23.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/43


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1081

tat-22 ta’ Lulju 2020

li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

F’Mejju 2014, il-Kummissjoni imponiet dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 471/2014 (2) (“l-investigazzjoni oriġinali”).

(2)

Id-dazji kumpensatorji individwali li hemm fis-seħħ bħalissa jvarjaw minn 3,2 % sa 17,1 %. Il-kumpaniji l-oħrajn kollha huma soġġetti għal dazju ta’ 17,1 % li japplika għall-pajjiż kollu (“il-miżuri fis-seħħ”).

(3)

F’Mejju 2014, fi proċedimenti separati, il-Kummissjoni imponiet ukoll dazji anti-dumping li jvarjaw minn 0,4 % għal 36,1 % (3). F’Awwissu 2015, wara investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment, il-Kummissjoni emendat il-miżuri anti-dumping permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1394 (4).

1.2.   Bidu ta’ rieżami ta’ skadenza

(4)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż dwar l-iskadenza imminenti tal-miżuri kumpensatorji fis-seħħ (5), EU ProSun Glass (“l-applikant”), li tirrappreżenta aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ħġieġ solari, talbet li jinbeda rieżami ta’ skadenza fit-13 ta’ Frar 2019 (“talba għal rieżami”). Argumentat li l-iskadenza tal-miżuri oriġinali aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tas-sussidjar u għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“GTĊ”), qabel il-bidu tal-proċediment li kienet irċeviet talba għal rieżami ddokumentata kif xieraq. Il-Kummissjoni stiednet lill-GTĊ għall-konsultazzjonijiet bl-għan li s-sitwazzjoni tiġi ċċarata rigward il-kontenut tat-talba għal rieżami u biex jaslu għal soluzzjoni maqbula reċiprokament. Il-GTĊ aċċetta l-offerta tal-konsultazzjonijiet li sussegwentement saru fl-10 ta’ Mejju 2019. Tul il-konsultazzjonijiet, ma nstabet l-ebda soluzzjoni maqbula reċiprokament. Il-GTĊ ma kompliex jikkoopera.

(6)

Fl-14 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) (“in-Notifika ta’ Bidu”), il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri kumpensatorji skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

1.3.   Investigazzjoni

1.3.1.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu ta’ analiżi

(7)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“PIR”) kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2018. L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-ħsara kien ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-aħħar tal-PIR (“il-perjodu ta’ analiżi”).

1.3.2.   Partijiet interessati

(8)

Fin-Notifika ta’ Bidu l-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. B’mod partikolari, ikkuntattjat lill-applikant, lill-produtturi magħrufa fl-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fir-RPĊ, lill-importaturi mhux relatati magħrufa, lill-utenti tal-prodott taħt rieżami fl-Unjoni, u lill-awtoritajiet tar-RPĊ.

(9)

Il-partijiet interessati kollha ġew mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fin-Notifika ta’ Bidu. Il-partijiet interessanti ngħataw ukoll l-opportunità li jagħmlu talba bil-miktub għal seduta ta’ smigħ mas-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fi proċedimenti kummerċjali (“l-Uffiċjal tas-Smigħ”).

(10)

Wieħed mill-prodotturi tal-Unjoni talab li ismu jibqa’ kunfidenzjali minħabba li l-parteċipazzjoni tal-grupp ta’ kumpaniji li huwa parti minnu fil-proċedimenti jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq in-negozju tal-grupp fiċ-Ċina u minħabba l-biża’ ta’ ritaljazzjoni mill-klijenti tiegħu implikati f’din l-investigazzjoni. Il-Kummissjoni eżaminat it-talba. Hija qieset li s-sempliċi preżenza tal-grupp fiċ-Ċina kienet tiddeskrivi periklu astratt u ma kinitx biżżejjed biex tissarraf f’theddida konkreta ta’ ritaljazzjoni. Ma kien hemm l-ebda element ta’ prova konkreta li nġab għall-attenzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-ebda negozju tal-grupp fiċ-Ċina ma kien relatat speċifikament man-negozju tal-ħġieġ solari. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiċħad it-talba.

(11)

Il-kumpanija rrikorriet għand l-Uffiċjal tas-Smigħ dwar il-kwistjoni. L-Uffiċjal tas-Smigħ approva ċ-ċaħda tal-Kummissjoni minħabba li qies li t-talba għall-anonimat kienet ibbażata fuq suppożizzjonijiet ta’ ritaljazzjoni minflok fuq theddidiet reali għall-kumpanija jew għall-grupp, u minħabba li l-kumpanija ma kienet ipprovdiet l-ebda fatt jew informazzjoni ġodda li jkunu jiġġustifikaw bidla fid-deċiżjoni preċedenti.

(12)

Bosta partijiet talbu li jsir smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni. Saret seduta ta’ smigħ bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u ż-żewġ produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fid-9 ta’ Jannar 2020. Fil-11 ta’ Frar 2020, saret seduta ta’ smigħ mal-REC Group, ma’ Solitek u ma’ EU ProSun, assoċjazzjoni li trrappreżenta bosta utenti. Is-seduti ta’ smigħ kienu jikkonċernaw l-argumenti tal-partijiet differenti, li qegħdin imniżżlin f’aktar dettall fit-Taqsimiet minn 4 sa 6 dwar id-dannu u dwar l-interess tal-Unjoni.

1.3.3.   Kampjunar

(13)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni indikat li hija tista’ tieħu kampjuni mill-partijiet interessati skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

1.3.3.1.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(14)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ħabbret li hi kienet għażlet proviżorjament kampjun ta’ żewġ produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tal-akbar volum ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ tal-prodott simili li seta’ jiġi investigat raġonevolment fiż-żmien disponibbli. Il-kampjun kien jikkonsisti minn żewġ produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw aktar minn 80 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. L-uniku kumment li rċeviet, mingħand l-applikant, kien favur il-kampjun. Il-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni. Jikkonsisti miż-żewġ kumpaniji li ġejjin:

Saint-Gobain Glassolutions Isolierglass-Center GmbH (“Saint Gobain Solar”)

Interfloat u GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH (“il-Grupp Interfloat”)

1.3.3.2.   Kampjunar tal-importaturi

(15)

Biex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, u stednithom jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

(16)

L-ebda importatur mhux relatat fl-Unjoni ma kkoopera.

1.3.3.3.   Il-kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(17)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ rigward il-produtturi esportaturi u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufa kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, din talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea biex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(18)

L-ebda kumpanija mir-RPĊ ma ppreżentat ruħha fiż-żmien li ngħata. Kumpanija partikolari bagħtet tard it-turija ta’ interess tagħha, iżda eventwalment ma kkooperatx.

(19)

Konsegwentement, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet tar-RPĊ permezz tan-Note Verbale tal-24 ta’ Mejju 2019, li kellha l-ħsieb li tirrikorri għall-użu tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku meta teżamina l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tas-sussidjar. L-awtoritajiet tar-RPĊ ma rrispondewx għan-Note Verbale.

1.3.4.   Kwestjonarji u żjarat ta’ verifika

(20)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-GTĊ u liż-żewġ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Il-GTĊ ma pprovda l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju. Iż-żewġ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun wieġbu għall-kwestjonarju.

(21)

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja biex tiddetermina l-probabbiltà tal-kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ sussidjar u dannu, kif ukoll l-interess tal-Unjoni. Saru żjarat ta’ verifika fil-bini taż-żewġ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

1.3.5.   Proċedura sussegwenti

(22)

Fis-26 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni żvelat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha żżomm id-dazji kumpensatorji fis-seħħ. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar l-iżvelar. L-applikant, EU ProSun u l-assoċjazzjoni tal-industrija tal-manifattura fotovoltajka tal-Unjoni, il-European Solar Manufacturing Council (“ESMC”), ippreżentaw il-kummenti.

(23)

Il-kummenti li għamlu l-partijiet interessati ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni u ttieħdu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq. Saret seduta ta’ smigħ bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u EU ProSun fid-9 ta’ Ġunju 2020.

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI U L-PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt rieżami

(24)

Il-prodott taħt rieżami huwa ħġieġ solari magħmul minn ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir tas-soda, b ’ kontenut tal-ħadid ta’ anqas minn 300 ppm, trażmittanza solari ta’ aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1,5 300-2 500 nm), reżistenza għas-sħana sa 250 °C (imkejla skont l-EN 12150), reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150 K (imkejla skont l-EN 12150) u li jkollu saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (mkejla skont l-EN 1288-3), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (kodiċijiet TARIC 7007198012, 7007198018, 7007198080 u 7007198085) u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott taħt rieżami”, komunement imsejjaħ “ħġieġ solari”).

(25)

Il-ħġieġ solari jista’ jkollu disinn jew le, b’superfiċe trasparenti jew diffuża, b’tipi ta’ xfarijiet differenti. Jista’ jkun hemm motifi differenti fuq iż-żewġ naħat tal-ħġieġa, jew il-motif jista’ jkun fuq naħa waħda biss. Il-ħġieġ solari jista’ jkun imtaqqab, u jista’ jiġi wkoll stampat permezz tal-applikazzjoni ta’ kuluri taċ-ċeramika, pereżempju. Is-superfiċe tal-ħġieġ tista’ tiġi ttratata bl-użu ta’ teknoloġiji differenti. L-aktar waħda komuni hija kisja antiriflessi li tiġi applikata qabel jew wara l-proċess tal-ittemprar. Teknoloġiji oħra jippermettu l-ħġieġ solari jinkesa b’saffi funzjonali rqaq li jipprovdu proprjetajiet ta’ trażmittenza akbar, awtopulitura, kontra l-ħmieġ jew ta’ ebusija.

(26)

Il-ħġieġ solari huwa wieħed mill-komponenti li jintużaw biex isiru l-moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u moduli fotovoltajċi b’rita rqiqa għall-produzzjoni tal-elettriku kif ukoll kolletturi tal-enerġija fototermika ċatti użati, pereżempju, biex jiġi ġġenerat il-misħun. Jista’ jintuża wkoll għall-bini tas-serer (l-hekk imsejjaħ “ħġieġ ortikulturali” jew “ħġieġ tas-serer”).

2.2.   Prodott simili

(27)

Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, il-ħġieġ solari prodott u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni u l-ħġieġ solari prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tar-RPĊ u l-ħġieġ solari importati fl-Unjoni mir-RPĊ għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi finali. Għalhekk, jitqiesu bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

3.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TAS-SUSSIDJAR

(28)

F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u kif inhu miktub fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tas-sussidjar.

3.1.   Introduzzjoni: l-istatus tal-industrija tal-ħġieġ solari Ċiniża

(29)

It-13-il Pjan ta’ Ħames Snin għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali tar-RPĊ (“it-13-il Pjan ta’ Ħames Snin”), li jkopri l-perjodu 2016-2020 u għaldaqstant il-PIR, jenfasizza l-viżjoni strateġika tal-GTĊ għat-titjib u l-promozzjoni tal-industriji ewlenin, bħall-industrija tal-ħġieġ solari. It-13-il Pjan ta’ Ħames Snin huwa s-suċċessur tat-12-il Pjan ta’ Ħames Snin, li fih l-industrija tal-ħġieġ solari kienet ġiet irrakkomandata bħala qasam ewlieni tal-iżvilupp tal-manifattura.

(30)

Il-Kapitolu 30 tat-13-il Pjan ta’ Ħames Snin jesprimi l-impenn tal-GTĊ li “[jibni] Sistema Moderna tal-Enerġija”. It-Taqsima 1 ta’ dak il-Kapitolu, b’mod partikolari, tipprovdi evidenza b’saħħitha li l-GTĊ għadu jqis l-industrija tal-ħġieġ solari bħala industrija inkoraġġuta. Tabilħaqq, fit-Taqsima 1 naqraw li “[l-GTĊ] se jkompli jagħti l-impetu għall-iżvilupp ta’ (…) l-enerġija fotovoltajka”, u li “[l-GTĊ] se jkompli jtejjeb il-politiki ta’ appoġġ għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-enerġija (…) solari”. Barra minn hekk, “l-iżvilupp ta’ (…) enerġija fotovoltajka fir-reġjuni tat-Tramuntana, tal-Grigal u tal-Majjistral u fiż-żoni kostali” se jiġi ottimizzat fil-kuntest tal-Proġetti tal-Iżvilupp tal-Enerġija. Dawn is-siltiet juru li l-GTĊ qed ikompli jappoġġa lill-industrija tal-enerġija solari li għaliha l-ħġieġ solari huwa essenzjali u għalhekk jifforma parti integrali mill-iżvilupp tal-industrija tal-enerġija solari.

(31)

It-13-il Pjan dwar il-Materjal tal-Bini jsemmi wkoll tipi differenti ta’ ħġieġ, inkluż ħġieġ u prodotti tal-kwarz ta’ purità għolja, ħġieġ miksi ta’ prestazzjoni għolja multifunzjonali, teknoloġija ta’ preparazzjoni għall-ħġieġ elettriku/termokromiku, teknoloġija ta’ preparazzjoni għall-prodotti tal-ħġieġ li jintegraw struttura u funzjoni fotovoltajka u fototermali.

(32)

Fl-2018, il-GTĊ ħareġ miżuri regolatorji ġodda għall-installazzjonijiet fotovoltajċi, l-Avviż dwar il-Ġenerazzjoni tal-Enerġija Fotovoltajka tal-2018 (magħrufa bħala “l-politika 531”, minħabba li ġiet imħabbra fil-31 ta’ Mejju 2018), filwaqt li żamm is-sussidji iżda b’xi tnaqqis. Skont din il-politika, il-gvern Ċiniż naqqas b’mod sinifikanti l-kwota għall-kapaċità solari ġdida fis-sena li hija eliġibbli għas-sussidji statali.

(33)

L-iżvilupp ekoloġiku huwa wkoll inkoraġġut fl-istrateġija Made in China 2025 (“MIC2025”). Il-ħġieġ huwa appoġġat taħt l-MIC2025, u b’mod partikolari huwa inkluż fil-katalogu tal-2016 tal-erba’ żviluppi industrijali essenzjali (MIC2025), fil-Kapitolu 9, “Materjali Ġodda”, is-sottotaqsima II, “Materjali bażiċi ewlenin”: in-numru 24 jelenka materjali bbażati fuq il-ħġieġ u n-numru 29 iniżżel ħġieġ u prodotti tal-kwarz ta’ purità għolja.

(34)

Barra minn hekk, id-“Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Promulgazzjoni u l-Implimentazzjoni tad-“Dispożizzjonijiet Temporanji li Jippromwovu l-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali” (li, flimkien mad-“Dispożizzjonijiet Temporanji li Jippromwovu l-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali” hija magħrufa bħala “d-Deċiżjoni Nru 40”) tiddikjara li l-GTĊ se jappoġġa b’mod attiv l-iżvilupp ta’ industriji ġodda tal-enerġija u jħaffef l-iżvilupp tal-enerġija solari (7); tagħti struzzjonijiet lill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha biex jipprovdu appoġġ ta’ kreditu biss lil proġetti inkoraġġuti; u twiegħed l-implementazzjoni ta’ “politiki preferenzjali oħra dwar il-proġetti inkoraġġuti” (8).

(35)

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 9 tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Promulgazzjoni u l-Implimentazzjoni tal-Katalogu ta’ Gwida għall-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali (“id-Deċiżjoni Nru 9”) “tinkoraġġixxi attivament” lill-GTĊ u lill-aġenziji pubbliċi biex “jiggwidaw l-iżvilupp tal-industriji rilevanti, jottimizzaw it-titjib tal-istruttura industrijali”. Il-Punt 12(2) tad-Deċiżjoni Nru 9 isemmi b’mod speċifiku l-inkoraġġiment tal-produzzjoni ta’ “float glass ultraċar għall-industrija tal-enerġija solari.” Din id-deċiżjoni, li kienet fis-seħħ sal-2020, ġiet sostitwita fl-2019 bid-“Deċiżjoni Nru 29 tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u r-Riforma dwar il-Promulgazzjoni u l-Implimentazzjoni tal-Katalogu ta’ Gwida għall-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali (Edizzjoni tal-2019)”, bl-istess referenza fil-Punt 12(2).

(36)

Finalment, il-Pjan Nazzjonali għall-Iżvilupp Xjentifiku u Teknoloġiku fit-Terminu Medju u Twil (2006–2020), li jkopri l-PIR, iwiegħed li “jagħti l-ewwel prijorità lill-finanzjament tal-politiki”, “jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jagħtu appoġġ ta’ kreditu preferenzjali lil proġetti ta’ industrijalizzazzjoni nazzjonali kbar fix-xjenza u t-teknoloġija”, li “jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex itejbu u jsaħħu s-servizzi finanzjarji għall-intrapriżi ta’ teknoloġija avvanzata” u li “jimplimenta l-politiki ta’ taxxa preferenzjali biex jippromwovi l-iżvilupp ta’ impriżi ta’ teknoloġija avvanzata”. Minħabba li mill-inqas xi wħud mill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari jikkwalifikaw bħala “Intrapriża ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida” (High and New Technology Enterprise, HNTE), dan il-Pjan Nazzjonali jkompli jżid mal-istatus tal-industrija tal-ħġieġ solari bħala industrija inkoraġġuta.

(37)

Għalhekk il-konklużjoni hija li l-GTĊ għadu jqis lill-industrija tal-ħġieġ solari bħala waħda li għandha tiġi inkoraġġuta.

3.2.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni u l-użu tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku

(38)

Kif imsemmi qabel fit-Taqsima 1.3.3.3 kien produttur esportatur wieħed biss li ppreżenta ruħu lill-Kummissjoni (tard) iżda eventwalment iddeċieda li ma jikkooperax. Għaldaqstant il-Kummissjoni użat il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku.

(39)

Fl-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-GTĊ u infurmatu dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi. Il-kwestjonarju inkluda wkoll mistoqsijiet speċifiċi għall-Export Import Bank of China (“EXIM”) u ċ-China Export & Credit Insurance Corporation (“Sinosure”). Barra minn hekk, il-GTĊ intalab jibgħat appendiċi lill-banek imsemmija fl-ilment u lil istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li l-GTĊ kien jaf li pprovdew self lill-produtturi Ċiniżi tal-ħġieġ solari investigati fl-investigazzjoni oriġinali.

(40)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda risposta għal dawn it-talbiet mingħand il-GTĊ, EXIM jew Sinosure. Konsegwentement, il-Kummissjoni, permezz tan-Note Verbale tal-24 ta’ Lulju 2019, infurmat lill-GTĊ li kien beħsiebha tuża l-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku rigward l-informazzjoni mitluba mingħand il-GTĊ, EXIM u Sinosure kif ukoll l-istituzzjonijiet finanzjarji relevanti. Il-GTĊ kien infurmat li sejba bbażata fuq il-fatti disponibbli setgħet tkun anqas favorevoli.

(41)

Ma wasal l-ebda kumment f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, qieset li l-użu tal-fatti disponibbli kien meħtieġ biex tkun tista’ tasal għal xi determinazzjonijiet rigward it-tkomplija tal-prattiki ta’ sussidju fiċ-Ċina fl-industrija tal-ħġieġ solari.

(42)

Għalhekk, għall-analiżi tagħha l-Kummissjoni użat il-fatti kollha li kellha disponibbli, b’mod partikolari:

it-talba għal rieżami ta’ skadenza mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku tat-13 ta’ Frar 2019 (“it-talba għal rieżami”);

is-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali;

is-sejbiet tal-aktar investigazzjonijiet kontra s-sussidji reċenti li l-Kummissjoni għamlet rigward l-industriji inkoraġġuti fiċ-Ċina, bħal pereżempju r-roti elettriċi (9) (“l-investigazzjoni dwar ir-roti elettriċi”), ċerti prodotti tal-azzar organiku (10) (“ir-rieżami ta’ skadenza COSP”), ċerta karta fina miksija (“ir-rieżami ta’ skadenza CFP”) (11), tajers tal-lorries (“l-investigazzjoni tat-tajers”) (12) jew tal-azzar irrumblat bis-sħana (“l-investigazzjoni HRF”) (13).

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fl-ekonomija tar-RPĊ għall-finijiet ta’ investigazzjoni ta’ difiża tal-kummerċ (“ir-rapport dwar iċ-Ċina”) (14).

3.3.   Sussidju u programmi tas-sussidji eżaminati fl-investigazzjoni attwali

(43)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm kontinwazzjoni tas-sussidjar billi analizzat jekk is-sussidji kkumpensati fl-investigazzjoni oriġinali komplewx jibbenefikaw lill-industrija tal-ħġieġ solari.

(44)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li, fid-dawl tas-sejbiet ta’ din it-taqsima li jikkonfermaw l-eżistenza ta’ kontinwazzjoni tas-sussidjar rigward is-sussidji kkumpensati fl-investigazzjoni oriġinali, ma kienx hemm ħtieġa li jiġu investigati s-sussidji l-oħrajn kollha li l-applikant allega li jeżistu. Ladarba l-Kummissjoni tistabbilixxi li, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, hemm evidenza li ta’ kontinwazzjoni tas-sussidjar, mhuwiex neċessarju li jiġi stabbilit l-ammont eżatt ta’ sussidjar.

(45)

Ma wasal l-ebda kumment wara d-divulgazzjoni lill-partijiet interessati.

3.3.1.   Trasferiment dirett ta’ fondi (15)

3.3.1.1.   Rati preferenzjali tas-self u tal-imgħax

(a)    Sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali

(46)

Fl-investigazzjoni oriġinali (16), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-banek tal-istat jew il-banek li fihom l-istat għandu interess kontrollanti f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni azzjonarja, li t-tnejn jissemmew bħala “SOCBs” huma korpi pubbliċi skont l-Artikolu 2(b) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, ikkonkludiet li l-Artikolu 34 tal-Liġi tar-RPĊ dwar il-Banek Kummerċjali (il-liġi bankarja) teħtieġ li l-banek fir-RPĊ iwettqu l-attività tas-self tagħhom skont il-ħtiġijiet tal-ekonomija nazzjonali. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li d-Deċiżjoni Nru 9 u d-Deċiżjoni Nru 40 kellhom is-saħħa tad-dritt u li dawn id-deċiżjonijiet kienu jirrekjedu li l-banek jipprovdu l-appoġġ ta’ kreditu lill-industriji inkoraġġuti. B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-SOCBs kienu jagħtu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku.

(47)

Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-Artikolu 34 tal-liġi bankarja japplika wkoll għall-banek bi sjieda privata fiċ-Ċina (17). Għaldaqstant, l-istrateġija tas-self kemm tal-SOCBs kif ukoll tal-banek bi sjieda privata hija fl-aħħar mill-aħħar deċiża mill-GTĊ. Il-Kummissjoni konsegwentement kienet tal-fehma li l-GTĊ jinkariga u jidderieġi lill-banek privati biex jagħtu l-kontibuzzjonijiet finanzjarji fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku billi jsellfu lill-industriji inkoraġġuti.

(48)

Rigward l-ispeċifiċità (18), il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-GTĊ għadda s-self preferenzjali lil għadd limitat ta’ industriji, fosthom l-industrija tal-ħġieġ solari. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan kien evidenti mit-12-il Pjan ta’ Ħames Snin u d-Deċiżjoni Nru 40. B’riżultat, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija mill-SOCBs u banek inkarigati jew diretti skont l-Artikolu 34 tal-liġi bankarja nstabu li kienu speċifiċi fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku.

(49)

Finalment, il-Kummissjoni fakkret li s-self fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku jkun ta’ benefiċċju għall-benefiċjarju tiegħu minħabba li jingħata b’termini aktar favorevoli milli l-benefiċjarju jkun jista’ jikseb fis-suq (19). Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan kien tabilħaqq il-każ wara li ġew applikati l-fatti disponibbli.

(50)

Ir-rata ta’ sussidjar stabbilita fl-investigazzjoni oriġinali għas-self preferenzjali lill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari fil-kampjun varjat bejn 0 % għal 6,2 %, bir-rata tal-kumpaniji li ma kkooperawx tkun fil-livell ta’ 6,2 %.

(b)    Tkomplija tal-programmi ta’ sussidjar

(51)

Fit-talba għal rieżami u fl-annessi korrespondenti (20), l-applikant ipprovda evidenza li l-produtturi Ċiniżi tal-ħġieġ solari komplew jibbenefikaw minn self preferenzjali u rati tal-imgħax taħt ir-rata tas-suq mill-banek domestiċi fiċ-Ċina. Il-ħġieġ solari huwa industrija inkoraġġuta fit-13-il Pjan ta’ Ħames Snin (21), li wassal lill-Kummissjoni tikkonkludi li kemm l-SOCBs u l-banek privati għadhom obbligati jipprovdu finanzjament preferenzjali lill-industrija tal-ħġieġ solari Ċiniża skont l-Artikolu 34 tal-liġi bankarja.

(52)

L-applikant ipprovda evidenza li l-SOCBs għadhom korpi pubbliċi skont it-test stabbiliti mill-Korp tal-Appell (22) minħabba li jwettqu funzjonijiet tal-gvern u, meta jagħmlu dan, jeżerċitaw l-awtorità tal-gvern. Speċifikament, l-applikant irrefera għas-sejbiet fl-investigazzjoni dwar ir-roti elettriċi (23) u r-rieżami ta’ skadenza CFP (24), li kkonfermaw il-pożizzjoni li ttieħdet mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni oriġinali.

(53)

It-talba għal rieżami kien fiha wkoll evidenza li l-banek privati għadhom inkarigati jew diretti mill-GTĊ meta jagħmlu determinazzjonijiet dwar is-self, minħabba li dawn ukoll huma inklużi fl-ambitu tal-Artikolu 34 tal-liġi bankarja. L-applikant ikkwota l-investigazzjoni reċenti dwar ir-roti elettriċi li fiha l-Kummissjoni qalet li t-13-il Pjan ta’ Ħames Snin ma jistax jitqies bħala “sempliċement [att] ta’ inkoraġġiment” u li “l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha (inklużi l-istituzzjonijiet finanzjarji privati) li joperaw fiċ-Ċina taħt is-superviżjoni tas-CRBC ġew fdati u mogħtija direzzjonijiet mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(iv), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku, sabiex isegwu l-politiki governattivi u jipprovdu self b’rati preferenzjali lill-industrija tar-roti elettriċi” (25).

(54)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-GTĊ u mill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, ma ġie ippreżentat l-ebda argument li jistgħu jikkontestaw l-evidenza ppreżentata mill-applikant rigward is-sitwazzjoni attwali tas-sistema bankarja Ċiniża.

(55)

Barra minn hekk, ir-rieżami ta’ skadenza COSP reċenti (26), l-investigazzjoni tat-tajers (27), l-investigazzjoni HRF (28) u r-rapport dwar iċ-Ċina (29) kkonfermaw il-konklużjoni li l-SOCBs jenħtieġ li jitqiesu bħala korpi pubbliċi, li jipprovdu finanzjament preferenzjali skont l-Artikolu 34 tal-liġi bankarja u li l-kopri privati huma inkarigati u diretti li jagħmlu preċiżament l-istess.

(c)    Benefiċċju

(56)

Fl-Anness 23 għat-talba ta’ rieżami, l-applikant ipprovda eżempju ta’ produttur esportatur Ċiniż li bbenefika jew li kien qed jibbenefika minn self preferenzjali abbażi tar-rapporti (semi)annwali tiegħu. Barra minn hekk, rapporti annwali oħrajn disponibbli għall-pubbliku tal-produtturi esportaturi indikaw li huma wkoll ibbenefikaw jew kienu bbenefikaw minn self preferenzjali (30).

(57)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni speċifika dwar il-kumpaniji li fuqhom seta’ jiġi kkalkulat l-ammont ta’ sussidji tul il-PIR. Madankollu, għall-konstatazzjoni ta’ kontinwazzjoni tas-sussidjar li saret fir-rieżami ta’ skadenza attwali, il-Kummissjoni ma qisitx li kien neċessarju li tali ammonti jiġu kkalkulati. L-evidenza fit-talba għal rieżami tindika li dawn l-ammonti xorta jkunu sinifikanti. M’hemm xejn uffiċjali li jindika li l-livell ta’ sussidjar kien naqas meta mqabbel mal-investigazzjoni oriġinali, li għalhekk huwa meqjus li kompla f’livell ogħla minn de minimis.

(d)    Speċifiċità

(58)

Il-programm ta’ sussidji inkwistjoni kien għadu speċifiku skont it-tifsira tal-Artikoli 4(2)(a) u 4(2)(b) tar-Regolament bażiku, minħabba li s-sitwazzjoni legali ma kinitx inbidlet u l-GTĊ għadu qed jinkoraġġixxi lill-industrija tal-ħġieġ solari (31).

(e)    Konklużjoni

(59)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza li turi li l-produtturi esportaturi komplew jirċievu self preferenzjali bħala sussidju kumpensabbli tul il-PIR.

3.3.1.2.   Għotjiet u sussidji ad hoc

(a)    Sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali

(60)

Fl-investigazzjoni oriġinali (32), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kumpaniji fil-kampjun irċevew għotjiet sinifikanti ta’ darba minn bosta awtorijiet governattivi f’bosta livelli tal-gvern, li rriżultaw f’benefiċċju tul il-PI. L-għotjiet inkwistjoni ngħataw lill-kumpaniji minn awtoritajiet governattivi fil-livell nazzjonali, provinċjali, tal-belt, tal-kontea jew tad-distrett u kollha dehru li kienu speċifiċi għall-kumpaniji kkonċernati, jew speċifiċi f’dak li jirrigwarda l-post jew it-tip ta’ industrija.

(61)

Il-GTĊ naqas milli jipprovdi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri dwar dawn l-għotjiet ta’ darba u naqas milli jidħol f’konsultazzjonijiet dwar dan is-suġġett. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tal-evidenza miġbura dwar it-teħid ta’ dawn l-għotjiet mill-kumpaniji fil-kampjun u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra, li dawn l-għotjiet kienu trasferiment dirett ta’ fondi li taw benefiċċju lil min irċevihom, u b’hekk kienu sussidji fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(i) u (2) tar-Regolament bażiku.

(62)

Rigward l-ispeċifiċità, il-Kummissjoni nnutat li l-għotjiet kienu speċifiċi skont it-tifsira tal-Artikoli 4(2)(a) u 4(3) tar-Regolament bażiku minħabba li dehru li kienu limitati għal ċerti kumpaniji jew proġetti speċifiċi f’reġjuni speċifiċi. Il-Kummissjoni qalet ukoll li ma kienx hemm evidenza li l-għotjiet kienu jappartjenu għal programm aktar ġenerali ta’ sussiddji, u li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ nonspeċifiċità tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament bażiku.

(63)

Ir-rata ta’ sussidjar stabbilita fl-investigazzjoni oriġinali għall-għotjiet lill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari fil-kampjun varjat bejn 1.1 % għal 3,0 %, bir-rata tal-kumpaniji li ma kkooperawx tkun fil-livell ta’ 3,0 %.

(b)    Tkomplija tal-programmi ta’ sussidjar

(64)

Fit-talba għal rieżami u l-annessi korrespondenti (33), l-applikant ipprovda evidenza li l-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari komplew jibbenefikaw mill-għotjiet u s-sussidji ad hoc.

(65)

L-applikant l-ewwel ikkwota rapport mir-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, li identifika r-rwol tal-gvernijiet provinċjali u lokali fl-implimentazzjoni tal-politiki industrijali taċ-Ċina billi jidderieġu s-sussidji lejn setturi b’kapaċità żejda. L-applikant jargumenta li s-settur tal-ħġieġ solari huwa preċiżament wieħed minn dawn is-setturi (34),

(66)

L-applikant ipprovda eżempji ta’ okkażżjonijiet ta’ sussidjar ad hoc billi rrefera għal-linji speċifiċi tar-rapporti annwali awditjati ta’ bosta produtturi esportaturi. Intwera li produttur esportatur partikolari tal-ħġieġ solari rċieva żieda ta’ RMB 2,68 miljun f’għotjiet mill-gvern tul il-PIR, li rriżultaw f’bilanċ tal-għeluq ta’ madwar RMB 550 miljun f’għotjiet mill-gvern. B’mod simili, produttur esportatur ieħor tal-ħġieġ solari rrapporta għotjiet mill-gvern ta’ aktar minn RMB 14-il miljun tul il-PIR.

(67)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-GTĊ u l-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, ma ġie ppreżentat l-ebda argument li seta’ jikkontesta l-evidenza ppreżentata mill-applikant fit-talba għal rieżami. Il-fatti disponibbli għall-Kummissjoni għalhekk urew li l-għotjiet u s-sussidji ad hoc għall-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari bħala parti minn industrija inkoraġġuta (35) komplew tul il-PIR. Dawn l-għotjiet u sussidji ad hoc jirrappreżentaw trasferiment dirett tal-fondi fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku.

(c)    Benefiċċju

(68)

Fl-Anness 23 tat-talba għal rieżami, l-applikant ipprovda eżempji ta’ produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari Ċiniżi li bbenefikaw jew li kienu qed jibbenefikaw minn għotjiet u sussidji ad hoc abbażi tar-rapporti (semi)annwali tagħhom.

(69)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni speċifika dwar il-kumpaniji li fuqhom seta’ jiġi kkalkulat l-ammont ta’ sussidji tul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Madankollu, għall-konstatazzjoni ta’ kontinwazzjoni tas-sussidjar li saret fir-rieżami ta’ skadenza attwali, il-Kummissjoni ma qisitx li kien neċessarju li tali ammonti jiġu kkalkulati. L-evidenza fit-talba għal rieżami tindika li dawn l-ammonti xorta jkunu sinifikanti. M’hemm xejn uffiċjali li jindika li l-livell ta’ sussidjar kien naqas meta mqabbel mal-investigazzjoni oriġinali.

(d)    Speċifiċità

(70)

L-għotjiet u sussidji ad hoc inkwistjoni xorta għadhom speċifiċi skont it-tifsira tal-Artikoli 4(2)(a) u 4(2)(b) tar-Regolament bażiku, minħabba li xejn ma jikkontradixxi l-fatt disponibbli li fl-investigazzjoni oriġinali l-Kummissjoni kienet sabet li dawn l-għotjiet kienu speċifiċi.

(e)    Konklużjoni

(71)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza li turi li l-produtturi esportaturi komplew jirċievu għotjiet u sussidji ad hoc bħala sussidji kumpensabbli tul il-PIR.

3.3.2.   Dħul mitluf

3.3.2.1.   Politiki tat-taxxa preferenzjali għal kumpaniji li huma rikonoxxuti għala intrapriżi ta’ teknoloġija għolja jew ġdida.

(a)    Sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali

(72)

Fl-investigazzjoni oriġinali (36), il-Kummissjoni kkonkludiet li xi wħud mill-kumpaniji fil-kampjun, iżda mhux kollha, instab li kienu qed jibbenefikaw minn politiki tat-taxxa preferenzjali għal kumpaniji rikonoxxuti bħala “Intrapriża ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida” (“HNTE”). Il-Kummissjoni sabet li tali rikonoxximent kien jiddependi fuq l-issodisfar ta’ ċertu sett ta’ kriterji, li, jekk issodisfati, kien jagħti tnaqqis ta’ 15 % fuq it-taxxa korporattiva, meta mqabbel mar-rata standard ta’ 25 %.

(73)

Il-Kummissjoni ddeterminat li l-bażi ġuridika ta’ dan il-programm kienet:

l-Artikolu 28(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Intrapriżi tal-2008 (il-liġi EIT),

il-“Miżuri Amministrattivi għad-Determinazzjoni tal-Intrapriżi ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida” (Guo Ke Fa Huo [2008] Nru 172);

l-Artikolu 93 tar-Regolamenti dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Intrapriżi, u

l-Avviż tal-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-Ħlas tat-Taxxa fuq l-Inrojtu tal-Intrapriżi minn Intrapriżi ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida (Guo Shui Han [2008] Nru 985).

(74)

Il-Kummissjoni kkwalifikat din l-iskema tat-taxxa bħala dħul tal-gvern li b’xi mod ieħor ikun dovut, li ġie rrinunzjat jew mhux miġbur fis-sens tal-3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Sussegwentement il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-politiki ta’ taxxa preferenzjali għall-HNTEs rikonoxxuti kienu jagħtu benefiċċju lill-benefiċjarji ugwali għal iffrankar fuq it-taxxa.

(75)

Rigward l-ispeċifiċità, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sussidju kien speċifiku kif definit fl-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku minħabba li kien limitat għall-intrapriżi li rċevew iċ-ċertifikazzjoni tal-HNTE u li kienu jimxu mar-rekwiżiti kollha tal-miżuri amministrattivi tal-2008. Barra minn hekk, instab li l-eliġibbiltà għal dawn il-preferenzi tat-taxxa ma kinitx awtomatika u li ma kienx hemm kriterji oġġettivi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni jew l-awtorità awtorizzanti. Il-Kummissjoni sabet li l-eliġibbiltà kienet tiddependi fuq l-għotja ta’ ċertifikat tal-HNTE wara proċedura diskrezjonarja.

(76)

Ir-rata ta’ sussidjar stabbilita fl-investigazzjoni oriġinali għall-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari li bbenefikaw mill-politiki tat-taxxa preferenzjali għall-HNTEs rikonoxxuti varjat minn 0,4 % għal 1,8 %, bir-rata għall-kumpaniji li ma kkooperawx tkun fil-livell ta’ 1,8 %.

(b)    Tkomplija tal-programmi ta’ sussidjar

(77)

Fit-talba għal rieżami u l-annessi korrespondenti (37), l-applikant ipprovda evidenza li l-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari komplew jibbenefikaw mill-politiki tat-taxxa preferenzjali għall-HNTEs.

(78)

L-applikant ikkwota rapporti (interim) ta’ tliet produtturi esportaturi ewlenin tal-ħġieġ solari li ddikkjaraw l-istatus tagħhom bħala HNTE rikonoxxuta u li b’hekk ibbenefikaw minn taxxa korporattiva mnaqqsa ta’ 15 %.

(79)

L-applikant irrefera wkoll għall-“Miżuri Amministrattivi għar-Rikonoxximent tal-Intrapriżi ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida” (Guo Ke Fa Huo [2016] Nru 32 (iċ-Ċirkulari 32)), li tagħhom hemm sommarju fl-Anness 24 tat-talba għal rieżami. Iċ-Ċirkulari 32 timmodifika l-kriterji li l-kumpaniji li japplikaw għall-istatus ta’ HNTE jridu jissodisfaw u tirrappreżenta impenn kontinwat mill-GTĊ li jissussidja l-industriji inkoraġġiti bħal dik tal-ħġieġ solari (38).

(80)

Flimkien mal-evidenza li ppreżenta l-applikant, il-Kummissjoni kkonfermat li t-tkomplija ta’ politiki tat-taxxa preferenzjali għal HNTEs rikonoxxuti f’industriji inkoraġġuti fl-investigazzjoni reċenti dwar ir-roti elettriċi (39), l-investigazzjoni dwar it-tajers (40), kif ukoll ir-reviżjoni ta’ skadenza COSP (41). Rigward ir-roti elettriċi, il-Kummissjoni kienet sabet li l-bażi legali ta’ dan il-programm hija:

L-Artikolu 28(2) tal-liġi EIT;

l-Artikolu 93 tar-Regolamenti dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Intrapriżi;

Iċ-Ċirkolari tal-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Ministeru għall-Finanzi u l-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni dwar ir-reviżjoni u l-pubblikazzjoni ta’ “Miżuri Amministrattivi għar-Rikonoxximent ta’ Intrapriżi ta’ Teknoloġija Avvanzata”, G.K. F.H. [2016] Nru 32;;

Notifika tal-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni dwar ir-Reviżjoni, l-Istampar u l-Ħruġ ta’ Gwida għall-Immaniġġar tar-Rikonoxximent ta’ Intrapriżi tat-Teknoloġija Avvanzata u Ġdida, GKFH [2016] Nru 195; u

Il-Linji Gwida għall-Aħħar Oqsma ta’ Prijorità Ewlenin għall-Iżvilupp fl-Industriji tat-Teknoloġija Avvanzata (2011), maħruġa mill-NDRC, il-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Ministeru tal-Kummerċ u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali.

(81)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-GTĊ u l-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, ma ġie ppreżentat l-ebda argument li seta’ jikkontesta l-evidenza ppreżentata mill-applikant u mill-konstatazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni. Il-fatti disponibbli għall-Kummissjoni għalhekk urew li l-politiki ta’ taxxa preferenzjali għall-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari rikonoxxuti bħala HNTEs li ġew ikkumpensati fl-investigazzjoni oriġinali komplew tul il-PIR. Dawn il-politiki fiskali jirrapperżentaw dħul tal-gvern li b’xi mod ieħor ikun dovut, li ġie rrinunzjat jew mhux miġbur fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku.

(c)    Benefiċċju

(82)

Il-politiki tat-taxxa preferenzjali għall-HNTEs rikonoxxuti jagħtu benefiċċju fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku ugwali għall-iffrankar tat-taxxa. Kif imsemmi qabel, fl-Anness 23, l-applikant ipprovda evidenza ta’ mill-inqas tliet produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari li gawdew mill-benefiċċji.

(83)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni speċifika dwar il-kumpaniji li fuqhom seta’ jiġi kkalkulat l-ammont ta’ sussidji tul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Madankollu, għall-konstatazzjoni ta’ kontinwazzjoni tas-sussidjar li saret fir-rieżami ta’ skadenza attwali, il-Kummissjoni ma qisitx li kien neċessarju li tali ammonti jiġu kkalkulati. L-evidenza fit-talba għal rieżami tindika li dawn l-ammonti xorta jkunu sinifikanti. M’hemm xejn uffiċjali li jindika li l-livell ta’ sussidjar kien naqas meta mqabbel mal-investigazzjoni oriġinali.

(d)    Speċifiċità

(84)

Kif kien il-każ fl-investigazzjoni oriġinali, il-politiki tat-taxxa preferenzjali għall-HNTEs rikonoxxuti huma speċifiċi fit-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku minħabba li l-leġiżlazzjoni skont liema l-awtorità awtorizzanti operat biex tat l-istatus ta’ HNTE, illimitat l-aċċess għall-iskemi għal ċerti intrapriżi u industriji biss.

(e)    Konklużjoni

(85)

Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm biżżejjed evidenza li turi li mill-inqas xi produtturi esportaturi komplew jiġu ssussidjati tul il-PIR permezz ta’ politiki ta’ taxxa preferenzjali għall-HNTEs.

3.3.2.2.   Tpaċija tat-taxxa għal spejjeż tar-R&Ż

(a)    Konstatazzjonijiet tal-investigazzjoni oriġinali

(86)

Fl-investigazzjoni oriġinali (42), il-Kummissjoni kkonkludiet li waħda mill-kumpaniji fil-kampjun irċeviet kumpensi għall-ispejjeż tar-R&Ż u sabet li l-awtorità tal-gvern provinċjali llimitat ir-rimborż għal intrapriżi HNTE stabbiliti ġodda.

(87)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-bażi legali għat-tpaċija tat-taxxa fuq l-ispejjeż tar-R&Ż kienet l-Artikolu 30 tal-Liġi Ċiniża dwar l-EIT u li kienet forma ta’ dħul tal-gvern li b’xi mod ieħor ikun dovut li ġie rinunzjat jew li ma nġabarx fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni sabet ukoll li t-tpaċija tat-taxxa fuq l-ispejjeż tar-R&Ż kienet tagħti benefiċċju lill-benefiċjarju ugwali għall-iffrankar tat-taxxa.

(88)

Rigward l-ispeċifiċità, il-Kummissjoni qalet li l-Artikolu 30 tal-liġi EIT jenħtieġ li jinqara flimkien mal-Artikolu 25 tal-liġi EIT, li jgħid li l-eżenzjoni mit-taxxa kienet riżervata għal industriji u proġetti inkoraġġuti mill-Istat. Għaldaqstant, kienu l-industriji u l-proġetti inkoraġġuti biss li kellhom aċċess għal din l-iskema, u nstab li l-industrija tal-ħġieġ solari kienet waħda minn dawn l-industriji inkoraġġuti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-sussidju kien speċifiku kif definit fl-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku.

(89)

Ir-rata ta’ sussidjar stabbilita fl-investigazzjoni oriġinali għall-produttur esportatur tal-ħġieġ solari li bbenefika minn tpaċija tat-taxxa fuq l-ispejjeż tar-R&Ż kienet ta’ 0,7 %, li kienet ukoll ir-rata residwa.

(b)    Tkomplija tal-programmi ta’ sussidjar

(90)

Fit-talba għal rieżami u fl-annessi korrespondenti (43), l-applikant ippreżenta l-qafas ġuridiku għat-tpaċija tat-taxxa fuq l-ispejjeż tar-R&Ż billi rrefera għal, fost l-oħrajn, l-Artikolu 25 u 30 tal-liġi EIT kif instab fl-investigazzjoni oriġinali. L-applikant ippreżenta wkoll evidenza fl-Anness 23 tat-talba għal rieżami li mill-inqas żewġ produtturi esportaturi ta’ ħġieġ solari rrappurtaw in-nefqa tagħhom fuq ir-R&Ż u li jgawdu mill-istatus ta’ HNTE, kondizzjonijiet essenzjali biex jibbenefikaw mit-tpaċija tat-taxxa fuq l-ispejjeż tar-R&Ż.

(91)

Flimkien mal-evidenza li ppreżenta l-applikant, il-Kummissjoni m’ilux ikkonfermat l-eżistenza ta’ tpaċija tat-taxxa fuq l-ispejjeż tar-R&Ż bħala sussidju fl-investigazzjonijiet dwar ir-roti elettriċi (44) u t-tajers (45). F’dik l-investigazzjoni, il-Kummissjoni kienet sabet li l-infiq fir-R&Ż biex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda, prodotti ġodda u snajja’ ġodda li ma jiffurmawx assi intanġibbli u jitqiesu bħala profitt u telf attwali, huma soġġetti għal tnaqqis addizzjonali ta’ 50 % wara li jitnaqqsu kompletament fid-dawl tas-sitwazzjoni reali. Meta l-infiq tar-R&Ż imsemmi hawn fuq ikun jifforma parti mill-assi intanġibbli, dawn ikunu soġġetti għal amortizzament ibbażat fuq 150 % tal-ispejjeż tal-assi intanġibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat il-bażi ġuridika tal-programm bħala:

L-Artikolu 30(1) tal-liġi EIT;

ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni għall-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Intrapriżi tar-RPĊ

L-Avviż tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni u l-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija dwar it-Titjib tal-Politika ta’ Tnaqqis Qabel it-Taxxa tal-Ispejjeż tar-R&Ż. (Cai Shui [2015] Nru. 119);

Avviż tal-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni dwar Kwistjonijiet li Jikkonċernaw il-Politika ta’ Tnaqqis Qabel it-Taxxa tal-Ispejjeż tar-R&Ż tal-Intrapriżi; kif ukoll

Il-Linji Gwida għall-aħħar Oqsma ta’ Prijorità Ewlenin għall-Iżvilupp fl-Industriji tat-Teknoloġija Avvanzata (2011), maħruġa mill-NDRC, il-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Ministeru tal-Kummerċ u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali.

(92)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-GTĊ u l-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, ma ġie ppreżentat l-ebda argument li seta’ jikkontesta l-evidenza ppreżentata mill-applikant u mill-konstatazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni. Il-fatti disponibbli għall-Kummissjoni għalhekk urew li t-tpaċija tat-taxxa fuq l-ispejjeż tar-R&Ż kif instabu fl-investigazzjoni oriġinali komplew tul il-PIR. Din it-tpaċija tat-taxxa fuq l-ispejjeż tar-R&Ż tirrappreżenta dħul tal-gvern li b’xi mod ieħor ikun dovut, li ġie rrinunzjat jew mhux miġbur fis-sens tal-3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku.

(c)    Benefiċċju

(93)

It-tpaċija tat-taxxa fuq l-ispejjeż tar-R&Ż tagħti benefiċċju fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku ugwali għall-iffrankar tat-taxxa.

(94)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni speċifika dwar il-kumpaniji li fuqhom seta’ jiġi kkalkulat l-ammont ta’ sussidji tul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Madankollu, għall-konstatazzjoni ta’ kontinwazzjoni tas-sussidjar li saret fir-rieżami ta’ skadenza attwali, il-Kummissjoni ma qisitx li kien neċessarju li tali ammonti jiġu kkalkulati. L-evidenza fit-talba għal rieżami tindika li dawn l-ammonti xorta jkunu sinifikanti. M’hemm xejn uffiċjali li jindika li l-livell ta’ sussidjar kien naqas meta mqabbel mal-investigazzjoni oriġinali.

(d)    Speċifiċità

(95)

Dan is-sussidju huwa speċifiku fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku minħabba li l-leġiżlazzjoni nnifisha tillimita l-applikazzjoni ta’ din il-miżura għal intrapriżi biss li jġarrbu spejjeż tar-R&Ż f’ċerti oqsma ta’ prijorità ta’ teknoloġija avvanzata stabbiliti mill-Istat.

(e)    Konklużjoni

(96)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm biżżejjed evidenza li turi li mill-inqas xi produtturi esportaturi ġew issussidjati tul il-PIR permezz tat-tpaċija tat-taxxa fuq l-ispejjeż tar-R&Ż.

3.3.2.3.   Eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dividendi bejn intrapriżi residenti kwalifikati

(a)    Sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali

(97)

Fl-investigazzjoni oriġinali (46), il-Kummissjoni kkonkludiet li waħda mill-kumpaniji inklużi fil-kampjun irċeviet eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mid-dividendi bejn l-intrapriżi residenti kkwalifikati.

(98)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-bażi legali għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mid-dividendi kienet l-Artikoli 25-26 tal-Liġi Ċiniża dwar l-EIT u l-Artikolu 83 tar-Regolamenti dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi EIT u li l-eżenzjoni kienet tikkostitwixxi forma ta’ dħul tal-gvern li b’xi mod ieħor ikun dovut, li ġie rinunzjat jew li ma nġabarx fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni sabet ukoll li t-tpaċija tat-taxxa fuq l-ispejjeż tar-R&Ż kienet tagħti benefiċċju lill-benefiċjarju ugwali għall-iffrankar tat-taxxa.

(99)

Rigward l-ispeċifiċità, il-Kummissjoni sabet li din l-iskema ta’ sussidji kienet tapplika biss għall-intrapriżi li kienu residenti fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jkunu għamlu investimenti f’intrapriżi residenti oħrajn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod simili għas-sitwazzjoni fit-tpaċija tat-taxxa għal spejjeż tar-R&Ż, li l-Artikolu 25 tal-Liġi EIT kien jirriżerva din l-eżenzjoni mit-taxxa għal industriji u proġetti inkoraġġuti mill-Istat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-sussidju kien speċifiku kif definit fl-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku.

(100)

Ir-rata ta’ sussidjar stabbilita fl-investigazzjoni oriġinali għall-produttur esportatur tal-ħġieġ solari li bbenefika minn tpaċija tal-ispejjeż tat-taxxa fuq ir-R&Ż kienet ta’ 5,8 %, li kienet ukoll ir-rata residwa

(b)    Tkomplija tas-sussidji

(101)

Fit-talba għal rieżami u fl-annessi korrispondenti (47), l-applikanti pprovdew evidenza dwar l-eżistenza ta’ produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari li bbenefikaw mill-eżenzjoni. Il-bażi legali tal-eżenzjoni, l-Artikolu 25 u 26(2) tal-liġi EIT u l-Artikolu 83 tar-Regolamenti dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi, kif ippreżentati mill-applikant (48) u kkonfermati u amplifikati mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni reċenti dwar ir-roti elettriċi (49) u r-rieżami ta’ skadenza CFP (50).

(102)

L-Artikolu 2 tal-liġi EIT jiddefinixxi “t-terminu ‘intrapriża residenti’ bħala […] intrapriża li hija stabbilita skont il-liġi Ċiniża fit-territorju taċ-Ċina, jew imwaqqfa skont il-liġi ta’ pajjiż (reġjun) barrani iżda li l-organu ta’ ġestjoni reali tiegħu jkun fit-territorju taċ-Ċina”. Barra minn hekk, l-Artikolu 26(2) tal-liġi EIT jgħid li “[ d]ividendi, kondiviżjonijiet tal-profitti u qligħ ieħor tal-investiment ta’ ekwità ġġenerati bejn intrapriżi residenti kkwalifikati” jitqiesu bħala ħielsa mit-taxxa. Fi kliem ieħor, l-eżenzjoni tad-dividendi bejn l-intrapriżi residenti kkwalifikati tapplika għal produttur esportatur residenti tal-ħġieġ solari (jiġifieri Ċiniż) jekk dak il-produttur esportatur ikollu l-ishma f’intrapriża resdienti (51).

(103)

L-applikant ipprovda evidenza ta’ mill-inqas produttur esportatur tal-ħġieġ solari wieħed b’bosta sussidjarji (52), filwaqt li l-Kummissjoni sabet aktar produtturi esportaturi f’sitwazzjoni simili. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-GTĊ u l-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, ma ġie ppreżentat l-ebda argument li seta’ jikkontesta l-evidenza ppreżentata mill-applikant u l-konstatazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni f’din l-investigazzjoni u dawk preċedenti. Il-fatti disponibbli għall-Kummissjoni għalhekk urew li l-eżenzjonijiet għad-dividendi għall-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari b’ishma f’intrapriża residenti komplew tul il-PIR. Din l-eżenzjoni għad-dividendi tikkostitwixxi dħul tal-gvern li b’xi mod ieħor ikun dovut, li ġie rrinunzjat jew mhux miġbur fis-sens tal-3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku (53).

(c)    Benefiċċju

(104)

Il-benefiċċju fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku għal produttur esportatur tal-ħġieġ solari li jibbenefika mill-eżenzjoni għad-dividendi huwa ugwali għall-iffrankar tat-taxxa.

(105)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni speċifika dwar il-kumpaniji li fuqhom seta’ jiġi kkalkulat l-ammont ta’ sussidji tul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Madankollu, għall-konstatazzjoni ta’ kontinwazzjoni tas-sussidjar li saret fir-rieżami ta’ skadenza attwali, il-Kummissjoni ma qisitx li kien neċessarju li tali ammonti jiġu kkalkulati. L-evidenza fit-talba għal rieżami tindika li dawn l-ammonti xorta jkunu sinifikanti. M’hemm xejn uffiċjali li jindika li l-livell ta’ sussidjar kien naqas meta mqabbel mal-investigazzjoni oriġinali.

(d)    Speċifiċità

(106)

Is-sussidju huwa speċifiku fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku minħabba li l-bażi legali tal-eżenzjoni għad-dividendi tillimita l-aċċess għal dan is-sussidju b’żewġ modi differenti. L-ewwel, is-sussidju huwa disponibbli biss għal kumpaniji b’ishma f’intrapriżi residenti, bl-esklużjoni ta’ dawk li jinvestu f’intrapriżi mhux residenti (54). It-tieni, l-Artikolu 26(2) tal-liġi EIT qiegħed fl-istess Kapitolu tal-Artikolu 25 tal-liġi EIT, jiġifieri l-“Kapitolu IV Trattament preferenzjali tat-taxxa”. L-Artikolu 25 tal-liġi EIT, l-Artikolu introduttorju ta’ dan il-Kapitolu, jgħid li “l-industriji u l-proġetti importanti li l-iżvilupp tagħhom huwa appoġġat u inkoraġġit mill-istat għandhom igawdu t-trattamenti preferenzjali fit-taxxa fuq id-dħul tal-intrapriżi”, li ċarament jillimita d-disponibbiltà tas-sussidju fl-Artikolu 26(2) tal-liġi EIT għall-industriji għall-industriji inkoraġġuti, bħall-industrija tal-ħġieġ solari (55).

(e)    Konklużjoni

(107)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm biżżejjed evidenza li turi li mill-inqas xi produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari ġew issussidjati tul il-PIR permezz tal-eżenzjoni fuq id-dividendi bejn l-intrapriżi residenti ikkwalifikati.

3.3.3.   Provvediment mill-gvern tad-drittijiet għall-użu tal-art

(a)    Sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali

(108)

Fl-investigazzjoni oriġinali (56), il-Kummissjoni sabet li l-kumpaniji ma setgħux jixtru l-art infisha fir-RPĊ, iżda setgħu biss jixtru drittijiet għall-użu tal-art (DUA) mill-awtoritajiet lokali. Il-bażi legali għal din is-sistema kienet il-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Artijiet tar-RPĊ, li ddikjarat li l-art kollha tappartjeni lill-poplu u li ma setgħetx tinxtara minn jew tinbiegħ lil negozji sakemm mhux permezz ta’ offerti, kwotazzjoni jew irkant taħt il-kundizzjonijiet speċifikati fil-liġi. Madankollu nstab li fil-prattika kien il-GTĊ li jistabbilixxi l-prezz, u li l-kumpaniji kienu jħallsu dan il-prezz stabbilit. Il-Kummissjoni kkonkludiet li din il-kostruzzjoni kienet provvediment ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(iii) tar-Regolament bażiku.

(109)

Il-Kummissjoni qalet li l-benefiċċju mogħti lill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku mid-DUA kien id-differenza bejn il-prezz imħallas għad-dritt għall-użu tal-art u parametru referenzjarju xieraq estern. Il-Kummissjoni għażlet lit-Taipei Ċiniża bħala parametru referenzjarju estern xieraq, u nnutat li l-prezzijiet għad-drittijiet għall-użu tal-art fir-RPĊ, jekk kienu jipprevalu l-kundizzjonijiet tas-suq għall-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, ikunu simili ħafna għall-prezzijiet tal-art fit-Taipei Ċiniża. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezzijiet imħallsa mill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari kienu daqs il-prezz tal-bidu stabbilit mill-GTĊ jew ħames CNY aktar għal kull metru kwadru mill-prezz, li kienu jikkostitwixxu remunerazzjoni anqas minn adegwata meta mqabbla mal-parametru referenzjarju estern, u għalhekk kien ta’ benefiċċju għall-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari.

(110)

Rigward l-ispeċifiċità, il-Kummissjoni sabet li d-Deċiżjoni Nru 40 tirrekjedi li l-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw li l-art tiġi pprovduta lill-industriji inkoraġġuti, li l-industrija tal-ħġieġ solari hija waħda minnhom (57). Barra minn hekk, l-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni Nru 40 jagħmilha ċara li l-industriji li huma “ristretti” ma jkollhomx aċċess għad-drittijiet għall-użu tal-art. B’riżultat, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-sussidju kien speċifiku skont l-Artikolu 4(2)(a) u 4(2)(c) tar-Regolament bażiku.

(111)

Ir-rata ta’ sussidjar stabbilita fl-investigazzjoni oriġinali għall-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari li bbenefikaw mill-provvediment ta’ DUA mill-gvern varjat minn 3,2 % sa 17,1 %, bir-rata għall-kumpaniji li ma kkooperawx tkun fil-livell ta’ 17,1 %.

(b)    Tkomplija tal-programmi ta’ sussidjar

(112)

Fit-talba għal rieżami u l-annessi korrespondenti (58), l-applikant introduċa evidenza għall-fatt li mill-inqas produttur esportatur wieħed tal-ħġieġ solari ngħata l-art b’xejn mill-gvern lokali kkonċernat sabiex jiġu mħeġġa proġetti fl-industriji b’teknoloġija avvanzata. L-applikant barra minn hekk qal li l-istruttura tas-suq kif deskritta fl-investigazzjoni oriġinali kienet prevalenti fil-PIR.

(113)

Apparti mill-argumenti mressqa mill-applikant, il-Kummissjoni reċentement identifikat il-provvediment ta’ DUA bħala sussidju fl-investigazzjoni dwar ir-roti elettriċi (59), fl-investigazzjoni dwar it-tajers (60), fir-rieżami ta’ skadenza COSP (61), u fir-rieżami ta’ skadenza CFP (62). Fit-tliet każijiet, il-Kummissjoni kkonfermat li s-sitwazzjoni legali u l-istruttura tas-suq deskritti fl-investigazzjoni oriġinali ma nbidlux. Fl-investigazzjonijiet dwar ir-roti elettriċi u t-tajers, il-Kummissjoni identifikat il-bażi legali għall-provvediment tad-DUA aktar speċifikament bħala:

Il-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Artijiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif indikat fl-investigazzjoni oriġinali u mill-applikant;

Il-liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-Amministrazzjoni tal-Proprjetà Immobbli Urbana (Ordni tal-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Nru 18);

Ir-Regolamenti interim tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li Jirrigwardaw l-Għoti u t-Trasferiment tad-Dritt għall-Użu ta’ Art tal-Gvern fiż-Żoni Urbani;

Ir-Regolament dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Artijiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (Ordni tal-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina [2014] Nru 653);

Id-dispożizzjoni dwar l-Għoti tad-Dritt għall-Użu ta’ Art tal-Gvern għall-Kostruzzjoni permezz ta’ Sejħa għall-Offerti, Irkant u Kwotazzjoni;

In-notifika tal-Kunsill tal-Istat dwar it-Tisħiħ tar-Regolamentazzjoni tal-Art (GF [2006] Nru 31).

(114)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-GTĊ u l-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, ma ġie ppreżentat l-ebda argument li seta’ jikkontesta l-evidenza ppreżentata mill-applikant u mill-konstatazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni. Il-fatti disponibbli għall-Kummissjoni għalhekk urew li provvediment ta’ DUA mill-gvern kif instab fl-investigazzjoni oriġinali komplew tul il-PIR. Il-provvediment mill-gvern ta’ DUA jikkostitwixxi provvediment ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) (iii) tar-Regolament bażiku.

(c)    Benefiċċju

(115)

Il-provvediment mill-gvern ta’ DUA jagħti benefiċċju fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku minħabba li d-DUA jingħataw lill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari għal remunerazzjoni anqas minn adegwata fis-sens tal-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonkludiet fl-investigazzjonijiet riċenti dwar ir-roti elettriċi u t-tajers, kif fl-investigazzjoni oriġinali, li s-suq għad-DUA fir-RPĊ għadu noneżistenti minħabba li l-prezzijiet jiġu stabbiliti b’mod arbitrarju mill-awtoritajiet. B’riżultat ta’ dan, tibqa’ valida l-konklużjoni li l-prezzijiet għad-DUA jikkostitwixxu remunerazzjoni inqas minn adegwata meta mqabblin ma’ parametru referenzjarju estern u għalhekk taw benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari.

(116)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tal-ħġieġ solari, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni speċifika dwar il-kumpaniji li fuqhom seta’ jiġi kkalkulat l-ammont ta’ sussidji tul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Madankollu, għall-konstatazzjoni ta’ kontinwazzjoni tas-sussidjar li saret fir-rieżami ta’ skadenza attwali, il-Kummissjoni ma qisitx li kien neċessarju li tali ammonti jiġu kkalkulati. L-evidenza fit-talba għal rieżami tindika li dawn l-ammonti xorta jkunu sinifikanti. M’hemm xejn uffiċjali li jindika li l-livell ta’ sussidjar kien naqas meta mqabbel mal-investigazzjoni oriġinali.

(d)    Speċifiċità

(117)

Rigward l-ispeċifiċità, l-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni Nru 40 jagħmilha ċara li l-industriji li huma “ristretti” ma jkollhomx aċċess għad-drittijiet għall-użu tal-art. Minn dan isegwi li s-sussidju huwa speċifiku skont l-Artikolu 4(2)(a) u 4 (2)(c) tar-Regolament bażiku għaliex l-għoti preferenzjali ta’ DUA huwa limitat għal kumpaniji li jappartjenu għal ċerti industriji u l-prattiki tal-gvern f’dan il-qasam mhumiex ċari u mhumiex trasparenti.

(e)    Konklużjoni

(118)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm biżżejjed evidenza li turi li mill-inqas xi produtturi esportaturi ġew issussidjati tul il-PIR permezz tat-tpaċija tat-taxxa fuq il-provvediment ta’ DUA.

3.4.   Konklużjoni dwar il-kontinwazzjoni tas-sussidjar

(119)

Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-produtturi tal-ħġieġ solari fir-RPĊ komplew jibbenefikaw mis-sussidji kumpensabbli tul il-PIR. Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda indikazzjoni li l-livell ta’ kontinwazzjoni tas-sussidjar kien naqas meta mqabbel mal-investigazzjoni oriġinali. Ikkonkludiet ukoll li l-livell ta’ kontinwazzjoni tas-sussidjar kien ogħla minn de minimis. L-evidenza fit-talba għal rieżami tindika li l-benefiċċju skont dawk is-sussidji xorta jkun sinifikanti.

3.5.   Żvilupp probabbli tal-importazzjonijiet jekk il-miżuri jiskadu

(120)

L-eżistenza ta’ kontinwazzjoni tas-sussidjar tul il-PIR hija indikazzjoni tal-probabbiltà tat-tkomlija tas-sussidjar li kieku l-miżuri jiskadu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk kienx hemm probabbiltà li l-volumi tal-esportazzjonijiet sussidjati jiżdidux jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni analizzat l-elementi li ġejjin: il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità żejda fir-RPĊ, il-komportament ta’ pprezzar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fi swieq oħra, u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni. B’konsegwenza tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi/esportaturi fir-RPĊ, il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

3.5.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ

(121)

Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, l-ebda wieħed mill-esportaturi/produtturi Ċiniżi ma pprovda informazzjoni fir-rigward tal-kapaċità tal-produzzjoni fiċ-Ċina. L-applikant asserixxa li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-ħġieġ solari Ċiniża taqbeż is-750 miljun m2 fis-sena (63). It-talba għal rieżami fiha evidenza li din tirrappreżenta 78 % tal-kapaċità tal-produzzjoni globali tal-ħġieġ solari (64). Barra minn hekk, l-applikant qal li d-domanda domestika għall-ħġieġ solari fiċ-Ċina kienet ta’ 600 miljun m2 biss fl-2016 u ddgħajfet ulterjorment fit-tieni nofs tal-PIR b’riżultat tal-implimentazzjoni tal-politika 531 (65). Dan l-impatt ġie kkonfermat, pereżempju, mir-rapport annwali ta’ produttur esportatur Ċiniż (66). Min-naħa tagħha, fil-PIR l-industrija tal-Unjoni kellha kapaċità tal-produzzjoni ta’ [33-38] miljun m2 (il-premessa (150)) u d-domanda fl-Unjoni kienet ta’ [13-18]-il miljun m2 (il-premessi minn (134) u (135)). Il-kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża għaldaqstant tisboq id-domanda tal-Unjoni bil-kif (b’fattur ta’ madwar sebgħa u tletin) u tista’ turi enfasi akbar fuq is-suq tal-Unjoni bħala riżultat tal-politika 531.

(122)

Abbażi tal-bażi tad-data 14(6), il-Kummissjoni sabet ukoll li produttur esportatur Ċiniż partikolari kien jirrappreżenta l-istramaġġoranza tal-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami tul il-PIR fl-Unjoni. Fuq is-sit web ta’ dan il-produttur esportatur, hemm indikata kapaċità ta’ produzzjoni ta’ [15–25] elf m2 kuljum, jew [minn 5,5 sa 9] miljun m2 fis-sena. Tul il-PIR, [minn 10 sa 20] % biss ta’ dik il-kapaċità tal-produzzjoni ntużat għas-suq tal-Unjoni. Huwa probabbli ħafna li kombinazzjoni tal-politika 531 u t-tmiem tal-miżuri fis-seħħ se jirriżultaw f’li aktar minn dik il-kapaċità ta’ produzzjoni tintuża għas-suq tal-Unjoni.

(123)

B’konklużjoni, il-kombinazzjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni kbira, il-bidliet fid-domanda Ċiniża, id-domanda relattivament limitata tal-Unjoni u d-data tal-kumpaniji disponibbli jagħmlu żieda fil-volum tal-esportazzjonijiet sussidjati probabbli jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

3.5.2.   Esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi

(124)

Billi ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni kellha toqgħod fuq il-fatti disponibbli biex tistabbilixxi l-prezzijiet ta’ esportazzjoni miċ-Ċina lejn swieq ta’ pajjiżi terzi oħra. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli oħra, il-Kummissjoni użat data dwar l-esportazzjoni mill-GTA. Din id-data kienet biss disponibbli fil-livell tal-“kodiċi tariffarju” b’sitt ċifri u b’hekk kienet tinkludi bosta prodotti tal-ħġieġ oħra apparti mill-prodott taħt rieżami. Il-Kummissjoni kkonkludiet li din id-data ma kinitx preċiża biżżejjed biex tintuża fl-investigazzjoni.

3.5.3.   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(125)

L-applikant qal li l-industrija tal-Unjoni hija l-uniku suq imdaqqas għall-ħġieġ solari li fadal barra mir-RPĊ, u li dan tal-aħħar kien diġà ssaturat b’riżultat tal-politika 531 (67). Is-sehem mis-suq Ċiniż kien għadu 9 % matul il-PIR minkejja l-miżuri fis-seħħ, u għalhekk is-suq tal-Unjoni għadu suq ta’ esportazzjoni attraenti għall-produtturi Ċiniżi tal-ħġieġ solari. Is-suq tal-Unjoni wkoll mistenni jikber, kif indikat fit-Taqsima 6.2.3. Ma setax isir paragun preċiż tal-prezzijiet bid-data marbuta mal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi oħrajn minħabba l-kwistjoni tal-GTA msemmija qabel.

(126)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll li pajjiżi oħrajn, jiġifieri l-Indja u t-Turkija, għandhom miżuri ta’ difiża tal-kummerċ fis-seħħ rigward il-prodott taħt rieżami, li se jagħmluha aktar probabbli li l-fluss tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ jiġu diretti lejn l-Unjoni.

(127)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-UE hija suq attraenti għall-esportazzjonijiet Ċiniżi.

3.5.4.   Konklużjoni dwar l-iżvilupp probabbli tal-importazzjonijiet fil-każ li l-miżuri jiskadu

(128)

Abbażi tal-kapaċità ta’ produzzjoni sinifikanti fir-RPĊ u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni għall-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm probabbiltà qawwija li l-iskadenza tal-miżuri kumpensatorji jirriżultaw f’żieda fil-volumi sussidjati.

3.6.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà tal-kontinwazzjoni ta’ sussidjar

(129)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm biżżejjed evidenza li s-sussidjar tal-industrija tal-ħġieġ solari fir-RPĊ kompla tul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u li aktarx kien se jkompli fil-futur. Il-Kummissjoni sabet ukoll li t-tħassir tal-miżuri kumpensatorji x’aktarx jirriżulta f’ridirezzjoni ta’ volumi ta’ importazzjonijiet sussidjati tal-prodott taħt rieżami lejn is-suq tal-Unjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tal-fatti disponibbli, li kien hemm probabbiltà qawwija li l-iskadenza tal-miżuri kompensatorji kienet se tirriżulta fit-tkomplija tas-sussidjar.

4.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TA’ DANNU

4.1.   Il-produzzjoni tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni

(130)

Il-prodott simili ġie mmanifatturat minn 11-il produttur fl-Unjoni matul il-PIR. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku.

(131)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-PIR ġiet stabbilita għal madwar 12-il miljun m2. Il-Kummissjoni stabbiliet il-figura abbażi tal-informazzjoni disponibbli kollha bħat-talba għal rieżami u r-risposti għall-kwestjonarji tal-kumpaniji inklużi fil-kampjun. Kif indikat fil-premessa (14), il-produtturi tal-Unjoni ntgħażlu fil-kampjun li jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.

4.2.   Kumment preliminari

(132)

Sabiex tkun imħarsa l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku, id-data relatata maż-żewġ produtturi tal-Unjoni hija ppreżentata f’forma ta’ indiċi jew firxiet.

4.3.   Il-konsum fl-Unjoni

(133)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni billi żiedet il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni mal-importazzjonijiet mir-RPĊ u pajjiżi terzi abbażi taċ-ċifri mill-bażi tad-data 14(6). Il-volum ta’ bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni ġew kontroverifikati u aġġornati fejn meħtieġ, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni vverifikata minn produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Il-volumi tal-importazzjonijiet ġew kontroverifikati mad-data mill-Eurostat.

(134)

Matul il-perjodu ta’ analiżi l-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni

 

2015

2016

2017

PIR

Konsum (1 000 m2)

20 000 - 25 000

17 000 - 22 000

16 000 - 21 000

13 000 - 18 000

Indiċi (2015 = 100)

100

89

84

65

Sors: Talba għal rieżami, il-bażi ta’ data 14(6), Eurostat

(135)

Tul il-perjodu ta’ analiżi, il-konsum tal-prodott taħt rieżami fl-Unjoni naqas b’35 %. L-akbar tnaqqis (ta’ 19-il punt perċentwali) seħħ bejn l-2017 u l-PIR. Dan it-tnaqqis seħħ minħabba domanda iżgħar mill-produtturi tal-Unjoni ta’ moduli fotovoltajċi.

(136)

Fis-suq tal-Unjoni, il-ħġieġ solari beda jintuża aktar u aktar fis-suq tal-bini tas-serer. Id-domanda (u l-konsum korrespondenti) baqgħet, madankollu, ibbażata fuq il-proġetti u limitata meta mqabbla mal-konsum attwali tal-ħġieġ solari fis-swieq tal-moduli fotovoltajċi jew tal-enerġija termali.

4.4.   Importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni

4.4.1.   Volum ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ u sehem mis-suq

(137)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tal-bażi ta’ data 14(6) u kkontroverifikatu mad-data mill-Eurostat. Is-sehem mis-suq ġie stabbilit abbażi tal-konsum tal-Unjoni kif iddeterminat fit-Tabella 1. Matul il-perjodu ta’ analiżi, l-importazzjonijiet mir-RPĊ fl-UE u s-sehem mis-suq żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ u sehem mis-suq

 

2015

2016

2017

PIR

Volum ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ (1 000 m2)

5 133

1 169

1 423

1 208

Indiċi (2015 = 100)

100

23

28

24

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ (%)

24

6

8

9

Indiċi (2015 = 100)

100

26

33

36

Sors: Talba għal rieżami, il-bażi ta’ data 14(6), Eurostat

(138)

Il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqas tul il-perjodu ta’ analiżi b’76 % minn aktar minn 5 miljun m2 fl-2015 għal 1,2 miljun m2 fil-PIR. Fl-istess perjodu, is-sehem fis-suq; tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu minn 24 % għal 9 % (tnaqqis ta’ 64 %). L-akbar tnaqqis fis-sehem mis-suq (74 %) seħħ bejn l-2015 u l-2016, wara l-adozzjoni ta’ miżuri kontra l-assorbiment f’Awwissu 2015 (68), meta r-rata ta’ dazju anti-dumping fil-pajjiż kollu żdiedet minn 25 % għal 67,1 %. Madankollu, mill-2016 sal-PIR, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ żdied bi 3 punti perċentwali biex laħaq 9 % fil-PIR.

4.4.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-twaqqigħ tal-prezz

(139)

Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni stabbiliet il-prezz medju tal-importazzjoni rigward importazzjonijiet mir-RPĊ fuq il-bażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi tal-informazzjoni li hemm fil-bażi ta’ data 14(6). Din id-data ġiet kontroverifikata mad-data mill-Eurostat. Tul il-PIR, il-prezz medju tal-importazzjoni kien ta’ 6,34 EUR/m2.

Tabella 3

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

 

2015

2016

2017

PIR

Prezz medju tal-importazzjonijiet (EUR/m2)

5,02

7,66

5,79

6,34

Indiċi (2015 = 100)

100

153

115

126

Sors: Il-bażi ta’ data 14(6), Eurostat

(140)

Matul il-perijodu ta’ analiżi, il-prezz medju tal-importazzjoni żdied b’26 %. Fl-istess perjodu, il-prezz fis-suq tal-Unjoni żdied bi 19 % (ara t-Tabella 8).

(141)

Il-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet tal-importazzjoni kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Iddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz tul il-PIR billi qabblet il-prezz tal-bejgħ medju pponderat tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, u l-prezz medju pponderat korrespondenti tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, stabbilit fuq bażi ta’ kost, assigurazzjoni, nol (CIF), aġġustat bid-dazju doganali u l-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

(142)

Ir-riżultat tal-paragun kien espress bħala perċentwal tal-fatturat ipotetiku tul il-PIR. Dan inkiseb billi l-prezz tal-bejgħ medju tal-industrija tal-Unjoni ġie mmultiplikat bil-kwantitajiet esportati lejn l-Unjoni. Il-paragun tal-prezzijiet wera marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz medju pponderat ta’ madwar 10 % mill-importazzjonijiet mir-RPĊ fuq is-suq tal-Unjoni.

4.5.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(143)

Il-volum ta’ importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi l-oħrajn kollha u s-sehem mis-suq tagħhom żviluppaw kif ġej matul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 4

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

 

2015

2016

2017

PIR

Importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha

(1 000 m2)

579

943

1 492

1 704

Indiċi (2015 = 100)

100

163

258

294

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha (%)

3

5

8

12

Indiċi (2015 = 100)

100

183

306

451

Prezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha (EUR/m2)

6,08

6,37

7,10

7,31

Indiċi (2015 = 100)

100

105

117

120

Importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi ewlenin

Importazzjonijiet mit-Turkija (1 000 m2)

356

785

478

240

Indiċi (2015 = 100)

100

221

134

67

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mit-Turkija (%)

2

4

3

2

Indiċi (2015 = 100)

100

248

159

103

Prezz tal-importazzjonijiet mit-Turkija (EUR/m2)

5,97

6,54

6,54

6,38

Indiċi (2015 = 100)

100

110

110

107

Importazzjonijiet mill-Malasja (1 000 m2)

/

/

691

927

Indiċi (2015 = 100)

/

/

100

134

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Malasja (%)

/

/

4

7

Indiċi (2015 = 100)

/

/

100

173

Prezz tal-importazzjonijiet mill-Malasja (EUR/m2)

/

/

8,16

8,43

Indiċi (2015 = 100)

/

/

100

103

Importazzjonijiet mill-Indja (1 000 m2)

101

130

173

462

Indiċi (2015 = 100)

100

130

172

460

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indja (%)

0

1

1

3

Indiċi (2015 = 100)

100

146

204

704

Prezz tal-importazzjonijiet mill-Indja (EUR/m2)

5,51

4,48

5,03

5,43

Indiċi (2015 = 100)

100

81

91

99

Importazzjonijiet mit-Tajwan (1 000 m2)

119

21

98

0

Indiċi (2015 = 100)

100

18

83

0

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mit-Tajwan (%)

1

0

1

0

Indiċi (2015 = 100)

100

20

98

0

Prezz tal-importazzjonijiet mit-Tajwan (EUR/m2)

6,76

7,59

6,43

4,45

Indiċi (2015 = 100)

100

112

95

66

Importazzjonijiet mill-Ukrajna (1 000 m2)

3

5

40

68

Indiċi (2015 = 100)

100

183

1 477

2 527

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Ukrajna (%)

0

0

0

0

Indiċi (2015 = 100)

100

206

1 754

3 870

Prezz tal-importazzjonijiet mill-Ukrajna (EUR/m2)

5,25

6,27

6,45

7,24

Indiċi (2015 = 100)

100

119

123

138

Sors: il-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6)

(144)

Il-volumi tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi l-oħrajn kollha naqsu b’194 % matul il-perjodu ta’ analiżi. Is-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet tul il-PIR kien jirrappreżenta 12 %, żieda minn 3 % fl-2015. Il-pajjiż ewlieni li jesporta lejn l-Unjoni li mhuwiex soġġett għall-miżuri huwa l-Malasja, li daħlet fis-suq fl-2017, iżda kienet diġà laħqet sehem mis-suq ta’ 7 % tul il-PIR. L-esportazzjonijiet Indjani wkoll żdiedu konsiderevolment biex jilħqu sehem mis-suq ta’ 3 % fil-PIR. Is-sehem mis-suq tat-Turkija għadda minn tnaqqis, minn madwar 4 % fl-2016 għal 2 % tul il-PIR. Finalment, il-prezz medju tal-importazzjonijiet kollha minn pajjiżi terzi mhux soġġetti għall-miżuri żdied b’20 % tul il-perjodu ta’ analiżi, biex laħaq 7,31 EUR/m2 tul il-PIR.

(145)

Fil-perjodu ta’ analiżi, u bl-eċċezzjoni tal-2016, il-prezz medju tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi l-oħrajn kien ogħla mill-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Fil-PIR, il-prezz medju tal-importazzjoni tal-produtturi Ċiniżi (6,34 EUR/m2), kien madwar 13 % aktar baxx mill-prezz medju tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn (7,31 EUR/m2).

4.6.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.6.1.   Rimarki ġenerali

(146)

F’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi u l-indiċi ekonomiċi rilevanti kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ analiżi. Biex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi.

(147)

Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi ta’ data li tinsab fit-talba għal rieżami u r-risposti vverifikati għall-kwestjonarju. Din id-data kienet relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni u tikkonċerna: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impiegi, il-produttività u l-kobor tal-marġni ta’ sussidju u l-irkupru mis-sussidjar fil-passat.

(148)

Il-Kummissjoni vvalutat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi ta’ data inkluża fit-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Din id-data kienet relatata mal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun u tikkonċerna: il-prezzijiet medji ta’ kull unità, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi medji, l-inventarji, il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investiment, u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-kapital. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

4.6.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.6.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(149)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum u l-kapaċità ta’ produzzjoni abbażi tad-data fit-talba għal rieżami. Din id-data ġiet kontroverifikata u aġġornata fejn kien hemm bżonn rigward l-informazzjoni verifikata mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

(150)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 5

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2015

2016

2017

PIR

Volum tal-produzzjoni

(1 000 m2)

15 000 - 18 000

15 000 - 18 000

15 000 - 18 000

11 000 - 14 000

Indiċi (2015 = 100)

100

103

99

74

Kapaċità tal-produzzjoni

(1 000 m2)

38 000 - 42 000

38 000 - 42 000

36 000 - 41 000

33 000 - 38 000

Indiċi (2015 = 100)

100

102

95

89

L-użu tal-kapaċità (%)

35-43

35-43

36-44

30-37

Indiċi (2015 = 100)

100

101

104

83

Sors: Talba għal rieżami, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji

(151)

It-titjib fil-volum tal-produzzjoni, il-kapaċità u l-użu tal-kapacità bejn l-2015 u l-2016 kien jikkorrespondi għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping ogħla wara r-riinvestigazzjoni ta’ assorbiment (69) filwaqt li t-tnaqqis wara dik id-data segwa tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni kif deskritt fil-premessa (134).

(152)

Fl-2016, il-produzzjoni totali tal-Unjoni żdiedet bi 3 % qabel ma naqset għal sentejn konsekuttivi, liema tnaqqis kien ta’ 26 % bejn l-2015 u l-PIR. Seħħet xejra simili fir-rigward tal-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni. Raġuni importanti għal dan it-tnaqqis kienet il-falliment ta’ produttur kbir tal-Unjoni fl-2017 (Ducatt, li fl-2015 kienet tirrappreżenta madwar 20 % tal-produzzjoni tal-Unjoni u madwar 15 % tal-kapaċità).

4.6.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq fl-Unjoni

(153)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-bejgħ abbażi tad-data fit-talba għal rieżami. Din id-data ġiet kontroverifikata u aġġornata fejn kien hemm bżonn rigward l-informazzjoni verifikata mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Il-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni evolvew kif ġej tul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 6

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq fl-Unjoni

 

2015

2016

2017

PIR

Volum ta ’ bejgħ (1 000 m2)

14 000 - 17 000

15 000 - 18 000

14 000 - 17 000

9 000 - 12 000

Indiċi (2015 = 100)

100

108

97

71

Sehem mis-suq (%)

73

89

84

79

Indiċi (2015 = 100)

100

122

115

108

Sors: Talba għal rieżami, tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji, il-bażi ta’ data 14(6), Eurostat

(154)

Bejn l-2015 u l-2016, il-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied bi 8 %. Fl-2017, naqas bi 11 % sena wara sena u spiċċa 3 % taħt il-livell tal-2015. Fil-PIR, it-tnaqqis fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien aktar sinifikanti u spiċċa 29 % taħt il-livelli tal-2015 tul il-PIR. F’termini ta’ sehem mis-suq, ix-xejra hija simili, iżda l-industrija tal-Unjoni żiedet is-sehem mis-suq tagħha minn 73 % fl-2015 għal 79 % fil-PIR minħabba t-tnaqqis ta’ 35 % fil-konsum tal-Unjoni fl-istess perjodu (ara t-Tabella 1).

4.6.2.3.   Tkabbir

(155)

Bejn l-2015 u l-PIR, il-konsum tal-ħġieġ solari naqas b’35 %. It-tnaqqis fil-konsum kellu impatt negattiv fuq il-produzzjoni u l-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, il-volum tal-produzzjoni naqas biss b’26 %, u l-volum ta’ bejgħ b’29 %. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni bil-kontra, żdied bi 8 %.

4.6.2.4.   L-impjiegi u l-produttività

(156)

Il-Kummissjoni stabbiliet id-data relatata mal-impjiegi u l-produttività abbażi tad-data fit-talba għal rieżami. Din id-data ġiet kontroverifikata u aġġornata fejn kien hemm bżonn rigward l-informazzjoni verifikata mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Il-perjodu ta’ analiżi għadda minn evoluzzjoni tal-impjiegi u l-produttività fl-industrija tal-Unjoni, kif ġej:

Tabella 7

L-impjiegi u l-produttività

 

2015

2016

2017

PIR

L-għadd ta’ impjegati (ekwivalenti għal full-time)

546

514

458

403

Indiċi (2015 = 100)

100

94

84

74

Produttività (m2/employee)

29 896

32 840

35 189

29 917

Indiċi (2015 = 100)

100

110

118

100

Sors: Talba għal rieżami, l-Eurostat, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji

(157)

Matul il-perjodu ta’ analiżi, l-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni naqsu b’26 %. Dan it-tnaqqis jikkorrespondi għal tnaqqis ta’ 29 % tal-produzzjoni fl-istess perjodu (ara t-Tabella 5).

4.6.2.5.   Kobor tas-sussidjar u rkupru minn sussidjar passat

(158)

Kif spjegat fit-Taqsima 4.4, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied mill-2016 biex laħaq 9 % fil-PIR. Is-sussidjar kompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami f’livell sinifikanti, kif spjegat fit-Taqsima 3 hawn fuq, u l-prezzijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi komplew iwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għal livell sinifikanti.

(159)

L-analiżi tal-indikaturi tad-dannu turi li r-rata ogħla tad-dazji imposta fl-2015 wara investigazzjoni mill-ġdid kontra l-assorbiment kellha impatt pożittiv fuq l-industrija tal-Unjoni li rkuprat mis-sussidjar tal-imgħoddi. Madankollu, l-importazzjonijiet issussidjati komplew jitfgħu pressjoni fuq l-industrija tal-Unjoni. L-impatt kombinat tal-volum dejjem akbar ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx sussidjati mir-RPĊ u l-marġnijiet attwali tas-sussidjar ma ppermettewx lill-industrija tal-Unjoni tirkupra bis-sħiħ mis-sussidjar tal-passat.

4.6.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.6.3.1.   Il-prezzijiet

(160)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 8

Prezz tal-bejgħ u l-kost tal-produzzjoni

 

2015

2016

2017

PIR

Il-prezz ta’ unità fis-suq tal-Unjoni (EUR/m2)

5-8

6-9

7-10

7-10

Indiċi (2015 = 100)

100

111

117

119

Kost ta’ unità tal-produzzjoni (EUR/m2)

5-8

5-8

5-8

5-8

Indiċi (2015 = 100)

100

96

94

98

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju vverifikati

(161)

Tul il-perjodu ta’ analiżi, il-prezzijiet medji unitarji tal-bejgħ għal kull metru kwadru żdiedu bi 19 %. Il-kostijiet tal-produzzjoni, mill-banda l-oħra, baqgħu bejn wieħed u ieħor stabbli.

4.6.3.2.   Kostijiet tax-xogħol

(162)

Il-kostijiet medji tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej tul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 9

Kostijiet tax-xogħol

 

2015

2016

2017

PIR

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

36 259

38 171

40 781

42 931

Indiċi (2015 = 100)

100

105

112

118

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju vverifikati

(163)

Bejn l-2015 u l-PIR, il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żdiedu bi 18 %.

4.6.3.3.   Inventarji

(164)

Il-livelli tal-istokk tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej tul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 10

Inventarji

 

2015

2016

2017

PIR

Stokkijiet tal-għeluq (1 000 m2)

1 200 - 1 500

1 300 - 1 600

1 300 - 1 600

1 400 - 1 700

Indiċi

(2015 = 100)

100

125

131

132

L-istokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%)

12,5

14,4

13,7

16,2

Indiċi

(2015 = 100)

100

115

109

129

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju vverifikati

(165)

Il-livelli tal-istokk żdiedu bi 32 % f’termini assoluti u b’29 % f’termini relattivi tul il-perjodu ta’ analiżi. Madankollu, fid-dawl tad-differenzi tal-prodott taħt rieżami f’dak li jirrigwarda d-daqs, id-disinni, kisi eċċ. għal kull klijent, il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun ipproduċew biss skont l-ordni. Għalhekk, l-inventarji ta’ dawn il-kumpanijirreġistraw il-prodotti li l-produzzjoni tagħhom kienet mifruxa matul is-sena partikolari iżda li kienu ddedikati għal klijent speċifiku li kienu se jinbigħulu aktar tard.

4.6.3.4.   Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital

(166)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 11

Profitt, fluss ta’ flus, investimenti, redittu fuq l-investiment

 

2015

2016

2017

PIR

Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

-10 - 0

5 - 15

5 - 15

5 - 15

Indiċi (2015 = 100)

-100

192

236

214

Fluss tal-flus (EUR 1 000 )

2 000 - 5 000

10 000 - 13 000

15 000 - 18 000

13 000 - 16 000

Indiċi (2015 = 100)

100

437

581

465

Investimenti (1 000 EUR)

4 000 -7 000

0-3 000

1 000 -4 000

1 000 -4 000

Indiċi (2015 = 100)

100

12

23

25

Redditu fuq l-investimenti (% ta’ assi netti)

-10-0

20-30

40-50

30-40

Indiċi (2015 = 100)

-100

355

549

481

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju vverifikati

(167)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dan il-bejgħ. Tul il-perjodu ta’ analiżi, il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni żdiedet minn [-10 % - 0 %] għal [5 % - 15 %] filwaqt li l-fluss tal-flus tjieb bi 365 %. L-investimenti nominali naqsu b’75 % matul il-perjodu ta’ analiżi. Ir-redditu fuq l-investiment, espress bħala perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-assi fissi, żdied bis-saħħa tul il-perjodu ta’ analiżi.

(168)

Ix-xejra tal-fluss tal-flus, li hija l-kapaċità ta’ industrija li tiffinanzja l-attivitajiet tagħha stess, kienet pożittiva matul il-perjodu kkonċernat. Minħabba t-titjib fil-profittabbiltà u l-fluss tal-flus, il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiġġenera l-kapital żdiedet konsiderevolment bejn l-2015 u l-PIR.

4.6.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(169)

Fil-perjodu ta’ analiżi, l-indikaturi ekonomiċi tal-industrija tal-Unjoni kienu influwenzati minn tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni ta’ ħġieġ solari b’35 % bejn l-2015 u l-PIR.

(170)

Minkejja t-tnaqqis fil-konsum, l-industrija tal-Unjoni żammet, bejn l-2015 u l-2017, volum ta’ produzzjoni relattivament stabbli. Il-volum tal-produzzjoni naqas ferm iktar (b’25 %) bejn l-2017 u l-PIR. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni għadda minn 73 % fl-2015 għal 79 % fil-PIR.

(171)

Minkejja t-tnaqqis inizjali tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi wara l-miżuri kontra l-assorbiment f’Awwissu 2015, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi baqa’ relattivament sinifikanti fil-PIR (9 %).

(172)

L-indikaturi makroekonomiċi kienu rifless tal-fraġilità tal-industrija tal-Unjoni. Dawn tjiebu wara l-adozzjoni tal-miżuri kontra l-assorbiment fl-2015, iżda sussegwentement iddeterjoraw minħabba l-konsum imdgħajjef tal-Unjoni. Kif spjegat qabel fit-Taqsima 4.6, din ix-xejra tista’ tiġi osservata fir-rigward tal-produzzjoni/kapaċità ta’ produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq u l-produttività tal-Unjoni. L-għadd ta’ impjegati naqas b’rata stabbli tul il-perjodu ta’ analiżi.

(173)

L-indikaturi mikroekonomiċi, għall-kuntrarju, juru sitwazzjoni li qed titjieb għall-industrija tal-Unjoni. Fil-perjodu ta’ analiżi, il-kost ta’ unità tal-produzzjoni kien stabbli filwaqt li l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni telgħu. Din is-sitwazzjoni pożittiva ġiet riflessa fil-profittabbiltà, li żdiedet minn [-10 % -0 %] fl-2015 għal [5 % -15 %] fil-PIR.

(174)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qieset li l-industrija tal-Unjoni fil-biċċa l-kbira rkuprat mid-dannu materjali maħluq mill-importazzjonijiet issussidjati mir-RPĊ skont it-tifsira tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku. Madankollu, fid-dawl tal-konsum imnaqqas tal-Unjoni u s-sehem mis-suq relattivament kbir tal-importazzjonijiet sussidjati Ċiniżi, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni baqgħet fraġli.

5.   IL-PROBABBILTÀ TA’ RIKORRENZA TAD-DANNU

5.1.   Kummenti preliminari

(175)

Minħabba li l-industrija tal-Unjoni ma komplietx issofri dannu materjali, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu fil-każ li l-miżuri jiskadu, f’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku.

(176)

Biex tkun stabbilita l-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu, ġew analizzati l-elementi li ġejjin: il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità żejda fir-RPĊ u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(177)

Minħabba li ma kienx hemm kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, l-analiżi tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-kapaċità żejda fir-RPĊ kienet ibbażata fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qagħdet fuq il-bażi tad-data 14(6), l-Eurostat, u l-evidenza ppreżentata mill-applikant fit-talba għal rieżami.

(178)

Il-Kummissjoni analizzat aktar l-effetti fuq l-industrija tal-Unjoni tar-rikorrenza probabbli tal-importazzjonijiet sussidjati. L-analiżi qieset ukoll iż-żieda probabbli futura fil-konsum tal-ħġieġ solari fl-Unjoni, u l-qagħda profittabbli tal-industrija tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu ta’ analiżi.

5.2.   Probabbiltà ta’ ridirezzjoni tal-importazzjonijiet sussidjati lejn is-suq tal-Unjoni fil-każ li l-miżuri jiskadu

5.2.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċitajiet ta’ riżerva fir-RPĊ

(179)

Iċ-Ċina hija l-akbar produttur tal-ħġieġ solari fid-dinja. Mill-2015 ’l hawn, il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha kibret sostanzjalment minn 460 miljun m2 fl-2015 għal kważi 770 miljun m2 fil-PIR. Tali kapaċità kienet tisboq bil-kif il-konsum domestiku, li kien influwenzat negattivament mill-2018 mill-politika “531” tal-gvern Ċiniż imsemmija fil-premessa (32).

(180)

Fl-istess ħin, l-evidenza turi li l-kapaċitajiet ta’ xi wħud mill-produtturi esportaturi Ċiniżi qed jespandu (70).

5.2.2.   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(181)

Is-suq tal-Unjoni għandu daqs relattivament kbir u hemm probabbiltà ta’ tkabbir futur (71). Minkejja t-tnaqqis inizjali bejn l-2015 u l-2016, mill-2016, l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu qed jikbru u laħqu 9 % fil-PIR. Dan juri li minkejja l-miżuri fis-seħħ, is-suq tal-Unjoni baqa’ attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(182)

Barra minn hekk, fil-PIR, il-prezzijiet tal-Unjoni kienu ogħla meta mqabblin mal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi attwali (ara t-Tabelli 4 u 9). Il-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi kienu ferm taħt il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni tul il-PIR. Dan jagħmel is-suq tal-Unjoni attraenti f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet. Għaldaqstant, huwa probabbli ħafna li, jekk il-miżuri jiskadu, l-esportazzjonijiet Ċiniżi jimxu tajjeb fil-konsum tal-Unjoni sempliċement bis-saħħa tal-prezzijiet baxxi tagħhom.

(183)

Barra minn hekk, il-miżuri tad-difiża tal-kummerċ kontra l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami fl-Indja u fit-Turkija, fi swieq importanti oħra, jillimitaw il-possibbiltajiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li jesportaw lil dawn il-pajjiżi u jkomplu jżidu l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, li dawn l-esportazzjonijiet jistgħu jiġu ridiretti lejh fil-każ li l-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari fl-Unjoni ma jiġġeddux.

5.2.3.   Konklużjoni

(184)

Minħabba l-kapaċitajiet żejda kbar fiċ-Ċina, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet relattivament għoljin tal-Unjoni, huwa probabbli li, jekk il-miżuri jiskadu, jiġu esportati volumi sinifikanti ta’ ħġieġ solari Ċiniż issussidjat lejn l-Unjoni bi prezzijiet li jkunu ferm anqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

5.3.   L-effett fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(185)

Il-Kummissjoni eżaminat kif l-indikaturi tad-dannu aktarx jintlaqtu jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(186)

Skont il-produtturi tal-Unjoni, iż-żieda probabbli tal-importazzjonijiet sussidjati miċ-Ċina jkollha effett negattiv qawwi fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Fil-fehma tagħhom, l-utenti aktarx jibdew jixtru ħġieġ solari bi prezz baxx miċ-Ċina minflok ma jżommu l-industrija tal-Unjoni bħala l-fornitur ewlieni tagħhom. Kienu tal-fehma li l-bejgħ tal-ħġieġ solari mibjugħ lill-klijenti tagħhom kien bħala konsegwenza jonqos bejn 30 % u 75 % skont il-kumpanija u l-klijent. Abbażi tal-offerti tal-prezz Ċiniżi għad-dispożizzjoni tagħhom, qiesu li kien ikun hemm pressjoni fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, li konsegwentement kienu jonqsu b’0,9-2,6 EUR/m2 skont il-klijent u l-prodott. Barra minn hekk, il-produtturi tal-Unjoni qiesu li l-ħġieġ ortikulturali kien se jintlaqat inqas minħabba li l-ħġieġ solari li jintuża għall-bini tas-serer jinqata’ f’forma speċifika, l-ordnijiet ikunu skont il-proġett, u l-konsenja f’waqtha għandha rwol imporanti.

(187)

Abbażi ta’ dawn is-suppożizzjonijiet, l-industrija tal-Unjoni pprevediet xenarji differenti tal-impatt probabbli tal-iskadenza tal-miżuri fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u ssimulat l-effett tat-tnaqqis tal-bejgħ u/jew tal-prezz fuq l-istruttura tal-kostijiet tagħhom. Wieħed minn dawn ix-xenarji qies it-tkabbir previst tas-suq. Fix-xenarji differenti kollha, is-simulazzjonijiet urew li l-iskadenza tal-miżuri tirriżulta f’telf konsiderevoli tal-industrija tal-Unjoni.

(188)

Il-Kummissjoni vvalutat ix-xenarji ta’ hawn fuq biex tara kinux realistiċi. Bejn l-2009 u l-2012 (jiġifieri qabel l-impożizzjoni tal-miżuri), l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari fl-Unjoni sparaw minn 1,2 miljun m2 fl-2009 għal 8,35 miljun m2 fl-2012. Iż-żieda qawwija fl-importazzjonijiet bi prezz baxx wasslet għal tnaqqis fil-prezzijiet, tnaqqis fis-sehem mis-suq, u deterjorament tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, u wasslet biex l-industrija tal-Unjoni ssofri dannu materjali (72).

(189)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni analizzat l-impatt probabbli tal-importazzjonijiet bi prezz baxx fuq is-sitwazzjoni attwali tal-industrija tal-Unjoni billi ħadet, bħala l-punt tat-tluq, l-informazzjoni vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni. Kienet tal-fehma li jekk l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari Ċiniżi bi prezz baxx kellhom jerġgħu jitfaċċaw fis-suq tal-Unjoni, potenzjalment l-ewwel jiksbu s-sehem mis-suq għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni, qabel ma jieħdu s-sehem mis-suq tal-esportazzjonijiet mill-produtturi ta’ pajjiżi terzi lejn l-Unjoni.

(190)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni analizzat l-impatt probabbli tal-importazzjonijiet bi prezz baxx fuq is-sitwazzjoni attwali tal-industrija tal-Unjoni billi ħadet, bħala l-punt tat-tluq, l-informazzjoni vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni. Hija assumiet, abbażi ta’ dak li ġie osservat fl-investigazzjoni oriġinali, li jekk l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari Ċiniżi kellhom jerġgħu jiżdiedu fis-suq tal-Unjoni, potenzjalment l-ewwel jiksbu s-sehem mis-suq għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni, qabel ma jieħdu s-sehem mis-suq tal-esportazzjonijiet mill-produtturi ta’ pajjiżi terzi lejn l-Unjoni.

(191)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkulat li jekk l-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx jiżdiedu bi 3,5 miljun m2 għad-detriment tal-bejgħ tal-Unjoni, it-tnaqqis konsegwenti fil-produzzjoni tal-Unjoni u ż-żieda konsegwenti fil-kost ta’ unità tal-produzzjoni minħabba l-ispejjeż fissi tirriżulta fi tnaqqis tal-profittabbiltà għall-industrija tal-Unjoni sal-punt ta’ ekwilibriju (jiġifieri meta d-dħul ikun daqs it-total tal-ispejjeż fissi u varjabbli).

(192)

Dan il-kalkolu huwa konservattiv. Minħabba l-kapaċità tal-produzzjoni kbira tal-kumpaniji Ċiniżi u l-prezzijiet baxxi li għandhom bħalissa, li huma ferm anqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, huwa probabbli li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jesportaw volumi akbar minn 3,5 miljun m2 u li jimbuttaw il-prezzijiet tal-Unjoni ’l isfel, li jirriżulta f’aktar telf u sitwazzjoni dannuża għall-Industrija tal-Unjoni.

(193)

Barra minn hekk, minħabba li l-industrija tal-Unjoni ma tipproduċix biex taħżen, trid tkun organizzata skont il-kuntratti jew l-ordnijiet mingħand il-klijenti (ara t-Taqsima 4.6.3.3, Inventarji). Għaldaqstant, kwalunkwe tnaqqis sinifikanti fil-volumi tal-bejgħ tal-kumpaniji jista’ jwassal għal telf insostenibbli u għall-falliment.

5.4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni

(194)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskadenza tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni fi żmien qasir.

6.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(195)

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx tikkonkludi b’mod ċar li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f’dan il-każ, minkejja d-determinazzjoni tar-rikorrenza probabbli tas-sussidjar dannuż. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament ta’ kull wieħed mill-bosta interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni u tal-utenti.

6.1.   Interessi tal-industrija tal-Unjoni

(196)

Ġie konkluż fil-premessa (194) li l-industrija tal-Unjoni aktarx tesperjenza deterjorament serju tas-sitwazzjoni tagħha fil-każ li l-miżuri kumpensatorji jitħallew jiskadu. Għaldaqstant, il-kontinwazzjoni tal-miżuri tkun ta’ benefiċċju għall-industrija tal-Unjoni, u tippermettilha żżom il-volum ta’ bejgħ, is-sehem mis-suq, u l-profittabbiltà tagħha, u biex tkompli ttejjeb is-sitwazzjoni ekonomika tagħha.

(197)

B’kuntrast, jekk il-miżuri ma jitkomplewx, aktarx tiġi skattata żieda konsiderevoli ta’ importazzjonijiet Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet sussidjati u mwaqqgħin, li jwasslu għal rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni u jheddu l-vijabbiltà tagħha.

6.2.   L-interess tal-utenti

(198)

Ġew ikkuntattjati aktar minn 40 utent fl-istadju tal-bidu. Erba’ utenti rrispondew għall-kwestjonarju.

(199)

Bosta utenti tal-ħġieġ solari (produtturi tal-moduli fotovoltajċi u fototermiċi) esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għat-tkomplija tal-miżuri.

(200)

L-argumenti tal-utenti kienu marbuta mal-kostijiet ta’ produzzjoni ogħla, l-abbiltà tal-produtturi tal-ħġieġ solari li jlaħħqu mad-domanda, l-investiment ippjanat għall-produzzjoni tal-pannelli solari u l-aspetti ambjentali. Qalu wkoll li wara li ntemmew d-dazji anti-dumping u kompensatorji fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli u ċelloli fotovoltajċi miċ-Ċina, l-industrija tal-Unjoni kienet sofriet minn kompetizzjoni inġusta miċ-Ċina. L-utenti qiesu li kienet inġusta li filwaqt li ma hemm l-ebda miżura ta’ difiża tal-kummerċ fis-seħħ fuq iċ-ċelloli u l-moduli solari, l-importazzjoni ta’ wieħed mill-komponenti tal-moduli fotovoltajċi, il-ħġieġ solari, għadha soġġetta għad-dazji (73). Wara d-divulgazzjoni, EU ProSun tenniet li kien hemm nuqqas ta’ approċċ koerenti lejn is-settur. Filwaqt li l-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-moduli u ċ-ċelloli solari skadew, il-Kummissjoni kienet lesta li żżomm il-miżuri fuq il-ħġieġ solari. B’mod simili, wara d-divulgazzjoni, l-assoċjazzjoni industrijali solari tal-Unjoni, ESMC, qalet li ż-żamma tad-dazji tal-importazzjoni fuq il-ħġieġ solari kienet tkun diffiċli għall-manifatturi tal-moduli solari attwali tal-Unjoni minħabba li żżid il-kostijiet tagħhom għall-ħġieġ, filwaqt li l-moduli importati fl-Unjoni mhumiex soġġetti għal tali tariffi, saħansitra meta jintuża ħġieġ Ċiniż.

(201)

Il-Kummissjoni fakkret li n-nuqqas ta’ kontinwazzjoni tal-miżuri kontra l-moduli solari f’Settembru 2018 ma tissarrafx fi dritt tal-produtturi tal-moduli solari li l-miżuri fuq il-prodotti aktar ’il fuq fil-katina ta’ attivitajiet jieqfu wkoll. Pjuttost, f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha tagħmel test tal-interess tal-Unjoni għal kull investigazzjoni abbażi tal-merti tagħha. Il-Kummissjoni għalhekk ivverifikat jekk it-tkomplija tal-miżuri fuq il-ħġieġ solari jkollhomx effett negattiv sproporzjonat fuq l-utenti kif spjegat fid-dettall aktar ’il quddiem.

6.2.1.   Kostijiet tal-produzzjoni

(202)

Bosta utenti argumentaw li l-miżuri kellhom effett negattiv fuq in-negozju tagħhom minħabba li żiedu l-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom. Il-fatt li kellhom iħallsu prezzijiet ogħla mill-kompetituri tagħhom barra l-Unjoni fil-fehma tagħhom kien jikkostitwixxi żvantaġġ kompetittiv dirett għall-produtturi tal-panneli solari tal-Unjoni fil-konfront tal-panneli solari impurtati. L-utenti argumentaw ukoll li filwaqt li l-bosta komponenti tal-moduli fotovoltajċi raħsu sew fl-aħħar snin, il-prezz tal-ħġieġ solari baqa’ fl-istess livell u għaldaqstant il-kost relattiv tiegħu fil-moduli fotovoltajċi nfushom żdied. Għalhekk, il-ħġieġ solari issa jikkostitwixxi t-tieni l-akbar fattur tal-kostijiet fil-pannell solari.

(203)

Barra minn hekk, l-utenti nnutaw li, minkejja li l-maġġoranza tal-moduli li jipproduċu huma hekk imsejħa moduli tal-“ħġieġ/fojl”, jiġifieri bil-parti ta’ quddiem tal-ħġieġ u l-fojl tal-plastik fuq wara, kulma jmur qed jipproduċu moduli tal-“ħġieġ/ħġieġ”, jiġifieri moduli li jkollhom il-ħġieġ fuq iż-żewġ naħat. Minħabba li l-modulu tal-“ħġieġ/ħġieġ” jeħtieġ żewġ folji tal-ħġieġ minflok waħda, is-sehem tal-ħġieġ solari fil-kostijiet tal-produzzjoni jirdoppja.

(204)

EU ProSun, li tirrappreżenta diversi utenti, argumentat li s-sehem tal-kostijiet tal-ħġieġ solari fil-pannell solari kien ta’ 10 %. Żewġ utenti oħra qalu li s-sehem tal-ħġieġ fil-kostijiet tagħhom kien, rispettivament, 7 % u 10 % għal modulu tal-“ħġieġ/fojl” u 14 % u 22 % għal modulu tal-“ħġieġ/ħġieġ”.

(205)

Fil-fehma ta’ EU ProSun, l-impatt fuq l-ispejjeż tal-miżuri jammonta għal 3 % fuq il-modulu tal-“ħġieġ/fojl” u 6 % għall-modulu tal-“ħġieġ/ħġieġ”.

(206)

EU ProSun Glass, li tirrappreżenta l-industrija tal-Unjoni tal-ħġieġ solari, qalet li l-impatt tad-dazji fuq il-kostijiet ta’ produzzjoni tal-moduli kien limitat. Ippreżentaw kalkoli li juru li, abbażi tal-prezzijiet attwali tal-Unjoni tal-ħġieġ solari, is-sehem tal-kostijiet tal-ħġieġ solari fi ħdan il-modulu fotovoltajku kien 4 %. Il-kostijiet addizzjonali minħabba l-miżuri fis-seħħ, ibbażati fuq l-offerti tal-prezz Ċiniżi attwali, kienu jirrappreżentaw 1,5 % tal-kost finali ta’ modulu skont il-kalkoli tagħhom. Fil-fehma tagħhom, l-impatt addizzjonali fuq il-kost għall-utenti kien saħansitra aktar limitat minħabba li l-utenti fl-Unjoni kienu attivi fis-settur residenzjali tas-suq u kienu qed ibigħu, apparti mill-modulu, sett komplut, inkluża l-installazzjoni u l-batterija. Jekk ikun qed jinbiegħ sett komplut, frazzjoni tal-ħġieġ fil-modulu kienet tirrappreżenta inqas minn 0,5 %.

(207)

Fil-każ oriġinali, tqies li l-ħġieġ solari jikkostitwixxi biss parti limitata (madwar 6 % sa 8 %) tal-kostijiet tal-moduli solari (74). Barra minn hekk, minħabba li l-utenti kienu qed jixtru kwantitajiet sinifikanti ta’ ħġieġ solari mill-produtturi tal-Unjoni u minħabba li l-utenti setgħu jixtru l-ħġieġ minn pajjiżi oħra għajr ir-RPĊ, ġie konkluż li l-impatt tal-miżuri oriġinali fuq il-kostijiet tal-moduli solari kien anqas minn 1 %.

(208)

Madankollu, mill-investigazzjoni oriġinali ’l hawn, il-livell tal-miżuri anti-dumping żdied minn 25 % għal 67 %, li rrappreżenta impatt addizzjonali fuq il-kost imqabbel mas-sitwazzjoni fl-investigazzjoni oriġinali.

(209)

Il-Kummissjoni sabet li, minkejja l-argumenti tal-utenti, l-istruttura tal-kostijiet tal-moduli solari ma nbidlitx konsiderevolment mill-investigazzjoni oriġinali. Skont studju li sar minn istitut indipendenti, abbażi tal-livelli tal-prezzijiet fl-2017–2018, is-sehem relattiv tal-kost tal-ħġieġ solari f’modulu kien 9 % bħala medja (75), u għalhekk, mhux konsiderevolment ogħla mis-6-8 % stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali. Il-Kummissjoni osservat li dan jikkorrespondi għall-informazzjoni tal-utenti li s-sehem tal-kost tal-ħġieġ fil-moduli kien bejn 7-10 % (ara l-premessa (204)).

(210)

Rigward is-sehem li qed jikber tal-moduli tal-“ħġieġ/ħġieġ” fis-suq, il-Kummissjoni sabet li fil-PIR, dan it-tip kien jirrappreżenta madwar 10 % tal-konsum tal-Unjoni u, għalhekk, is-sehem relattiv tagħhom fis-suq kien għadu limitat. Minkejja li sehmhom qed jikber, mhuwiex mistenni li se jkun aktar minn 30 % fil-ħames snin li ġejjin (76).

(211)

Finalment, l-utenti kienu għadhom qed jixtru l-maġġoranza tal-ħġieġ mis-suq tal-Unjoni, u bosta qalu li jkomplu jagħmlu hekk anke li kieku l-miżuri jiskadu.

(212)

Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni osservat li ż-żieda relattivament żgħira tas-sehem tal-ħġieġ solari fil-kostijiet ta’ produzzjoni tal-moduli solari msemmija fil-premessa (209), il-produzzjoni li qed tiżdied ta’ moduli tal-“ħġieġ/ħġieġ” u ż-żieda fil-livell tal-miżuri ssarrfu f’impatt kbir tal-miżuri fuq il-kostijiet tal-utenti minn dak li ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Il-Kummissjoni stmat li l-impatt fuq il-kostijiet tal-miżuri fuq il-produtturi tal-moduli fotovoltajċi kien bejn 2-3 %,

(213)

Wara d-divulgazzjoni, EU ProSun argumentat li l-informazzjoni dwar is-sehem tal-kostijiet tal-ħġieġ solari fil-moduli solari mill-Fraunhofer Institute für Solare Energiesysteme ISE (“l-Istitut Fraunhofer”), stabbilita mill-Kummissjoni fil-premessa (209), ma kinitx għadha valida. Skont informazzjoni ġdida li EU ProSun irċeviet mill-Istitut Fraunhofer, is-sehem tal-kostijiet tal-ħġieġ solari fi ħdan il-kost tal-moduli solari żdied minn 9 % għal 11 % mill-2019 ’l hawn. Barra minn hekk, EU ProSun argumentat li skont l-istess sors, is-sehem futur tal-moduli tal-“ħġieġ/ħġieġ” se jkun ogħla minn dak indikat mill-Kummissjoni fil-premessa (210) minħabba li l-istudju li rreferiet għalih il-Kummissjoni f’dik il-premessa kien jirreferi għas-suq dinji, u mhux għas-suq tal-Unjoni biss. Skont l-Istitut Fraunhofer, fis-suq tal-Unjoni, is-sehem tal-modulu tal-ħġieġ/ħġieġ kien mistenni li jkun ogħla. EU ProSun qalet ukoll li llum is-sehem tal-modulu tal-ħġieġ/ħġieġ kien 18,5 % u mhux l-10 % indikati fl-istudju.

(214)

EU ProSun qalet ukoll li l-marġni tal-industrija tal-pannelli solari kienu fil-biċċa l-kbira anqas minn 5 % jew saħansitra negattivi. Argumentat għalhekk li s-suq tal-moduli solari tal-Unjoni kien sensittiv ħafna għall-prezzijiet u għalhekk, iż-żieda ulterjuri ta’ 2-3 % tal-kostijiet kienet se twassal għal aktar għeluq u sensji.

(215)

Il-Kummissjoni ħadet nota tal-informazzjoni trażmessa lil EU ProSun mill-Istitut Fraunhofer dwar iż-żieda fis-sehem tal-kostijiet tal-ħġieġ solari fil-kost tal-moduli solari mill-2019. Hija nnutat li dan l-iżvilupp ma jaqax fil-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami u jista’ jkun relevanti biss meta jiġi vvalutat il-piż futur għall-manifatturi tal-moduli solari. Rigward is-sehem tal-moduli tal-“ħġieġ/ħġieġ” fis-suq, ħadet nota wkoll tal-informazzjoni li l-istudju msemmi fil-premessa (210) kien jikkonċerna suq globali u s-sitwazzjoni u l-prospetti futuri setgħu jvarjaw fl-Unjoni. Rigward is-sehem eżatt, madankollu qieset li s-sehem ta’ 18,5 % propost minn EU ProSun ma kien sostanzjat bl-ebda evidenza. Hija u tanalizza d-data vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li s-sehem attwali tal-moduli tal-ħġieġ/ħġieġ fis-suq kien ta’ 14 % biss. Minħabba li ż-żewġ produtturi vverifikati rrappreżentaw aktar minn 80 % tal-bejgħ fis-suq tal-ħġieġ solari fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proporzjoni kien rappreżentattiv tas-sitwazzjoni fis-suq.

(216)

Barra minn hekk, anke jekk il-proporzjon tal-moduli tal-ħġieġ/ħġieġ kien żdied xi ftit wara l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, ma kienx jibdel il-konklużjonijiet li l-impatt fuq il-kost fuq l-utenti biż-żamma tal-miżuri fil-livell preżenti jibqa’ limitat. Kif ikkonfermat minn EU ProSun u diversi utenti, dawn tal-aħħar kienu qed jixtru kwantitajiet sinifikanti ta’ ħġieġ solari mill-produtturi tal-Unjoni u dan mhux se jinbidel fil-futur, skont l-utenti. Barra minn hekk, l-utenti setgħu jimportaw il-ħġieġ solari minn pajjiżi oħra mhux soġġetti għall-miżuri u fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-ħġieġ importat minn dawn il-pajjiżi kien jirrappreżenta 12 % tas-sehem mis-suq (ara t-Tabella 4).

(217)

Rigward l-argument tal-utenti li ż-żieda ulterjuri fil-kostijiet bi 2 sa 3 % se twassal għal aktar għeluq u sensji, il-Kummissjoni fakkret li ż-żamma tal-miżuri jenħtieġ li ma twassalx għal żidiet ulterjuri fil-prezzijiet minħabba li kulma tagħmel hu li żżomm id-dazji li diġà jeżistu fuq il-ħġieġ solari miċ-Ċina. Kif imfakkar fil-premessa (216), minħabba l-prossimità ġeografika, l-utenti se jkomplu jġibu l-maġġoranza tal-ħġieġ solari mingħand il-produtturi tal-Unjoni u/jew jistgħu jimpurtaw il-ħġieġ solari minn pajjiżi oħra li mhumiex soġġetti għall-miżuri bħat-Turkija, il-Malasja u l-Indja.

(218)

Fuq il-din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żamma tal-miżuri issa aktarx tirriżulta f’kostijiet tal-produzzjoni ogħla għall-utenti meta mqabblin mal-kostijiet tal-miżuri oriġinali minħabba li l-kost relattiv tal-ħġieġ fil-kostijiet tal-produzzjoni totali żdied xi ftit. Madankollu, imqabbel mal-kostijiet tal-produzzjoni kumplessivi totali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt tal-kost fuq l-utenti kien se jibqa’ limitat u għalhekk ma kienx se jsir kritiku biex dawn iżommu n-negozju tagħhom fl-Unjoni.

6.2.2.   Kapaċità tal-produzzjoni tal-ħġieġ solari fl-Unjoni

(219)

Fil-fehma tal-utenti, l-industrija tal-ħġieġ solari tal-Unjoni ma għandhiex biżżejjed kapaċità tal-produzzjoni biex tlaħħaq mad-domanda tal-ħġieġ solari fis-suq. Argumentaw ukoll li l-produtturi tal-Unjoni tal-ħġieġ solari ma kabbrux il-kapaċitajiet tagħhom, u li ma kinux qed jippjanaw li jagħmlu dan. Fil-fehma tagħhom, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni attwali huma aktar baxxi mid-domanda attwali għall-ħġieġ solari. Fil-fehma tal-utenti, din is-sitwazzjoni tisfurzahom jużaw il-ħġieġ impurtat minn pajjiżi oħra bħall-Malasja jew it-Turkija, jew jimportaw il-ħġieġ miċ-Ċina b’kostijiet ogħla. Skonthom, il-ħġieġ impurtat minn dawn il-pajjiżi madankollu mhuwiex dejjem ta’ kwalità suffiċjenti.

(220)

L-industrija tal-Unjoni, għall-kuntrarju, qieset li l-provvista tal-ħġieġ solari fis-suq kienet biżżejjed biex tkopri d-domanda. Argumentat li qatt ma rrifjutaw li jfornu lill-produtturi tal-pannelli solari tal-Unjoni minħabba l-allegat nuqqas ta’ kapaċità disponibbli. Għall-kuntrarju, kienu lesti li jiddiskutu ordnijiet addizzjonali potenzjali u kkonfermaw l-abbiltà tagħhom li jfornu volumi akbar.

(221)

Il-Kummissjoni l-ewwel osservat li l-konsum tal-ħġieġ solari fil-PIR kien [13-18] miljun m2 (ara t-Tabella 1). It-tieni, il-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni vverifikata mill-Kummissjoni kienet fil-livell ta’ [11-14] miljun m2. It-tielet, il-kapaċità vverifikata totali taż-żewġ produtturi tal-Unjoni kienet ta’ [14-18] miljun m2.

(222)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li fil-PIR, iż-żewġ produtturi tal-ħġieġ solari waħedhom kellhom kapaċità żejda ta’ [5–8,5] miljun m2, li setgħu jiġu pprovduti mingħajr ebda investiment addizzjonali. Għalhekk il-Kummissjoni qieset li l-argumenti tal-utenti kienu infondati.

(223)

Wara d-divulgazzjoni, EU ProSun argumentat li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-produtturi tal-ħġieġ solari diġà ma kinitx tkopri d-domanda għall-ħġieġ solari tal-utenti wara l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, minħabba li tnejn mill-utenti investew, fl-2019/2020, f’kapaċitajiet ġodda ta’ 950 MW b’kollox. Fuq din il-bażi, EU ProSun argumentat li diġà hemm nuqqas ta’ provvista ta’ ħġieġ solari fis-suq. B’risposta għall-argument, EU ProSun Glass, li tirrappreżenta l-produtturi tal-Unjoni, tenniet wara d-divulgazzjoni li xi produtturi importanti tal-pannelli solari li EU ProSun kienet ippreżentathom bħala li qed joperaw fis-suq kienu diġà għalqu l-produzzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-kapaċitajiet li nħolqu reċentement kienu qed jissostitwixxu dik eżistenti.

(224)

Il-Kummissjoni l-ewwel osservat li skont l-informazzjoni mingħand EU ProSun, il-produtturi tal-moduli solari kellhom kapaċità kkombinata ta’ aktar minn 5 GW fl-2019. Madankollu, ġie osservat ukoll li xi wħud mill-produtturi tal-moduli solari kienu tabilħaqq diġà waqqfu l-produzzjoni. Il-kapaċità kombinata tal-kumpaniji li għalqu l-produzzjoni tagħhom kienet taqbeż 1 GW (77). Għaldaqstant, is-sejbiet tal-Kummissjoni kkonfermaw li l-kapaċitajiet li nbnew ġodda parzjalment jissostitwixxu l-investimenti fl-2019/2020 ta’ xi wħud mill-kumpaniji msemmija minn EU ProSun.

(225)

It-tieni, il-Kummissjoni qieset li l-kapaċitajiet eżistenti u dawk li nbnew ġodda ma kinux bilfors jikkorrespondu mal-output tal-produzzjoni tal-moduli solari. Skont data ta’ EU ProSun, fl-2019, intużat anqas minn nofs il-kapaċità tal-produzzjoni tal-moduli solari. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kapaċitajiet li nbnew ġodda ma kinux awtomatikament jissarrfu fl-output u t-tkabbir fil-produzzjoni ekwivalenti għad-domanda tal-ħġieġ solari, tal-anqas mhux eżatt wara l-implimentazzjoni tagħhom.

(226)

It-tielet, il-Kummissjoni fakkret fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, flimkien maż-żewġ produtturi vverifikati tal-ħġieġ solari, kien hemm ukoll produtturi oħra tal-ħġieġ solari. Skont l-informazzjoni mill-industrija tal-ħġieġ solari tal-Unjoni, il-kapaċità totali tal-produtturi tal-ħġieġ solari kienet bejn [33-38] miljun m2 (ara t-Tabella 5) (78). Il-kapaċità totali tal-ħġieġ solari fis-suq għalhekk teċċedi l-produzzjoni attwali bi kważi tliet darbiet.

(227)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni rrifjutat l-argument ta’ EU ProSun li fil-preżent kien hemm nuqqas ta’ provvista ta’ ħġieġ solari fis-suq tal-Unjoni.

6.2.3.   Tkabbir futur tas-suq

(228)

Il-partijiet interessati kollha qablu li d-domanda għall-pannelli solari u konsegwentement għall-ħġieġ solari kienet qed tikber u li kienet se tikber sostanzjali fis-snin li ġejjin. Il-muturi ewlenin jinkludu l-mira tal-Unjoni tal-2030 dwar l-enerġija rinnovabbli, ir-reviżjoni ’l fuq potenzjali tagħha, u l-Patt Ekoloġiku Ewropew inġenerali li għandu fil-mira tiegħu n-newtralità klimatika u li tingħata spinta lill-industrija tat-teknoloġija ekoloġika tal-UE, inklużi s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u teknoloġiji oħrajn b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. It-tkabbir huwa mistenni fis-segmenti kollha tas-suq (residenzjali, kummerċjali, industrijali u tal-utilitajiet), skont l-iżvilupp tal-politiki pubbliċi f’kull Stat Membru.

(229)

Bħalissa, il-produzzjoni tal-moduli solari fl-Unjoni hija ta’ 1,7 GW (79). Huma u jantiċipaw domanda futura akbar, bosta utenti fl-Awstrija, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja u fis-Slovenja ħabbru li kienu qed iħejju biex jespandu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom. Kollox ma’ kollox, u fil-każ li l-pjanijiet ta’ kapaċità ġdida jiġu implimentati u użati għalkollox, l-investimenti ppjanati mill-utenti, flimkien mad-900 MW imsemmija fit-Taqsima 6.2.2, jammontaw għal 2,9 GW ta’ produzzjoni addizzjonali fis-sentejn tlieta (2-3 snin) li ġejjin, biex b’hekk il-produzzjoni tal-moduli fotovoltajċi tittrippla. Flimkien ma’ dan, EU ProSun argumentat li wieħed mill-investimenti ppjanati jkun jirrappreżenta, fit-tieni fażi tal-implimentazzjoni tiegħu, kapaċità addizzjonali ta’ 2 GW. Irreferiet ukoll għal kumpanija Żvizzera-Ġermaniża li kienet lesta tinvesti fi produzzjoni ta’ GW fid-daqs.

(230)

Fuq din il-bażi, EU ProSun u xi wħud mill-utenti argumentaw li jekk il-miżuri jinżammu, l-investimenti li kellhom ippjanati jiġu pperikolati minħabba li jkollhom iġarrbu kostijiet addizzjonali u minħabba li mhux se jkun hemm biżżejjed ħġieġ solari fis-suq.

(231)

L-industrija tal-Unjoni tal-ħġieġ solari kienet tal-fehma li ż-żieda ġdida mħabbra fil-kapaċità kienet se tkun ta’ benefiċċju għall-industrija tagħha. Madankollu, fil-fehma tagħha, il-kapaċijiet ippjanati ġodda jissostitwixxu sa ċertu punt il-kapaċitajiet ta’ produzzjonijiet li kienu ngħalqu preċedentement. Barra minn hekk, qiesu li kif kien ġara fl-imgħoddi, jista’ jkun li l-investimenti l-ġodda ma jimmaterjalizzawx kif imħabbar. Qalu wkoll li kwalunkwe impjanti li jinbnew ma jkunux qed joperaw bil-kapaċità sħiħa mill-bidu tal-operat tagħhom.

(232)

Biex teżamina dawn l-affermazzjonijiet, il-Kummissjoni rrivalutat is-sejbiet tagħha. Tenniet dan li ġej: l-ewwel nett, l-evidenza disponibbli ma tindikax li l-investimenti ppjanati jkunu jiddependu fuq li l-miżuri kumpensatorji fis-seħħ ikunu tneħħew. Fil-fatt, l-evidenza fil-fajl turi pjuttost li ħafna mill-proġetti mħabbra kienu fil-biċċa l-kbira mmotivati mill-perspettiva tat-tkabbir futur tas-suq tal-pannelli solari, iktar milli bl-eżistenza jew le tal-miżuri fuq il-ħġieġ solari. Għaldaqstant, id-deċiżjoni dwar jekk il-miżuri dwar il-ħġieġ solari jinżammewx jew le ma tistax titqies bħala fattur deċiżiv għad-disinn jew il-materjalizzazzjoni tal-proġetti ta’ espansjoni msemmija.

(233)

It-tieni, il-Kummissjoni fakkret li l-analiżi tal-impatt tan-nefqa taħt it-Taqsima 6.2.1 turi li l-kostijiet tal-miżuri għall-utenti kkonċernati kienu pjuttost baxxi. L-investimenti ppjanati ma jikkontestawx dik il-konklużjoni, minħabba li l-ispejjeż għal din il-produzzjoni addizzjonali fis-settur tal-utenti tkun tal-istess daqs limitat.

(234)

It-tielet, skont l-analiżi taħt it-Taqsima 6.2.2, il-Kummissjoni kompliet ittenni li l-kapaċità preżenti tal-industrija tal-Unjoni aktarx li tilħaq id-domanda miżjuda introdotta mill-investimenti ppjanati. Barra minn hekk, kwalunkwe żieda fid-domanda tkun fi kwalunkwe każ progressiva, li tippermetti lill-industrija tal-ħġieġ solari takkomodaha u li żżid il-kapaċità tagħha għall-bżonn, kif qed jgħidu. Barra minn hekk, l-utenti jistgħu jkomplu jġibu l-ħġieġ minn pajjiżi oħra bħat-Turkija, il-Malasja, u l-Indja, kif kienu qed jagħmlu fil-PIR.

(235)

Wara d-divulgazzjoni, EU ProSun qalet ukoll li l-produtturi tal-ħġieġ solari ma kellhomx il-kapaċità biex jissodisfaw id-domanda futura għall-ħġieġ solari. Qalet ukoll li l-utenti ma jistgħux jimportaw il-ħġieġ minħabba li l-kwalità tal-ħġieġ importat ma kinitx biżżejjed. Biex issostni dan l-argument, ipprovdiet rapport ta’ wieħed mill-utenti li indika li ordni partikolari ta’ kumpanija mill-Malasja ma kinitx tal-kwalità meħtieġa.

(236)

Il-Kummissjoni ma kinitx konvinta li l-kwalità tal-ħġieġ solari minn pajiżi terzi oħra li ma kinux soġġetti għall-miżuri kienet tant inferjuri li ma setgħetx tikkwalifika bħala alternattiva kredibbli għal manifattur Ewropew tal-moduli. Fl-investigazzjoni anti-dumping tagħha dwar l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari mill-Malasja, il-partijiet kollha kienu qablu li dawn l-importazzjonijiet kienu effettivament qed jikkompetu mal-ħġieġ solari magħmul fl-Unjoni. Kif innutat qabel, l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari fl-Unjoni mill-Malasja kienu żdiedu u laħqu, fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, sehem mis-suq ta’ 7 %. Dan jindika li l-ħġieġ solari Malasjan ġeneralment huwa ta’ kwalità għolja biżżejjed, minkejja li f’xi każi individwali konsenja ta’ ħġieġ solari minn dak il-pajjiż kienet difettuża u ma kinitx tikkorrespondi għalkollox mat-termini u l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni.

(237)

Wara d-divulgazzjoni, EU ProSun argumentat ukoll li d-dannu potenzjalment ikkawżat biż-żamma tal-miżuri fuq il-ħġieġ solari kien se jaffettwa immedjatament aktar minn 1 000 impjiet u madwar EUR 50 miljun f’investimenti u sa aktar minn 4 000 impjieg u EUR biljun f’investimenti li għandhom jittieħdu fis-sentejn li ġejjin.

(238)

Il-Kummissjoni rrifjutat l-argument u fakkret li ħafna mill-pjanijiet ta’ espansjoni diġà kienu saru meta l-miżuri kienu diġà fis-seħħ, mingħajr ma kkunsidraw id-deċiżjoni jekk il-miżuri kellhomx jinżammu jew le. Abbażi tal-konklużjonijiet imqassra preċedentement fit-Taqsimiet 6.2.1-3, hija kienet tal-fehma li ż-żamma tal-miżuri ma kinitx se tipprevjeni l-investimenti ppjanati ta’ bosta utenti milli jimmaterjalizzaw.

6.2.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-utenti

(239)

Filwaqt li l-kummenti li waslu wara d-divulgazzjoni komplew jissostanzjaw li t-tkomplija tal-miżuri kienet kontra l-interessi tal-utenti, ikkonfermaw ukoll li s-settur għadu biss fil-bidu ta’ proċess ta’ investiment kontinwu. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt tal-miżuri fuq l-istruttura tal-kostijiet tal-utenti bħalissa mhuwiex sproporzjonat, li s-sigurtà tal-provvista tagħhom mhijiex mhedda minħabba l-kapaċità żejda disponibbli fl-Unjoni kif ukoll ta’ sorsi alternattivi ta’ importazzjonijiet, kif ukoll li l-pjanijiet ta’ investiment tagħhom għadhom ma mmaterjalizzawx biżżejjed.

(240)

F’kull każ, jekk dan jirriżulta li jkun il-każ u jkun hemm ċirkostanzi mibdula ta’ natura dejjiema, il-Kummissjoni fakkret li l-industrija tal-utenti tista’ tippreżenta talba biex isir rieżami tal-forma u/jew il-livell tal-miżuri, limitata għall-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni flimkien mas-sitwazzjoni tal-provvista għall-industrija tal-utenti skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament bażiku, li tista’ twassal għal valutazzjoni ġdida tal-interess tal-Unjoni.

6.3.   L-aspetti ambjentali

(241)

L-utenti argumentaw li ż-żamma tal-miżuri fuq il-ħġieġ solari ma kinitx konformi mal-għanijiet tal-Kummissjoni rigward l-użu tal-enerġija nadifa. Għall-kuntrarju, l-estensjoni tal-miżuri fuq il-ħġieġ solari jkollha bħala konsegwenza li l-industrija tal-Unjoni tal-moduli solari ma tistax tagħmel investimenti ġodda. Barra minn hekk, filwaqt li s-suq tal-Unjoni għall-installazzjonijiet tal-moduli solari huwa mistenni jikber, l-industrija tal-moduli solari tal-Unjoni se tiġi mbuttata barra mis-suq minħabba li ma twettaqx l-investimenti ppjanati ġodda minħabba n-nuqqas ta’ provvista tal-ħġieġ solari, u għalhekk ma tkunx kompetittiva.

(242)

Fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew usa’, f’Marzu 2020 il-Kummissjoni pproponiet Liġi Ewropea dwar il-Klima vinkolanti, li għandha l-għan li tonqox l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-2050 (80). Barra minn hekk, il-Patt Ekoloġiku Ewropew fih objettiv espliċitu dwar il-“provvista ta’ enerġija nadifa, affordabbli u sikura” (81), speċifikament permezz ta’ rieżami ’l fuq tal-mira tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli għall-2030.

(243)

Fiż-żewġ swieq, dak tal-ħġieġ ortikulturali (ħġieġ tas-serer) u dak tal-moduli fotovoltajċi u fototermali, il-produtturi tal-Unjoni tal-ħġieġ solari qed jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi ġodda biex itejbu l-użu tal-enerġija ekoloġika, jikkooperaw mal-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet, u qed jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset li t-tkomplija tal-miżuri hija kruċjali biex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ industrija vijabbli tal-ħġieġ solari u biex ir-riċerka u l-iżvilupp f’dan il-qasam jiġu mtejba.

(244)

Il-Kummissjoni barra minn hekk qieset li jekk il-miżuri jiskadu, il-vijabbiltà tal-industrija tal-ħġieġ solari tal-Unjoni tiġi mhedda u l-utenti (primarjament il-produtturi tal-moduli fotovoltajċi) isiru dependenti fuq l-importazzjonijiet, aktarx miċ-Ċina. L-iskadenza tal-miżuri aktarx ikollha wkoll bħala konsegwenza li l-industrija tal-ħġieġ solari ma tkunx tista’ tinvesti fl-innovazzjoni u fir-riċerka u żvilupp. Għaldaqstant, mill-perspettiva ambjentali, il-Kummissjoni qieset li kien kruċjali li l-industrija tal-ħġieġ solari tinżamm vijabbli.

(245)

Fl-istess ħin, il-politika ambjentali tal-Kummissjoni tappoġġa wkoll l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni. Il-potenzjal innovattiv ewlieni qiegħed fil-produzzjoni taċ-ċelloli mill-industrija iktar ’l isfel fil-katina ta’ attivitajiet. Billi jinżammu dawn il-miżuri, din il-parti mill-industrija “ħadra”, jiġifieri l-produtturi tal-moduli solari se jkollhom iġarrbu xi kostijiet addizzjonali. Fid-dawl tal-analiżi fit-Taqsima 6.2.1., il-Kummissjoni madankollu kkonkludiet li l-kostijiet addizzjonali tal-utenti ma kinux sinifikanti biżżejjed biex jipprevjenu l-operat jew l-espansjoni futura tagħhom.

(246)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li kollox ma’ kollox iż-żamma tal-miżuri ma tagħmilx ħsara lill-politiki ambjentali tal-Unjoni.

6.4.   L-interess ta’ operaturi tas-suq mhux relatati

(247)

Il-grupp attiv fid-distribuzzjoni tal-ħġieġ solari għas-serer esprima l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-miżuri. Il-grupp ma kienx utent dirett iżda kien f’kooperazzjoni mill-qrib mal-utenti/bdiewa biex isibu ħġieġ adattat għall-bini tas-serer. Qal li l-ħġieġ ta’ kwalità għolja b’kontenut baxx ta’ ħadid u varjetà ta’ disinji kien neċessarju għall-effettività tas-serer. Il-forniment ta’ ħġieġ bħal dan u l-ħidma mill-qrib mal-produtturi biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi, fil-fehma tiegħu, ma jkunx possibbli jekk il-miżuri jitħallew jiskadu u b’hekk jaffettwaw b’mod negattiv il-produzzjoni tal-ħġieġ solari fl-Unjoni. Skont dan il-grupp, ma kienx possibbli li jiġi impurtat ħġieġ simili minħabba li l-produtturi barranin ma setgħux joffru l-istess varjetà ta’ disinji u varjazzjonijiet biex ilestu l-proġetti tagħhom fl-iskedi ta’ żmien tas-soltu.

6.5.   L-interess ta’ importaturi mhux relatati

(248)

L-ebda importatur ma kkoopera fl-investigazzjoni. Fin-nuqqas ta’ data, ma kien hemm l-ebda evidenza li l-impożizzjoni ta’ miżuri tmur kontra l-interessi ta’ dawn il-partijiet.

6.6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(249)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli rigward l-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemmx raġunijiet konvinċenti kontra ż-żamma tal-miżuri kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-RPĊ.

7.   MIŻURI KUMPENSATORJI

(250)

Minn dan ta’ hawn fuq isegwi li, kif previst bl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-miżuri kumpensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina miċ-Ċina jenħtieġ li jinżammu.

(251)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza kbira fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji kumpensatorji individwali. Il-kumpaniji b’dazji kumpensatorji individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju kumpensatorju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(252)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati individwali tad-dazju kumpensatorju fuq l-importazzjonijiet, jenħtieġ li din ma tkunx l-uniku element li l-awtoritajiet doganali jqisu. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħra kollha, jitolbu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u biex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(253)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata/i ta’ dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(254)

Ir-rati tad-dazju kompensatorju tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament huma applikabbli biss għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-RPĊ u prodotti mill-entitajiet ġuridiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami magħmul minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għall-ebda waħda mir-rati tad-dazju kumpensatorju individwali.

(255)

Kumpanija tista’ titlob li jiġu applikati dawn ir-rati ta’ dazju kumpensatorju individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (82). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermetti li jintwera li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata ta’ dazju li tapplika għaliha, jenħtieġ li l-avviż dwar il-bidla tal-isem jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(256)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (83), meta ammont ikun irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li għandu jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(257)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (84).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1   Qed jiġi impost dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari magħmul minn ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir tas-soda, b’kontenut tal-ħadid ta’ anqas minn 300 ppm, trażmittanza solari ta’ aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1,5 300-2 500 nm), reżistenza għas-sħana sa 250 °C (imkejla skont l-EN 12150), reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150 K (imkejla skont l-EN 12150) u li jkollu saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (imkejla skont l-EN 1288-3), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (kodiċijiet TARIC 7007198012, 7007198018, 7007198080 u 7007198085) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2   Ir-rati tad-dazju kumpensatorju applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati fit-tabella, jkunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju kumpensatorju

Kodiċi addizzjonali tat-TARIC

Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd

3,2 %

B943

Zhejiang Hehe Photovoltaic Glass Technology Co., Ltd

17,1 %

B944

Zhejiang Jiafu Glass Co., Ltd; Flat Solar Glass Group Co., Ltd; Shanghai Flat Glass Co., Ltd

12,8 %

B945

Henan Yuhua New Material Co., Ltd

16,7 %

B946

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness I

12,4 %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

17,1 %

B999

3   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju kumpensatorju individwali speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha ssir bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fattura kummerċjali valida, li trid tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I. Jekk ma tiġix ippreżentata din il-fattura, gћandha tapplika r-rata tad-dazju applikabbli gћall-“kumpaniji l-oћrajn kollha”.

4   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 471/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, 14.5.2014, p. 23).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazju anti-dumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, 14.5.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1394 tat-13 ta’ Awwissu 2015 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/588 li jimponi dazju anti-dumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 215, 14.8.2015, p. 42).

(5)  Avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri antisussidji (ĠU C 345, 27.9.2018, p. 10).

(6)  Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 165, 14.5.2019, p. 22).

(7)  il-Kapitolu III, l-Artikolu 5 tad-Dispożizzjonijiet Temporanji dwar il-Promozzjoni tal-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali.

(8)  il-Kapitolu III, l-Artikolu 17 tad-Dispożizzjonijiet Temporanji dwar il-Promozzjoni tal-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali.

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 16, 18.1.2019, p. 5).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/688 tat-2 ta’ Mejju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ azzar miksi b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 116, 3.5.2019, p. 39).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1187 tat-3 ta’ Lulju 2017 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 134).

(12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1690 tad-9 ta’ Novembru 2018 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi ġodda jew b’wiċċ ġdid, ta’ tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1579 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorji impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/163 (ĠU L 283, 12.11.2018, p. 1).

(13)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/969 tat-8 ta’ Ġunju 2017 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/649 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 146, 9.6.2017, p. 17).

(14)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf

(15)  L-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku.

(16)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 471/2014, il-premessi (71) sa (87).

(17)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 471/2014, il-premessi (88) sa (95).

(18)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 471/2014, il-premessi (96) sa (98).

(19)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 471/2014, il-premessi (99) sa (111).

(20)  Ara l-paġni 26-29, l-Annessi 23 u 35 tat-talba għal rieżami.

(21)  Ara t-Taqsima 3.1 ta’ dan ir-Regolament u l-paġni 16 u minn 27 sa 28 tat-talba għal rieżami.

(22)  WT/DS379/AB/R (US — Anti-Dumping and Countervailing Duties on Certain Products from China), Rapport tal-Korp tal-Appell tal-11 ta’ Marzu 2011, DS 379, il-paragrafu 318. Ara wkoll WT/DS436/AB/R (US — Carbon Steel (India)), Rapport tal-Korp tal-Appell tat-8 ta’ Diċembru 2014, il-paragrafi 4.9-4.10, 4.17-4.20 u WT/DS437/AB/R (United States — Countervailing Duty Measures on Certain Products from China) Rapport tal-Korp tal-Appell tat-18 ta’ Diċembru 2014, il-paragrafu 4.92.

(23)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 16, 18.1.2019, p. 5), il-premessi (176), (208) u (215).

(24)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1187 tat-3 ta’ Lulju 2017 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 134), premessa (67).

(25)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72, il-premessi (222) sa (229).

(26)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/688, il-premessi (109) sa (114).

(27)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1690, il-premessi (167) sa (223).

(28)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/969, il-premessi (84) sa (148).

(29)  Ara l-kapitolu 6.3 tar-rapport, li huwa disponibbli fuq http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf

(30)  CNBM Annual Report 2018, http://cnbm.wsfg.hk/index.php?SectionID=FinancialReports&PageID=2020&Language=eng; Luoyang Glass Annual Report 2018, https://webb-site.com/dbpub/docs.asp?p=4910; Dongguan CSG Annual Report 2018, https://www.csgholding.com/Home/Investor/report/cat_id/43/year/2019/.html; kollha kkonsultati f’Mejju 2020.

(31)  Ara t-Taqsima 3.1 ta’ dan ir-Regolament u l-paġni 16 u 27 sa 28 tat-talba għal rieżami.

(32)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 471/2014, il-premessi (121)-(136).

(33)  Ara l-paġni 28 sa 31, l-Annessi 23, 36 u 37 tat-talba għal rieżami.

(34)  Ara l-paġni 20, 28, 29, 33, 36 tat-talba għal rieżami.

(35)  Ara t-Taqsima 3.1 ta’ dan ir-Regolament.

(36)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 471/2014, il-premessi (143) sa (146).

(37)  Ara t-talba għal rieżami u l-Annessi 15, 23, u 24 tat-talba għal rieżami.

(38)  Ara l-Anness 15 tat-talba għal rieżami.

(39)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72, il-premessi (534) sa (542).

(40)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1690, il-premessi (510) sa (517).

(41)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/688, il-premessi (175) sa (188).

(42)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 471/2014, il-premessi (161) sa (170).

(43)  Ara l-paġni 21, 22, l-Annessi 22, 23 u 26 tat-talba għal rieżami.

(44)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1690, il-premessi (518) sa (524).

(45)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72, il-premessi (543) sa (550).

(46)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 471/2014, il-premessi (153) sa (160).

(47)  Ara l-paġna 25, l-Annessi 22, 23 tat-talba għal rieżami.

(48)  Ara l-paġna 25 u l-Anness 22 tat-talba għal rieżami.

(49)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72, il-premessi (551) sa (557).

(50)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1187, il-premessi (86) sa (94).

(51)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1187, Premessa 89.

(52)  Ara l-paġna 25 u l-Anness 23 tat-talba għal rieżami.

(53)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1187, il-premessa (91) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72, il-premessa (554).

(54)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1187, Premessa 91 u l-Artikoli 2 u 26 (2) tal-liġi EIT.

(55)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72, il-premessa (556) u t-Taqsima 3.1 ta’ dan ir-Regolament.

(56)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 471/2014, il-premessi (172) sa (195).

(57)  Ara t-Taqsima 3.1 tar-Regolament.

(58)  Ara l-paġna 32, l-Annessi 17, 31 u 38 tat-talba għal rieżami.

(59)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72, il-premessi (503) sa (533).

(60)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1690, il-premessi (474) sa (493).

(61)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/688, il-premessi (80) sa (90).

(62)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1187, il-premessi (120) sa (128).

(63)  Paġna 22 tat-talba għal rieżami.

(64)  Ara l-Anness 21 A tat-talba ta’ rieżami.

(65)  Paġna 34 tat-talba għal rieżami u l-Anness 8 A tat-talba għal rieżami.

(66)  Xinyi Solar Holdings Limited, Annual Report 2019, https://www.xinyisolar.com/en/qynb/list.aspx, kif ikkonsultat f’Mejju 2020. “Is-sena [2019] kienet perjodu ta’ tranżizzjoni għas-suq fotovoltajku Ċiniż. Il-proġetti fotovoltajċi evolvew minn dawn esklussivament xprunati mis-sussidji għal taħlita ta’ “bla sussidji” u “appoġġati mill-FiT”. […] Ir-rilaxx tal-politiki u l-approvazzjoni tal-proġetti li saru tard taffew is-sentiment tal-installazzjonijiet fotovoltajċi fiċ-Ċina matul is-sena. […] Id-domanda globali robusta għall-fotovoltajċi matul is-sena kienet xprunata minn pajjiżi oħrajn, u mhux iċ-Ċina .”

(67)  Paġna 35 tat-talba għal rieżami.

(68)  Ara l-premessa (2).

(69)  Ara l-premessa (2).

(70)  Talba għal rieżami, il-Kapitolu 3.5.

(71)  Talba għal rieżami, il-Kapitolu 3.5. Ara wkoll l-analiżi fit-Taqsima 6, Interess tal-Unjoni.

(72)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 470/2014.

(73)  Il-miżuri anti-dumping u kompensatorji fuq il-pannelli solari ġew imposti fi tmiem l-2013 għal perjodu ta’ sentejn (2). F’Marzu 2017, il-miżuri ġew imtawla għal perjodu ta’ 18-il xahar (https://trade.ec.europa.eu/doclib/press/index.cfm?id=1904).

(74)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1205/2013 tas-26 ta’ Novembru 2013 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 8), il-premessa (157).

(75)  Sors: A multidimensional optimisation approach to improve module efficiency, power and costs, Jibran Shahid, Max Mittag, Martin Heinrich, Fraunhofer Institute for Solar Energy Systems ISE,

https://www.ise.fraunhofer.de/content/dam/ise/de/documents/publications/conference-paper/35-eupvsec-2018/Shahid_5DO83.pdf

(76)  Sors: The Mechanical Engineering Industry Association (VDMA), https://pv-manufacturing.org/wp-content/uploads/2019/03/ITRPV-2019.pdf

(77)  Waħda mill-akbar kumpaniji li waqqfu l-produzzjoni tagħhom kienet Solarworld, li skont EU ProSun kellha kapaċità ta’ 700 MW. Din waqqfet il-produzzjoni tagħha fl-2018 (https://www.pv-magazine.com/2019/02/11/investor-search-for-solarworld-failed-module-factory-to-be-auctioned-off/).

(78)  Is-sit web ta’ F-Solar jindika kapaċità ta’ 750 tunnellata kuljum https://www.fsolar.de/en. Skont it-taħlita tal-prodotti, dan il-volum jista’ jikkorrespondi għal bejn 20 u 30 miljun m2. Minbarra F-Solar, jeżistu bosta produtturi iżgħar fis-suq, bħal Petra Glass (l-Awstrija), Pressglass (il-Polonja), Sunarc (id-Danimarka), Lambert (il-Ġermanja), Onyxsolar (Spanja), Covexglass (il-Polonja), DA Glass (il-Polonja), Schollenglass (il-Polonja), tvitec (Spanja), Hecker (il-Ġermanja), Ertex solar (l-Awstrija), u ILVA Glass (l-Italja).

(79)  Sors: EU ProSun

(80)  Ara l-Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, 11.12.2019 COM(2019) 640 final, https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:b828d165-1c22-11ea-8c1f-01aa75ed71a1.0013.02/DOC_2&format=PDF għall-qafas usa’.

(81)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, 11.12.2019 COM(2019) 640 final,https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:b828d165-1c22-11ea-8c1f-01aa75ed71a1.0013.02/DOC_1&format=PDF, p. 6.

(82)  Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat H, Rue de la Loi 170, 1040 Brussels, Belgium.

(83)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(84)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).


ANNESS 1

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Avic Sanxin Sol-Glass Co. Ltd u Avic (Hainan) Special Glass Material Co., Ltd

B949

Avic Sanxin Sol-Glass Co. Ltd;

B950

Dongguan CSG Solar Glass Co., Ltd

B951

Pilkington Solar Taicang Limited

B952

Novatech Glass Co., Ltd

B954


ANNESS 2

Il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3) irid ikun fiha dan li ġej:

1.

L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li tkun qed toħroġ il-fattura kummerċjali.

2.

Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, is-sottoskritt, niddikjara li (l-erja f’m2) ta’ ħġieġ solari mibjugħin gћall-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea li huma koperti b’din il-fattura ġew immanifatturati minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.”

3.

Id-data u l-firma tal-uffiċjal tal-entità li tkun qed toħroġ il-fattura kummerċjali.