7.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1165

tas-6 ta’ Awwissu 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/353 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti tat-triq tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/353 (2), ġew imposti dazji antidumping definittivi u nġabru b’mod definittiv id-dazji provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ roti tat-triq tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(2)

L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/353 jgħid: “Fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni għal rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fir-rigward tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1, l-ammont ta’ biċċiet tal-prodotti importati għandu jiddaħħal fil-parti rilevanti ta’ dik id-dikjarazzjoni”. Is-servizzi tal-Kummissjoni rċevew kummenti mingħand l-Istati Membri u l-operaturi tas-suq rigward l-oriġini tal-prodotti impurtati.

(3)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-ammont ta’ biċċiet jenħtieġ li jiġi ddikjarat għall-importazzjonijiet ta’ roti tat-triq tal-azzar, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, u jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw il-Kummissjoni bl-ammont ta’ biċċiet impurtati.

(4)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddeċidiet li temenda l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/353.

(5)

It-terminu “biċċiet” jiġi sostitwit b’“oġġetti” għall-konsistenza mal-unità supplimentari “għadd ta’ oġġetti”, definita fin-Nomenklatura Magħquda (3).

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-premessa (88) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/353 hija sostitwita b’dan li ġej:

“(88)

L-istatistika tal-SRW ħafna drabi tiġi espressa f’għadd ta’ oġġetti. Madankollu, ma hemm l-ebda unità supplimentari bħal din għal SRW speċifikata fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (11). Għalhekk hemm bżonn li fid-dikjarazzjoni għal rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ma jingħatax biss il-piż f’kg jew f’tunnellati iżda anke l-għadd ta’ oġġetti għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Jenħtieġ li jiġu indikati l-oġġetti għall-kodiċijiet TARIC 8708701080, 8708701085, 8708709920, 8708709980, 8716909095 u 8716909097.”

Artikolu 2

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/353 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li tkun ħarġet tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga, abbozzata kif ġej: ‘Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(għadd ta’oġġetti) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea koperti minn din il-fattura ġew prodotti minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.’ Jekk ma tiġix ippreżentata din il-fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha.”

Artikolu 3

L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/353 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni għal rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fir-rigward tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1), irrispettivament mill-oriġini tagħhom, l-għadd ta’ oġġetti tal-prodotti importati għandu jiddaħħal fil-parti rilevanti ta’ dik id-dikjarazzjoni.

Fuq bażi ta’ kull xahar, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-għadd ta’ oġġetti importati taħt il-kodiċijiet TARIC 8708701080, 8708701085, 8708709920, 8708709980, 8716909095 u 8716909097, u bl-oriġini tagħhom.”

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/353 tat-3 ta’ Marzu 2020 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti tat-triq tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. ĠU L 65, 4.3.2020, p. 9.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).