|
14.8.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 267/3 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1199
tat-13 ta’ Awwissu 2020
li jemenda l-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 ħalli ssir projbizzjoni temporanja fuq l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċertu frott li joriġina mill-Arġentina ħalli jkunu evitati l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE. (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 40(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (2), flimkien mal-Anness VI ta’ dak ir-Regolament, jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li l-introduzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni hi pprojbita, flimkien mal-pajjiżi terzi, gruppi ta’ pajjiżi terzi jew żoni speċifiċi ta’ pajjiżi terzi li għalihom tapplika l-projbizzjoni, kif previst fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/715 (3) tistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-frott ta’ Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., u l-ibridi tagħhom, għajr il-frott ta’ Citrus aurantium L. u Citrus latifolia Tanaka, li joriġinaw mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t’Isfel jew mill-Urugwaj, biex tipprevjeni l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni ta’ Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa (“il-pest speċifikat”). |
|
(3) |
F’Mejju, f’Ġunju, f’Lulju u fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu 2020, l-Istati Membri nnotifikaw b’mod rikorrenti lill-Kummissjoni b’interċezzjonijiet tal-pest speċifikat fuq il-frott ta’ Citrus limon (L.) N. Burm.f. u Citrus sinensis (L.) Osbeck li joriġina mill-Arġentina (“il-frott speċifikat”), misjuba waqt l-ispezzjonijiet tagħhom tal-importazzjonijiet. |
|
(4) |
Dawk l-interċettazzjonijiet rikorrenti juru li s-salvagwardji fitosanitarji fis-seħħ bħalissa fl-Arġentina mhumiex biżżejjed biex jipprevjenu l-introduzzjoni tal-pest speċifikat fl-Unjoni. Għaldaqstant, hemm riskju fitosanitarju inaċċettabbli minħabba l-preżenza tal-pest speċifikat fil-frott speċifikat, u dak ir-riskju ma jistax jitnaqqas għal livell aċċettabbli b’xi waħda mill-miżuri stabbiliti fil-punti 2 u 3 tat-Taqsima 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/2031. |
|
(5) |
Minħabba f’hekk, l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-frott speċifikat jenħtieġ tiġi pprojbita temporanjament, irrispettivament minn jekk ikunx destinat esklussivament għall-ipproċessar industrijali tal-meraq jew le. |
|
(6) |
Dik il-projbizzjoni temporanja jenħtieġ tapplika sat-30 ta’ April 2021 biex tindirizza r-riskju kontinwu tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-pest speċifikat, biex l-Arġentina tkun tista’ taġġorna s-sistema taċ-ċertifikazzjoni tagħha u tiġi awditjata mill-Kummissjoni. Dik id-data jenħtieġ tiġi riveduta skont il-bżonn, abbażi tas-sejbiet tal-awditu. |
|
(7) |
Għalhekk l-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/2072 jenħtieġ jiġi emendat skont dan, filwaqt li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/715 jenħtieġ tibqa’ tapplika għall-frott u l-pajjiżi terzi kollha kkonċernati. |
|
(8) |
Minħabba l-ħtieġa urġenti li jiġi indirizzat ir-riskju fitosanitarju kkawżat mill-pest speċifikat u l-frott speċifikat, dan ir-Regolament jenħtieġ jidħol fis-seħħ fit-tieni jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda għall-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072
Fl-Anness VI tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, tiżdied ir-ringiela li ġejja:
|
“21. |
Citrus limon (L.) N. Burm.f. u Citrus sinensis (L.) Osbeck (sat-30 ta’ April 2021) |
ex 0805 50 10 0805 10 22 0805 10 24 0805 10 28 ex 0805 10 80 |
L-Arġentina”. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tieni jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Awwissu 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/715 tal-11 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta’ ċertu frott f’xi pajjiżi terzi biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta’ ħsara Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa (ĠU L 125, 13.5.2016, p. 16).