28.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1103

tat-22 ta’ Lulju 2020

li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem elenkat fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti “Brie de Melun” (DOP)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta’ Franza għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Brie de Melun”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (2).

(2)

Permezz tal-ittra tas-26 ta’ Settembru 2018, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni li kien ingħata perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, sal-31 ta’ Diċembru 2022, lil operaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu skont id-digriet tad-29 ta’ Awwissu 2018 dwar l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Brie de Melun” ippubblikat fis-6 ta’ Settembru 2018 fil-Journal Officiel de la République française. Matul il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni, dawn l-operaturi li kienu kkummerċjalizzaw legalment il-“Brie de Melun” b’mod kontinwu għal mill-inqas ħames snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, kienu ressqu oppożizzjonijiet. Kien hemm operatur li ressaq oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “Waqt il-perjodu taż-żamma permanenti fl-imnadar, għandhom jintużaw sodod tat-tiben li jkollhom tal-inqas 0,5 kg ta’ tiben miżjud bħala medja kuljum għal kull baqra tal-ħalib li qed taħleb jekk tintuża sistema ta’ sodod u 5 kg ta’ tiben miżjud bħala medja kuljum għal kull baqra tal-ħalib li qed taħleb jekk jintużaw l-imnadar miftuħa”. L-operatur ikkonċernat huwa EARL de la Mardelle (SIRET: 38514961200017). Żewġ operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin: “L-ammont ta’ għalf ikkonċentrat ma jistax jaqbeż il-25 % tat-total annwali medju ta’ materja niexfa fir-razzjon ta’ kuljum ta’ kull baqra tal-ħalib li qed taħleb” u “Fuq perjodu ta’ sena, l-għalf li jingħalef lill-merħla tal-baqar tal-ħalib jrid jiġi pprovdut mill-azjenda agrikola u ż-żona ġeografika kif ġej: — Mill-azjenda agrikola: L-għalf li joriġina miż-żona ġeografika u li ġej mill-azjenda agrikola għandu jammonta għal mill-inqas 50 % tat-total ta’ materja niexfa tal-merħla; u — Miż-żona ġeografika: Il-proporzjon tal-għalf li joriġina miż-żona ġeografika tal-produzzjoni għandu jammonta għal mill-inqas 80 % tal-materja niexfa tar-razzjon totali tal-merħla tal-ħalib.”. L-operaturi kkonċernati huma SCL du Versant laiteux 49225855300014) u GAEC Reconnu Patoux (SIRET: 38008216400019). Kien hemm operatur li ressaq oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “L-ammont ta’ għalf ikkonċentrat ma jistax jaqbeż il-25 % tat-total annwali medju ta’ materja niexfa fir-razzjon ta’ kuljum ta’ kull baqra tal-ħalib.”. L-operatur ikkonċernat huwa Houdard Gérard Maurice (SIRET: 39226686200011).

(3)

Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba għal emenda, skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament imsemmi, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

(4)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-isem “Brie de Melun” (DOP) hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Il-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 hija soġġetta għall-perjodu tranżitorju mogħti minn Franza skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 lill-operaturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu, wara d-digriet tad-29 ta’ Awwissu 2018 dwar l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti “Brie de Melun” ippubblikati rispettivament fis-6 ta’ Settembru 2018 f’Il-Journal Officiel de la République française.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1).

(3)  ĠU C 83, 13.3.2020, p. 77.