttivi dwar is-sikurezza

Organizzazzjoni responsabbli għall-forniment ta’ AMS għandha:

(a)

timplimenta kwalunkwe miżura ta’ sikurezza, inklużi d-direttivi dwar is-sikurezza, meħuda mill-Awtorità Kompetenti f’konformità mal-punti ADR.AR.A.030(c) u ADR.AR.A.040 tal-Anness II;

(b)

meta jiġu implimentati l-miżuri msemmija fil-punt (a), tikkoordina mal-operatur tal-ajrudrom u mal-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru, fejn meħtieġ.

ADR.OR.F.045 Is-sistema tal-immaniġġjar

(a)

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS, l-operatur tal-ajrudrom jew il-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru, fil-każ li dan tal-aħħar ikun qed jipprovdi parzjalment jew esklussivament servizz tal-immaniġġjar tar-rampa, għandha timplimenta u żżomm sistema tal-immaniġġjar li tintegra sistema tal-immaniġġjar tas-sikurezza li tkopri dawk l-attivitajiet ukoll.

(b)

Is-sistema tal-immaniġġjar għandha tinkludi:

(1)

linji ta’ responsabbiltà u akkontabbiltà definiti b’mod ċar fl-organizzazzjoni kollha, inkluża akkontabbiltà diretta għas-sikurezza min-naħa tal-maniġment superjuri;

(2)

deskrizzjoni tal-filosofiji u l-prinċipji ġenerali tal-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS fir-rigward tas-sikurezza, imsejħa l-politika tas-sikurezza, iffirmata mill-maniġer responsabbli;

(3)

proċess formali li jiżgura li jiġu identifikati l-perikli fl-operazzjonijiet;

(4)

proċess formali li jiżgura l-analiżi, il-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji marbuta mas-sikurezza fil-forniment ta’ servizz tal-immaniġġjar tar-rampa;

(5)

il-mezzi sabiex tiġi vverifikata l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS, b’referenza għall-indikaturi tal-prestazzjoni tas-sikurezza u l-miri marbuta mal-prestazzjoni tas-sikurezza tas-sistema tal-immaniġġjar tas-sikurezza, u sabiex tiġi vvalidata l-effettività tal-kontrolli tar-riskju tas-sikurezza;

(6)

proċess formali sabiex:

(i)

jiġu identifikati l-bidliet fl-organizzazzjoni, fis-sistema tal-immaniġġjar tagħha, jew fil-forniment ta’ servizz tal-immaniġġjar tar-rampa, li jistgħu jaffettwaw il-proċessi, il-proċeduri u s-servizzi stabbiliti;

(ii)

jiġu deskritti l-arranġamenti sabiex tiġi żgurata l-prestazzjoni tas-sikurezza qabel ma jiġu implimentati l-bidliet;

(iii)

jiġu eliminati jew immodifikati l-kontrolli tar-riskju għas-sikurezza li ma jkunux għadhom meħtieġa jew effettivi minħabba bidliet fl-ambjent operattiv;

(7)

proċess formali biex tiġi rieżaminata s-sistema tal-immaniġġjar imsemmija fil-punt (a), identifikata/i l-kawża/i tal-prestazzjoni substandard tas-sistema tal-immaniġġjar tas-sikurezza, iddeterminati l-implikazzjonijiet ta’ tali prestazzjoni substandard fl-operazzjonijiet, kif ukoll eliminati jew mitigati tali kawżi;

(8)

programm ta’ taħriġ fis-sikurezza li jiżgura li l-membri tal-persunal involuti fil-forniment ta’ servizz tal-immaniġġjar tar-rampa jkunu mħarrġin u kompetenti biex jaqdu d-dmirijiet tal-immaniġġjar tas-sikurezza;

(9)

mezz formali għall-komunikazzjoni dwar is-sikurezza li jiżgura li l-membri tal-persunal ikunu konxji bis-sħiħ tas-sistema tal-immaniġġjar tas-sikurezza, li jwassal informazzjoni kritika għas-sikurezza, u li jispjega għaliex jittieħdu azzjonijiet partikolari għall-fini tas-sikurezza u għaliex jiġu introdotti jew mibdula proċeduri ta’ sikurezza;

(10)

proċess formali biex tiġi ssorveljata l-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti rilevanti.

(c)

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tiddokumenta l-proċessi ewlenin kollha tas-sistema tal-immaniġġjar f’manwal.

ADR.OR.F.050 Rapportar tal-ħsarat fis-sistemi użati għall-forniment tas-servizzi tal-immaniġġjar tar-rampa

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014, l-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tirrapporta lill-Awtorità Kompetenti tal-Istat fejn jinsab l-ajrudrom, lill-operatur tal-ajrudrom u lill-organizzazzjoni responsabbli mid-disinn ta’ kwalunkwe tagħmir tal-ajrudrom użat għall-forniment tas-servizz tal-immaniġġjar tar-rampa, kwalunkwe ħsara jew difett tekniku li jeċċedu l-limitazzjonijiet tekniċi, l-okkorrenza jew ċirkostanza irregolari oħra li pperikolat jew setgħet ipperikolat is-sikurezza u li ma rriżultatx f’aċċident jew inċident serju.

ADR.OR.F.055 Sistema ta’ rapportar dwar is-sikurezza

(a)

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tistabbilixxi u timplimenta sistema ta’ rapportar dwar is-sikurezza għall-persunal tagħha.

(b)

Bħala parti mill-proċess imsemmi fil-punt ADR.OR.F.045(b)(3), l-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tiżgura li:

(1)

il-membri tal-persunal tagħha jużaw is-sistema ta’ rapportar dwar is-sikurezza għar-rapportar obbligatorju ta’ kwalunkwe aċċident, inċident serju u okkorrenza;

(2)

is-sistema ta’ rapportar dwar is-sikurezza tkun tista’ tintuża għar-rapportar volontarju ta’ kwalunkwe difett, ħsara u periklu għas-sikurezza li jistgħu jħallu impatt fuq is-sikurezza.

(c)

Is-sistema ta’ rapportar dwar is-sikurezza gћandha tipproteġi l-identità ta’ min ikun gћamel ir-rapport, tinkoraġġixxi r-rapportar volontarju u tinkludi l-possibbiltà li r-rapporti jkunu jistgћu jiġu ppreżentati b’mod anonimu.

(d)

L-organizzazzjoni responsabbli għall-forniment ta’ AMS għandha:

(1)

tirreġistra r-rapporti kollha ppreżentati;

(2)

tibgħat ir-rapporti lill-operatur tal-ajrudrom u, jekk ikun rilevanti, lill-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru;

(3)

b’kooperazzjoni mal-operatur tal-ajrudrom jew mal-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru, jew mat-tnejn li huma, tanalizza u tivvaluta r-rapporti, sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-sikurezza u identifikati x-xejriet;

(4)

tipparteċipa fl-investigazzjoni tar-rapporti mwettqa mill-operatur tal-ajrudrom, kif xieraq;

(5)

toqgħod lura milli tattribwixxi l-ħtija f’konformità mal-prinċipji ta’ “kultura ġusta”.

ADR.OR.F.060 Programmi ta’ sikurezza

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tipparteċipa fil-programmi ta’ sikurezza stabbiliti mill-operatur tal-ajrudrom.

ADR.OR.F.065 Rekwiżiti tal-persunal

(a)

L-organizzazzjoni responsabbli għall-forniment ta’ AMS għandha:

(1)

taħtar maniġer responsabbli, li jkollu l-awtorità biex jiżgura li l-attivitajiet kollha jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati u mwettqa f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli. Il-maniġer responsabbli għandu jkun responsabbli mill-istabbiliment u ż-żamma ta’ sistema tal-immaniġġjar effettiva;

(2)

tinnomina persuna responsabbli mill-immaniġġjar u s-superviżjoni tas-servizzi operattivi relatati mal-immaniġġjar tar-rampa;

(3)

tinnomina persuna responsabbli mill-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tas-sistema tal-immaniġġjar tas-sikurezza. Dik il-persuna għandha taġixxi b’mod indipendenti minn maniġers oħrajn fi ħdan l-organizzazzjoni, għandu jkollha aċċess dirett għall-maniġer responsabbli u għall-immaniġġjar xieraq għal kwistjonijiet marbuta mas-sikurezza u għandha tkun responsabbli lejn il-maniġer responsabbli;

(4)

ikollha membri tal-persunal suffiċjenti u kkwalifikati għall-kompiti u l-attivitajiet ippjanati, li għandhom jitwettqu f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli;

(5)

tassenja għadd suffiċjenti ta’ superviżuri tal-persunal għal doveri u responsabbiltajiet definiti, filwaqt li tqis l-istruttura tal-organizzazzjoni u l-għadd ta’ membri tal-persunal impjegati;

(6)

tiżgura li l-membri tal-persunal involuti fil-forniment ta’ servizz tal-immaniġġjar tar-rampa jkunu mħarrġin b’mod adegwat f’konformità mal-programm ta’ taħriġ.

(b)

Fil-każ li l-operatur tal-ajrudrom jew il-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru jkun qed jipprovdi parzjalment jew esklussivament servizz tal-immaniġġjar tar-rampa, huwa għandu jiżgura li r-rekwiżiti tal-punt (a) jiġu inklużi fl-allokazzjoni stabbilita tagħhom tar-responsabbiltajiet fi ħdan is-sistemi tal-immaniġġjar tagħhom.

ADR.OR.F.075 L-użu ta’ alkoħol, sustanzi psikoattivi u mediċini

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha timplimenta l-proċeduri stabbiliti mill-operatur tal-ajrudrom f’konformità mal-punt ADR.OR.C.045 fir-rigward tal-konsum ta’ alkoħol, sustanzi psikoattivi u mediċini mill-membri tal-persunal tagħha involuti fil-forniment ta’ servizz tal-immaniġġjar tar-rampa.

ADR.OR.F.080 Żamma tar-rekords

(a)

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tistabbilixxi sistema adegwata ta’ żamma tar-rekords li tkopri l-attivitajiet kollha tagħha mwettqa f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

(b)

Il-format tar-rekords għandu jkun speċifikat fil-manwal tas-sistema tal-immaniġġjar.

(c)

Ir-rekords għandhom jinħażnu b’mod li tiġi żgurata l-protezzjoni minn ħsara, alterazzjoni u serq.

(d)

Ir-rekords għandhom jinżammu għal minimu ta’ 5 snin, ħlief li:

(1)

id-dikjarazzjoni attwali għandha tinżamm għal kemm iddum fis-seħħ id-dikjarazzjoni;

(2)

il-ftehimiet bil-miktub ma’ organizzazzjonijiet oħrajn għandhom jinżammu sakemm idumu fis-seħħ tali ftehimiet;

(3)

ir-rapporti ta’ valutazzjoni tas-sikurezza għandhom jinżammu għal kemm iddum fis-seħħ is-sistema, il-proċedura jew l-attività;

(4)

it-taħriġ, il-kwalifiki, kif ukoll il-kontrolli tal-profiċjenza tal-membri tal-persunal għandhom jinżammu għal mill-inqas 4 snin wara t-tmiem tal-impjieg tagħhom, jew sakemm il-qasam tal-impjieg tagħhom ikun ġie vverifikat mill-Awtorità Kompetenti;

(e)

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandha tistabbilixxi u żżomm reġistru tal-perikli.

ADR.OR.F.085 Arranġament formali bejn l-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS u l-operatur tal-ajrudrom

(a)

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandu jkollha arranġament formali mal-operatur tal-ajrudrom meta hija jkollha l-ħsieb li tipprovdi servizz tal-immaniġġjar tar-rampa.

(b)

L-arranġament għandu jiġi konkluż qabel il-bidu tal-forniment tas-servizz.

(c)

L-arranġament formali għandu jinkludi, bħala minimu, dawn li ġejjin:

(1)

it-tul ta’ żmien tal-arranġament;

(2)

id-definizzjoni taż-żona fejn ser jiġi pprovdut is-servizz tal-immaniġġjar tar-rampa;

(3)

il-lista tas-servizzi li ser jitwettqu mill-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS;

(4)

il-metodi għall-iskambju ta’ informazzjoni operattiva bejn l-operatur tal-ajrudrom u l-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS.

ADR.OR.F.090 Arranġament formali bejn l-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS u l-fornitur ta’ servizz tat-traffiku tal-ajru

(a)

L-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS għandu jkollha arranġament formali mal-fornitur ta’ servizz tat-traffiku tal-ajru tal-ajrudrom meta hija jkollha l-ħsieb li tipprovdi servizz tal-immaniġġjar tar-rampa.

(b)

L-arranġament għandu jiġi konkluż qabel il-bidu tal-forniment tas-servizz.

(c)

L-arranġament formali għandu jinkludi, bħala minimu, dawn li ġejjin:

(1)

it-tul ta’ żmien tal-arranġament;

(2)

il-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, inkluż il-koordinazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet tal-bidu, tat-taxiing u tal-imbottar tal-inġenji tal-ajru;

(3)

il-punti ta’ trasferiment bejn is-servizz tal-immaniġġjar tar-rampa u l-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru;

(4)

il-metodi għall-iskambju ta’ informazzjoni operattiva bejn il-fornitur ta’ servizz tat-traffiku tal-ajru u l-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS;

(5)

il-koordinazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet tal-bidu, tat-taxiing u tal-imbottar tal-inġenji tal-ajru.

ADR.OR.F.095 Manwal tas-sistema tal-immaniġġjar

(a)

L-organizzazzjoni responsabbli għall-forniment ta’ AMS għandha:

(1)

tistabbilixxi u żżomm manwal tas-sistema tal-immaniġġjar;

(2)

tiżgura li l-membri tal-persunal tagħha jkollhom aċċess faċli għall-manwal u li jkunu konxji ta’ kwalunkwe bidla;

(3)

wara konsultazzjoni u b’koordinazzjoni mal-operatur tal-ajrudrom, tipprovdi lill-Awtorità Kompetenti bl-emendi u r-reviżjonijiet maħsuba tal-manwal qabel id-data effettiva;

(4)

teżamina mill-ġdid il-kontenut tal-manwal, tiżgura li dan jinżamm aġġornat u temendah kull meta jkun meħtieġ;

(5)

tinkorpora l-emendi u r-reviżjonijiet kollha fil-manwal kif mitluba mill-Awtorità Kompetenti;

(6)

tgħarraf lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati l-oħrajn bil-bidliet li huma rilevanti għad-dmirijiet tagħhom.

(7)

tiżgura li kwalunkwe informazzjoni meħuda minn dokumenti approvati oħrajn, u kwalunkwe emenda tagħhom, ikunu riflessi b’mod korrett fil-manwal;

(8)

tiżgura li l-manwal ikun miktub b’lingwa aċċettabbli għall-Awtorità Kompetenti;

(9)

tiżgura li l-membri tal-persunal kollha jkunu kapaċi jaqraw u jifhmu l-lingwa li biha jkunu nkitbu dawk il-partijiet tal-manwal u d-dokumenti l-oħrajn li jappartjenu għad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom;

(10)

tiżgura li l-manwal jiġi ffirmat mill-maniġer responsabbli tal-organizzazzjoni;

(11)

tiżgura li l-manwal jiġi stampat jew ikun f’format elettroniku u faċli biex jiġi rivedut;

(12)

tiżgura li l-manwal ikollu sistema għall-immaniġġjar tal-kontroll tal-verżjonijiet li tiġi applikata u magħmula viżibbli fil-manwal;

(13)

tiżgura li l-manwal josserva l-prinċipji tal-fatturi umani u li jkun organizzat b’mod li jiffaċilita t-tħejjija, l-użu u r-rieżami tiegħu;

(14)

iżżomm mill-inqas kopja kompleta u attwali waħda tal-manwal fl-ajrudrom fejn tipprovdi s-servizz u tagħmilha disponibbli għall-ispezzjoni mill-Awtorità Kompetenti.

(b)

Il-kontenut tal-manwal għandu jkun strutturat kif ġej:

(1)

parti ġenerali;

(2)

is-sistema tal-immaniġġjar tal-organizzazzjoni u r-rekwiżiti tal-kwalifiki.

(c)

Fil-każ li l-operatur tal-ajrudrom jew il-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru jkun qed jipprovdi parzjalment jew esklussivament servizz tal-immaniġġjar tar-rampa, huwa għandu jiżgura li r-rekwiżiti rilevanti fil-punt (b) jiġu inklużi fil-manwal tal-ajrudrom jew fil-manwal tal-operazzjonijiet tas-servizz tat-traffiku tal-ajru, rispettivament.

ADR.OR.F.100 Rekwiżiti relatati mad-dokumentazzjoni

L-organizzazzjoni responsabbli għall-forniment ta’ AMS għandha:

(a)

tagħmel disponibbli l-partijiet tal-manwal tal-ajrudrom relatati mal-forniment ta’ servizz tal-immaniġġjar tar-rampa għall-membri tal-persunal operattivi tagħha;

(b)

tagħmel disponibbli kwalunkwe dokumentazzjoni oħra meħtieġa mill-Awtorità Kompetenti u l-emendi assoċjati;

(c)

ixxerred struzzjonijiet operattivi u informazzjoni oħra mingħajr dewmien.”.


(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).”;”


ANNESS III

Fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 139/2014, tiżdied is-Subparti D li ġejja:

“SUBPARTI D – OPERAZZJONIJIET TAL-IMMANIĠĠJAR TAR-RAMPA

ADR.OPS.D.001 Attivitajiet relatati mas-sikurezza tal-immaniġġjar tar-rampa

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li jiġu stabbiliti u implimentati mezzi u proċeduri fuq ir-rampa sabiex ikun jista’:

(1)

jirregola l-moviment bl-għan li jiġu evitati kolliżjonijiet bejn l-inġenji tal-ajru, u bejn l-inġenji tal-ajru u l-ostakoli;

(2)

jirregola d-dħul ta’ inġenji tal-ajru fir-rampa, u jikkoordina l-ħruġ tagħhom minnha mat-torri ta’ kontroll tal-ajrudrom;

(3)

jiżgura moviment sikur u rapidu tal-vetturi;

(4)

u regolamentazzjoni xierqa tal-attivitajiet li ġejjin:

(i)

l-allokazzjoni tal-istands tal-inġenji tal-ajru;

(ii)

il-forniment ta’ servizzi ta’ marshalling;

(iii)

il-proċedura ta’ pparkjar tal-inġenji tal-ajru u t-tluq mill-istand;

(iv)

ir-riforniment tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru;

(v)

il-prekawzjonijiet tal-blast tal-ġett u t-testijiet tal-magna;

(vi)

l-awtorizzazzjonijiet tal-bidu u l-istruzzjonijiet dwar it-taxiing.

(b)

Sabiex jimplimenta l-punt (a), l-operatur tal-ajrudrom jista’ jalloka responsabbiltajiet lil organizzazzjonijiet oħrajn. Jekk l-operatur tal-ajrudrom jalloka tali responsabbiltajiet, huwa għandu jinkludi l-allokazzjoni fil-manwal tal-ajrudrom.

ADR.OPS.D.005 Il-limiti tar-rampa

(a)

L-operatur tal-ajrudrom, b’kooperazzjoni mal-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru, għandu jiddefinixxi u jipprovdi l-limiti tar-rampa lill-fornitur tas-servizz ta’ informazzjoni ajrunawtika għall-pubblikazzjoni fil-Pubblikazzjoni ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (AIP).

(b)

Meta jiġu definiti l-limiti tar-rampa, għandhom jiġu kkunsidrati mill-inqas dawn li ġejjin:

(1)

it-tqassim tal-ajrudrom;

(2)

il-konfigurazzjoni tar-runway u tat-taxiway u l-metodu tal-operat;

(3)

id-densità tat-traffiku;

(4)

il-kundizzjonijiet tat-temp;

(5)

il-proċeduri operattivi.

ADR.OPS.D.010 Il-koordinazzjoni tad-dħul/ħruġ tal-inġenji tal-ajru mir-rampa

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li d-dħul tal-inġenji tal-ajru fuq ir-rampa u l-ħruġ tagħhom minnha jiġu kkoordinati mal-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, meta l-moviment tal-inġenji tal-ajru fuq ir-rampa ma jkunx ġestit mill-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru. Il-koordinazzjoni għandha tinkludi:

(1)

punti ta’ trasferiment deżinjati bejn is-servizz tal-immaniġġjar tar-rampa u s-servizz tat-traffiku tal-ajru għall-inġenji tal-ajru li jaslu u jitilqu;

(2)

faċilitajiet deżinjati ta’ komunikazzjoni mill-ajru għall-art li għandhom jintużaw fir-rampa;

(3)

żoni ta’ żamma għall-inġenji tal-ajru li jaslu meta ma jkunux disponibbli l-istands tal-inġenji tal-ajru.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jipprovdi lill-fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni ajrunawtika għall-pubblikazzjoni fil-Pubblikazzjoni ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (AIP):

(1)

il-punti ta’ trasferiment deżinjati msemmija fil-punt (a)(1);

(2)

il-faċilitajiet deżinjati ta’ komunikazzjoni mill-ajru għall-art imsemmija fil-punt (a)(2).

ADR.OPS.D.015 Immaniġġjar tal-movimenti tal-inġenji tal-ajru fuq ir-rampa

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li:

(a)

l-inġenji tal-ajru jiġu pprovduti bi struzzjonijiet dwar ir-rotta li għandhom jiġu segwiti fuq ir-rampa;

(b)

jiġu pprovduti għajnuniet viżivi adegwati sabiex ikun żgurat li l-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira jkunu jistgħu jidentifikaw ir-rotta assenjata;

(c)

ir-rotta intenzjonata tkun ħielsa minn kwalunkwe ostakolu li jista’ jikkawża riskju ta’ kolliżjoni mal-inġenju tal-ajru li jkun qed jiċċaqlaq.

ADR.OPS. D.025 Allokazzjoni tal-istand tal-inġenju tal-ajru

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jiżgura l-implimentazzjoni ta’ proċeduri biex jiżgura li l-istand tal-inġenju tal-ajru allokat huwa:

(1)

addattat għat-tip ta’ inġenju tal-ajru maħsub biex jużah;

(2)

ikkomunikat lill-organizzazzjoni responsabbli mill-forniment ta’ AMS, meta stabbilita, jew lill-fornitur xieraq tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru;

(3)

ikkomunikat lill-persuni responsabbli mill-manuvrar tal-inġenju tal-ajru.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li jitqiesu mill-inqas il-parametri li ġejjin meta jiġu allokati l-inġenji tal-ajru għall-istands tal-inġenji tal-ajru:

(1)

il-karatteristiċi tal-inġenju tal-ajru;

(2)

l-għajnuniet għall-parkeġġ;

(3)

il-faċilitajiet li jservu l-istand tal-inġenju tal-ajru;

(4)

il-viċinanza tal-infrastruttura;

(5)

inġenji tal-ajru oħrajn ipparkjati fl-istands tal-inġenji tal-ajru fil-viċinat;

(6)

id-dipendenzi fuq l-istands tal-inġenji tal-ajru.

ADR.OPS.D.030 Marshalling tal-inġenji tal-ajru

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li l-marshalling tal-inġenji tal-ajru jiġi pprovdut billi jintużaw is-sinjali ta’ marshalling f’konformità mal-Appendiċi 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (*1).

ADR.OPS.D.035 Ipparkjar tal-inġenji tal-ajru

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jiżgura l-implimentazzjoni ta’ proċeduri sabiex jiżgura li:

(a)

żona deżinjata għall-ipparkjar tal-inġenji tal-ajru fuq rampa tiġi mmonitorjata sabiex jiġi żgurat li jinżammu d-distanzi tal-ispazju matul il-manuvra tal-ipparkjar;

(b)

tiġi pprovduta gwida li tippermetti lill-inġenju tal-ajru jipparkja b’mod sikur;

(c)

is-sistemi awtomatizzati ta’ gwida għall-ipparkjar, jekk installati, ikunu qed jiffunzjonaw kif suppost;

(d)

il-persuni responsabbli għat-taxiing tal-inġenji tal-ajru jiġu mwissija biex iwaqqfu l-inġenju tal-ajru meta ma jinżammux id-distanzi tal-ispazju;

(e)

il-persuni, għajr dawk meħtieġa biex jassistu l-proċedura ta’ pparkjar tal-inġenji tal-ajru, ikunu pprojbiti milli javviċinaw l-inġenju tal-ajru meta jinxtegħlu d-dwal kontra l-kolliżjonijiet u meta l-magni jkunu qed jaħdmu;

(f)

l-istand tal-inġenju tal-ajru jkun ħieles minn kwalunkwe Fdal ta’ Oġġetti Barranin (FOD) li jista’ jħalli impatt fuq is-sikurezza.

ADR.OPS.D.040 It-tluq tal-inġenji tal-ajru mill-istand

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jiżgura l-implimentazzjoni ta’ proċeduri sabiex jiġi żgurat li matul it-tluq ta’ inġenju tal-ajru mill-istand tal-inġenju tal-ajru:

(a)

it-tagħmir għall-manutenzjoni fuq l-art, minbarra t-trakkijiet tal-imbottar jekk ikunu meħtieġa għall-moviment tal-inġenji tal-ajru, u l-vetturi jkunu tneħħew mill-istand tal-inġenju tal-ajru jew ipparkjati f’żoni deżinjati;

(b)

jekk l-istand tal-inġenju tal-ajru jkun servut minn pontijiet tal-imbark tal-passiġġieri, dawn ikunu nġibdu lura;

(c)

ir-rotta tal-ħruġ deżinjata mill-istand tal-inġenju tal-ajru hija tkun ħielsa minn fdalijiet ta’ oġġetti barranin (FOD);

(d)

il-movimenti tal-vetturi fuq l-istand u t-traffiku fit-triq/toroq kontigwa/i jkunu waqfu, ħlief għal trakkijiet li jimbottaw jekk ikunu meħtieġa għaċ-ċaqliq tal-inġenji tal-ajru;

(e)

il-persuni, għajr dawk meħtieġa biex jassistu t-tluq tal-inġenji tal-ajru mill-istand tal-inġenju tal-ajru, ikunu pprojbiti milli javviċinaw l-inġenju tal-ajru meta jinxtegħlu d-dwal kontra l-kolliżjonijiet u meta l-magni jkunu qed jaħdmu.

ADR.OPS.D.045 It-tixrid ta’ informazzjoni lill-organizzazzjonijiet li joperaw fuq ir-rampa

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jxerred informazzjoni rigward il-limitazzjonijiet għall-operazzjonijiet fuq ir-rampa fil-ħin lill-organizzazzjonijiet rilevanti li joperaw fuq ir-rampa.

(b)

L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta għandha tinkludi dawn li ġejjin, kif applikabbli:

(1)

it-tip tal-limitazzjoni;

(2)

it-tul ta’ żmien tal-limitazzjoni, jekk ikun magħruf;

(3)

il-miżuri ta’ mitigazzjoni li jridu jiġu applikati;

(4)

l-impatt operattiv tal-limitazzjoni;

(5)

id-disponibbiltà tal-istands tal-inġenji tal-ajru;

(6)

ir-restrizzjonijiet fuq l-istands tal-inġenji tal-ajru;

(7)

id-disponibbiltà ta’ installazzjonijiet fissi fl-istands tal-inġenji tal-ajru;

(8)

il-proċeduri ta’ pparkjar speċjali;

(9)

il-bidliet temporanji fir-rotot tas-sewqan;

(10)

ix-xogħol li jkun għaddej;

(11)

kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha sinifikat operattiv għall-utenti tar-rampa.

ADR.OPS.D.050 Twissija tas-servizzi ta’ emerġenza

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu:

(1)

jistabbilixxi u jimplimenta, fil-pjan ta’ emerġenza tal-ajrudrom, proċedura għat-twissija tas-servizzi ta’ emerġenza għal aċċidenti u inċidenti fir-rampa;

(2)

jipprovdi l-mezzi u l-faċilitajiet xierqa għat-twissija tas-servizzi ta’ emerġenza rilevanti.

(b)

Il-proċedura stabbilita mill-operatur tal-ajrudrom għandha tinkludi mill-inqas dawn li ġejjin:

(1)

id-dettalji ta’ kuntatt u l-mezzi li għandhom jintużaw għat-twissija tas-servizzi ta’ emerġenza;

(2)

l-informazzjoni li għandha tingħata lis-servizzi ta’ emerġenza sabiex l-inċident jiġi ttrattat b’mod effiċjenti, bħal:

(i)

il-post tal-aċċident jew tal-inċident;

(ii)

in-natura tal-aċċident jew tal-inċident;

(iii)

id-danni;

(iv)

korrimenti lil persuni;

(v)

merkanzija perikoluża.

ADR.OPS.D.055 Prekawzjonijiet għall-blast tal-ġett

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jagħmel lill-utenti tar-rampa konxji mill-perikli li jirriżultaw mill-blast tal-ġett u mill-kurrent tal-arja mitfugħ mill-iskrun.

(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jesiġi li l-utenti tar-rampa jipproteġu l-vetturi u t-tagħmir sewwa u jiddeżinjaw żoni tal-parkeġġ fejn l-effett tal-blast tal-ġett jew tal-kurrent tal-arja mitfugħ mill-iskrun ikun minimizzat.

(c)

Meta jiddisinja jew jagħmel bidliet fit-tqassim tar-rampa, l-operatur tal-ajrudrom għandu jqis l-effett tal-blast tal-ġett jew tal-kurrent tal-arja mitfugħ mill-iskrun.

(d)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jidentifika l-postijiet sensittivi għall-blast tal-ġett u għandu jippubblika talba għal imbottatura minima lill-bdoti, jew jieħu miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa biex jimminimizza l-effett tal-blast tal-ġett.

ADR.OPS.D.060 Riforniment tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi proċedura għar-riforniment tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru.

(b)

Il-proċedura għandha tirrikjedi dawn li ġejjin:

(1)

il-projbizzjoni ta’ fjammi mikxufa u l-użu ta’ għodod elettriċi jew simili li x’aktarx jipproduċu xrar jew arki fiż-żona tar-riforniment tal-fjuwil;

(2)

il-projbizzjoni li jinxtegħlu l-unitajiet tal-enerġija fuq l-art waqt ir-riforniment tal-fjuwil;

(3)

l-eżistenza ta’ passaġġ mingħajr ostakli mill-inġenju tal-ajru biex jippermetti t-tneħħija malajr tal-bawżers tal-fjuwil u tal-persuni f’każ ta’ emerġenza;

(4)

l-irbit korrett tal-inġenji tal-ajru u tas-sorsi tal-provvista tal-fjuwil u l-applikazzjoni korretta tal-proċeduri tal-ertjar;

(5)

in-notifika immedjata tas-superviżur tal-forniment tal-fjuwil fil-każ ta’ tixrid tal-fjuwil u struzzjonijiet dettaljati dwar kif għandu jiġi ttrattat it-tixrid tal-fjuwil;

(6)

l-ippożizzjonar tat-tagħmir ta’ appoġġ fuq l-art b’tali mod li l-ħruġ ta’ emerġenza jkun ħieles minn kwalunkwe ostakolu li jippermetti l-evakwazzjoni fil-pront tal-passiġġieri, jekk il-passiġġieri jkunu qed jimbarkaw jew jiżbarkaw jew jekk jibqgħu fl-inġenju tal-ajru waqt ir-riforniment tal-fjuwil;

(7)

id-disponibbiltà fil-pront ta’ ċilindri tat-tifi tan-nar ta’ tip addattat għal mill-inqas intervent inizjali fil-każ ta’ fjuwil li jieħu n-nar;

(8)

il-waqfien tal-operazzjonijiet ta’ riforniment tal-fjuwil jekk ikun hemm maltempati bis-sajjetti fl-ajrudrom jew fil-viċinanzi tiegħu.

ADR.OPS.D.065 Ittestjar tal-magna

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċedura għall-ittestjar tal-magna.

(b)

Il-proċedura għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(1)

il-persuna li għandha l-awtorità li tapprova t-testijiet tal-magna;

(2)

iż-żoni fejn għandhom isiru t-testijiet tal-magna;

(3)

il-miżuri ta’ sikurezza li jeħtieġ li jittieħdu.

ADR.OPS.D.070 Ilbies b’viżibbiltà għolja

L-operatur tal-ajrudrom għandu jesiġi li l-membri tal-persunal kollha li jaħdmu fuq barra, fuq saqajhom, għandhom jilbsu lbies b’viżibbiltà għolja waqt li jkunu fiż-żona tal-moviment.

ADR.OPS.D.075 Awtorizzazzjonijiet tal-bidu u struzzjonijiet dwar it-taxiing

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li l-awtorizzazzjonijiet tal-bidu, l-awtorizzazzjonijiet tal-imbottar lura, jekk ikunu meħtieġa, u l-istruzzjonijiet dwar it-taxiing jiġu kkoordinati mal-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru, meta l-moviment tal-inġenju tal-ajru fuq ir-rampa ma jkunx ġestit mill-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru.

(b)

F’dan il-każ, l-operatur tal-ajrudrom, b’kooperazzjoni mal-fornitur tas-servizz tat-traffiku tal-ajru, għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċedura li għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(1)

definizzjoni tal-awtorità li toħroġ awtorizzazzjonijiet tal-bidu;

(2)

mezzi biex jinfurmaw lil xulxin għall-awtorizzazzjonijiet tal-bidu maħruġa;

(3)

mezzi biex jinfurmaw lil xulxin dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-imbottar lura u l-istruzzjonijiet dwar it-taxiing mogħtija.

ADR.OPS.D.080 Programmi ta’ taħriġ u kontroll tal-profiċjenza ta’ marshallers u sewwieqa “FOLLOW-ME”

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi u jiżgura l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ taħriġ għall-persuni li jipprovdu:

(1)

servizz ta’ marshalling;

(2)

gwida “FOLLOW-ME”.

(b)

Il-programm ta’ taħriġ għandu jiġi implimentat f’konformità mal-punt ADR.OR.D.017 tal-Anness III.

(c)

It-taħriġ għandu jkun imfassal biex jipprovdi għarfien fundamentali u ħiliet prattiċi relatati mat-twettiq ta’ dmirijiethom.

(d)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ kontroll tal-profiċjenza għall-membri tal-persunal imsemmija fil-punt (a) sabiex jiżguraw:

(1)

il-kompetenza kontinwa tagħhom;

(2)

li huma konxji tar-regoli u l-proċeduri rilevanti għall-funzjonijiet u l-kompiti tagħhom. L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li l-persuni msemmija fil-punt (a) jsirulhom kontrolli tal-profiċjenza f’intervalli ta’ mhux aktar minn 12-il xahar mit-tlestija tat-taħriġ inizjali tagħhom.

ADR.OPS.D.085 Programm ta’ taħriġ u kontroll tal-profiċjenza tal-membri tal-persunal li jipprovdu struzzjonijiet ta’ taxiing lill-inġenji tal-ajru permezz tar-radjutelefonija

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li:

(1)

il-persuni li jipprovdu struzzjonijiet ta’ taxiing lill-inġenji tal-ajru fuq ir-rampa permezz tar-radjutelefonija, bl-użu tal-frekwenzi tar-radju ajrunawtiku assenjati, ikunu mħarrġin u kkwalifikati kif xieraq;

(2)

il-programm ta’ taħriġ jiġi implimentat f’konformità mal-punt ADR.OR.D.017 tal-Anness III, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:

(i)

it-taħriġ inizjali għandu jkun segwit minn taħriġ tal-unità li jinkludi l-fażijiet li ġejjin:

(A)

fażi tranżitorja tat-taħriġ, imfassla primarjament biex jiġi pprovdut għarfien u fehim ta’ proċeduri operattivi speċifiċi għas-siti u aspetti speċifiċi għall-kompiti;

(B)

fażi tat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol, li hija l-fażi finali tat-taħriġ tal-unità li matulha r-rutini u l-ħiliet relatati max-xogħol miksuba preċedentement jiġu integrati fil-prattika taħt is-superviżjoni ta’ għalliem tat-taħriġ ikkwalifikat f’sitwazzjoni tat-traffiku reali;

(ii)

it-taħriġ rikorrenti għandu jitwettaq f’intervalli ta’ mhux aktar minn 12-il xahar u għandu jinkludi rieżami tal-kontenut tat-taħriġ inizjali

(iii)

it-taħriġ ta’ aġġornament għandu jitwettaq meta persuna tkun assenti minn dmirijietha għal perjodu ta’ aktar minn 12-il xahar u għandu jinkludi l-kontenut kollu tat-taħriġ inizjali.

(b)

Il-persuni msemmija fil-punt (a)(1) għandhom juru profiċjenza fil-lingwa, mill-inqas f’livell operattiv kemm fl-użu ta’ frażjoloġiji kif ukoll f’lingwaġġ sempliċi, f’konformità mal-punt (c), fil-lingwi użati għall-komunikazzjoni mill-ajru għall-art fl-ajrudrom.

(c)

L-applikant għandu juri l-kapaċità tiegħu li:

(1)

jikkomunika b’mod effettiv f’sitwazzjonijiet fejn tintuża l-vuċi biss u f’sitwazzjonijiet wiċċ imb’wiċċ;

(2)

jikkomunika dwar suġġetti komuni u relatati max-xogħol b’mod preċiż u ċar;

(3)

juża strateġiji komunikattivi xierqa biex jiskambja messaġġi u biex jagħraf u jsolvi nuqqasijiet ta’ ftehim f’kuntest ġenerali jew relatat max-xogħol;

(4)

jittratta b’suċċess l-isfidi lingwistiċi ppreżentati minn kumplikazzjoni jew mill-mod mhux mistenni kif żvolġew l-avvenimenti fil-kuntest ta’ sitwazzjoni tax-xogħol ta’ rutina jew kompitu ta’ komunikazzjoni li jkun familjari magħhom b’mod ieħor;

(5)

juża djalett jew aċċent li jinftiehem mill-komunità ajrunawtika.

(d)

Il-profiċjenza fil-lingwa għandha tintwera permezz ta’ ċertifikat maħruġ mill-organizzazzjoni li tkun wettqet il-valutazzjoni, li jafferma l-lingwa jew il-lingwi, il-livell jew il-livelli ta’ profiċjenza u d-data tal-valutazzjoni.

(e)

Għajr għall-persuni li jkunu wrew profiċjenza fil-lingwa f’livell ta’ esperti, il-profiċjenza fil-lingwa għandha tiġi vvalutata mill-ġdid kull:

(1)

erba’ snin mid-data tal-valutazzjoni, jekk il-livell muri jkun il-livell operattiv;

(2)

sitt snin mid-data tal-valutazzjoni, jekk il-livell muri jkun livell estiż.

(f)

Id-dimostrazzjoni tal-profiċjenza fil-lingwa għandha ssir permezz ta’ metodu ta’ valutazzjoni, li għandu jinkludi:

(1)

il-proċess li permezz tiegħu ssir valutazzjoni;

(2)

il-kwalifiki tal-evalwaturi li jwettqu l-valutazzjonijiet tal-profiċjenza fil-lingwa;

(3)

il-proċedura ta’ appell.

(g)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jagħmel disponibbli taħriġ lingwistiku biex iżomm il-livell meħtieġ ta’ profiċjenza fil-lingwa tal-persunal tiegħu.

(h)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ kontroll tal-profiċjenza għall-membri tal-persunal imsemmija fil-punt (a)(1) sabiex jiżguraw:

(1)

il-kompetenza kontinwa tagħhom;

(2)

li huma konxji tar-regoli u l-proċeduri rilevanti għall-funzjonijiet u l-kompiti tagħhom. L-operatur tal-ajrudrom għandu jiżgura li l-persuni msemmija fil-punt (a) jsirulhom kontrolli tal-profiċjenza f’intervalli ta’ mhux aktar minn 12-il xahar mit-tlestija tat-taħriġ inizjali tagħhom.


(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).”.”