18.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1203

tad-9 ta’ Ġunju 2020

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-entrata għall-aċidu sulfoniku perfluworoottan u d-derivattivi tiegħu (PFOS)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jimplimenta l-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti (2) (“il-Konvenzjoni”) u skont il-Protokoll dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila (3) (“il-Protokoll”).

(2)

L-Anness B tal-Konvenzjoni (“Restrizzjoni”) fih lista ta’ kimiċi li l-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tagħhom hemm bżonn li tiġi llimitata minn kull Parti tal-Konvenzjoni, fid-dawl ta’ kwalunkwe skop aċċettabbli u/jew eżenzjoni speċifika applikabbli f’dak l-Anness.

(3)

Fid-disa’ laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ddeċidiet, skont l-Artikolu 8(9) tal-Konvenzjoni, li temenda l-Anness B tal-Konvenzjoni b’rabta mal-iskopijiet aċċettabbli u l-eżenzjonijiet speċifiċi għall-aċidu perfluworoottaniku (PFOS), l-imluħ tiegħu u l-fluworur tal-perfluworoottansulfonil (PSOSF). Il-Konferenza tal-Partijiet iddeċidiet li, għall-użu tal-PFOS, l-imluħ tiegħu u l-PFOSF għall-ipplejtjar tal-metall (l-ipplejtjar tal-metall iebes) f’sistema b’ċiklu magħluq biss, temenda l-iskop aċċettabbli għal eżenzjoni speċifika.

(4)

L-emenda tal-iskop aċċettabbli għall-użu tal-PFOS, l-imluħ tiegħu u l-PSOSF għall-ipplejtjar tal-metall (l-ipplejtjar tal-metall iebes) f’sistema b’ċiklu magħluq biss tfisser li l-Partijiet ikunu jistgħu jużaw dik l-eżenzjoni għal perjodu massimu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dik l-emenda. L-eżenzjoni tista’ tiġġedded għal ħames snin addizzjonali wara deċiżjoni mill-Konferenza tal-Partijiet fuq talba ta’ Parti, u abbażi ta’ ġustifikazzjoni tal-ħtieġa kontinwa għal dak l-użu. B’hekk, l-entrata fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 għall-aċidu sulfoniku tal-perfluworoottan u d-derivattivi tiegħu (PFOS) jenħtieġ li jiġi emendat biex jirrifletti l-obbligi skont il-Konvenzjoni.

(5)

Għalhekk ir-Regolament (UE) 2019/1021 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 169/45, 25.6.2019, p. 45.

(2)   ĠU L 209, 31.7.2006, p. 3.

(3)   ĠU L 81, 19.3.2004, p. 37.


ANNESS

Fil-parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021, l-entrata għall-aċidu perfluworoottansulfoniku u d-derivattivi tiegħu (PFOS), fir-raba’ kolonna (“Eżenzjoni speċifika fuq l-użu intermedju jew speċifikazzjoni oħra”), il-punt 4 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Jekk il-kwantità rilaxxata fl-ambjent tiġi minimizzata, il-manifattura u t-tqegħid fis-suq jenħtieġ li jitħallew sa 7 ta' Settembru 2025. għall-użu bħala aġent li jrażżan ir-raxx għall-ipplejtjar tal-kromu iebes mhux dekorattiv (VI) f’sistemi b’ċirkwit magħluq. Dejjem jekk dawk l-Istati Membri fejn jintuża l-PFOS jirrappurtaw lill-Kummissjoni sa 7 ta' Settembru 2024. dwar il-progress li jkun sar biex jiġi eliminat il-PFOS, u jiġġustifikaw il-ħtieġa kontinwa għal dan l-użu, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-bżonn li d-deroga għal dan l-użu tiġi estiża għal massimu ta’ ħames snin minn 7 ta' Settembru 2025.”;

(2)

it-tielet paragrafu jitħassar.