12.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 262/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1190

tal-11 ta’ Awwissu 2020

li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/983 dwar il-proċedura għall-ħruġ ta’ Karta Professjonali Ewropea, u l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ twissija skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4a(7) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/983 (2), għall-istabbiliment u għall-għoti temporanju u okkażjonali ta’ servizzi skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/36/KE, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti l-ewwel għandha tieħu waħda minn għadd ta’ deċiżjonijiet. Fosthom hemm deċiżjoni li testendi l-validità tal-Karta Professjonali Ewropea (KPE).

(2)

Madankollu, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/36/KE japplika biss għal sitwazzjonijiet fejn is-servizzi jridu jiġu pprovduti għall-ewwel darba. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/983, deċiżjoni biex tiġi estiża l-validità tal-KPE mhijiex rilevanti.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/983 jiġi kkoreġut skont dan.

(4)

Il-miżura prevista f’dan ir-Regolament hija skont l-opinjoni tal-Kumitat għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali msemmi fl-Artikolu 58(1) tad-Direttiva 2005/36/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/983, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għall-istabbiliment u għall-għoti temporanju u okkażjonali ta’ servizzi skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/36/KE, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, jew tieħu d-deċiżjoni li toħroġ il-KPE, jew id-deċiżjoni li tirrifjuta li toħroġ il-KPE, jew id-deċiżjoni li tapplika miżuri ta’ kumpens skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(4), jew skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36/KE.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-11 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/983 tal-24 ta’ Ġunju 2015 dwar il-proċedura għall-ħruġ ta’ Karta Professjonali Ewropea, u l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ twissija skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 27).