29.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1118

tas-27 ta’ April 2020

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE (2), il-Komunità kkonkludiet il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, miftiehma f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999 (il-Konvenzjoni ta’ Montreal), li tistabbilixxi r-regoli dwar ir-responsabbiltà fir-rigward tat-trasportazzjoni internazzjonali bl-ajru tal-passiġġieri, tal-bagalji u tal-merkanzija.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 785/2004 stabbilixxa rekwiżiti tal-assigurazzjoni minima fir-rigward tar-responsabbiltà għall-passiġġieri, għall-bagalji u għall-merkanzija f’livell li jiżgura li t-trasportaturi tal-ajru jkollhom assigurazzjoni adegwata li tkopri r-responsabbiltà tagħhom skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal.

(3)

Il-limiti tar-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal ġew rieżaminati reċentement mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) b’referenza għal fattur ta’ inflazzjoni li jikkorrispondi għar-rata akkumulata ta’ inflazzjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Montreal.

(4)

L-ICAO ddeterminat li l-fattur ta’ inflazzjoni mit-30 ta’ Diċembru 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-limiti reveduti preċedenti tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, qabeż l-10 %, il-livell limitu li jiskatta aġġustament tal-limiti tar-responsabbiltà. Għalhekk, il-limiti tar-responsabbiltà ġew reveduti skont dan.

(5)

Ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni minima fir-rigward tar-responsabbiltà għall-passiġġieri, għall-bagalji u għall-merkanzija, stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 785/2004, jenħtieġ li jiġu aġġustati fil-ħin għal-limiti tar-responsabbiltà reveduti skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal, li saret effettiva fit-28 ta’ Diċembru 2019.

(6)

Għar-responsabbiltà fir-rigward tal-passiġġieri, ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni minima tar-Regolament (KE) Nru 785/2004 ġew stabbiliti f’livell li jaqbeż b’mod sinifikanti l-limiti tar-responsabbiltà reveduti skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal.

(7)

Fir-rigward tar-responsabbiltà għall-bagalji u għall-merkanzija, ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni minima tar-Regolament (KE) Nru 785/2004 jenħtieġ li jiżdiedu sal-livell tal-limiti tar-responsabbiltà reveduti skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 785/2004 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 785/2004, il-paragrafi (2) u (3) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Għar-responsabbiltà fir-rigward tal-bagalji, il-kopertura tal-assigurazzjoni minima għandha tkun 1 288 SDR għal kull passiġġier f’operat kummerċjali.

3.   Għar-responsabbiltà fir-rigward tal-merkanzija, il-kopertura tal-assigurazzjoni minima għandha tkun 22 SDR għal kull kilogramma f’operat kummerċjali.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 138, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal-5 ta’ April 2001 dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjoni bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta' Montreal) (ĠU L 194, 18.7.2001, p. 38).