12.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 262/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1191

tal-11 ta’ Awwissu 2020

li jistabbilixxi miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBFV) u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1615

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(3) u l-Artikolu 52 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBFV) (“il-pest speċifikat”) bħalissa mhuwiex elenkat bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni jew bħala pest irregolat mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (3).

(2)

Madankollu, fl-2018 l-Istati Membri bdew jirrappurtaw tifqigħat tal-pest speċifikat fuq l-għelejjel tat-tadam fit-territorji tagħhom u l-miżuri li ttieħdu għall-kontroll tiegħu. Fl-2018, il-Ġermanja u fl-2019, l-Italja, wettqu analiżijiet tar-riskji fitosanitarji li wrew li l-pest speċifikat u l-effetti ta’ ħsara tiegħu jistgħu jkunu ta’ tħassib sinifikanti għas-saħħa tal-pjanti għall-Unjoni, b’mod partikolari għall-produzzjoni tas- Solanum lycopersicum L. u tal-Capsicum spp.

(3)

Abbażi ta’ dan, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1615 (4) ġiet adottata sabiex jiġu stabbiliti miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-pest speċifikat.

(4)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1615, inġabret informazzjoni xjentifika aktar reċenti dwar il-firxa tal-pest speċifikat u dwar il-metodi tal-ittestjar, li tiġġustifika l-ħtieġa għal miżuri aktar dettaljati minn dawk previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1615.

(5)

B’mod partikolari, iż-żrieragħ tas-Solanum lycopersicum L. u tal-Capsicum spp. jenħtieġ li jiġu ttestjati irrispettivament mill-oriġini tagħhom. Dan huwa meħtieġ minħabba l-inċertezzi b’rabta mal-preżenza tal-pest madwar id-dinja u minħabba li ż-żrieragħ ta’ oriġini differenti spiss jitħalltu fil-lottijiet meta jiġu nnegozjati, u b’hekk jiżdied ir-riskju li jinxtered il-pest speċifikat.

(6)

Barra minn hekk, l-istabbiliment tas-siti ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti jrid ikun soġġett għal ċerti miżuri, sabiex jiġi żgurat li jiġi prodott materjal b’saħħtu.

(7)

Il-varjetajiet tal-Capsicum spp., li huma magħrufa bħala reżistenti għall-pest speċifikat, mhumiex meqjusa li jirrappreżentaw riskju ta’ infezzjoni u tixrid tal-pest speċifikat. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-varjetajiet jiġu eżentati mir-rekwiżiti għall-ittestjar jekk ikunu ċċertifikati uffiċjalment bħala reżistenti.

(8)

Jenħtieġ li l-kampjunar u l-ittestjar jitwettqu f’kundizzjonijiet speċifiċi abbażi tal-aktar informazzjoni reċenti miġbura fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali. Il-metodi ta’ reazzjoni katina bil-polimerażi (il-metodi PCR) f’ħin reali huma l-aktar effettivi għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-pest speċifikat. Il-metodu ELISA huwa inqas sensittiv u inqas speċifiku peress li dan il-metodu nstab li ħoloq reazzjoni reċiproka ma’ viruses oħra tat-tadam. Madankollu, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 hemm nuqqas ta’ kits meħtieġa għall-metodi ta’ detezzjoni bil-PCR f’ħin reali. Sal-1 ta’ Ottubru 2020, jenħtieġ li l-metodu ELISA jitqies ukoll bħala metodu aċċettabbli ta’ detezzjoni u ta’ identifikazzjoni tal-pest speċifikat. Jenħtieġ li dan il-kampjunar u l-ittestjar isiru flimkien ma’ kampjunar għall-verifiki fiżiċi li jsiru f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2130 (5), sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni fitosanitarja tal-Unjoni.

(9)

Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għall-ġarr ta’ pjanti għat-tħawwil ma japplikawx għall-pjanti diġà prodotti f’konformita mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1615 għaliex ma tkunx reazzjoni proporzjonata li jkun meħtieġ ittestjar addizzjonali għal dawk iż-żrieragħ u minħabba li f’ħafna mill-każijiet dawk il-kundizzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu implimentati b’mod prattiku.

(10)

L-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2130 jistabbilixxi r-regoli dwar l-operazzjonijiet li jridu jitwettqu waqt il-kontrolli fiżiċi fuq il-pjanti għat-tħawwil inkluż il-kampjunar. Minbarra dawk ir-regoli, u sabiex il-frekwenza tal-kampjunar u l-ittestjar tiġi adattata skont ir-riskji fitosanitarji tal-pest speċifikat, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu l-frekwenza tal-kampjunar u tal-ittestjar, waqt l-importazzjoni, tal-konsenji taż-żrieragħ speċifikati u tal-pjanti speċifikati għat-tħawwil. Jenħtieġ li r-rata ta’ dik il-frekwenza ma tkunx inqas minn 20 % taż-żrieragħ speċifikati importati u tal-pjanti speċifikati għat-tħawwil, biex ikun żgurat li jiġi ċċekkjat kampjun rappreżentattiv b’mod adegwat.

(11)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1615 titħassar u tiġi sostitwita b’dan ir-Regolament biex jittieħed kont tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072, li jibdew japplikaw mill-14 ta’ Diċembru 2019.

(12)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jibqa’ japplika sal-31 ta’ Mejju 2022 sabiex jingħata biżżejjed żmien għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u d-determinazzjoni tal-istatus fitosanitarju tal-pest speċifikat fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni u d-distribuzzjoni dinjija.

(13)

Sabiex ir-riskji fitosanitarji tal-pest speċifikat jiġu indirizzati malajr, jenħtieġ li r-regoli ta’ dan ir-Regolament jibdew japplikaw fl-iqsar żmien possibbli. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“pest speċifikat” tfisser il-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV);

(b)

“pjanti speċifikati għat-tħawwil” tfisser pjanti għat-tħawwil tas-Solanum lycopersicum L. u tal-Capsicum spp. minbarra ż-żrieragħ;

(c)

“żrieragħ speċifikati” tfisser żrieragħ tas-Solanum lycopersicum L. u tal-Capsicum spp;

(d)

“frott speċifikat” tfisser frott tas-Solanum lycopersicum L. u tal-Capsicum spp.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet li jikkonċernaw il-pest speċifikat

Il-pest speċifikat ma għandux jiġi introdott, jinġarr, jinżamm, jiżdied jew jiġi rilaxxat fit-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 3

Id-detezzjoni jew il-preżenza suspettata tal-pest speċifikat

1.   Kull persuna li tissuspetta jew li ssir taf bil-preżenza tal-pest speċifikat fit-territorju tal-Unjoni, għandha tinforma lill-korp uffiċjali responsabbli minnufih u tipprovdilu l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-preżenza, jew il-preżenza suspettata, tal-pest speċifikat.

2.   Meta tirċievi din l-informazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha:

(a)

minnufih tirreġistra l-informazzjoni pprovduta;

(b)

tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi kkonfermata l-preżenza jew il-preżenza suspettata tal-pest speċifikat;

(c)

tiżgura li kull persuna li jkollha pjanti li jistgħu jkunu infettati bil-pest speċifikat taħt il-kontroll tagħha tkun infurmata immedjatament b’dan li ġej:

(i)

il-preżenza jew il-preżenza suspettata tal-pest speċifikat, kif ukoll

(ii)

ir-riskji possibbli assoċjati mal-pest speċifikat u l-miżuri li jridu jittieħdu.

Artikolu 4

Miżuri dwar il-preżenza kkonfermata tal-pest speċifikat

Fejn il-preżenza jew il-preżenza suspettata tal-pest speċifikat tkun ikkonfermata fit-territorju ta’ Stat Membru, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiżgura li jittieħdu miżuri xierqa biex jinqered il-pest speċifikat skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Artikolu 5

Stħarriġ dwar il-preżenza tal-pest speċifikat fl-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ annwali għall-preżenza tal-pest speċifikat fuq pjanti speċifikati għat-tħawwil, żrieragħ speċifikati u frott speċifikat fit-territorju tagħhom, inkluż f’postijiet ta’ produzzjoni ta’ żrieragħ speċifikati u pjanti speċifikati għat-tħawwil.

2.   Dak l-istħarriġ għandu:

(a)

jinkludi l-kampjunar u l-ittestjar kif stabbilit fl-Anness; kif ukoll

(b)

ikunu bbażati fuq:

(i)

ir-riskju vvalutat tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-pest speċifikat lejn l-Istat Membru kkonċernat u fih, u

(ii)

prinċipji xjentifiċi u tekniċi sodi, fir-rigward tal-possibbiltà li ssir detezzjoni tal-pest speċifikat.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sat-30 ta’ April ta’ kull sena, bir-riżultati tal-istħarriġ li jkunu twettqu fis-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 6

Moviment tal-pjanti speċifikati għat-tħawwil fl-Unjoni

1.   Il-pjanti speċifikati għat-tħawwil jistgħu jinġarru fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti u jekk jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-pjanti speċifikati jkunu tkabbru f’sit ta’ produzzjoni fejn ikun magħruf li ma jinsabx il-pest speċifikat, abbażi ta’ spezzjonijiet uffiċjali mwettqa fiż-żmien speċifiku meta jkun attiv il-pest speċifikat, u, meta l-pjanti speċifikati jkunu qed juru sintomi tal-pest speċifikat, dawn il-pjanti jkunu ġew soġġetti għal kampjunar u ttestjar mill-awtorità kompetenti, u dawn it-testijiet ikunu wrew li huma ħielsa mill-pest speċifikat;

(b)

il-lottijiet tal-pjanti speċifikati għat-tħawwil ikunu nżammu separati minn lottijiet oħra ta’ pjanti speċifikati billi jkunu ġew applikati miżuri ta’ iġjene xierqa u separazzjoni fiżika.

Il-kampjunar għall-ittestjar, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, għandu jsir kif stabbilit fl-Anness.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal:

(a)

Pjanti speċifikati ta’ varjetajiet Capsicum spp., magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat;

(b)

il-pjanti speċifikati għat-tħawwil prodotti f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1615.

Artikolu 7

Il-ġarr ta’ żrieragħ speċifikati fl-Unjoni

1.   Iż-żrieragħ speċifikati jistgħu jinġarru fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti u jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-pjanti omm tagħhom ikunu ġew prodotti f’sit ta’ produzzjoni fejn ikun magħruf li ma jinsabx il-pest speċifikat, abbażi ta’ spezzjonijiet uffiċjali mwettqa fiż-żmien adatt biex issir detezzjoni tal-pest speċifikat;

(b)

iż-żrieragħ jew il-pjanti omm tagħhom ikunu għaddew minn kampjunar u ttestjar għall-pest speċifikat mill-awtorità kompetenti, jew ikunu ġew soġġetti għal kampjunar u ttestjar minn operaturi professjonisti taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti, u skont dawk it-testijiet, ikun instab li jkunu ħielsa mill-pest speċifikat;

Fil-każ tal-preżenza suspettata tal-pest speċifikat, dak il-kampjunar u l-ittestjar għandhom jitwettqu biss mill-awtoritajiet kompetenti skont il-punt (c) tal-Artikolu 87(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(c)

l-oriġini tal-lottijiet kollha taż-żrieragħ speċifikati jiġu rreġistrati u ddokumentati.

2.   Iż-żrieragħ speċifikati li kienu għadhom maħżuna qabel il-15 ta’ Awwissu 2020 għandu jittieħed kampjun u jiġu ttestjati għall-pest speċifikat mill-awtorità kompetenti jew minn operaturi professjonali taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti, qabel ma jiġu ttrasportati fl-Unjoni u jirriżulta minn dawk it-testijiet li jkunu ħielsa mill-pest speċifikat.

3.   Il-kampjunar u l-ittestjar taż-żrieragħ għandhom isiru kif stipulat fl-Anness.

4.   Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx għaż-żrieragħ tal-varjetajiet Capsicum spp., magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat;

Artikolu 8

Introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti speċifikati għat-tħawwil

1.   Il-pjanti speċifikati għat-tħawwil, minbarra dawk tal-varjetajiet Capsicum spp., magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, li joriġinaw minn pajjiżi terzi jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju li, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni uffiċjali li l-pjanti speċifikati għat-tħawwil joriġinaw minn żrieragħ speċifikati li jkunu għaddew minn kampjunar u ttestjar għall-pest speċifikat kif stabbilit fl-Anness, u li dawn it-testijiet juru li jkunu ħielsa mill-pest speċifikat;

(b)

dikjarazzjoni uffiċjali li l-pjanti għat-tħawwil speċifikati jkunu ġew prodotti f’sit ta’ produzzjoni li huwa rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini u li jkun magħruf li huma ħielsa mill-pest speċifikat fuq il-bażi ta’ spezzjonijiet uffiċjali mwettqa fi żmien xieraq għad-detezzjoni ta’ dak il-pest, u fil-każ ta’ sintomi, jkunu għaddew minn kampjunar uffiċjali u ttestjar għall-pest speċifikat u, skont dawk it-testijiet, instabu li kienu ħielsa mill-pest speċifikat;

(c)

l-isem tas-sit tal-produzzjoni rreġistrat.

2.   Il-pjanti speċifikati tal-varjetajiet Capsicum spp., magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, li joriġinaw minn pajjiżi terzi jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju li, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, jinkludi l-elementi li ġejjin:

Artikolu 9

Introduzzjoni ta’ żrieragħ speċifikati fl-Unjoni

1.   Iż-żrieragħ speċifikati, li joriġinaw minn pajjiżi terzi, minbarra dawk tal-varjetajiet Capsicum spp., magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju li, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni uffiċjali li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ġew issodisfati:

(i)

il-pjanti omm taż-żrieragħ speċifikati kkonċernati jkunu ġew prodotti f’sit ta’ produzzjoni fejn ikun magħruf li ma jinsabx il-pest speċifikat, abbażi ta’ spezzjonijiet uffiċjali mwettqa fiż-żmien adatt biex issir detezzjoni tal-pest speċifikat;

(ii)

iż-żrieragħ speċifikati kkonċernati jew il-pjanti omm tagħhom ikunu għaddew minn kampjunar u ttestjar uffiċjali għall-pest speċifikat u jkunu nstabu, skont dawk it-testijiet, li jkunu ħielsa mill-pest speċifikat;

(b)

l-isem tas-sit tal-produzzjoni rreġistrat.

2.   Iż-żrieragħ speċifikati tal-varjetajiet Capsicum spp., magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, li joriġinaw minn pajjiżi terzi jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju li, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, jinkludi l-elementi li ġejjin:

Artikolu 10

Kontrolli uffiċjali mal-introduzzjoni fl-Unjoni

Għandhom jiġu kkampjunati u ttestjati mill-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni, mhux inqas minn 20 % tal-kunsinni taż-żrieragħ speċifikati u tal-pjanti speċifikati għat-tħawwil, kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 11

Tħassir tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1615

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1615 titħassar mill-15 ta’ Awwissu 2020.

Artikolu 12

Perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika sal-31 ta’ Mejju 2022.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1615 tas-26 ta’ Settembru 2019 li tistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid ġewwa l-Unjoni tal-virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV) (ĠU L 250, 30.9.2019, p. 91).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2130 tal-25 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar l-operazzjonijiet li jridu jitwettqu waqt il-verifiki tad-dokumenti, tal-identità, u fiżiċi, fuq l-annimali u l-oġġetti li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u wara li jkunu saru dawn il-verifiki (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 128).


ANNESS

1.   Skemi ta’ kampjunar taż-żrieragħ, għajr iż-żrieragħ tal-varjetajiet tal-Capsicum spp. magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat

Il-kampjunar taż-żrieragħ għall-ittestjar għandu jitwettaq fl-iskemi ta’ kampjunar li ġejjin, skont il-lottijiet taż-żrieragħ kif imsemmija fit-tabella rilevanti tal-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 31 “Methodologies for sampling of consignments” (ISPM31):

għal-lottijiet ta’ 3 000 żerriegħa jew inqas: applikazzjoni ta’ skema ta’ kampjunar iperġeometrika li kapaċi tidentifika b’affidabbiltà ta’ 95 % livell ta’ preżenza ta’ pjanti infettati ta’ 10 % jew iżjed;

għal-lottijiet ta’ aktar minn 3 000 żerriegħa iżda inqas minn 30 000 żerriegħa: applikazzjoni ta’ skema ta’ kampjunar li kapaċi tidentifika b’affidabbiltà ta’ 95 % livell ta’ preżenza ta’ pjanti infettati ta’ 1 % jew iżjed;

għal-lottijiet ta’ aktar minn 30 000 żerriegħa: applikazzjoni ta’ skema ta’ kampjunar li kapaċi tidentifika b’affidabbiltà ta’ 95 % livell ta’ preżenza ta’ pjanti infettati ta’ 0,1 % jew iżjed.

Is-subkampjuni għandhom jikkonsistu minn massimu ta’ 1 000 żerriegħa għall-metodi ta’ Reazzjoni Katina bil-Polimerażi (PCR).

Is-subkampjuni għandhom jikkonsistu minn massimu ta’ 250 żerriegħa għall-metodu tal-assaġġ ta’ immunoassorbiment enzimatiku (Enzyme Linked Immuno Sorbent Assay - ELISA).

2.   Skemi ta’ kampjunar ta’ pjanti għat-tħawwil, għajr dawk tal-varjetajiet tal-Capsicum spp. magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat

Fil-każ ta’ pjanti għat-tħawwil, ħlief dawk tal-varjetajiet Capsicum spp. magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, għandhom jinġabru 200 werqa minn kull sit ta’ produzzjoni u kultivar, preferibbilment il-weraq iż-żgħar min-naħa ta’ fuq tal-pjanti.

Fil-każ ta’ pjanti sintomatiċi, il-kampjunar għall-ittestjar għandu jsir fuq mill-inqas 3 weraq sintomatiċi.

3.   Metodi ta’ ttestjar għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-pest speċifikat fuq iż-żrieragħ, għajr iż-żrieragħ tal-varjetajiet tal-Capsicum spp. magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat

Wieħed mill-metodi tal-ittestjar li ġejjin għandu jintuża għad-detezzjoni tal-pest speċifikat fuq iż-żrieragħ speċifikati:

ELISA, sal-1 ta’ Ottubru 2020, għall-konferma tal-ħelsien mill-pesti għall-ħruġ ta’ passaporti tal-pjanti jew ċertifikati fitosanitarji biss;

RT-PCR f’ħin reali bl-użu tal-primers u tas-sondi deskritti fil-protokoll tal-ISF (2020) (1)

RT-PCR f’ħin reali bl-użu ta’ primers u ta’ sonda ta’ Menzel and Winter (Acta Horticulturae, fl-istampa).

Fil-każ ta’ riżultat pożittiv tat-test ta’ detezzjoni, għandu jitwettaq metodu tal-ittestjar ieħor, differenti minn dak użat għad-detezzjoni, b’wieħed mill-metodi tal-RT-PCR f’ħin reali elenkati hawn fuq, billi jintuża l-istess kampjun biex tiġi kkonfermata l-identifikazzjoni. F’każ li tinkiseb inkonsistenza bejn ir-riżultati tad-detezzjoni u tal-identifikazzjoni għaż-żrieragħ miksija, il-kisi taż-żrieragħ għandu jitneħħa u ż-żrieragħ għandhom jiġu ttestjati mill-ġdid.

4.   Metodi ta’ ttestjar għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-pest speċifikat fuq il-pjanti għat-tħawwil, għajr il-pjanti għat-tħawwil tal-varjetajiet tal-Capsicum spp. magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, u fuq il-frott speċifikat

Għandu jitwettaq wieħed mill-metodi ta’ ttestjar li ġejjin għad-detezzjoni tal-pest speċifikat fuq il-pjanti speċifikati għat-tħawwil, minbarra l-pjanti speċifikati għat-tħawwil tal-varjetajiet Capsicum spp., magħrufa li huma reżistenti għall-pest speċifikat, u fuq il-frott speċifikat:

ELISA, għall-materjal sintomatiku biss;

RT-PCR konvenzjonali bl-użu tal-primers ta’ Alkowni et al. (2019);

RT-PCR konvenzjonali bl-użu tal-primers ta’ Rodriguez-Mendoza et al. (2019);

RT-PCR f’ħin reali bl-użu tal-primers u tas-sondi deskritti fil-protokoll tal-ISF (2020) (2);

RT-PCR f’ħin reali bl-użu ta’ primers u ta’ sonda ta’ Menzel and Winter (Acta Horticulturae, fl-istampa).

Fil-każ ta’ riżultat pożittiv tat-test ta’ detezzjoni, għandu jitwettaq metodu tal-ittestjar ieħor, differenti minn dak użat għad-detezzjoni, b’wieħed mill-metodi RT-PCR elenkati hawn fuq, billi jintuża l-istess kampjun biex tiġi kkonfermata l-identifikazzjoni.


(1)  Protokoll żviluppat mill-Federazzjoni Internazzjonali għaż-Żrieragħ (L-Inizjattiva Internazzjonali dwar is-Saħħa taż-Żrieragħ għall-Għelejjel tal-Ħaxix (ISHI-Veg).

(2)  Protokoll żviluppat mill-Federazzjoni Internazzjonali għaż-Żrieragħ (L-Inizjattiva Internazzjonali dwar is-Saħħa taż-Żrieragħ għall-Għelejjel tal-Ħaxix (ISHI-Veg).