24.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1214

tal-21 ta’ Awwissu 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward tal-injam tal-Ulmus L. u ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Albizia julibrissin Durazzini u tar-Robinia pseudoacacia L. li joriġinaw mill-Iżrael

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 42(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2), abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju, jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 (3) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex titwettaq il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għal dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

(3)

Wara valutazzjoni preliminari tar-riskju, 35 pjanta għat-tħawwil li joriġinaw mill-pajjiżi terzi kollha kienu inklużi fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 bħala pjanti b’riskju għoli, fosthom tal-Albizia Durazz u Robinia L.

(4)

Fl-24 ta’ Jannar 2019, l-Iżrael bagħat talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ pjanti mlaqqma bl-għeruq mikxufin inattivi għat-tħawwil, b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm li jappartjeni għall-Albizia julibrissin Durazzini u pjanti mlaqqma b’għeruq mikxufin inattivi għat-tħawwil, b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm għar-Robinia pseudoacacia L. Dik it-talba ġiet appoġġata mid-dossiers tekniċi rispettivi.

(5)

Fit-13 ta’ Jannar 2020, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ippubblikat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti tal-Albizia julibrissin mill-Iżrael (4). L-Awtorità identifikat l-Aonidiella orientalis, kumpless ta’ speċijiet li jinkludi l-Euwallacea fornicatus sensu stricto, Euwallacea fornicatior, l-Euwallacea whitforiodendrus u l-Euwallacea Kuroshio (“Euwallacea fornicatus sensu lato”) u l-Fusarium euwallaceae bħala pesti relevanti għall-opinjoni, ivvalutat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossier ta’ dawk il-pesti u stmat il-probabbiltà tal-libertà tal-pest għal kull pest relatat ta’ dik il-komodità.

(6)

Fit-2 ta’ Marzu 2020, l-Awtorità ppubblikat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-komodità tal-pjanti tar-Robinia pseudoacaciamill-Iżrael (5). Identifikat l-Euwallacea fornicatus sensu lato u l-Fusarium euwallaceae bħala pesti rilevanti għall-opinjoni, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossier għal dawk il-pesti u stmat il-probabbiltà ta’ ħelsien minn pesti għal kull pest relatat ma’ dik il-komodità.

(7)

Abbażi ta’ dawn l-opinjonijiet, ir-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti mlaqqma bl-għeruq mikxufin inattivi għat-tħawwil b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm tal-Albizia julibrissin Durazzini u r-Robinia pseudoacacia L. li joriġinaw mill-Iżrael huwa kkunsidrat li jitnaqqas għal livell aċċettabbli, sakemm jiġu applikati miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ pesti relatati ma’ dawk il-pjanti għat-tħawwil. Peress li tali miżuri xierqa huma previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (6), jenħtieġ li dawk il-pjanti għat-tħawwil ma jibqgħux jitqiesu bħala impjanti ta’ riskju għoli, u jenħtieġ li jitneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

(8)

Wara valutazzjoni preliminari tar-riskju, l-injam tal-Ulmus L. iddaħħal fil-lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra b’riskju għoli bħala mod potenzjali għall-introduzzjoni u l-istabbiliment fl-Unjoni tal-pest Saperda tridentata Olivier, pest li mhux elenkat bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni. Wara li l-injam tal-Ulmus L. iddaħħal fil-lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità twettaq valutazzjoni tar-riskju fitosanitarju tas-Saperda tridentata Olivier, li tindirizza l-modi tal-introduzzjoni, il-firxa, l-istabbiliment u t-tnaqqis tar-riskju b’attenzjoni partikolari fil-każ tal-injam tal-Ulmus L.

(9)

Fl-10 ta’ Jannar 2020, l-Awtorità ppubblikat opinjoni xjentifika dwar il-kategorizzazzjoni tal-pest Saperda tridentata Olivier (7). Ikkonkludiet li s-Saperda tridentata Olivier jissodisfa l-kriterju għal pest ta’ kwarantina fir-rigward tad-dħul fit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, minħabba data insuffiċjenti ma kienx possibbli li jiġi konkluż li s-Saperda tridentata Olivier jissodisfa l-kriterji ta’ stabbiliment, ta’ firxa u ta’ impatt potenzjali fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, mhuwiex ġustifikat li l-pest Saperda tridentata Olivier jiddaħħal fil-lista tal-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni. Konsegwentement, meta jitqies ir-riskju valutat ta’ dan il-pest fir-rigward tal-injam tal-Ulmus L., jenħtieġ li l-injam tal-Ulmus L. ma jibqax jitqies bħala prodott tal-pjanti ta’ riskju għoli u għalhekk jenħtieġ li jitneħħa mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

(10)

Sabiex ikun hemm konformità mal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji (8), l-importazzjoni ta’ dawk il-komoditajiet għandha tkompli fl-iqsar żmien possibbli. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju ta’ pjanti b’riskju għoli, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 7).

(4)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2020. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Albizia julibrissin plants from Israel. EFSA Journal 2020;18(1):5941. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2020.5941.

(5)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2020. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Robinia pseudoacacia plants from Israel. EFSA Journal 2020;18(3):6039. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2020.6039.

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ara paġna 5 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Il-Bord tal-EFSA PLH (il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), EFSA Journal 2020; 18(1):5940.https://doi.org/10.2903/j.efsa.2020.5940.

(8)  Il-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (il-Ftehim SPS), https://www.wto.org/english/tratop_e/sps_e/spsagr_e.htm.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat kif ġej:

(1)

It-titlu jiġi sostitwit b’“ANNESS”;

(2)

Fil-punt 1, it-tieni kolonna “Deskrizzjoni” hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata għall-“Albizia Durazz.” tiġi sostitwita b’li ġej:

“ ‘ Albizia Durazz., minbarra l-pjanti mlaqqma bl-għeruq mikxufin inattivi għat-tħawwil b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm ta’ Albizia julibrissin Durazzini li joriġinaw mill-Iżrael’”;

(b)

l-entrata għar-“Robinia L.” tiġi sostitwita b’li ġej:

Robinia L., minbarra pjanti mlaqqma bl-għeruq mikxufin inattivi għat-tħawwil b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm ta’ Robinia pseudoacacia L. li joriġinaw mill-Iżrael”;

(3)

Jitħassar il-punt 4.