5.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 255/36


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1156

tal-4 ta’ Awwissu 2020

li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/186 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina lejn importazzjonijiet ta’ ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni b’modifiki żgħar

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/186 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina” jew “ir-RPĊ”). Id-dazji antidumping individwali fis-seħħ kienu jvarjaw minn 17,2 % sa 27,9 %. Il-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw u mhux inklużi fil-kampjun elenkati f’Anness ta’ dak ir-Regolament ingħataw dazju ta’ 26,1 % u l-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha (li ma kkooperawx) huma soġġetti għad-dazju residwu ta’ 27,9 %.

(2)

Dawn il-miżuri minn hawn ’il quddiem jissejħu “il-miżuri fis-seħħ” u l-investigazzjoni li wasslet biex jiġu imposti l-miżuri mir-Regolament oriġinali minn issa ’l quddiem se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”.

1.2.   Il-bidu tal-investigazzjoni ex-officio

(3)

Il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-miżuri fis-seħħ kienu qegħdin jiġu evitati b’modifiki żgħar tal-prodott ikkonċernat. B’mod aktar speċifiku, l-istatistika fil-livell TARIC b’10 numri wriet li seħħet bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina lejn l-Unjoni wara l-impożizzjoni tad-dazju antidumping definittiv.

(4)

L-evidenza ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li din il-bidla ġejja mill-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat b’modifiki żgħar u li ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-bidla, għajr l-impożizzjoni tad-dazju għal tali prattika, proċess jew xogħol.

(5)

L-evidenza disponibbli lill-Kummissjoni tindika l-fatt li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ kienu qegħdin jiġu mminati kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ prezz.

(6)

Il-Kummissjoni kellha biżżejjed evidenza għad-dispożizzjoni tagħha li turi li l-esportazzjonijiet tal-prodott b’modifiki żgħar kienu oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-valur normali stabbilit qabel.

(7)

Wara li b’hekk stabbiliet, wara li informat l-Istati Membri, li teżisti biżżejjed informazzjoni prima facie għall-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestiga l-allegata evażjoni tal-miżuri eżistenti u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott b’modifiki żgħar suġġetti għal reġistrazzjoni. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) 2019/1948 (3) (“ir-Regolament ta’ tnedija”), u nediet investigazzjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess.

1.3.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat

(8)

Il-prodott ikkonċernat mill-evażjoni possibbli huwa prodotti tal-ħadid jew tal-azzar illigat irrumblati ċatti jew tal-azzar mhux liga; deossidati bl-aluminju; miksija jew mgħottija b’galvanizzazzjoni b’immersjoni taħraq biż-żingu u/jew bl-aluminju, u b’ebda metall ieħor; b’passivazzjoni kimika; li skont il-piż, ikun fihom: 0,015 % jew aktar iżda mhux aktar minn 0,170 % ta’ karbonju, 0,015 % jew aktar iżda mhux aktar minn 0,100 % ta’ aluminju, mhux aktar minn 0,045 % ta’ nijobju, mhux aktar minn 0,010 % ta’ titanju u mhux aktar minn 0,010 % ta’ vanadju; ippreżentati f’kojls, f’folji maqtugħa skont id-daqs u fi strixxi dojoq.

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

tal-azzar inossidabbli, tal-azzar tas-siliċju manjetiku, u tal-azzar b’veloċità għolja,

mhux maħdumin aktar ħlief illaminati bis-sħana jew illaminati kesħin (cold-reduced).

(9)

Il-prodott ikkonċernat bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 7210 41 00, ex 7210 49 00, ex 7210 61 00, ex 7210 69 00, ex 7212 30 00, ex 7212 50 61, ex 7212 50 69, ex 7225 92 00, ex 7225 99 00, ex 7226 99 30 u ex 7226 99 70 (Kodiċijiet TARIC: 7210410020, 7210490020, 7210610020, 7210690020, 7212300020, 7212506120, 7212506920, 7225920020, 7225990022, 7225990092, 7226993010, 7226997094) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri oriġinali.

(10)

Il-prodott investigat minħabba evażjoni possibbli huwa prodotti tal-ħadid jew tal-azzar illigat rrumblati ċatti jew tal-azzar mhux liga; miksi jew mgħotti b’galvanizzazzjoni b’hot dip biż-żingu u/jew bl-aluminju u/jew magneżju, sew jekk b’silikon u sew jekk le; b’passivazzjoni kimika; bi kwalunkwe trattament ta’ wiċċ addizzjonali bħal żejt jew issiġillar jew mingħajru; li skont il-piż, ikun fihom: mhux aktar minn 0,5 % ta’ karbonju, mhux aktar minn 1,1 % ta’ aluminju, mhux iktar minn 0,12 % ta’ nijobju, mhux aktar minn 0,17 % ta’ titanju u mhux iktar minn 0,15 % ta’ vanadju; ippreżentati f’kojls, f’folji maqtugħa skont id-daqs u fi strixxi dojoq.

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

tal-azzar inossidabbli, tal-azzar tas-siliċju manjetiku, u tal-azzar b’veloċità għolja,

mhux maħdumin aktar ħlief illaminati bis-sħana jew illaminati kesħin (cold-reduced),

il-prodott ikkonċernat kif definit fil-premessa (8) hawn fuq.

(11)

Il-prodott investigat bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 7210 41 00, ex 7210 49 00, ex 7210 61 00, ex 7210 69 00, ex 7210 90 80, ex 7212 30 00, ex 7212 50 61, ex 7212 50 69, ex 7212 50 90, ex 7225 92 00, ex 7225 99 00, ex 7226 99 30, ex 7226 99 70 (Kodiċijiet TARIC: 7210410030, 7210490030, 7210610030, 7210690030, 7210908092, 7212300030, 7212506130, 7212506930, 7212509014, 7212509092, 7225920030, 7225990023, 7225990041, 7225990093, 7226993030, 7226997013, 7226997093), li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

1.4.   Investigazzjoni

(12)

Il-Kummissjoni informat kif dovut lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ magħrufa li huma kkonċernati u lil assoċjazzjoni tal-industrija tal-Unjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni.

(13)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-bidu, il-kwestjonarji għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ saru disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (4).

(14)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament ta’ ftuħ. Il-partijiet kollha ġew infurmati li nuqqas ta’ kooperazzjoni jista’ jwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal konklużjonijiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(15)

Ippreżentaw lilhom infushom sitt gruppi ta’ kumpaniji mir-RPĊ u assoċjazzjoni mill-industrija tal-Unjoni, li tirrappreżenta l-industrija tal-Unjoni kif definita fl-investigazzjoni oriġinali.

(16)

Mis-sitt gruppi ta’ hawn fuq, tnejn biss ippreżentaw tweġibiet kompluti għall-kwestjonarji u talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku:

Beijing Shougang Cold Rolling Co., Ltd., Shougang Jingtang United Iron & Steel Co., Ltd. u l-kummerċjanti relatati magħhom China Shougang International Trade & Engineering Corp., Shougang Holding Trade (Hong Kong) Limited, u Shougang International (Austria) GmbH (“il-grupp Shougang”);

Bengang Steel Plates Co., Ltd., BX Steel POSCO Cold Rolled Sheet Co. Ltd u l-kummerċjanti relatati magħhom Benxi Iron & Steel Hong Kong Limited, Benxi Iron u Steel Group Europe GmbH, Benxi Iron & Steel (Group) International Economic and Trading Co., Ltd., u Benxi Iron Steel America Limited (“il-grupp BSP”).

(17)

F’konformità mal-Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq investigazzjonijiet antidumping u antisussidji (5), il-Kummissjoni ddeċidiet li ma twettaqx żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li talbu eżenzjoni minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Minflok, il-Kummissjoni organizzat vidjokonferenza mal-grupp Shougang biex tagħmel kontroverifika tat-tweġibiet għall-kwestjonarju li ġie ppreżentat mill-grupp.

(18)

Għall-istess raġunijiet, esportatur ieħor għamel preżentazzjoni bil-miktub minflok ma attenda s-seduta ta’ smigħ mitluba.

1.5.   Perjodu ta’ rapportar u perjodu tal-investigazzjoni

(19)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u t-30 ta’ Settembru 2019 (il-“PI”). Id-data inġabret għall-PI sabiex tkun investigata, fost l-oħrajn, il-bidla allegata fit-tendenza tal-kummerċ. Għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2018 sat-30 ta’ Settembru 2019 (il-perjodu ta’ rapportar jew “il-PR”), inġabret data aktar dettaljata sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ indeboliment tal-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ u l-eżistenza ta’ dumping.

2.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(20)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni analizzat jekk kienx hemm tibdil fix-xejra tal-kummerċ bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott b’modifiki żgħar li joriġina fir-RPĊ, jekk dan it-tibdil kienx ġej minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, jekk kienx hemm evidenza ta’ dannu jew jekk l-effetti rimedjali tad-dazju kinux qegħdin jiġu mminati f’termini ta’ prezzijiet u/jew ta’ kwantitajiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, u jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

2.2.   Livell ta’ kooperazzjoni

(21)

Fl-avviż ta’ bidu, il-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu mistiedna jikkooperaw u jwieġbu għal kwestjonarju sabiex juru li l-esportazzjonijiet tagħhom ma kinux jikkostitwixxu evażjoni.

(22)

Filwaqt li 19-il grupp jew kumpanija kienu involuti fl-investigazzjoni antidumping oriġinali, żewġ gruppi biss ta’ kumpaniji talbu eżenzjoni u pprovdew l-informazzjoni mitluba fil-proċediment attwali. Dawn iż-żewġ gruppi ammontaw għal 14 % tal-importazzjonijiet totali miċ-Ċina ddikjarati mill-produtturi esportaturi matul l-investigazzjoni antidumping oriġinali iżda inqas minn 1 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodott investigat matul il-PR. Għaldaqstant il-livell ta’ koperazzjoni kien baxx.

(23)

Abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju, l-informazzjoni pprovduta mill-grupp BSP tqieset mhux kompluta u mhux ta’ min jorbot fuqha. Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-BSP bl-intenzjoni tagħha li ma tikkunsidrax l-informazzjoni pprovduta u li tagħmel il-kostatazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-grupp fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(24)

Il-grupp tal-BSP ippreżenta kummenti dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża l-fatti disponibbli fir-rigward tal-grupp. Huwa ma qabilx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-grupp ma pprovdiex l-informazzjoni meħtieġa u ddikjara li huwa kkoopera b’mod sħiħ mal-Kummissjoni billi bagħat it-tweġibiet kollha għall-kwestjonarju u t-tweġibiet għall-ittri ta’ defiċjenza fil-ħin.

(25)

Il-grupp tal-BSP iddikjara li l-applikazzjoni ta’ fatt disponibbli ma kinitx valida għaliex, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kien imissha talbet kjarifika minn qabel dwar id-diskrepanza fir-rigward tal-kwantitajiet esportati matul l-investigazzjoni oriġinali. It-tieni, il-grupp sostna li jkun impossibbli li t-tabella dwar in-Numru ta’ Kontroll tal-Prodott (“PCN” - Product Control Number) tiġi stabbilita u l-kodiċi tal-prodotti użati mill-kumpaniji ma setgħux jikkorrispondu eżatt mal-PCN magħżul mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, il-grupp BSP iddikjara li ma setax jipprovdi l-għamla kimika eżatta mitluba mill-Kummissjoni, peress li dan ma kienx mitlub mill-istandards tal-industrija u għalhekk jitkejjel u jiġi rreġistrat biss fuq talba speċifika ta’ klijent.

(26)

Peress li l-grupp BSP ma ppreżenta l-ebda evidenza li tbiddel il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni kkonfermat l-intenzjoni tagħha li tinjora t-tweġiba għall-kwestjonarju tal-grupp BSP u li tagħmel il-kostatazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-grupp fuq il-bażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(27)

L-esportazzjonijiet tal-esportaturi li ma kkooperawx kienu għalhekk stmati għal aktar minn 99 % tal-esportazzjonijiet totali Ċiniżi lejn l-Unjoni tal-prodott investigat għall-perjodu ta’ rapportar. B’hekk, għal dawk l-esportazzjonijiet, il-Kummissjoni użat il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(28)

Il-Grupp Shougang ikkoopera u, kif stabbilit fit-taqsima 4 hawn taħt, kien eżentat mid-dazji antidumping estiżi.

2.3.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(29)

Sabiex tistabbilixxi jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ, il-Kummissjoni analizzat il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u l-volum ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(30)

Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat jaqgħu taħt l-istess kodiċijiet NM, li jinkludu wkoll prodotti oħra (jiġifieri gradi awtomobilistiċi). Kodiċijiet TARIC speċifiċi li jippermettu li jiġi ddeterminat il-livell attwali tal-importazzjonijiet ġew attribwiti għaż-żewġ prodotti mhux qabel il-bidu tal-investigazzjonijiet rispettivi, jiġifieri f’Diċembru 2016 għall-prodott ikkonċernat (soġġetti għal miżuri antidumping) u f’Novembru 2019 għall-prodott investigat. Il-Kummissjoni kellha għalhekk tagħmel stimi tal-importazzjonijiet rilevanti.

(31)

Għall-perjodu mill-2013 sal-2016, il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjoni ta’ prodotti esklużi mill-ambitu tal-miżuri antidumping (il-biċċa l-kbira minnhom gradi awtomobilistiċi) li jaqgħu taħt l-istess kodiċijiet NM bħall-prodott ikkonċernat ibbażat fuq l-evidenza pprovduta fl-investigazzjoni antidumping oriġinali, jiġifieri li madwar 15 % tal-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet NM kienu jikkonsistu minn prodotti għajr il-prodott ikkonċernat (6).

(32)

Għall-perjodu sussegwenti, l-importazzjonijiet totali ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-kodiċijiet NM sħaħ, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kienu bbażati fuq il-kodiċijiet TARIC speċifiċi, l-importazzjonijiet tal-gradi awtomobilistiċi kienu bbażati fuq stimi ppreżentati mill-industrija tal-Unjoni, u l-importazzjonijiet tal-prodott investigat kienu stabbiliti mid-differenza.

(33)

It-tabella ta’ hawn taħt tikkompila l-informazzjoni miġbura.

Tabella 1 - Volum ta’ importazzjonijiet (tunnellati) tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott investigat mir-RPĊ lejn l-UE

 

2013

2014

2015

2016

2017

2018

RP

Il-prodott ikkonċernat

755 238  (7)

907 319  (7)

1 176 071  (7)

1 981 490  (7)

820 017  (8)

754 (8)

204 (8)

Il-prodott investigat

30 000 – 35 000  (9)

40 000 – 45 000  (9)

5 000 – 10 000  (9)

15 000 – 20 000  (9)

977 932  (11)

913 226  (11)

988 937  (11)

Prodotti oħrajn (gradi awtomobilistiċi)

100 000 – 105 000  (9)

115 000 – 120 000  (9)

200 000 – 205 000  (9)

330 000 – 335 000  (9)

350 000  (12)

450 000  (12)

550 000  (12)

Total  (10)

888 515

1 067 434

1 383 613

2 331 165

2 147 949

1 363 980

1 539 142

Sorsi: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/186, il-Eurostat, u l-istimi tal-Industrija

(34)

Il-volum totali ta’ importazzjonijiet tal-prodott konċernat mir-RPĊ naqas minn 1 857 490 tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali tal-anti-dumping (Ottubru 2015 sa Settembru 2016) għal 204 tunnellata matul il-perjodu ta’ rappurtar. It-tnaqqis kien evidenti b’mod partikolari minn Ġunju 2017, meta l-Kummissjoni poġġiet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat suġġetti għal reġistrazzjoni (13).

(35)

B’mod parallel, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat bdew jikbru biss mill-2017. Dawn kienu qegħdin ivarjaw bejn 978 000 u 988 937 tunnellata bejn l-2017 u l-PR, filwaqt li kienu insinifikanti qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali.

(36)

Il-kważi għajbien ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat sa mill-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping flimkien ma’ żieda parallela ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat jikkostitwixxu bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

2.4.   L-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni

(37)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jitlob li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, proċess jew ħidma jinkludu, inter alia, il-modifika żgħira tal-prodott konċernat biex jiġi jaqa’ taħt kodiċijiet doganali li normalment ma humiex soġġetti għall-miżuri, sakemm il-modifika ma tibdilx il-karatteristiċi essenzjali tiegħu;

(38)

Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat għandhom l-istess karatteristiċi essenzjali. Il-prodott investigat jinkiseb billi jsiru modifiki żgħar lill-prodott ikkonċernat billi, pereżempju, tinbidel xi ftit l-għamla kimika tal-prodott jew il-kisi tiegħu. Il-produtturi tal-prodott ikkonċernat jistgħu faċilment jagħmlu dawn il-modifiki u jipproduċu l-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat fuq l-istess linji ta’ produzzjoni. Il-prodotti li jirriżultaw jistgħu jintużaw għall-istess applikazzjonijiet, jiġifieri fl-industrija tal-kostruzzjoni jew fil-produzzjoni ta’ apparat domestiku. Mill-perspettiva tal-produtturi u tal-utenti, il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat għandhom jitqiesu bħala l-istess prodott.

(39)

Kienu biss żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi li bagħtu talba għal eżenzjoni sabiex juru li huma produtturi ġenwini tal-prodott investigat u ma żiedux il-bejgħ tal-Unjoni tagħhom ta’ dan il-prodott wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali. Dawn iż-żewġ produtturi kienu jirrappreżentaw biss frazzjoni (inqas minn 1 %) tal-importazzjonijiet tal-prodott investigat fil-PR. B’kuntrast ma’ dan, fl-investigazzjoni antidumping oriġinali, kienu kkooperaw 19-il grupp ta’ esportaturi Ċiniżi. Dan il-livell baxx ta’ kooperazzjoni kien jindika li ħafna mill-esportaturi Ċiniżi tal-prodott investigat ma kinux lesti jipprovdu evidenza li ma kinux ħadu sehem f’modifiki żgħar tal-prodott ikkonċernat wara l-impożizzjoni tal-miżuri antidumping. Għalhekk il-Kummissjoni kellha tirrikorri għal sorsi oħra ta’ informazzjoni, biex jintużaw bħala fatti disponibbli, sabiex tikseb evidenza pożittiva dwar l-eżistenza ta’ evażjoni.

(40)

L-industrija tal-Unjoni pprovdiet eżempji ta’ prattiki użati mill-esportaturi Ċiniżi biex jimmodifikaw b’mod żgħir il-prodott ikkonċernat biex dan jiġi jaqa’ taħt kodiċijiet doganali speċifiċi, li ma kinux soġġetti għall-miżuri. Din l-informazzjoni kkonfermat l-eżistenza ta’ prattiki differenti ta’ evażjoni.

(41)

L-assoċjazzjoni tal-industrija tal-Unjoni pprovdiet ċertifikat tat-test ta’ kampjun importat, li jindika ż-żieda tal-manjeżju mal-kisja. B’din il-modifika żgħira, il-prodott ġie jaqa’ taħt kodiċi TARIC differenti mill-prodott ikkonċernat u għalhekk jkunx kopert mill-miżuri oriġinali.

(42)

Barra minn hekk, l-assoċjazzjoni tal-industrija tal-Unjoni pprovdiet materjal promozzjonali ta’ esportatur Ċiniż li jippromwovi l-bejgħ ta’ azzar reżistenti għall-korrużjoni b’kisja li magħha żdied il-manjeżju, li jindika b’mod speċifiku li l-ebda miżura antidumping ma tkun applikabbli fuq dan il-prodott.

(43)

L-assoċjazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ppreżentat ukoll informazzjoni li tindika li xi importaturi ppruvaw jagħmlu l-importazzjonijiet tagħhom jaqgħu barra l-ambitu tal-miżuri fis-seħħ, pereżempju billi jimportaw prodott li kellu kisja rqiqa ta’ żejt jew li kien ingħata ż-żejt biss għal xi metri fuq ir-ras u d-denb, inkluża l-għajn tal-kojl, filwaqt li l-bqija tal-kojl baqgħet passivata u għalhekk soġġetta għall-miżuri oriġinali.

(44)

Fid-dawl tal-evidenza kollha ta’ hawn fuq, li tikkostitwixxi l-fatti disponibbli għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx, il-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza ta’ prattika ta’ evażjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament fil-livell ta’ pajjiż fil-każ tal-importazzjonijiet kollha tal-prodott investigat mir-RPĊ. Din il-prattika ta’ evażjoni tieħu l-forma ta’ modifika żgħira tal-prodott ikkonċernat sabiex iġġibu jaqa’ taħt il-kodiċijiet doganali li normalment ma jkunux soġġetti għall-miżuri.

(45)

Minbarra dan ta’ hawn fuq, ġurisdizzjonijiet oħra identifikaw ukoll prattiki Ċiniżi ta’ evażjoni li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping fuq il-prodott ikkonċernat.

(46)

Fl-2016, l-Awstralja kkonkludiet investigazzjoni kontra l-evażjoni li fiha sabet li l-azzar galvanizzat mhux illigat esportat kienu sarulu modifiki żgħar permezz ta’ bidla żgħira fil-proċess ta’ manifattura biż-żieda ta’ elementi ta’ liga (14).

(47)

F’Frar 2020, l-Istati Uniti tal-Amerika wkoll kkonkludew li seħħet evażjoni dwar ċertu azzar li jirreżisti l-korrożjoni, fejn il-prodott kien trasportat bil-baħar miċ-Ċina lejn numru ta’ pajjiżi terzi (il-Costa Rica, il-Malasja, u l-Emirati Għarab Magħquda) fejn għadda minn ipproċessar ħafif (15).

(48)

Il-prattiki msemmija hawn fuq jindikaw li l-esportaturi Ċiniżi implimentaw prattiki ta’ evażjoni fir-rigward mhux biss tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, iżda wkoll ta’ swieq oħra tal-esportazzjoni.

2.5.   Imminar tal-effett ta’ rimedju tad-dazju

(49)

Kif muri fit-Tabella 1 hawn fuq, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat lejn l-Unjoni mill-esportaturi Ċiniżi żdiedu b’mod sinifikanti bejn l-2016 u l-PR. Fil-PR, il-prodott investigat kien jammonta għal 53 % tal-importazzjonijiet dannużi fil-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni tal-antidumping.

(50)

Fejn jidħol volum, matul il-PR, l-industrija tal-Unjoni rrappurtat li biegħet fl-Unjoni bejn 4 000 000 u 5 000 000 tunnellata, filwaqt li l-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat ammontaw għal 2 441 000 tunnellata, li rriżultaw f’konsum totali tal-Unjoni ta’ bejn 6 441 000 u 7 441 000 tunnellata. Għalhekk, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien stmat f’livell ta’ aktar minn 13 %.

(51)

Fejn jidħlu prezzijiet, il-Kummissjoni qabblet il-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott b’modiki żgħar mal-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni matul il-PR.

(52)

Minħabba li l-prezzijiet u l-ispejjeż evolvew mill-investigazzjoni oriġinali, il-prezz fil-mira tal-prodott ikkonċernat fl-investigazzjoni oriġinali ma kienx jirrifletti aktar il-prezz matul il-PR. Għalhekk, il-Kummissjoni qabblet il-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott b’modifiki żgħar mal-prezz tal-industrija tal-Unjoni matul il-PR, kif previst mill-industrija tal-Unjoni.

(53)

Il-prezz tal-importazzjoni Ċiniż irrappurtat fil-Eurostat huwa taħlita tal-prodott ikkonċernat b’modifiki żgħar u l-gradi tal-azzar awtomobilistiċi li huma aktar għaljin. Minħabba l-livell baxx ta’ kooperazzjoni mill-esportaturi Ċiniżi, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni affidabbli oħra, il-Kummissjoni straħet fuq stima ppreżentata mill-industrija tal-Unjoni li l-prezz tal-gradi tal-azzar awtomobilistiċi huwa 20 % ogħla mill-prodott ikkonċernat, li huwa applikabbli wkoll għall-importazzjonijiet Ċiniżi ta’ prodotti simili.

(54)

Bl-applikazzjoni tad-differenza fil-prezz bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat għall-valur tal-importazzjoni tal-prodott investigat, ipprovdut mill-Eurostat, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott investigat waqqgħu fil-fatt il-prezz tal-Unjoni matul il-PR b’madwar 4 %. L-industrija tal-Unjoni ppreżentat ukoll data li turi li għadha f’sitwazzjoni ta’ telf.

(55)

Minħabba l-volum sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat, li kien issostitwixxa b’mod sinifikanti l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali, u l-prezzijiet baxxi tagħhom, ġie konkluż li l-effetti rimedjali tad-dazju kienu mminati kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet.

2.6.   L-evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali li kien ġie stabbilit preċedentement għall-prodott simili

(56)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott investigat kinux oġġett ta’ dumping.

(57)

Minħabba l-livell negliġibbli ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni bbażat il-prezz tal-esportazzjoni fuq id-data tal-Eurostat, aġġustata wara l-istima mill-industrija tal-Unjoni, kif spjegat fil-premessa (53).

(58)

Il-prezz medju, ikkalkolat mill-Eurostat, tal-importazzjonijiet Ċiniżi, aġġustat għall-valur mill-fabbrika bl-użu tad-data mill-esportatur uniku li kkoopera dwar il-kwoti, ġie mqabbel mal-valur normali medju ponderat stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(59)

It-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni wera livell ta’ dumping ta’ madwar 14 % matul il-perjodu ta’ rappurtar mill-produtturi esportaturi li ma kkooperawx.

2.7.   Konklużjoni

(60)

Fuq il-bażi tal-kostatazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li saret evażjoni mid-dazju antidumping definittiv impost fuq il-prodott ikkonċernat kif definit fl-investigazzjoni oriġinali permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat b’modifiki żgħar, li joriġinaw mir-RPĊ.

(61)

L-investigazzjoni wriet li kien hemm bidla fix-xejra tan-negozju bejn ir-RPĊ u l-Unjoni li tiġi minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju.

(62)

Il-Kummissjoni rriżultalha li l-effetti ta’ rimedju tad-dazju qegħdin jiġu mminati f’termini ta’ prezzijiet u/jew ta’ kwantitajiet tal-prodott simili. Instabet ukoll evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali li ġew stabbiliti minn qabel għall-prodott simili.

3.   MIŻURI

(63)

Fid-dawl tal-kostatazzjonijiet ta’ hawn fuq, ġie konkluż li d-dazju antidumping definittiv impost fuq ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-RPĊ qiegħed jiġi evitat b’importazzjonijiet tal-prodott investigat li joriġina mir-RPĊ.

(64)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ għalhekk li l-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina fir-RPĊ jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-prodott investigat li joriġina mir-RPĊ.

(65)

Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jipprevedu li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tat-tnedija, għandu jinġabar id-dazju antidumping fuq dawk l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott investigat li joriġinaw fir-RPĊ.

4.   TALBIET GĦAL EŻENZJONI

(66)

Żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi mir-RPĊ talbu li jiġu eżentati mill-miżuri estiżi possibbli u ressqu talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(67)

Kif stipulat fil-premessa (26), grupp wieħed ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi ma pprovdiex l-informazzjoni meħtieġa fit-talba tiegħu għal eżenzjoni u għalhekk il-Kummissjoni injorat l-informazzjoni ppreżentata minn dan il-grupp ta’ kumpaniji.

(68)

L-uniku grupp ta’ produtturi esportaturi li kkoopera u n-negozjanti relatati miegħu pprovdew tagħrif li huwa kien diġà biegħ volum żgħir tal-prodott investigat qabel l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali u ma kien hemm l-ebda bidla fix-xejra tal-kummerċ minn dak iż-żmien. Għalhekk, instab li l-grupp ma kienx involut fi prattiki ta’ evażjoni u l-Kummissjoni kkonkludiet li jkun xieraq li tingħata eżenzjoni għal dan il-grupp.

(69)

Kif stabbilit fil-premessa (17), il-Kummissjoni ddeċidiet li ma twettaqx żjarat ta’ verifika fuq il-post tal-gruppi ta’ kumpaniji li talbu eżenzjoni.

(70)

Il-Kummissjoni tista’, skont l-Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet dwar id-dumping u s-sussidji, hekk kif iż-żoni fejn jinsabu l-produtturi esportaturi eżentati ma jibqgħux jitqiesu bħala mhux sikuri għall-ivvjaġġar, tibda rieżami ex officio skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

5.   DIVULGAZZJONI

(71)

Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Kien biss Eurofer, l-ilmentatur fl-investigazzjoni oriġinali, li kkummenta fuq l-iżvelar finali, li qabel mal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni, u talab lill-Kummissjoni ssegwi l-evoluzzjoni tal-esportazzjonijiet mill-uniku produttur esportatur li rċieva eżenzjoni.

(72)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/186 fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-ħadid jew tal-azzar illigat irrumblati ċatti jew tal-azzar mhux liga; deossidati bl-aluminju; miksija jew mgħottija b’galvanizzazzjoni b’immersjoni taħraq biż-żingu u/jew bl-aluminju, u b’ebda metall ieħor; b’passivazzjoni kimika; li skont il-piż, ikun fihom: 0,015 % jew aktar iżda mhux aktar minn 0,170 % ta’ karbonju, 0,015 % jew aktar iżda mhux aktar minn 0,100 % ta’ aluminju, mhux aktar minn 0,045 % ta’ nijobju, mhux aktar minn 0,010 % ta’ titanju u mhux aktar minn 0,010 % ta’ vanadju; ippreżentati f’koljaturi, folji maqtugħin skont it-tul u strixxi dojoq li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

- tal-azzar inossidabbli, tal-azzar tas-siliċju manjetiku, u tal-azzar b’veloċità għolja,

- mhux maħdumin aktar ħlief illaminati bis-sħana jew illaminati kesħin (cold-reduced).

Il-prodott ikkonċernat bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 7210 41 00, ex 7210 49 00, ex 7210 61 00, ex 7210 69 00, ex 7212 30 00, ex 7212 50 61, ex 7212 50 69, ex 7225 92 00, ex 7225 99 00, ex 7226 99 30 u ex 7226 99 70 (Kodiċijiet TARIC: 7210410020, 7210490020, 7210610020, 7210690020, 7212300020, 7212506120, 7212506920, 7225920020, 7225990022, 7225990092, 7226993010, 7226997094) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri oriġinali.

huwa b’dan estiż għal importazzjonijiet ta’

prodotti tal-ħadid jew tal-azzar illigat irrumblati ċatti jew tal-azzar mhux ligat; miksi jew mgħotti b’galvanizzazzjoni b’hot dip biż-żingu u/jew bl-aluminju u/jew magneżju, sew jekk b’silikon u sew jekk le; b’passivazzjoni kimika; bi kwalunkwe trattament ta’ wiċċ addizzjonali bħal żejt jew issiġillar jew mingħajru; li skont il-piż, ikun fihom: mhux aktar minn 0,5 % ta’ karbonju, mhux aktar minn 1,1 % ta’ aluminju, mhux iktar minn 0,12 % ta’ nijobju, mhux aktar minn 0,17 % ta’ titanju u mhux iktar minn 0,15 % ta’ vanadju; ippreżentati f’kojls, f’folji maqtugħa skont id-daqs u fi strixxi dojoq.

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

tal-azzar inossidabbli, tal-azzar tas-siliċju manjetiku, u tal-azzar b’veloċità għolja,

mhux maħdumin aktar ħlief illaminati bis-sħana jew illaminati kesħin (cold-reduced).

il-prodott ikkonċernat kif definit fil-bidu ta’ dan l-artikolu,

li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 7210 41 00, ex 7210 49 00, ex 7210 61 00, ex 7210 69 00, ex 7210 90 80, ex 7212 30 00, ex 7212 50 61, ex 7212 50 69, ex 7212 50 90, ex 7225 92 00, ex 7225 99 00, ex 7226 99 30, ex 7226 99 70 (kodiċijiet TARIC: 7210410030, 7210490030, 7210610030, 7210690030, 7210908092, 7212300030, 7212506130, 7212506930, 7212509014, 7212509092, 7225920030, 7225990023, 7225990041, 7225990093, 7226993030, 7226997013, 7226997093), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Din l-estensjoni ma tapplikax għall-importazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt:

Isem il-kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Beijing Shougang Cold Rolling Co., Ltd

C229

Shougang Jingtang United Iron and Steel Co., Ltd

C164

3.   L-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet mogħtija lill-kumpaniji speċifikament imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida maħruġa mill-produttur li fuqha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li joħroġ tali fattura, identifikat minn ismu/isimha u l-funzjoni. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi abbozzata kif ġej: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) ta’ ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, kien immanifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fi (il-pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u preċiża.” Jekk ma tiġix ippreżentata tali fattura, japplika d-dazju antidumping kif impost bil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Id-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1948 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1036.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali

Artikolu 2

1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiżi permezz tal-Artikolu 1, għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta lill-entità li tkun qiegħda titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Uffiċċju: CHAR 04/039 Rue de la Loi/Wetstraat 200

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

2.   F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, b’deċiżjoni, l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jevadux il-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/186, mid-dazju estiż permezz tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-awtoritajiet doganali huma b’dan mitluba jieqfu mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1948.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/186 tas-7 ta’ Frar 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 34, 8.2.2018, p. 16)

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1948 tal-25 ta’ Novembru 2019 li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/186 fuq l-importazzjonijiet ta’ azzar inossidabbli (“ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni”) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jagħmel importazzjonijiet bħal dawn soġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 304, 26.11.2019, p. 10).

(4)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2409

(5)   ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6.

(6)   GU L 34, 8.2.2018, ara l-premessi (64) sa (66).

(7)   (1) 85 % tal-kodiċijiet NM applikabbli kif definit għall-perjodu kkonċernat fl-investigazzjoni oriġinali. Għas-sena 2016 ġiet applikata l-istess suppożizzjoni.

(8)   (2) Kodiċiijiet TARIC

(9)   (3) L-importazzjonijiet ta’ prodotti għajr il-prodott ikkonċernat, iżda inkluż il-prodott investigat kif ukoll il-gradi tal-vetturi qabel l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali, kienu jikkostitwixxu madwar 15 % tal-importazzjonijiet totali fil-livell tal-kodiċi NM, abbażi tal-kostatazzjonijiet tal-investigazzjoni oriġinali għall-perjodu 2013-2016. Il-produttur esportatur li kkoopera biegħ ċerti tipi ta’ prodotti li jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-prodott investigat diġà qabel ma ġew stabbiliti l-miżuri oriġinali, fl-2013-2016.

(10)   (4) L-importazzjonijiet totali taħt il-kodiċijiet NM inkluż il-prodott ikkonċernat, il-prodott investigat, u prodotti oħra.

(11)   (5) Miksuba bid-differenza, l-importazzjonijiet totali imneħħija minnhom l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u prodotti oħra.

(12)   (6) Stima tal-industrija bbażata fuq l-informazzjoni dwar is-suq għall-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni oriġinali.

(13)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1238 tas-7 ta’ Lulju 2017 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġett għar-reġistrazzjoni (ĠU L 177, 8.7.2017, p. 39).

(14)  https://www.industry.gov.au/sites/default/files/adc/public-record/040_-_final_report_-_rep_290_and_298_0.pdf

(15)  https://www.trade.gov/press-release/us-department-commerce-announces-preliminary-rulings-self-initiated-circumvention