23.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1080

tat-22 ta’ Lulju 2020

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

F’Mejju 2014, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 (2) (“il-miżuri oriġinali”).

(2)

F’Awwissu 2015, wara investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni emendat il-miżuri oriġinali permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1394 (3). Id-dazji anti-dumping individwali jvarjaw minn 17,5 % għal 75,4 %. Il-kumpaniji l-oħrajn kollha huma soġġetti għal dazju anti-dumping li japplika għall-pajjiż kollu ta’ 67,1 % (“il-miżuri fis-seħħ”).

(3)

Fi proċedimenti separati, il-Kummissjoni imponiet dazji kompensatorji li jvarjaw minn 3,2 % għal 17,1 % f’Mejju 2014 (4).

1.2.   Bidu ta’ rieżami ta’ skadenza

(4)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż dwar l-iskadenza imminenti tal-miżuri fis-seħħ (5), EU ProSun Glass (“l-applikant”), li tirrappreżenta aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ħġieġ solari, talbet li jinbeda rieżami ta’ skadenza fit-13 ta’ Frar 2019 (“talba għal rieżami”). Argumentat li l-iskadenza tal-miżuri oriġinali aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping u għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(5)

Fl-14 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) (“in-Notifika ta’ Bidu”), il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri fis-seħħ skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

1.3.   Investigazzjoni

1.3.1.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu ta’ analiżi

(6)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“PIR”) kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2018. L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-ħsara kien ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-aħħar tal-PIR (“il-perjodu ta’ analiżi”).

1.3.2.   Partijiet interessati

(7)

Fin-Notifika ta’ Bidu l-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. B’mod partikolari, ikkuntattjat lill-applikant, lill-produtturi magħrufa fl-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fir-RPĊ, lill-importaturi mhux relatati magħrufa, lill-utenti tal-prodott taħt rieżami fl-Unjoni, u lill-awtoritajiet tar-RPĊ.

(8)

Il-partijiet interessati kollha ġew mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fin-Notifika ta’ Bidu. Il-partijiet interessanti ngħataw ukoll l-opportunità li jitolbu seduta ta’ smigħ mas-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fi proċedimenti kummerċjali (“l-Uffiċjal tas-Smigħ”).

(9)

Wieħed mill-produtturi tal-Unjoni talab li ismu jibqa’ kunfidenzjali minħabba li l-parteċipazzjoni tal-grupp li huwa parti minnu fil-proċedimenti jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq in-negozju tal-grupp fiċ-Ċina u jista’ jwassal għal ritaljazzjoni mill-klijenti tiegħu. Il-Kummissjoni eżaminat it-talba. Hija qieset li s-sempliċi preżenza tal-grupp fiċ-Ċina kienet tiddeskrivi periklu astratt u ma kinitx biżżejjed biex tissarraf f’theddida konkreta ta’ ritaljazzjoni. Ma kien hemm l-ebda element ta’ prova konkreta li nġab għall-attenzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-ebda negozju tal-grupp fiċ-Ċina ma kien relatat man-negozju tal-ħġieġ solari. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiċħad it-talba.

(10)

Il-kumpanija rrikorriet għand l-Uffiċjal tas-Smigħ dwar il-kwistjoni. L-Uffiċjal tas-Smigħ approva ċ-ċaħda tal-Kummissjoni minħabba li qies li t-talba għall-anonimat kienet ibbażata fuq suppożizzjonijiet ta’ ritaljazzjoni minflok fuq theddidiet reali għall-kumpanija jew għall-grupp, u minħabba li l-kumpanija ma kienet ipprovdiet l-ebda fatt jew informazzjoni ġodda li jkunu jiġġustifikaw bidla fid-deċiżjoni preċedenti.

(11)

Bosta partijiet talbu li jsir smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni. Saret seduta ta’ smigħ bejn il-Kummissjoni u ż-żewġ produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fid-9 ta’ Jannar 2020. Fil-11 ta’ Frar 2020, saret seduta ta’ smigħ mal-REC Group, ma’ Solitek u ma’ EU ProSun, assoċjazzjoni li trrappreżenta bosta utenti. Is-seduti ta’ smigħ kienu jikkonċernaw argumenti tal-partijiet differenti, li qegħdin imniżżlin f’aktar dettall fit-Taqsimiet minn 4 sa 6 dwar id-dannu u dwar l-interess tal-Unjoni.

1.3.3.   Kampjunar

(12)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li kien hemm il-possibilità li tagħżel kampjun minn fost il-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.3.3.1.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(13)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ħabbret li hi kienet għażlet proviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tal-akbar volum ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ tal-prodott simili li seta’ jiġi investigat raġonevolment fiż-żmien disponibbli. Il-kampjun kien jikkonsisti minn żewġ produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw aktar minn 80 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. L-uniku kumment li rċeviet, mingħand l-applikant, kien favur il-kampjun. Il-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni. Jikkonsisti miż-żewġ kumpaniji li ġejjin:

Saint-Gobain Glassolutions Isolierglass-Center GmbH (“Saint Gobain Solar”)

Interfloat u GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH (“il-Grupp Interfloat”)

1.3.3.2.   Kampjunar tal-importaturi

(14)

Biex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, u stednithom jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

(15)

L-ebda importatur mhux relatat fl-Unjoni ma kkoopera.

1.3.3.3.   Il-kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(16)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufa kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea biex tidentifika produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(17)

L-ebda kumpanija mir-RPĊ ma ppreżentat ruħha fiż-żmien li ngħata. Kien hemm kumpanija mir-RPĊ li bagħtet tard, li iżda eventwalment ma kkooperatx.

(18)

Konsegwentement, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet tar-RPĊ permezz tan-Note Verbale tal-24 ta’ Mejju 2019, li kellha l-ħsieb li tirrikorri għall-użu tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku meta teżamina l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping. L-awtoritajiet tar-RPĊ ma rrispondewx għan-Note Verbale.

1.3.4.   Kwestjonarji u żjarat ta’ verifika

(19)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-gvern tar-RPĊ (“GTĊ”) u liż-żewġ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Il-GTĊ ma pprovda l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju. Iż-żewġ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun wieġbu għall-kwestjonarju.

(20)

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja biex tiddetermina l-probabbiltà tal-kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u dannu, kif ukoll l-interess tal-Unjoni. Saru żjarat ta’ verifika fil-bini taż-żewġ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

1.3.5.   Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(21)

Fid-dawl tal-evidenza suffiċjenti disponibbli fil-bidu tal-investigazzjoni li tindika l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni nediet l-investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sabiex tikseb l-informazzjoni li qieset neċessarja għall-investigazzjoni tagħha dwar l-allegati distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-GTĊ. Barra minn hekk, fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha jressqu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ma waslet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju mill-GTĊ, u ma waslet l-ebda sottomissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku qabel l-iskadenza.

(22)

Fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni speċifikat ukoll li, fid-dawl tal-evidenza disponibbli, għażlet lit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku bil-għan li tiddetermina l-valur normali abbażi ta’ prezzijiet jew ta’ punti ta’ riferiment mingħajr distorsjoni. Il-Kummissjoni qalet ukoll li kienet se teżamina pajjiżi rappreżentattivi oħrajn li setgħu jkunu xierqa f’konformità mal-kriterji stipulati fi 2(6a)(a) tal-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku.

(23)

Fl-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati permezz ta’ nota (“in-Nota tal-14 ta’ Ġunju”) dwar is-sorsi rilevanti li kien beħsiebha tuża biex tiddetermina l-valur normali. F’dik in-nota, il-Kummissjoni pprovdiet lista tal-fatturi kollha tal-produzzjoni, bħall-materja prima, il-manodopera u l-enerġija li jintużaw fil-produzzjoni tal-ħġieġ solari. Barra minn hekk, abbażi tal-kriterji li jiggwidaw l-għażla ta’ prezzijiet jew punti ta’ riferiment mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni kkonfermat l-intenzjoni tagħha li tuża t-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment dwar in-Nota tal-14 ta’ Ġunju.

(24)

Fis-17 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati permezz tat-tieni nota (“in-Nota tas-17 ta’ Frar”) dwar is-sorsi rilevanti li kien beħsiebha tuża biex tiddetermina l-valur normali, bit-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv. Infurmat ukoll lill-partijiet interessati li kienet se tistabbilixxi l-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amminsitrattivi (“SG&A”) u l-profitti abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-kumpanija Sisecam/Trakya, produttur fil-pajjiż rappreżentattiv. Ma wasal l-ebda kumment.

1.3.6.   Proċedura sussegwenti

(25)

Fis-26 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni żvelat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha żżomm id-dazji anti-dumping fis-seħħ. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar l-iżvelar. L-applikant, EU ProSun u l-assoċjazzjoni tal-industrija tal-manifattura fotovoltajka tal-Unjoni, il-European Solar Manufacturing Council (“ESMC”), ippreżentaw il-kummenti.

(26)

Il-kummenti li għamlu l-partijiet interessati ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni u ttieħdu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq. Saret seduta ta’ smigħ bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u EU ProSun fid-9 ta’ Ġunju 2020.

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI U L-PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt rieżami

(27)

Il-prodott taħt rieżami huwa ħġieġ solari magħmul minn ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir tas-soda, b ’ kontenut tal-ħadid ta’ anqas minn 300 ppm, trażmittanza solari ta’ aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1,5 300-2 500 nm), reżistenza għas-sħana sa 250 °C (imkejla skont l-EN 12150), reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150 K (imkejla skont l-EN 12150) u li jkollu saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (mkejla skont l-EN 1288-3), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (kodiċijiet TARIC 7007198012, 7007198018, 7007198080 u 7007198085) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott taħt rieżami”, komunement imsejjaħ “ħġieġ solari”).

(28)

Il-ħġieġ solari jista’ jkollu disinn jew le, b’superfiċe trasparenti jew diffuża, b’tipi ta’ xfarijiet differenti. Jista’ jkun hemm motifi differenti fuq iż-żewġ naħat tal-ħġieġa, jew il-motif jista’ jkun fuq naħa waħda biss. Il-ħġieġ jista’ jkun imtaqqab, u jista’ jiġi wkoll stampat permezz tal-applikazzjoni ta’ kuluri taċ-ċeramika, pereżempju. Is-superfiċe tal-ħġieġ tista’ tiġi ttratata bl-użu ta’ teknoloġiji differenti. L-aktar waħda komuni hija kisja antiriflessi li tiġi applikata qabel jew wara l-proċess tal-ittemprar. Teknoloġiji oħra jippermettu l-ħġieġ solari jinkesa b’saffi funzjonali rqaq li jipprovdu proprjetajiet ta’ trażmittenza akbar, awtopulitura, kontra l-ħmieġ jew ta’ ebusija.

(29)

Il-ħġieġ solari huwa wieħed mill-komponenti li jintużaw biex isiru l-moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u moduli fotovoltajċi b’rita rqiqa għall-produzzjoni tal-elettriku (il-“moduli PV”), kif ukoll kolletturi tal-enerġija fototermali ċatti użati, pereżempju, biex jiġi ġġenerat il-misħun (il-“moduli fototermali”). Jintuża wkoll għall-bini tas-serer (l-hekk imsejjaħ “ħġieġ ortikulturali” jew “ħġieġ tas-serer”).

2.2.   Prodott simili

(30)

Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, il-ħġieġ solari prodott u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni u l-ħġieġ solari prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tar-RPĊ u l-ħġieġ solari importati fl-Unjoni mir-RPĊ għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi finali. Għalhekk, jitqiesu bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TA’ DUMPING

(31)

F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, u kif inhu miktub fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni eżaminat jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping mir-RPĊ.

3.1.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-kumpaniji inklużi fil-kampjun u l-GTĊ

(32)

L-ebda produttur esportatur Ċiniż ma kkoopera fl-investigazzjoni. Naqsu milli jippreżentaw kwalunkwe informazzjoni rigward l-allegati distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Bl-istess mod, l-ebda produttur esportatur ma wieġeb għall-kwestjonarju.

(33)

Il-GTĊ ma pprovda l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju u lanqas ma indirizza l-evidenza fil-fajl tal-każ ipprovdut mill-applikant, inkluż id-“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ” (“ir-Rapport”) (7).

(34)

Fl-24 ta’ Mejju u fil-25 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni informat lill-GTĊ li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni mill-esportaturi/produtturi fir-RPĊ, kien beħsiebha tibbaża l-konstatazzjonijiet tagħha fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li konstatazzjoni bbażata fuq il-fatti disponibbli tista’ tkun inqas favorevoli għall-parti kkonċernata u stednithom biex jikkummentaw. Il-GTĊ ma pprovda ebda kumment.

(35)

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, il-konstatazzjonijiet fir-rigward tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping stabbiliti hawn taħt kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli. Il-Kummissjoni qagħdet b’mod partikolari fuq l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal rieżami u fuq l-istatistika bbażata fuq id-data rrapportata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku (“il-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6)”), u l-Eurostat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat sorsi oħra ta’ informazzjoni disponibbli għall-pubbliku bħall-bażijiet ta’ data Global Trade Atlas (8) (“GTA”) u Orbis Bureau van Dijk (9) (“Orbis”).

3.2.   Dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

3.2.1.   Valur normali

(36)

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur”.

(37)

Madankollu, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “( f)il-każ li jiġi determinat […] li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza f’dak il-pajjiż ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b), il-valur normali għandu jiġi kkalkolat esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni” , u “għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti” .

(38)

Kif spjegat aktar fid-dettall ’il quddiem fit-Taqsima 3.2.2, f’din l-investigazzjoni l-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-evidenza disponibbli, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kienet xierqa.

3.2.2.   Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

3.2.2.1.   Introduzzjoni

(39)

L-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi d- “distorsjonijiet sinifikanti huma dawk id-distorsjonijiet li jseħħu meta prezzijiet jew kostijiet irrappurtati, inklużi l-kostijiet ta’ materji primi u ta’ enerġija, ma jkunux ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles għax ikunu affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern. Meta tkun valutata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti għandha tingħata attenzjoni, inter alia, lill-impatt potenzjali ta’ element wieħed jew aktar mis-segwenti:

is-suq inkwistjoni li hu servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni politika jew il-gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur;

il-preżenza tal-Istat f’ditti li jippermettu lill-Istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew tal-kostijiet;

politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles b’mod ieħor;

in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet fil-qasam tal-fallimenti, dak soċjetarju jew dak tal-proprjetà;

il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni;

l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat”.

(40)

Skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) għandha tqis, fost l-oħrajn, il-lista mhux eżawrjenti ta’ elementi fid-dispożizzjoni ta’ qabel. Skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, fil-valutazzjoni tal-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti, għandu jitqies l-impatt potenzjali ta’ wieħed jew aktar minn dawn l-elementi fuq il-prezzijiet u l-kostijiet fil-pajjiż esportatur tal-prodott taħt rieżami. Tabilħaqq, minħabba li dik il-lista mhijiex kumulattiva, mhux l-elementi kollha jenħtieġ li jitqiesu għas-sejba ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Barra minn hekk, l-istess ċirkostanzi fattwali jistgħu jintużaw biex juru l-eżistenza ta’ element wieħed jew aktar tal-lista. Madankollu, kwalunkwe konklużjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) trid issir fuq il-bażi tal-evidenza kollha disponibbli. Il-valutazzjoni globali dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tista’ tqis ukoll il-kuntest ġenerali u s-sitwazzjoni fil-pajjiż esportatur, b’mod partikolari fejn l-elementi fundamentali tal-istruttura ekonomika u amministrattiva tal-pajjiż esportatur jipprovdu lill-gvern b’setgħat sostanzjali biex jintervjeni fl-ekonomija b’tali mod li l-prezzijiet u l-kostijiet ma jkunux ir-riżultat tal-iżvilupp ħieles tal-forzi tas-suq.

(41)

L-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku jipprevedi li “[f]ejn il-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet fondati sew tal-eżistenza potenzjali ta’ distorsjonijiet sinifikanti kif imsemmija fil-punt (b) f’ċertu pajjiż jew f’ċertu settur f’dak il-pajjiż, u fejn ikun xieraq għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipproduċi, tippubblika u taġġorna regolarment rapport li jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi tas-suq imsemmija fil-punt (b) f’dak il-pajjiż jew settur”.

(42)

Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ħarġet rapport tal-pajjiż dwar iċ-Ċina (ara l-premessa (33), in-nota f’qiegħ il-paġna 7), li juri l-eżistenza ta’ intervent sostanzjali tal-gvern f’ħafna livelli tal-ekonomija, inklużi distorsjonijiet speċifiċi f’bosta fatturi ewlenin ta’ produzzjoni (bħall-art, l-enerġija, il-kapital, il-materja prima u x-xogħol) kif ukoll f’setturi speċifiċi (bħall-azzar u s-sustanzi kimiċi). Ir-Rapport tqiegħed fil-fajl tal-investigazzjoni fl-istadju tal-bidu. Il-partijiet interessati kienu mistiedna biex jirribattu, jikkummentaw jew jissupplimentaw l-evidenza li kienet inkluża fil-fajl tal-investigazzjoni fil-mument tal-bidu, li r-rapport kien parti integrali minnu. Ma wasal l-ebda kumment.

(43)

It-talba għal rieżami ppreżentata mill-applikant ipprovdiet evidenza addizzjonali dwar distorsjonijiet sinifikanti fis-settur tal-ħġieġ solari skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b), li tikkomplementa r-rapport. Din l-evidenza tirrigwarda diversi distorsjonijiet u tista’ tinsab aktar ’l isfel fit-taqsimiet 3.2.2.2 sa 3.2.2.8.

(44)

Kif indikat fil-premessa (33), il-GTĊ la kkummenta u lanqas ma pprovda evidenza li tappoġġa jew li tirribatti l-evidenza eżistenti dwar il-fajl tal-każ, inkluż ir-Rapport u l-evidenza addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-applikant, dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti u/jew dwar l-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fil-każ inkwistjoni.

(45)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għamlet dan abbażi tal-evidenza disponibbli fil-fajl, inkluża l-evidenza inkluża fir-Rapport, li tiddependi fuq sorsi disponibbli għall-pubbliku. Dik l-analiżi kopriet l-eżami tal-interventi sostanzjali tal-gvern fl-ekonomija tar-RPĊ b’mod ġenerali, iżda wkoll is-sitwazzjoni speċifika tas-suq fis-settur rilevanti, inkluż il-prodott taħt rieżami.

3.2.2.2.   Distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fir-RPĊ

(46)

Is-sistema ekonomika Ċiniża hija bbażata fuq il-kunċett ta’ “ekonomija tas-suq soċjalista”. Dan il-kunċett huwa minqux fil-Kostituzzjoni Ċiniża u jiddetermina l-governanza ekonomika taċ-Ċina. Il-prinċipju ewlieni huwa “s-sjieda pubblika soċjalista tal-mezzi tal-produzzjoni, jiġifieri s-sjieda min-nies kollha u s-sjieda kollettiva mill-persuni li jaħdmu” . L-ekonomija tal-Istat hija “l-forza mexxejja tal-ekonomija nazzjonali” u l-Istat għandu l-mandat “li jiżgura l-konsolidazzjoni u t-tkabbir tagħha” (10). Konsegwentement, l-istruttura ġenerali tal-ekonomija Ċiniża mhux biss tippermetti interventi sostanzjali tal-gvern fl-ekonomija, iżda tali interventi huma mogħtija mandat espliċitu. Il-kunċett tas-supremazija tas-sjieda pubblika fuq dik privata huwa mifrux fis-sistema ġuridika kollha u huwa enfasizzat bħala prinċipju ġenerali fl-atti leġiżlattivi prinċipali kollha. Il-liġi tal-proprjetà Ċiniża hija eżempju tajjeb peress li hija tirreferi għall-istadju primarju tas-soċjaliżmu u tafda lill-Istat bit-tħaddin tas-sistema ekonomika bażika li taħtha s-sjieda pubblika għandha rwol dominanti. Forom oħra ta’ sjieda huma tollerati, u l-liġi tippermettilhom jiżviluppaw flimkien mas-sjieda statali (11).

(47)

Barra minn hekk, skont il-liġi Ċiniża, l-ekonomija tas-suq soċjalista hija żviluppata taħt it-tmexxija tal-Partit Komunista Ċiniż (Chinese Communist Party, “CCP”). L-istrutturi tal-Istat Ċiniż u tas-CCP huma marbutin ma’ xulxin f’kull livell (legali, istituzzjonali, personali), u jiffurmaw superstruttura li fiha ma tkunx tista’ ssir distinzjoni bejn ir-rwoli tas-CCP u tal-Istat. Wara emenda tal-Kostituzzjoni Ċiniża f’Marzu 2018, ir-rwol ewlieni tas-CCP ingħata prominenza saħansitra akbar billi ġie affermat mill-ġdid fit-test tal-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni. Wara l-ewwel sentenza diġà eżistenti tad-dispożizzjoni: “[ is-]sistema soċjalista hija s-sistema bażika tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina” , iddaħħlet it-tieni sentenza ġdida li tgħid: “[ il-]karatteristika li tiddefinixxi s-soċjaliżmu b’karatteristiċi Ċiniżi hi t-tmexxija tal-Partit Komunista taċ-Ċina .”  (12)Dan juri l-kontroll inkontestat u dejjem akbar tas-CCP fuq is-sistema ekonomika taċ-Ċina. Din it-tmexxija u dan il-kontroll huma inerenti għas-sistema Ċiniża u jmorru ferm lil hinn mis-sitwazzjoni abitwali fil-pajjiżi l-oħra fejn il-gvernijiet jeżerċitaw kontroll makroekonomiku ġenerali li fi ħdanu jkun hemm il-konfini tal-forzi tas-suq ħieles.

(48)

L-Istat Ċiniż iħaddem politika ekonomika intervenzjonista biex jilħaq għanijietu, li jikkonċidu mal-aġenda politika stabbilita mis-CCP minflok ma jkunu jirriflettu l-kundizzjonijiet ekonomiċi prevalenti f’suq ħieles (13). Huma bosta l-għodod ekonomiċi intervenzjonisti użati mill-awtoritajiet Ċiniżi, u fosthom hemm is-sistema tal-ippjanar industrijali, is-sistema finanzjarja, kif ukoll il-livell tal-ambjent regolatorju.

(49)

L-ewwel nett, fil-livell ta’ kontroll amministrattiv globali, id-direzzjoni tal-ekonomija Ċiniża hija rregolata minn sistema kumplessa ta’ ppjanar industrijali, li taffettwa l-attività ekonomika kollha fil-pajjiż. It-totalità ta’ dawn il-pjanijiet tkopri matriċi komprensiva u kumplessa ta’ setturi u politiki trażversali u hija preżenti fil-livelli kollha tal-gvern. Il-pjanijiet fil-livell provinċjali huma dettaljati filwaqt li l-pjanijiet nazzjonali jistabbilixxu miri usa’. Il-pjanijiet jispeċifikaw ukoll il-mezzi biex jiġu sostnuti l-industriji/is-setturi rilevanti kif ukoll il-perjodi ta’ żmien li fihom iridu jintlaħqu l-objettivi. Xi pjanijiet għadhom jinkludu miri espliċiti fir-rigward tal-produzzjoni filwaqt li din kienet karatteristika regolari fiċ-ċikli tal-ippjanar preċedenti. Skont il-pjanijiet, qed jiġu identifikati s-setturi u/jew proġetti industrijali individwali bħala prijoritajiet (pożittivi jew negattivi) f’konformità mal-prijoritajiet tal-gvern, u qed jiġu attribwiti lihom għanijiet ta’ żvilupp speċifiċi (titjib industrijali, espansjoni industrijali, eċċ.). L-operaturi ekonomiċi, kemm dawk privati kif ukoll dawk tal-Istat, iridu jaġġustaw b’mod effettiv l-attivitajiet kummerċjali tagħhom skont ir-realtajiet imposti mis-sistema tal-ippjanar. Dan mhux biss minħabba n-natura vinkolanti tal-pjanijiet iżda anki minħabba li l-awtoritajiet Ċiniżi rilevanti fil-livelli kollha tal-gvern jaderixxu mas-sistema ta’ pjanijiet u jużaw is-setgħat mogħtija lilhom skont kif ikun meħtieġ, biex b’hekk iwasslu biex l-operaturi jikkonformaw mal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet (ara wkoll it-taqsima 3.2.2.5 aktar ’l isfel) (14).

(50)

It-tieni, fuq il-livell tal-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, is-sistema finanzjarja taċ-Ċina hija ddominata mill-banek kummerċjali tal-Istat. Dawn il-banek, meta jkunu qed jistabbilixxu u jimplementaw il-politika tas-self tagħhom, iridu jallinjaw ruħhom mal-objettivi tal-politika industrijali tal-gvern minflok ma jivvalutaw qabel kollox il-merti ekonomiċi ta’ proġett partikolari (ara wkoll it-Taqsima 3.2.2.8 aktar ’l isfel) (15). L-istess japplika għall-komponenti l-oħra tas-sistema finanzjarja Ċiniża, bħas-swieq tal-istokks, is-swieq tal-bonds, is-swieq tal-ekwità privata, eċċ. Barra minn hekk, dawn il-partijiet tas-settur finanzjarju għajr is-settur bankarju huma istituzzjonalment u operazzjonalment stabbiliti b’mod li mhuwiex magħmul biex itejjeb il-funzjonament effiċjenti tas-swieq finanzjarji iżda biex jiżgura l-kontroll u jippermetti l-intervent mill-Istat u mis-CCP (16).

(51)

It-tielet, fil-livell tal-ambjent regolatorju, l-interventi mill-Istat fl-ekonomija jieħdu għadd ta’ forom. Pereżempju, ir-regoli tal-akkwist pubbliku jintużaw regolarment sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ politika li mhumiex l-effiċjenza ekonomika, u b’hekk jimminaw il-prinċipji bbażati fuq is-suq fil-qasam. Il-leġiżlazzjoni applikabbli speċifikament tipprevedi li l-akkwist pubbliku għandu jsir sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-għanijiet imfassla mill-politiki tal-Istat. Madankollu, in-natura ta’ dawn l-għanijiet għadha mhix iddefinita, u b’hekk tħalli marġni wiesa’ ta’ apprezzament għall-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (17). B’mod simili, fil-qasam tal-investiment, il-gvern Ċiniż iżomm kontroll u influwenza sinifikanti fuq id-destinazzjoni u d-daqs, kemm tal-investiment tal-Istat, kif ukoll tal-investiment privat. L-iskrinjar tal-investiment, kif ukoll diversi inċentivi, restrizzjonijiet, u projbizzjonijiet relatati mal-investiment jintużaw mill-awtoritajiet bħala għodda importanti biex jiġu appoġġati l-għanijiet tal-politika industrijali, bħaż-żamma tal-kontroll tal-Istat fuq setturi ewlenin jew it-tisħiħ tal-industrija domestika (18).

(52)

Fil-qosor, il-mudell ekonomiku Ċiniż huwa bbażat fuq ċerti assjomi bażiċi li jipprevedu u jħeġġu bosta interventi tal-gvern. Tali interventi sostanzjali tal-gvern jinsabu f’kunflitt mal-azzjoni libera tal-forzi tas-suq u jwasslu għal distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi skont il-prinċipji tas-suq (19).

3.2.2.3.   Distorsjonijiet sinifikanti skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: is-suq inkwistjoni li hu servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur

(53)

Fir-RPĊ, l-intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll u/jew is-superviżjoni jew il-gwida tal-politika mill-Istat, jirrappreżentaw parti essenzjali mill-ekonomija.

(54)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni miċ-Ċina, il-Kummissjoni għandha informazzjoni limitata dwar l-istruttura ta’ sjieda tal-kumpaniji attivi fis-settur tal-ħġieġ solari fir-RPĊ.

(55)

Rigward is-sjieda statali, filwaqt li l-akbar żewġ prodotturi Ċiniżi tal-ħġieġ solari, Xinyi Solar Holdings u Flat Glass Group huma entitajiet privati, bosta produtturi kbar oħra huma intrapriżi tal-istat, inklużi Dongguan CSG (taħt CSG Holding), Luoyang Glass u CNBM.

(56)

Il-GTĊ u s-CCP għandhom strutturi li jiżguraw li jibqa’ jkollhom influwenza fuq l-intrapriżi, u b’mod partikolari fuq l-intrapriżi tal-istat (state-owned enterprises, SOEs). L-Istat (u f’ħafna aspetti anke s-CCP) mhux biss jifformula u jissorvelja b’mod attiv l-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi ġenerali minn SOEs individwali, iżda jeżerċita wkoll id-drittijiet tiegħu li jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali fl-SOEs. Tipikament dan isir permezz tar-rotazzjoni ta’ uffiċjali tal-partit (cadres) bejn l-awtoritajiet tal-gvern u l-SOEs, permezz tal-preżenza ta’ membri tal-partit fuq il-korpi eżekuttivi tal-SOEs u ta’ ċelloli tal-partit fil-kumpaniji, kif ukoll permezz tat-tfassil tal-istruttura korporattiva tas-settur tal-SOEs (20). Min-naħa tagħhom, l-SOEs igawdu minn status partikolari fl-ekonomija Ċiniża, li jinvolvi għadd ta’ benefiċċji ekonomiċi, b’mod partikolari protezzjoni mill-kompetizzjoni u aċċess preferenzjali għal inputs rilevanti, inkluż il-finanzjament (21). L-elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ kontroll mill-gvern fuq l-intrapriżi fis-settur tal-ħġieġ solari huma żviluppati ulterjorment fit-Taqsima 3.2.2.4 aktar ’il quddiem.

(57)

F’dak li għandu x’jaqsam mas-superviżjoni u mal-gwida tal-politiki mill-Istat fis-settur tal-ħġieġ solari, l-analiżi hija ppreżentata fit-taqsimiet 3.2.2.4 u 3.2.2.5 aktar ’il quddiem. Bil-livell għoli ta’ kontroll u intervent mill-gvern fis-settur tal-ħġieġ solari kif deskritt aktar ’il quddiem, saħansitra l-produtturi tal-ħġieġ bi sjieda privata ma jitħallewx joperaw skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

(58)

Minħabba l-livell għoli ta’ intervent mill-gvern fl-industrija tal-ħġieġ solari u s-sehem kbir ta’ SOEs fis-settur, saħansitra l-produtturi privati ma jitħallewx joperaw skont il-kondizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, kemm l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dawk privati fis-settur tal-ħġieġ solari huma soġġetti wkoll għal superviżjoni u gwida politika kif stabbilit fit-taqsima 3.2.2.5 aktar ’il quddiem.

3.2.2.4.   Distorsjonijiet sinifikanti skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: Il-preżenza tal-Istat f’ditti li jippermettu lill-Istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew tal-kostijiet

(59)

Minbarra li jeżerċita kontroll fuq l-ekonomija permezz tas-sjieda ta’ SOEs u mezzi oħra, il-GTĊ huwa f’pożizzjoni biex jinterferixxi mal-prezzijiet u mal-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti. Filwaqt li d-dritt għall-ħatra u t-tneħħija ta’ membri kruċjali tal-maniġment fl-SOEs mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat, kif previst fil-leġiżlazzjoni Ċiniża, jista’ jitqies li jirrifletti d-drittijiet ta’ sjieda korrispondenti (22), iċ-ċelloli tas-CCP fl-intrapriżi, kemm dawk tal-Istat kif ukoll dawk privati, jirrappreżentaw mezz importanti ieħor li permezz tiegħu l-Istat jista’ jinterferixxi fid-deċiżjonijiet tan-negozju. Skont il-liġi tal-kumpaniji tar-RPĊ, f’kull kumpanija għandha tiġi stabbilita organizzazzjoni tas-CCP (li jkollha mill-anqas tliet membri tas-CCP kif speċifikat fil-Kostituzzjoni tas-CCP (23)) u l-kumpanija għandha tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-attivitajiet tal-organizzazzjoni tal-partit. Fil-passat, jidher li dan ir-rekwiżit mhux dejjem ġie segwit jew infurzat strettament. Madankollu, minn tal-inqas l-2016, is-CCP saħħaħ il-pretensjonijiet tiegħu li jikkontrolla d-deċiżjonijiet kummerċjali fl-SOEs bħala kwistjoni ta’ prinċipju politiku. Huwa rrappurtat ukoll li s-CCP jeżerċita pressjoni fuq il-kumpaniji privati biex iqiegħdu l-“patrijottiżmu” l-ewwel u jsegwu d-dixxiplina tal-partit (24). Fl-2017, ġie rrapportat li kienu jeżistu ċelloli tal-partiti f’madwar 70 % ta’ madwar 1,86 miljun kumpanija bi sjieda privata, li rriżulta fi pressjoni dejjem akbar biex l-organizzazzjonijiet tas-CCP ikollhom l-aħħar kelma fir-rigward tad-deċiżjonijiet kummerċjali fil-kumpaniji rispettivi tagħhom (25). Dawn ir-regoli huma ta’ applikazzjoni ġenerali fl-ekonomija Ċiniża kollha, fost is-setturi kollha, inkluż is-settur tal-ħġieġ solari. Għaldaqstant, ġie ddeterminat li dawn ir-regoli japplikaw ukoll għall-produtturi tal-ħġieġ solari u għall-fornituri tal-inputs tagħhom.

(60)

Il-preżenza u l-intervent tal-Istat fis-swieq finanzjarji (ara wkoll it-Taqsima 3.2.2.8 aktar ’il quddiem) kif ukoll fil-provvista ta’ materja prima u ta’ inputs iħallu effett distorsiv addizzjonali fis-suq (26).

(61)

Il-preżenza u l-intervent tal-Istat fis-swieq finanzjarji (ara wkoll it-Taqsima 3.2.2.8 aktar ’il quddiem) kif ukoll fil-provvista ta’ materja prima u ta’ inputs għandhom effett ta’ distorsjoni addizzjonali fuq is-suq (27). Għaldaqstant, il-preżenza tal-Istat fil-kumpaniji, inkluż fl-SOEs, fis-settur tal-ħġieġ solari u setturi oħrajn (bħas-settur finanzjarju u dak tal-inputs) tippermetti lill-GTĊ jinterferixxi f’dak li għandu x’jaqsam mal-prezzijiet u mal-kostijiet.

3.2.2.5.   Distorsjonijiet sinifikanti skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles b’mod ieħor

(62)

Id-direzzjoni tal-ekonomija Ċiniża hija determinata b’mod sinifikanti minn sistema elaborata ta’ ppjanar li tistabbilixxi l-prijoritajiet u tippreskrivi l-għanijiet li l-gvernijiet ċentrali u lokali jridu jiffukaw fuqhom. Jeżistu pjanijiet rilevanti fil-livelli kollha tal-gvern u dawn ikopru prattikament is-setturi ekonomiċi kollha. L-objettivi stabbiliti mill-istrumenti ta’ ppjanar huma ta’ natura vinkolanti u l-awtoritajiet f’kull livell amministrattiv jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet mil-livell aktar baxx korrispondenti ta’ gvern. B’mod ġenerali, is-sistema ta’ ppjanar fiċ-Ċina tirriżulta f’riżorsi mmexxija għal setturi ddeżinjati bħala strateġiċi jew inkella politikament importanti mill-gvern, minflok ma jiġu allokati f’konformità mal-forzi tas-suq (28).

(63)

It-13-il Pjan ta’ Ħames Snin għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali tar-RPĊ (“it-13-il Pjan ta’ Ħames Snin”), li jkopri l-perjodu 2016-2020 u għaldaqstant il-PIR, jenfasizza l-viżjoni strateġika tal-GTĊ għat-titjib u l-promozzjoni tal-industriji ewlenin, bħall-industrija tal-ħġieġ solari. It-13-il Pjan ta’ Ħames Snin huwa s-suċċessur tat-12-il Pjan ta’ Ħames Snin, li fih l-industrija tal-ħġieġ solari kienet ġiet irrakkomandata bħala qasam ewlieni tal-iżvilupp tal-manifattura.

(64)

Il-Kapitolu 30 tat-13-il Pjan ta’ Ħames Snin jesprimi l-impenn tal-GTĊ li “[jibni] Sistema Moderna tal-Enerġija”. It-taqsima 1 ta’ dak il-Kapitolu, b’mod partikolari, tipprovdi evidenza b’saħħitha li l-GTĊ għadu jqis l-industrija tal-ħġieġ solari bħala industrija inkoraġġuta. Tabilħaqq, fit-Taqsima 1 naqraw li “[l-GTĊ] se jkompli jagħti l-impetu għall-iżvilupp ta’ (…) l-enerġija fotovoltajka”, u li “[l-GTĊ] se jkompli jtejjeb il-politiki ta’ appoġġ għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-enerġija (…) solari”. Barra minn hekk, “l-iżvilupp ta’ (…) enerġija fotovoltajka fir-reġjuni tat-Tramuntana, tal-Grigal u tal-Majjistral u fiż-żoni kostali” se jiġi ottimizzat fil-kuntest tal-Proġetti tal-Iżvilupp tal-Enerġija. Dawn is-siltiet juru li l-GTĊ qed ikompli jappoġġa lill-industrija tal-ħġieġ solari wkoll, li hija essenzjali għall-iżvilupp tal-industrija tal-enerġija solari.

(65)

It-13-il Pjan dwar il-Materjal tal-Bini jsemmi wkoll tipi differenti ta’ ħġieġ, inkluż ħġieġ u prodotti tal-kwarz ta’ purità għolja, ħġieġ miksi ta’ prestazzjoni għolja multifunzjonali, teknoloġija ta’ preparazzjoni għall-ħġieġ elettriku/termokromiku, teknoloġija ta’ preparazzjoni għall-prodotti tal-ħġieġ li jintegraw struttura u funzjoni fotovoltajka u fototermali.

(66)

Fl-2018, il-GTĊ ħareġ miżuri regolatorji ġodda għall-installazzjonijiet fotovoltajċi, l-Avviż dwar il-Ġenerazzjoni tal-Enerġija Fotovoltajka tal-2018 (“il-politika 531”, minħabba li ġiet imħabbra fil-31 ta’ Mejju 2018), li żamm is-sussidji iżda b’xi tnaqqis. Skont din il-politika, il-gvern Ċiniż naqqas b’mod sinifikanti l-kwota għall-kapaċità solari ġdida fis-sena li hija eliġibbli għas-sussidji statali.

(67)

L-iżvilupp ekoloġiku huwa wkoll inkoraġġut fl-istrateġija Made in China 2025 (“MIC2025”). Il-ħġieġ huwa appoġġat taħt l-MIC2025, u b’mod partikolari huwa inkluż fil-katalogu tal-2016 tal-erba’ żviluppi industrijali essenzjali (MIC2025), fil-Kapitolu 9, “Materjali Ġodda”, is-sottotaqsima II, “Materjali bażiċi ewlenin”: in-numru 24 jelenka materjali bbażati fuq il-ħġieġ u n-numru 29 iniżżel ħġieġ u prodotti tal-kwarz ta’ purità għolja.

(68)

Għaldaqstant, il-ħġieġ solari huwa meqjus li jifforma parti minn industrija inkoraġġuta.

(69)

Barra minn hekk, id-“Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Promulgazzjoni u l-Implimentazzjoni tad-“Dispożizzjonijiet Temporanji li Jippromwovu l-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali” (li, flimkien mad-“Dispożizzjonijiet Temporanji li Jippromwovu l-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali” hija magħrufa bħala “d-Deċiżjoni Nru 40”) tiddikjara li l-GTĊ se jappoġġa b’mod attiv l-iżvilupp ta’ industriji ġodda tal-enerġija u jħaffef l-iżvilupp tal-enerġija solari (29); tagħti struzzjonijiet lill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha biex jipprovdu appoġġ ta’ kreditu biss lil proġetti inkoraġġuti; u twiegħed l-implementazzjoni ta’ “politiki preferenzjali oħra dwar il-proġetti inkoraġġuti” (30).

(70)

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 9 tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Promulgazzjoni u l-Implimentazzjoni tal-Katalogu ta’ Gwida għall-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali (“id-Deċiżjoni Nru 9”) “tinkoraġġixxi attivament” lill-GTĊ u lill-aġenziji pubbliċi biex “jiggwidaw l-iżvilupp tal-industriji rilevanti, jottimizzaw it-titjib tal-istruttura industrijali”. Il-Punt 12(2) tad-Deċiżjoni Nru 9 isemmi b’mod speċifiku l-inkoraġġiment tal-produzzjoni ta’ “float glass ultraċar għall-industrija tal-enerġija solari.” Din id-deċiżjoni, li kienet fis-seħħ sal-2020, ġiet sostitwita fl-2019 bid- “Deċiżjoni Nru 29 tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u r-Riforma dwar il-Promulgazzjoni u l-Implimentazzjoni tal-Katalogu ta’ Gwida għall-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali (Edizzjoni tal-2019)”, bl-istess referenza fil-Punt 12(2).

(71)

Finalment, il-Pjan Nazzjonali għall-Iżvilupp Xjentifiku u Teknoloġiku fit-Terminu Medju u Twil (2006–2020), li jkopri l-PIR, iwiegħed li “jagħti l-ewwel prijorità lill-finanzjament tal-politiki”, “jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jagħtu appoġġ ta’ kreditu preferenzjali lil proġetti ta’ industrijalizzazzjoni nazzjonali kbar fix-xjenza u t-teknoloġija”, li “jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex itejbu u jsaħħu s-servizzi finanzjarji għall-intrapriżi ta’ teknoloġija avvanzata” u li “jimplimenta l-politiki ta’ taxxa preferenzjali biex jippromwovi l-iżvilupp ta’ impriżi ta’ teknoloġija avvanzata”. Minħabba li mill-inqas xi wħud mill-produtturi tal-ħġieġ solari jikkwalifikaw bħala “Intrapriża ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida” (High and New Technology Enterprise, HNTE), dan il-Pjan Nazzjonali jkompli jżid mal-istatus tal-industrija tal-ħġieġ solari bħala industrija inkoraġġuta.

(72)

Jidher li l-GTĊ jiggwida l-iżvilupp tal-industrija tal-enerġija solari b’mod ġenerali u b’hekk ukoll l-industrija tal-ħġieġ solari, f’konformità ma’ firxa wiesgħa ta’ għodod u direttivi ta’ politika. Permezz ta’ dawn l-għodod u d-direttivi ta’ politika, il-GTĊ jidderieġi u jikkontrolla virtwalment kull aspett tal-iżvilupp u l-funzjonament tas-settur tal-ħġieġ solari.

(73)

Fil-qosor, l-GTĊ għandu miżuri fis-seħħ biex iħeġġeġ lill-operaturi jimxu mal-objettivi tal-ordni pubbliku li jappoġġjaw l-industriji inkoraġġuti, inkluża l-produzzjoni tal-ħġieġ solari. Tali miżuri jimpedixxu l-forzi tas-suq milli joperaw b’mod ħieles.

3.2.2.6.   Distorsjonijiet sinifikanti skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet fil-qasam tal-fallimenti, dak soċjetarju jew dak tal-proprjetà

(74)

Skont l-informazzjoni fil-fajl, is-sistema Ċiniża dwar il-falliment ma tagħtix riżultati adegwati b’rabta mal-objettivi ewlenin tagħha stess bħal pereżempju li tissalda l-pretensjonijiet u d-djun b’mod ġust u li tissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi legali tal-kredituri u tad-debituri. Dan jidher li huwa msejjes fil-fatt li filwaqt li l-liġi Ċiniża dwar il-falliment tiddependi b’mod formali fuq prinċipji simili għal dawk li jiġu applikati f’liġijiet korrispondenti ta’ pajjiżi oħra għajr iċ-Ċina, is-sistema Ċiniża hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ infurzar sistematiku. L-għadd ta’ fallimenti għadu notorjament baxx meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija tal-pajjiż, mhux l-inqas minħabba li l-proċedimenti ta’ insolvenza jbatu minn għadd ta’ nuqqasijiet, li effettivament jiffunzjonaw bħala diżinċentiv biex min ikun jiddikjara falliment. Barra minn hekk, ir-rwol tal-Istat fil-proċedimenti ta’ insolvenza għadu wieħed b’saħħtu u attiv, li spiss ikollu influwenza diretta fuq l-eżitu tal-proċedimenti (31).

(75)

Barra minn hekk, in-nuqqasijiet tas-sistema tad-drittijiet tal-proprjetà huma partikolarment ovvji fir-rigward tas-sjieda tad-drittijiet tal-art u tal-użu tal-art fiċ-Ċina (32). L-art kollha hija proprjetà tal-Istat Ċiniż (art rurali bi proprjetà kollettiva u art urbana tal-Istat). L-allokazzjoni tagħha tiddependi esklużivament fuq l-Istat. Hemm dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jallokaw id-drittijiet għall-użu tal-art b’mod trasparenti u skont il-prezzijiet tas-suq, pereżempju bl-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ offerti. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijet regolarment ma jiġux irrispettati, fejn ċerti akkwirenti jiksbu l-art tagħhom mingħajr ħlas jew b’rati aktar baxxi mir-rati tas-suq (33). Barra minn dan, l-awtoritajiet spiss jaħdmu favur għanijiet politiċi speċifiċi, inkluża l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ekonomiċi, meta jkunu qed jallokaw l-art (34).

(76)

L-istess bħas-setturi l-oħra fl-ekonomija Ċiniża, il-produtturi tal-ħġieġ solari huma soġġetti għar-regoli ordinarji dwar il-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment, dwar il-liġi tal-kumpaniji u dwar il-proprjetà. L-effett ta’ dan huwa li anke dawn il-kumpaniji huma soġġetti għad-distorsjonijiet minn fuq għal isfel li jirriżultaw mill-applikazzjoni diskriminatorja jew mill-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà. Din l-investigazzjoni ma żvelat xejn li jitfa’ dubju fuq dawn il-konstatazzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li l-liġijiet Ċiniżi dwar il-fallimenti u l-proprjetà ma jaħdmux kif suppost, u b’hekk iwasslu għal distorsjonijiet meta jiġu miżmuma ħajjin ditti insolventi u meta jiġu allokati d-drittijiet għall-użu tal-art fil-PRC. Dawk il-kunsiderazzjonijiet, ibbażati fuq l-evidenza disponibbli, jidhru li huma applikabbli bis-sħiħ ukoll fis-settur tal-ħġieġ solari. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm applikazzjoni diskriminatorja jew infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà fis-settur tal-ħġieġ solari.

3.2.2.7.   Distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a)(b), il-ħames inċiż tar-Regolament bażiku: il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni

(77)

Sistema ta’ pagi bbażati fuq is-suq ma tistax tiżviluppa kompletament fiċ-Ċina minħabba li l-ħaddiema u l-impjegaturi huma mxekkla fid-drittijiet tagħhom għal organizzazzjoni kollettiva. Iċ-Ċina ma rratifikatx għadd ta’ konvenzjonijiet essenzjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), b’mod partikolari dawk dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u dwar in-negozjar kollettiv (35). Skont il-liġi nazzjonali, hemm organizzazzjoni trejdjunjonistika waħda biss li hija attiva. Madankollu, din l-organizzazzjoni mhijiex indipendenti mill-awtoritajiet tal-Istat u l-involviment tagħha fin-negozjar kollettiv u fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema għadu rudimentali (36). Barra minn dan, il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol Ċiniża hija ristretta bis-sistema tar-reġistrazzjoni tal-unitajiet domestiċi, li tillimita l-aċċess għall-firxa sħiħa tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u oħrajn għar-residenti lokali ta’ żona amministrattiva partikolari. Dan tipikament jirriżulta f’ħaddiema li ma jkollhomx ir-reġistrazzjoni tar-residenza lokali li jsibu ruħhom f’pożizzjoni ta’ impjieg vulnerabbli u jirċievu introjtu aktar baxx mid-detenturi tar-reġistrazzjoni tar-residenza (37). Dawk il-konstatazzjonijiet iwasslu għad-distorsjoni tal-kostijiet tal-pagi fiċ-Ċina.

(78)

Ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza li turi li s-settur tal-ħġieġ solari mhuwiex soġġett għas-sistema Ċiniża dwar il-liġi tax-xogħol deskritta. Għalhekk is-settur tal-ħġieġ solari huwa affettwat mid-distorsjonijiet tal-kostijiet lavorattivi kemm direttament (fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami jew tal-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tiegħu) kif ukoll indirettament (f’termini ta’ aċċess għall-kapital jew għal inputs minn kumpaniji soġġetti għall-istess sistema tax-xogħol fir-RPĊ).

3.2.2.8.   Distorsjonijiet sinifikanti skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat

(79)

L-aċċess għall-kapital għal atturi korporattivi fiċ-Ċina huwa soġġett għal diversi distorsjonijiet.

(80)

L-ewwel nett, is-sistema finanzjarja Ċiniża hija karatterizzata mill-pożizzjoni b’saħħitha tal-banek tal-Istat (38), li, meta jagħtu aċċess għal finanzjament, iqisu kriterji oħra għajr il-vijabbiltà ekonomika ta’ proġett. B’mod simili għall-SOEs mhux finanzjarji, il-banek għadhom marbutin mal-Istat mhux biss permezz tas-sjieda iżda wkoll permezz ta’ relazzjonijiet personali (l-ogħla eżekuttivi tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat fl-aħħar mill-aħħar jinħatru mis-CCP) (39) u, għal darb’oħra eżatt bħal fil-każ tal-SOEs mhux finanzjarji, il-banek jimplimentaw b’mod regolari ordnijiet pubbliċi mfassla mill-gvern. Meta jagħmlu dan, il-banek jikkonformaw ma’ obbligu legali espliċitu li jwettqu l-attività tagħhom f’konformità mal-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali nazzjonali u skont il-gwida tal-politiki industrijali tal-Istat (40). Dan huwa amplifikat minn regoli eżistenti addizzjonali, li jirregolaw il-finanzi f’setturi li l-gvern jagħżel bħala inkoraġġuti jew li b’xi mod ieħor huma importanti (41).

(81)

Filwaqt li huwa rikonoxxut li diversi dispożizzjonijiet legali jirreferu għall-ħtieġa li jiġu rrispettati l-imġiba normali u r-regoli prudenzjali bankarji bħall-ħtieġa li tiġi eżaminata l-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju, l-evidenza massiva, inklużi l-konstatazzjonijiet li saru fl-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ (42), tagħti x’nifhmu li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom biss rwol sekondarju fl-applikazzjoni tad-diversi strumenti legali.

(82)

Barra minn hekk, għal diversi raġunijiet spiss ikun hemm distorsjoni fil-klassifikazzjonijiet tal-bonds u tal-kreditu, inkluż il-fatt li l-valutazzjoni tar-riskju tiġi influwenzata mill-importanza strateġika tad-ditta għall-gvern Ċiniż u mis-saħħa ta’ kwalunkwe garanzija impliċita mill-gvern. L-istimi jissuġġerixxu b’mod qawwi li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu Ċiniżi jikkorrispondu sistematikament għal klassifikazzjonijiet internazzjonali aktar baxxi.

(83)

Dan huwa amplifikat minn regoli eżistenti addizzjonali, li jirregolaw il-finanzi f’setturi li l-gvern jagħżel bħala inkoraġġuti jew li b’xi mod ieħor huma importanti (43). Dan jirriżulta fi preġudizzjoni favur is-self lill-SOEs, lil ditti privati kbar u b’konnessjonijiet tajbin u lil ditti f’setturi industrijali ewlenin, li jimplika li d-disponibbiltà u l-kost tal-kapital mhumiex ugwali għall-atturi kollha fis-suq.

(84)

It-tieni, il-kostijiet tas-self inżammew artifiċjalment baxxi biex jistimolaw it-tkabbir tal-investiment. Dan wassal għall-użu eċċessiv tal-investiment kapitali b’redditi dejjem aktar baxxi fuq l-investiment. Dan intwera mit-tkabbir riċenti fl-ingranaġġ korporattiv fis-settur tal-istat minkejja tnaqqis kbir fil-profittabbiltà, li jissuġġerixxi li l-mekkaniżmi li joperaw fis-sistema bankarja ma jsegwux ir-reazzjonijiet kummerċjali normali.

(85)

It-tielet, minkejja li f’Ottubru 2015 kien hemm il-liberalizzazzjoni tar-rata tal-imgħax nominali, is-sinjali tal-prezzijiet għadhom mhumiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles, iżda huma influwenzati minn distorsjonijiet ikkawżati mill-gvern. Tabilħaqq, is-sehem ta’ self bir-rata ta’ referenza jew taħtha għadu jirrappreżenta 45 % tas-self kollu u r-rikors għal kreditu mmirat jidher li żdied, billi dan is-sehem żdied notevolment mill-2015, minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi li sejrin għall-agħar. Rati tal-imgħax baxxi b’mod artifiċjali jirriżultaw fi prezz aktar baxx, u sussegwentement fl-użu eċċessiv tal-kapital.

(86)

It-tkabbir kumplessiv tal-kreditu fiċ-Ċina jindika deterjorament tal-effiċjenza tal-allokazzjoni tal-kapital mingħajr l-ebda sinjal ta’ ssikkar tal-kreditu li jkun mistenni f’ambjent tas-suq mingħajr distorsjoni. Bħala riżultat, is-self improduttiv żdied b’mod rapidu f’dawn l-aħħar snin. B’sitwazzjoni ta’ dejn f’riskju li qed jiżdied quddiemu, il-gvern Ċiniż għażel li jevita l-inadempjenzi. Konsegwentement, il-kwistjonijiet ta’ dejn mitluf ġew ittrattati permezz ta’ dejn ta’ riportament, u b’hekk inħolqu l-hekk imsejħa “kumpaniji żombi”, jew permezz tat-trasferiment tas-sjieda tad-dejn (pereżempju permezz ta’ fużjonijiet jew swaps ta’ dejn għal ekwità), mingħajr ma titneħħa neċessarjament l-problema kumplessiva tad-dejn jew jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha.

(87)

Essenzjalment, minkejja l-passi reċenti li ttieħdu biex is-suq jiġi lliberalizzat, is-sistema tal-kreditu korporattiv fiċ-Ċina hija affettwata minn distorsjonijiet sinifikanti bħala riżultat tar-rwol pervażiv kontinwu tal-istat fis-swieq kapitali.

(88)

Ma ngħatat l-ebda evidenza li tgħid li s-settur tal-ħġieġ solari se jkun eżentat mill-intervent tal-gvern deskritt hawn fuq fis-sistema finanzjarja. Għalhekk, l-intervent sostanzjali tal-gvern fis-sistema finanzjarja jinfluwenza notevolment il-kundizzjonijiet tas-suq fil-livelli kollha.

3.2.2.9.   Natura sistemika tad-distorsjonijiet deskritti

(89)

Il-Kummissjoni nnotat li d-distorsjonijiet deskritti fir-Rapport huma karatteristiċi fl-ekonomija Ċiniża. L-evidenza disponibbli turi li l-fatti u l-karatteristiċi tas-sistema Ċiniża kif deskritta hawn fuq fit-Taqsimiet minn 3.2.2.2. sa 3.2.2.5., kif ukoll fil-Parti A tar-Rapport, japplikaw fil-pajjiż kollu u fis-setturi tal-ekonomija. L-istess japplika għad-deskrizzjoni tal-fatturi tal-produzzjoni kif stabbilit hawn fuq fit-Taqsimiet minn 3.2.2.6. sa 3.2.2.8. u fil-Parti B tar-Rapport.

(90)

Sabiex jiġi prodott il-ħġieġ solari, hemm bżonn firxa wiesgħa ta’ inputs. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni miċ-Ċina, kien hemm informazzjoni limitata disponibbli dwar l-inputs mixtrija mill-produtturi fiċ-Ċina. Jekk il-produtturi tal-ħġieġ solari jixtru/jikkuntrattaw l-inputs fiċ-Ċina, il-prezzijiet li jħallsu (li jiġu rreġistrati bħala l-kostijiet tagħhom) jiġu ċarament esposti għall-istess distorsjonijiet sinifikanti msemmija qabel. Pereżempju, il-fornituri tal-inputs jimpjegaw manodopera li hija soġġetta għad-distorsjonijiet. Jistgħu jissellfu flus li jkunu soġġetti għad-distorsjonijiet fis-settur finanzjarju/fl-allokazzjoni tal-kapital. Barra minn hekk, dawn huma soġġetti għas-sistema ta’ ppjanar li tapplika fil-livelli tal-gvern u tas-setturi kollha.

(91)

Bħala konsegwenza, mhux biss il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tal-prodott taħt rieżami mhumiex xierqa għall-użu skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, iżda l-kostijiet kollha tal-input (inklużi l-materja prima, l-enerġija, l-art, il-finanzjament, ix-xogħol, eċċ.) huma wkoll affettwati minħabba li l-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom hija affettwata minn intervent sostanzjali tal-gvern, kif deskritt fil-Partijiet A u B tar-Rapport. Tabilħaqq, l-interventi tal-gvern deskritti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapital, l-art, il-manodopera, l-enerġija u l-materja prima huma preżenti fir-RPĊ kollha. Dan ifisser, pereżempju, li input li minnu nnifsu kien prodott fiċ-Ċina permezz tal-kombinazzjoni ta’ firxa ta’ fatturi tal-produzzjoni huwa espost għal distorsjonijiet sinifikanti. L-istess japplika għall-input tal-input u l-bqija. Fl-investigazzjoni attwali la l-GTĊ u lanqas il-produtturi esportaturi ma ppreżentaw xi evidenza jew argument li juri l-kuntrarju.

3.2.2.10.   Konklużjoni

(92)

L-analiżi stabbilita fit-Taqsimiet minn 3.2.2.2 sa 3.2.2.9, li tinkludi eżami tal-evidenza kollha disponibbli relatata mal-intervent taċ-Ċina fl-ekonomija tagħha b’mod ġenerali, kif ukoll fis-settur tal-manifattura tal-ħġieġ solari speċifikament, uriet li l-prezzijiet jew il-kostijiet, inklużi l-kostijiet tal-materja prima, tal-enerġija u tal-manodopera, mhumiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles minħabba li huma affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku kif muri mill-impatt attwali jew potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi rilevanti elenkati fih. Abbażi ta’ dan, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni mill-GTĊ, il-Kummissjoni kkonkludiet li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi biex jiġi stabbilit il-valur normali f’dan il-każ.

(93)

B’konsegwenza, il-Kummissjoni pproċediet biex tibni l-valur normali esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu l-prezzijiet jew il-punti ta’ riferiment mingħajr distorsjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

3.2.3.   Pajjiż rappreżentattiv

3.2.3.1.   Rimarki ġenerali

(94)

L-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv kienet ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku:

Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għar-RPĊ. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni użat pajjiżi b’introjtu nazzjonali gross per capita simili għar-RPĊ abbażi tal-bażi tad-data tal-Bank Dinji (44);

Il-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami f’dak il-pajjiż;

Id-disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv.

Meta kien hemm aktar minn pajjiż rappreżentattiv wieħed possibbli, ingħatat preferenza, fejn xieraq, lill-pajjiż b’livell xieraq ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

(95)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li kien beħsiebha tuża lit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq permezz tan-Nota tal-14 ta’ Ġunju u n-Nota tas-17 ta’ Frar imsemmija hawn fuq fit-Taqsima 1.3.5. Ma wasal l-ebda kumment mill-partijiet interessati.

3.2.3.2.   Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għar-RPĊ

(96)

It-Turkija hija kklassifikata bħala pajjiż b’livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għal dak tar-RPĊ, minħabba li l-Bank Dinji jikklassifikaha bħala pajjiż b’“introjtu medju superjuri”. L-uniku pajjiż ieħor li jikkwalifika bħala b’“introjtu medju superjuri” li fih jiġi manifatturat il-prodott taħt rieżami huwa l-Malasja, fejn hemm żewġ produtturi tal-prodott taħt rieżami. Madankollu, għall-kuntrarju tat-Turkija, l-ebda kumpanija fil-Malasja ma kellha data finanzjarja disponibbli pubblikament.

3.2.3.3.   Il-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fil-pajjiż rappreżentattiv

(97)

Il-fatti disponibbli għall-Kummissjoni wrew li kien hemm produttur wieħed tal-prodott taħt rieżami fit-Turkija, jiġifieri Sisecam/Trakya. Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet tikseb rapporti finanzjarji disponibbli pubblikament minn din il-kumpanija permezz ta’ Orbis.

3.2.3.4.   Disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv

(98)

Il-Kummissjoni analizzat bir-reqqa d-data rilevanti kollha disponibbli fil-fajl għall-fatturi tal-produzzjoni fit-Turkija u nnotat dan li ġej:

Il-Kummissjoni analizzat l-istatistika tal-importazzjoni tal-fatturi kollha tal-produzzjoni elenkati fin-Nota tal-14 ta’ Ġunju, kif aġġornata min-Nota tat-17 ta’ Frar, u kkonkludiet li kien hemm importazzjonijiet tal-fatturi kollha tal-produzzjoni meħtieġa għall-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fil-PIR.

L-istatistika dwar l-enerġija (prezzijiet industrijali għall-gass naturali u għall-elettriku) għall-PIR kienu faċilment disponibbli fil-forma ta’ data pprovduta mingħand TurkStat, l-istitut Tork għall-istatistika (45).

Is-sors għall-kost tal-manodopera huwa l-istatistika disponibbli fis-sit web ta’ TurkStat għall-kost medju tal-manodopera fit-Taqsima 23 tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi, magħrufa bħala NACE, li tinkludi l-kostijiet għall-manodopera fis-settur tal-manifattura tal-ħġieġ (46).

(99)

Skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont mingħajr distorsjoni u raġonevoli għall-SG&A u għall-profitti. Barra minn hekk, kien meħtieġ li jiġi stabbilit valur għall-ispejjeż ġenerali tal-manifattura biex ikopri l-kostijiet mhux inklużi fil-fatturi tal-produzzjoni. Kif imsemmi qabel, il-Kummissjoni qieset li l-produttur esportatur Tork Sisecam/Trakya kellu rapporti finanzjarji disponibbli pubblikament li setgħu jintużaw bħala indikatur biex jiġi determinat ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għall-SG&A u għall-profitti.

3.2.3.5.   Konklużjoni dwar il-pajjiż rappreżentattiv

(100)

Fid-dawl tal-analiżi msemmija hawn fuq, u tad-data disponibbli fil-fajl, il-Kummissjoni użat id-data tat-Turkija u tal-kumpanija Torka Sisecam/Traya biex tistabbilixxi l-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

3.2.4.   Fatturi ta’ produzzjoni

(101)

Kif imsemmi fin-Nota tal-14 ta’ Ġunju u fin-Nota tas-17 ta’ Frar, il-Kummissjoni analizzat id-data kollha disponibbli għall-fatturi ta’ produzzjoni u ddeċidiet li tuża s-sorsi u l-valuri li ġejjin sabiex tiddetermina l-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku:

Tabella 1

Fatturi ta’ produzzjoni tal-ħġieġ solari

Fattur ta’ produzzjoni

Kodiċi tas-SA

Sors ta’ data dwar l-importazzjoni li l-Kummissjoni beħsiebha tuża

Unità ta’ kejl

Ramel

250510

Global Trade Atlas (GTA) (47)

KG

Karbonat tas-sodju

283620

Global Trade Atlas (GTA)

KG

Dolomit, mhux magħmul ġir jew mgħaqqad ma’ trab bis-sħana

251810

Global Trade Atlas (GTA)

KG

Bċejjeċ żgħar tal-irħam

251741

Global Trade Atlas (GTA)

KG

Nitrat tas-sodju

310250

Global Trade Atlas (GTA)

KG

Sulfat tad-disodju

283311

Global Trade Atlas (GTA)

KG

Piroantimonat tas-sodju

284190

Global Trade Atlas (GTA)

KG

Materjali tal-kisi (48)

382499

Global Trade Atlas (GTA)

KG

Materjal tal-imballaġġ (49)

441510

Global Trade Atlas (GTA)

KG

Materjal tal-imballaġġ (50)

441520

Global Trade Atlas (GTA)

KG

Materjal tal-imballaġġ (51)

480439

Global Trade Atlas (GTA)

KG

3.2.4.1.   Materja prima

(102)

Il-ħġieġ solari tipikament jeħtieġ firxa ta’ materja prima b’kontenunt baxx ta’ ħadid fil-proċess ta’ produzzjoni tiegħu. Dan il-proċess jibda meta din il-materja prima tiddewweb mal-iskart tal-ħġieġ (cullets) f’tank rifrattorju f’temperaturi ta’ madwar 1 500°C. Il-ħġieġ likwidu mbagħad jiġi ffurmat (irrumblat) bejn żewġ rombli tal-azzar/ta’ lega mkessħin bl-ilma. Dawn ir-rombli jista’ jkollhom negattiva tad-disinn fuqhom li jiġi stampat fuq il-ħġieġ likwidu. Inkella, jiġi ffurmat fuq banju tal-landa likwida (fil-wiċċ). Tiġi ffurmata żigarella kontinwa u infinita tal-ħġieġ. Din iż-żigarella tinqata’ jew kontinwament jew diskontinwitament (online jew offline) f’daqsijiet individwali. Wara li l-ħġieġ mhux irfinat jinqata’, ix-xifer tal-ħġieġ jittiekel, u l-ħġieġ jinħasel u wara jiġi ttemprat. Jew qabel jew wara l-ittemprar, jista’ jiġi applikat saff funzjonali fuq il-ħġieġ permezz ta’ diversi metodi. Dan is-saff jista’ jżid it-trażmittenza jew ir-reżistenza għall-brix, kif ukoll inaqqas il-ħmieġ. Il-prodott finali jista’ jkollu kisja antiriflettiva (AR) jew le. L-istruttura tal-kostijiet tal-ħġieġ solari hija influwenzata ħafna mill-kostijiet tal-materja prima, partikolarment ir-ramel u l-enerġija.

(103)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi l-importazzjonijiet mill-PRC lejn il-pajjiż rappreżentattiv peress li fit-Taqsima 3.2.2 ikkonkludiet li mhuwiex xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fir-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. Minħabba li ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-istess distorsjonijiet ma jaffettwawx bl-istess mod il-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istess distorsjonijiet affettwaw il-prezzijiet tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, ġiet eskluża wkoll id-data dwar l-importazzjoni fuq l-importazzjonijiet fil-pajjiż rappreżentattiv minn fost il-membri mhux tad-WTO elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) 2015/755 (52). L-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jikkunsidra li l-prezzijiet domestiċi f’dawk il-pajjiżi ma jistgħux jintużaw għall-iskop tad-determinazzjoni tal-valur normali u, fi kwalunkwe każ, tali data dwar l-importazzjoni kienet negliġibbli. Wara li ġiet eskluża r-RPĊ, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn baqgħu fil-biċċa l-kbira rappreżentattivi, li varjaw minn 70 % għal 100 % tal-volumi totali importati fit-Turkija, bl-eċċezzjoni ta’ materja prima waħda (53) li kienet għadha rappreżentattiva b’21 %.

(104)

Sabiex jiġi stabbilit il-valur normali skont il-metodoloġija tal-Kummissjoni, id-dazji fuq l-importazzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni u l-materjali importati fit-Turkija, kif ukoll il-kostijiet tat-trasport domestiku għandhom jiżdiedu ma’ dawn il-prezzijiet tal-importazzjoni. Wara li qieset il-konstatazzjonijiet fil-premessi (116) u (117) kif ukoll in-natura ta’ din l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza, li hija ffokata biex jinstab jekk id-dumping tkompliex matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami pjuttost milli biex jinstab il-kobor preċiż tiegħu, il-Kummissjoni ddeċidiet li aġġustamenti għad-dazji fuq l-importazzjoni u t-trasport domestiku ma kinux meħtieġa, minħabba li tali aġġustamenti kienu jirriżultaw biss fiż-żieda tal-valur normali u b’hekk tal-marġni tad-dumping.

3.2.4.2.   Manodopera

(105)

Turkstat jippubblika informazzjoni ddettaljata dwar il-pagi f’setturi ekonomiċi differenti fit-Turkija. Il-Kummissjoni użat l-aktar statistika reċenti disponibbli (2016) għall-kost medju tal-manodopera fit-Taqsima 23 tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi, magħrufa bħala NACE, li tinkludi l-kostijiet għall-manodopera fis-settur tal-manifattura tal-ħġieġ (54).

3.2.4.3.   L-elettriku

(106)

Il-prezz tal-elettriku għall-kumpaniji (utenti industrijali) fit-Turkija jiġi ppubblikat minn TurkStat fl-istqarrijiet għall-istampa regolari tiegħu. Il-Kummissjoni użat id-data dwar il-prezzijiet tal-elettriku industrijali fil-medda tal-konsum korrispondenti f’Kuruș/kWh (55) kif ippubblikata fis-26 ta’ Marzu 2019 (biex ikun kopert il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami) (56).

3.2.4.4.   Gass naturali

(107)

Il-prezz tal-gass naturali għall-kumpaniji fit-Turkija jiġi ppubblikat minn TurkStat fl-istqarrijiet għall-istampa regolari tiegħu. Il-Kummissjoni użat l-ipprezzar korrespondenti għall-utenti industrijali mill-pubblikazzjoni tas-26 ta’ Marzu 2019 (li tkopri l-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami) (57).

3.2.4.5.   Spejjeż ġenerali tal-manifattura, SG&A, profitti u deprezzament

(108)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “[i]l-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti”. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġi stabbilit valur għall-ispejjeż ġenerali tal-manifattura biex jitkoprew il-kostijiet li ma ġewx inklużi fil-fatturi ta’ produzzjoni msemmija qabel.

(109)

Sabiex tistabbilixxi valur mingħajr distorsjoni tal-ispejjeż ġenerali tal-manifattura u minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni użat il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, skont id-data ta’ Sisecam/Trakya, il-Kummissjoni stabbiliet il-proporzjon tal-ispejjeż ġenerali tal-manifattura mal-kostijiet totali tal-manifattura u tal-manodopera. Dan il-perċentwal imbagħad ġie applikat għall-valur mingħajr distorsjoni tal-kost tal-manifattura biex jinkiseb il-valur mingħajr distorsjoni tal-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, skont il-mudell prodott.

(110)

Biex jiġi stabbilit ammont mingħajr distorsjoni u raġonevoli għall-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, SG&A, profitt u deprezzament, il-Kummissjoni qagħdet fuq id-data finanzjarja tal-2018 ta’ Sisecam/Trakya kif estratta minn Orbis.

3.2.5.   Kalkolu

(111)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni bniet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(112)

L-ewwel, il-Kummissjoni stabbiliet il-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjonijiet. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni qagħdet fuq l-informazzjoni pprovduta mill-applikanti fit-talba għal rieżami dwar l-użu ta’ kull fattur (il-materjali u l-manodopera) għall-produzzjoni tal-ħġieġ solari. Dawn ir-rati ta’ konsum ipprovduti mill-applikant ġew ivverifikati tul il-verifika. Il-Kummissjoni mmultiplikat il-fatturi tal-użu bil-kostijiet mingħajr distorsjoni għal kull unità li ġew osservati fil-pajjiż rappreżentattiv tat-Turkija.

(113)

Ladarba ġie stabbilit il-kost tal-manifattura mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni applikat l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, SG&A, il-profitt u d-deprezzament kif innutat fil-premessi (108)-(110). Dawn ġew iddeterminati abbażi tar-rapporti finanzjarji ta’ Sisecam/Trakya (ara t-Taqsima 3.2.3). Il-Kummissjoni żiedet l-entrati li ġejjin fil-kost tal-manifattura mingħajr distorsjoni:

Spejjeż ġenerali u deperezzament tal-manifattura, kif spjegat fil-premessa (109), li rrappreżentaw b’kollox 39 % tal-kostijet tal-materjali ta’ Sisecam/Trakya;

SG&A u kostijiet oħra, li jirrappreżentaw 41 % tal-kost tal-materjali għal Sisecam/Trakya; kif ukoll

Profitti li jammontaw għal 30,8 % tal-kost totali tal-produzzjoni abbażi tal-profitti ta’ Sisecam/Trakya.

3.2.6.   Prezz tal-esportazzjoni

(114)

B’konsegwenza tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-prezzijiet ta’ esportazzjoni ġew stabbiliti abbażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni użat data dwar l-importazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet Ċiniżi rrappurtati fil-bażi tad-data 14(6) biex tiddetermina l-prezzijiet tal-esportazzjoni.

(115)

Minħabba li dawn il-prezzijiet jiġu rrapportati fuq bażi ta’ Kost, Assigurazzjoni u Nol (“CIF”), ġew aġġustati għal livell ta’ frank mill-fabbrika billi tnaqqas ammont xieraq għall-ispejjeż tat-trasport u l-assigurazzjoni bejn ir-RPĊ u l-fruntieri tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni użat l-istess perċentwal għall-aġġustament bħall-investigazzjoni anti-dumping oriġinali (11,7 %).

3.2.7.   Tqabbil u marġni tad-dumping

(116)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali maħdum kif stabbilit f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika mal-prezz tal-esportazzjoni fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika lejn l-Unjoni.

(117)

Il-marġni tad-dumping li nstab, imfisser bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, kien ta’ 33 %.

(118)

Wara l-iżvelar, EU ProSun argumentat li ċ-ċifri użati mill-Kummissjoni biex tikkalkula l-marġnijiet tad-dumping ma jikkorrespondux għall-esperjenza tal-prezzijiet/kostijiet reali tal-manifatturi tal-ħġieġ solari u li ma setgħux jiġu rrikonċiljati bil-fatt li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kienu aktar baxxi mill-valur normali kkalkulat u xi drabi taħt il-prezzijiet tal-importazzjoni.

(119)

Il-Kummissjoni fakkret li l-maġni tad-dumping ġie stabbilit billi tqabbel valur normali maħdum ibbażat fuq data minn pajjiż terz rappreżentattiv skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku mal-prezzijiet tal-esportazzjoni medji statistiċi Ċiniżi lejn l-Unjoni, aġġustati lura għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Għaldaqstant, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni ma għandhom l-ebda impatt fuq il-kalkolu tal-marġni tad-dumping.

3.2.8.   Konklużjoni dwar il-kontinwazzjoni ta’ dumping

(120)

Għaldaqstant il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dumping kompla tul il-PIR.

3.3.   Żvilupp probabbli tal-importazzjonijiet jekk il-miżuri jiskadu

(121)

Il-fatt li d-dumping kompla tul il-PIR huwa indikazzjoni li aktarx id-dumping ikompli jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk kienx hemm probabbiltà li l-volumi tal-esportazzjonijiet oġġett ta’ dumping jiżdidux jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni analizzat l-elementi li ġejjin: il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità żejda fir-RPĊ, il-komportament ta’ pprezzar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fi swieq oħra, u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni. B’konsegwenza tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi/esportaturi fir-RPĊ, il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

3.3.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ

(122)

Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, l-ebda wieħed mill-esportaturi/produtturi Ċiniżi ma pprovda informazzjoni fir-rigward tal-kapaċità tal-produzzjoni fiċ-Ċina. L-applikant asserixxa li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-ħġieġ solari Ċiniża taqbeż is-750 miljun m2 fis-sena (58). It-talba għal rieżami fiha evidenza li din tirrappreżenta 78 % tal-kapaċità tal-produzzjoni globali tal-ħġieġ solari (59). Barra minn hekk, l-applikant qal li d-domanda domestika għall-ħġieġ solari fiċ-Ċina kienet ta’ 600 miljun m2 biss fl-2016 u ddgħajfet ulterjorment fit-tieni nofs tal-PIR b’riżultat tal-implimentazzjoni tal-politika 531 (60). Dan l-impatt ġie kkonfermat, pereżempju, mir-rapport annwali ta’ produttur esportatur Ċiniż (61). Min-naħa tagħha, fil-PIR l-industrija tal-Unjoni kellha kapaċità tal-produzzjoni ta’ [33-38] miljun m2 (il-premessa (151)) u d-domanda fl-Unjoni kienet ta’ [13-18]-il miljun m2 (il-premessi minn (135) sa (136)). Il-kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża għaldaqstant tisboq id-domanda tal-Unjoni bil-kif (b’fattur ta’ madwar sebgħa u tletin) u tista’ turi enfasi akbar fuq is-suq tal-Unjoni bħala riżultat tal-politika 531.

(123)

Abbażi tal-bażi tad-data 14(6), il-Kummissjoni sabet ukoll li produttur esportatur Ċiniż partikolari kien jirrappreżenta l-istramaġġoranza tal-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami tul il-PIR fl-Unjoni. Fuq is-sit web ta’ dan il-produttur esportatur, hemm indikata kapaċità ta’ produzzjoni ta’ [15–25] elf m2 kuljum, jew [minn 5,5 sa 9] miljun m2 fis-sena. Tul il-PIR, [minn 10 sa 20] % biss ta’ dik il-kapaċità tal-produzzjoni ntużat għas-suq tal-Unjoni. Huwa probabbli ħafna li kombinazzjoni tal-politika 531 u t-tmiem tal-miżuri fis-seħħ se jirriżultaw f’li aktar minn dik il-kapaċità ta’ produzzjoni tintuża għas-suq tal-Unjoni.

(124)

B’konklużjoni, il-kombinazzjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni kbira, bidliet fid-domanda Ċiniża, domanda relattivament limitata tal-Unjoni u d-data tal-kumpaniji disponibbli tagħmel żieda fil-volum tal-esportazzjonijiet oġġett ta’ dumping probabbli jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

3.3.2.   Esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi

(125)

Billi ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni kellha toqgħod fuq il-fatti disponibbli biex tistabbilixxi l-prezzijiet ta’ esportazzjoni miċ-Ċina lejn swieq ta’ pajjiżi terzi oħra. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli oħra, il-Kummissjoni użat data dwar l-esportazzjoni mill-GTA. Din id-data kienet biss disponibbli fil-livell tal-“kodiċi tariffarju” b’sitt ċifri u b’hekk kienet tinkludi bosta prodotti tal-ħġieġ oħra apparti mill-prodott taħt rieżami. Il-Kummissjoni kkonkludiet li din id-data ma kinitx preċiża biżżejjed biex tintuża fl-investigazzjoni.

3.3.3.   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(126)

L-applikant qal li l-industrija tal-Unjoni hija l-uniku suq imdaqqas għall-ħġieġ solari li fadal barra mir-RPĊ, u li dan tal-aħħar kien diġà ssaturat b’riżultat tal-politika 531 (62). Is-sehem mis-suq Ċiniż kien għadu 9 % matul il-PIR minkejja l-miżuri fis-seħħ, u għalhekk is-suq tal-Unjoni għadu suq ta’ esportazzjoni attraenti għall-produtturi Ċiniżi tal-ħġieġ solari. Is-suq tal-Unjoni wkoll mistenni jikber, kif indikat fit-Taqsima 6.2.3. Ma setax isir paragun preċiż tal-prezzijiet bid-data marbuta mal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi oħrajn minħabba l-kwistjoni tal-GTA msemmija qabel.

(127)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll li pajjiżi oħrajn, jiġifieri l-Indja u t-Turkija, għandhom miżuri ta’ difiża tal-kummerċ fis-seħħ rigward il-prodott taħt rieżami, li se jagħmluha aktar probabbli li l-fluss tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ jiġu diretti lejn l-Unjoni.

(128)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-UE hija suq attraenti għall-esportazzjonijiet Ċiniżi.

3.3.4.   Konklużjoni dwar l-iżvilupp probabbli tal-importazzjonijiet fil-każ li l-miżuri jiskadu

(129)

Abbażi tal-kapaċità ta’ produzzjoni sinifikanti fir-RPĊ u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni għall-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm probabbiltà qawwija li l-iskadenza tal-miżuri anti-dumping jirriżultaw f’żieda fil-volumi tad-dumping.

3.4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping

(130)

Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tagħha dwar il-kontinwazzjoni tad-dumping tul il-PIR u dwar l-iżvilupp probabbli tal-importazzjonijiet fil-każ li l-miżuri jiskadu, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tal-fatti disponibbli, li hemm probabbiltà kbira li l-iskadenza tal-miżuri anti-dumping tirriżulta fil-kontinwazzjoni ta’ dumping.

4.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TA’ DANNU

4.1.   Il-produzzjoni tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni

(131)

Il-prodott simili ġie mmanifatturat minn 11-il produttur fl-Unjoni matul il-PIR. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(132)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-PIR ġiet stabbilita għal madwar 12-il miljun m2. Il-Kummissjoni stabbiliet il-figura abbażi tal-informazzjoni disponibbli kollha bħat-talba għal rieżami u r-risposti għall-kwestjonarji tal-kumpaniji inklużi fil-kampjun. Kif indikat fil-premessa (13), il-produtturi tal-Unjoni ntgħażlu fil-kampjun li jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.

4.2.   Kumment preliminari

(133)

Sabiex tkun imħarsa l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, id-data relatata maż-żewġ produtturi tal-Unjoni hija ppreżentata f’forma ta’ indiċi jew firxiet.

4.3.   Il-konsum fl-Unjoni

(134)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni billi żiedet il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni mal-importazzjonijiet mir-RPĊ u pajjiżi terzi abbażi taċ-ċifri mill-bażi tad-data 14(6). Il-volum ta’ bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni ġew kontroverifikati u aġġornati fejn meħtieġ, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni vverifikata minn produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Il-volumi tal-importazzjonijiet ġew kontroverifikati mad-data mill-Eurostat.

(135)

Matul il-perjodu ta’ analiżi l-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 2

Il-konsum tal-Unjoni

 

2015

2016

2017

PIR

Konsum (1 000 m2)

20 000 - 25 000

17 000 - 22 000

16 000 - 21 000

13 000 - 18 000

Indiċi (2015 = 100)

100

89

84

65

Sors: Talba għal rieżami, il-bażi tad-data 14(6), Eurostat.

(136)

Tul il-perjodu ta’ analiżi, il-konsum tal-prodott taħt rieżami fl-Unjoni naqas b’35 %. L-akbar tnaqqis (ta’ 19-il punt perċentwali) seħħ bejn l-2017 u l-PIR. Dan it-tnaqqis seħħ minħabba domanda iżgħar mill-produtturi tal-Unjoni ta’ moduli fotovoltajċi.

(137)

Fis-suq tal-Unjoni, il-ħġieġ solari beda jintuża aktar u aktar fis-suq tal-bini tas-serer. Id-domanda (u l-konsum korrespondenti) baqgħet, madankollu, ibbażata fuq il-proġetti u limitata meta mqabbla mal-konsum attwali tal-ħġieġ solari fis-swieq tal-moduli fotovoltajċi jew tal-enerġija termali.

4.4.   Importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni

4.4.1.   Volum ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ u sehem mis-suq

(138)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tal-bażi tad-data 14(6) u kkontroverifikatu mad-data mill-Eurostat. Is-sehem mis-suq ġie stabbilit abbażi tal-konsum tal-Unjoni kif iddeterminat fit-Tabella 2. Matul il-perjodu ta’ analiżi, l-importazzjonijiet mir-RPĊ fl-UE u s-sehem mis-suq żviluppaw kif ġej:

Tabella 3

Volum ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ u sehem mis-suq

 

2015

2016

2017

PIR

Volum ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ (1 000 m2)

5 133

1 169

1 423

1 208

Indiċi (2015 = 100)

100

23

28

24

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ (%)

24

6

8

9

Indiċi (2015 = 100)

100

26

33

36

Sors: Talba għal rieżami, il-bażi tad-data 14(6), Eurostat.

(139)

Il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqas tul il-perjodu ta’ analiżi b’76 % minn aktar minn 5 miljun m2 fl-2015 għal 1,2 miljun m2 fil-PIR. Fl-istess perjodu, is-sehem fis-suq; tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu minn 24 % għal 9 % (tnaqqis ta’ 64 %). L-akbar tnaqqis fis-sehem mis-suq (74 %) seħħ bejn l-2015 u l-2016, wara l-adozzjoni ta’ miżuri kontra l-assorbiment f’Awwissu 2015 (63), meta r-rata ta’ dazju anti-dumping fil-pajjiż kollu żdiedet minn 25 % għal 67,1 %. Madankollu, mill-2016 sal-PIR, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ żdied bi 3 punti perċentwali biex laħaq 9 % fil-PIR.

4.4.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-twaqqigħ tal-prezz

(140)

Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni stabbiliet il-prezz medju tal-importazzjoni rigward importazzjonijiet mill-PRC fuq il-bażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi tal-informazzjoni li hemm fil-bażi tad-data 14(6). Din id-data ġiet kontroverifikata mad-data mill-Eurostat. Tul il-PIR, il-prezz medju tal-importazzjoni kien ta’ 6,34 EUR/m2.

Tabella 4

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

 

2015

2016

2017

PIR

Prezz medju tal-importazzjonijiet (EUR/m2)

5,02

7,66

5,79

6,34

Indiċi (2015 = 100)

100

153

115

126

Sors: Il-bażi tad-data 14(6), Eurostat.

(141)

Matul il-perijodu ta’ analiżi, il-prezz medju tal-importazzjoni żdied b’26 %. Fl-istess perjodu, il-prezz fis-suq tal-Unjoni żdied bi 19 % (ara t-Tabella 9).

(142)

Il-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet tal-importazzjoni kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Iddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz tul il-PIR billi qabblet il-prezz tal-bejgħ medju pponderat tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, u l-prezz medju pponderat korrespondenti tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, stabbilit fuq bażi ta’ kost, assigurazzjoni, nol (CIF), aġġustat bid-dazju doganali u l-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

(143)

Ir-riżultat tal-paragun kien espress bħala perċentwal tal-fatturat ipotetiku tul il-PIR. Dan inkiseb billi l-prezz tal-bejgħ medju tal-industrija tal-Unjoni ġie mmultiplikat bil-kwantitajiet esportati lejn l-Unjoni. Il-paragun tal-prezzijiet wera marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz medju pponderat ta’ madwar 10 % mill-importazzjonijiet mir-RPĊ fuq is-suq tal-Unjoni.

4.5.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(144)

Il-volum ta’ importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi l-oħrajn kollha u s-sehem mis-suq tagħhom żviluppaw kif ġej matul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 5

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

 

2015

2016

2017

PIR

Importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha

(1 000 m2)

579

943

1 492

1 704

Indiċi (2015 = 100)

100

163

258

294

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha (%)

3

5

8

12

Indiċi (2015 = 100)

100

183

306

451

Prezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha (EUR/m2)

6,08

6,37

7,10

7,31

Indiċi (2015 = 100)

100

105

117

120

Importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi ewlenin

Importazzjonijiet mit-Turkija (1 000 m2)

356

785

478

240

Indiċi (2015 = 100)

100

221

134

67

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mit-Turkija (%)

2

4

3

2

Indiċi (2015 = 100)

100

248

159

103

Prezz tal-importazzjonijiet mit-Turkija (EUR/m2)

5,97

6,54

6,54

6,38

Indiċi (2015 = 100)

100

110

110

107

Importazzjonijiet mill-Malasja (1 000 m2)

/

/

691

927

Indiċi (2015 = 100)

/

/

100

134

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Malasja (%)

/

/

4

7

Indiċi (2015 = 100)

/

/

100

173

Prezz tal-importazzjonijiet mill-Malasja (EUR/m2)

/

/

8,16

8,43

Indiċi (2015 = 100)

/

/

100

103

Importazzjonijiet mill-Indja (1 000 m2)

101

130

173

462

Indiċi (2015 = 100)

100

130

172

460

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indja (%)

0

1

1

3

Indiċi (2015 = 100)

100

146

204

704

Prezz tal-importazzjonijiet mill-Indja (EUR/m2)

5,51

4,48

5,03

5,43

Indiċi (2015 = 100)

100

81

91

99

Importazzjonijiet mit-Tajwan (1 000 m2)

119

21

98

0

Indiċi (2015 = 100)

100

18

83

0

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mit-Tajwan (%)

1

0

1

0

Indiċi (2015 = 100)

100

20

98

0

Prezz tal-importazzjonijiet mit-Tajwan (EUR/m2)

6,76

7,59

6,43

4,45

Indiċi (2015 = 100)

100

112

95

66

Importazzjonijiet mill-Ukrajna (1 000 m2)

3

5

40

68

Indiċi (2015 = 100)

100

183

1 477

2 527

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Ukrajna (%)

0

0

0

0

Indiċi (2015 = 100)

100

206

1 754

3 870

Prezz tal-importazzjonijiet mill-Ukrajna (EUR/m2)

5,25

6,27

6,45

7,24

Indiċi (2015 = 100)

100

119

123

138

Sors: il-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6).

(145)

Il-volumi tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi l-oħrajn kollha naqsu b’194 % matul il-perjodu ta’ analiżi. Is-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet tul il-PIR kien jirrappreżenta 12 %, żieda minn 3 % fl-2015. Il-pajjiż ewlieni li jesporta lejn l-Unjoni li mhuwiex soġġett għall-miżuri huwa l-Malasja, li daħlet fis-suq fl-2017, iżda kienet diġà laħqet sehem mis-suq ta’ 7 % tul il-PIR. L-esportazzjonijiet Indjani wkoll żdiedu konsiderevolment biex jilħqu sehem mis-suq ta’ 3 % fil-PIR. Is-sehem mis-suq tat-Turkija għadda minn tnaqqis, minn madwar 4 % fl-2016 għal 2 % tul il-PIR. Finalment, il-prezz medju tal-importazzjonijiet kollha minn pajjiżi terzi mhux soġġetti għall-miżuri żdied b’20 % tul il-perjodu ta’ analiżi, biex laħaq 7,31 EUR/m2 tul il-PIR.

(146)

Fil-perjodu ta’ analiżi, u bl-eċċezzjoni tal-2016, il-prezz medju tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi l-oħrajn kien ogħla mill-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Fil-PIR, il-prezz medju tal-importazzjoni tal-produtturi Ċiniżi (6,34 EUR/m2), kien madwar 13 % aktar baxx mill-prezz medju tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn (7,31 EUR/m2).

4.6.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.6.1.   Rimarki ġenerali

(147)

F’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi u l-indiċi ekonomiċi rilevanti kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ analiżi. Biex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi.

(148)

Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi ta’ data li tinsab fit-talba għal rieżami u r-risposti vverifikati għall-kwestjonarju. Din id-data kienet relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni u tikkonċerna: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impiegi, il-produttività u l-kobor tal-marġini tad-dumping u l-irkupru minn dumping fil-passat.

(149)

Il-Kummissjoni vvalutat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi ta’ data inkluża fit-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Din id-data kienet relatata mal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun u tikkonċerna: il-prezzijiet medji ta’ kull unità, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi medji, l-inventarji, il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investiment, u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-kapital. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

4.6.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.6.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(150)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum u l-kapaċità ta’ produzzjoni abbażi tad-data fit-talba għal rieżami. Din id-data ġiet kontroverifikata u aġġornata fejn kien hemm bżonn rigward l-informazzjoni verifikata mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

(151)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 6

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2015

2016

2017

PIR

Volum tal-produzzjoni

(1 000 m2)

15 000 - 18 000

15 000 - 18 000

15 000 - 18 000

11 000 - 14 000

Indiċi (2015 = 100)

100

103

99

74

Kapaċità tal-produzzjoni

(1 000 m2)

38 000 - 42 000

38 000 - 42 000

36 000 - 41 000

33 000 - 38 000

Indiċi (2015 = 100)

100

102

95

89

L-użu tal-kapaċità (%)

35-43

35-43

36-44

30-37

Indiċi (2015 = 100)

100

101

104

83

Sors: Talba għal rieżami, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji.

(152)

It-titjib fil-volum u fil-kapaċità tal-produzzjoni, u l-użu tal-kapacità bejn l-2015 u l-2016 kien jikkorrespondi għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping ogħla wara r-riinvestigazzjoni ta’ assorbiment (64) filwaqt li t-tnaqqis wara dik id-data segwa tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni kif deskritt fil-premessa (135).

(153)

Fl-2016, il-produzzjoni totali tal-Unjoni żdiedet bi 3 % qabel ma naqset għal sentejn konsekuttivi, liema tnaqqis kien ta’ 26 % bejn l-2015 u l-PIR. Seħħet xejra simili fir-rigward tal-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni. Raġuni importanti għal dan it-tnaqqis kienet il-falliment ta’ produttur kbir tal-Unjoni fl-2017 (Ducatt, li fl-2015 kienet tirrappreżenta madwar 20 % tal-produzzjoni tal-Unjoni u madwar 15 % tal-kapaċità).

4.6.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq fl-Unjoni

(154)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-bejgħ abbażi tad-data fit-talba għal rieżami. Din id-data ġiet kontroverifikata u aġġornata fejn kien hemm bżonn rigward l-informazzjoni verifikata mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Il-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni evolvew kif ġej tul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 7

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq fl-Unjoni

 

2015

2016

2017

PIR

Volum ta’ bejgħ (1 000 m2)

14 000 - 17 000

15 000 - 18 000

14 000 - 17 000

9 000 - 12 000

Indiċi (2015 = 100)

100

108

97

71

Sehem mis-suq (%)

73

89

84

79

Indiċi (2015 = 100)

100

122

115

108

Sors: Talba għal rieżami, tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji, il-bażi tad-data 14(6), Eurostat.

(155)

Bejn l-2015 u l-2016, il-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied bi 8 %. Fl-2017, naqas bi 11 % sena wara sena u spiċċa 3 % taħt il-livell tal-2015. Fil-PIR, it-tnaqqis fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien aktar sinifikanti u spiċċa 29 % taħt il-livelli tal-2015 tul il-PIR. F’termini ta’ sehem mis-suq, ix-xejra hija simili, iżda l-industrija tal-Unjoni żiedet is-sehem mis-suq tagħha minn 73 % fl-2015 għal 79 % fil-PIR minħabba t-tnaqqis ta’ 35 % fil-konsum tal-Unjoni fl-istess perjodu (ara t-Tabella 2).

4.6.2.3.   Tkabbir

(156)

Bejn l-2015 u l-PIR, il-konsum tal-ħġieġ solari naqas b’35 %. It-tnaqqis fil-konsum kellu impatt negattiv fuq il-produzzjoni u l-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, il-volum tal-produzzjoni naqas biss b’26 %, u l-volum ta’ bejgħ b’29 %. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni bil-kontra, żdied bi 8 %.

4.6.2.4.   L-impjiegi u l-produttività

(157)

Il-Kummissjoni stabbiliet id-data relatata mal-impjiegi u l-produttività abbażi tad-data fit-talba għal rieżami. Din id-data ġiet kontroverifikata u aġġornata fejn kien hemm bżonn rigward l-informazzjoni verifikata mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Il-perjodu ta’ analiżi għadda minn evoluzzjoni tal-impjiegi u l-produttività fl-industrija tal-Unjoni, kif ġej:

Tabella 8

L-impjiegi u l-produttività

 

2015

2016

2017

PIR

L-għadd ta’ impjegati (ekwivalenti għal full-time)

546

514

458

403

Indiċi (2015 = 100)

100

94

84

74

Produttività (m2/employee)

29 896

32 840

35 189

29 917

Indiċi (2015 = 100)

100

110

118

100

Sors: Talba għal rieżami, l-Eurostat, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji.

(158)

Matul il-perjodu ta’ analiżi, l-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni naqsu b’26 %. Dan it-tnaqqis jikkorrespondi għal tnaqqis ta’ 29 % tal-produzzjoni fl-istess perjodu (ara t-Tabella 6).

4.6.2.5.   Id-daqs tad-dumping u l-irkupru minn dumping preċedenti

(159)

Kif spjegat fit-Taqsima 4.4, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied mill-2016 biex laħaq 9 % fil-PIR. Id-dumping kompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami f’livell sinifikanti, kif spjegat fit-Taqsima 3 aktar lura, u l-prezzijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi komplew iwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni sa livell sinifikanti.

(160)

L-analiżi tal-indikaturi tad-dannu turi li r-rata ogħla tad-dazji imposta fl-2015 wara investigazzjoni mill-ġdid kontra l-assorbiment kellha impatt pożittiv fuq l-industrija tal-Unjoni li rkuprat mid-dumping tal-imgħoddi. Madankollu, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping komplew jitfgħu pressjoni fuq l-industrija tal-Unjoni. L-impatt kombinat tal-volum dejjem akbar ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx oġġett ta’ dumping mir-RPĊ u l-marġnijiet attwali tad-dumping ma ppermettewx lill-industrija tal-Unjoni tirkupra għalkollox mid-dumping tal-imgħoddi.

4.6.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.6.3.1.   Il-prezzijiet

(161)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 9

Prezz tal-bejgħ u l-kost tal-produzzjoni

 

2015

2016

2017

PIR

Il-prezz ta’ unità fis-suq tal-Unjoni (EUR/m2)

5-8

6-9

7-10

7-10

Indiċi (2015 = 100)

100

111

117

119

Kost ta’ unità tal-produzzjoni (EUR/m2)

5-8

5-8

5-8

5-8

Indiċi (2015 = 100)

100

96

94

98

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju vverifikati.

(162)

Tul il-perjodu ta’ analiżi, il-prezzijiet medji unitarji tal-bejgħ għal kull metru kwadru żdiedu bi 19 %. Il-kostijiet tal-produzzjoni, mill-banda l-oħra, baqgħu bejn wieħed u ieħor stabbli.

4.6.3.2.   Kostijiet tax-xogħol

(163)

Il-kostijiet medji tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej tul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 10

Kostijiet tax-xogħol

 

2015

2016

2017

PIR

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

36 259

38 171

40 781

42 931

Indiċi (2015 = 100)

100

105

112

118

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju vverifikati.

(164)

Bejn l-2015 u l-PIR, il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żdiedu bi 18 %.

4.6.3.3.   Inventarji

(165)

Il-livelli tal-istokk tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej tul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 11

Inventarji

 

2015

2016

2017

PIR

Stokkijiet tal-għeluq (1 000 m2)

1 200 - 1 500

1 300 - 1 600

1 300 - 1 600

1 400 - 1 700

Indiċi (2015 = 100)

100

125

131

132

L-istokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%)

12,5

14,4

13,7

16,2

Indiċi (2015 = 100)

100

115

109

129

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju vverifikati.

(166)

Il-livelli tal-istokk żdiedu bi 32 % f’termini assoluti u b’29 % f’termini relattivi tul il-perjodu ta’ analiżi. Madankollu, fid-dawl tad-differenzi tal-prodott taħt rieżami f’dak li jirrigwarda d-daqs, id-disinni, kisi eċċ. għal kull klijent, il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun ipproduċew biss skont l-ordni. Għalhekk, l-inventarji ta’ dawn il-kumpanijirreġistraw il-prodotti li l-produzzjoni tagħhom kienet mifruxa matul is-sena partikolari iżda li kienu ddedikati għal klijent speċifiku li kienu se jinbigħulu aktar tard.

4.6.3.4.   Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital

(167)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu ta’ analiżi:

Tabella 12

Profitt, fluss ta’ flus, investimenti, redittu fuq l-investiment

 

2015

2016

2017

PIR

Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

-10 % - 0 %

5 % - 15 %

5 % - 15 %

5 % - 15 %

Indiċi (2015 = 100)

-100

192

236

214

Fluss tal-flus (EUR 1 000 )

2 000 - 5 000

10 000 - 13 000

15 000 - 18 000

13 000 - 16 000

Indiċi (2015 = 100)

100

437

581

465

Investimenti (EUR 1 000 )

4 000 - 7 000

0-3 000

1 000 - 4 000

1 000 - 4 000

Indiċi (2015 = 100)

100

12

23

25

Redditu fuq l-investimenti (% ta’ assi netti)

-10-0

20-30

40-50

30-40

Indiċi (2015 = 100)

-100

355

549

481

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju vverifikati.

(168)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dan il-bejgħ. Tul il-perjodu ta’ analiżi, il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni żdiedet minn [-10 % - 0 %] għal [5 % - 15 %] filwaqt li l-fluss tal-flus tjieb bi 365 %. L-investimenti nominali naqsu b’75 % matul il-perjodu ta’ analiżi. Ir-redditu fuq l-investiment, espress bħala perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-assi fissi, żdied bis-saħħa tul il-perjodu ta’ analiżi.

(169)

Ix-xejra tal-fluss tal-flus, li hija l-kapaċità ta’ industrija li tiffinanzja l-attivitajiet tagħha stess, kienet pożittiva matul il-perjodu kkonċernat. Minħabba t-titjib fil-profittabbiltà u l-fluss tal-flus, il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiġġenera l-kapital żdiedet konsiderevolment bejn l-2015 u l-PIR.

4.6.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(170)

Fil-perjodu ta’ analiżi, l-indikaturi ekonomiċi tal-industrija tal-Unjoni kienu influwenzati minn tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni ta’ ħġieġ solari b’35 % bejn l-2015 u l-PIR.

(171)

Minkejja t-tnaqqis fil-konsum, l-industrija tal-Unjoni żammet, bejn l-2015 u l-2017, volum ta’ produzzjoni relattivament stabbli. Il-volum tal-produzzjoni naqas ferm iktar (b’25 %) bejn l-2017 u l-PIR. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni għadda minn 73 % fl-2015 għal 79 % fil-PIR.

(172)

Minkejja t-tnaqqis inizjali tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi wara l-miżuri kontra l-assorbiment f’Awwissu 2015, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi baqa’ relattivament sinifikanti fil-PIR (9 %).

(173)

L-indikaturi makroekonomiċi kienu rifless tal-fraġilità tal-industrija tal-Unjoni. Dawn tjiebu wara l-adozzjoni tal-miżuri kontra l-assorbiment fl-2015, iżda sussegwentement iddeterjoraw minħabba l-konsum imdgħajjef tal-Unjoni. Kif spjegat qabel fit-Taqsima 4.6, din ix-xejra tista’ tiġi osservata fir-rigward tal-produzzjoni/kapaċità ta’ produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq u l-produttività tal-Unjoni. L-għadd ta’ impjegati naqas b’rata stabbli tul il-perjodu ta’ analiżi.

(174)

L-indikaturi mikroekonomiċi, għall-kuntrarju, juru sitwazzjoni li qed titjieb għall-industrija tal-Unjoni. Fil-perjodu ta’ analiżi, il-kost ta’ unità tal-produzzjoni kien stabbli filwaqt li l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni telgħu. Din is-sitwazzjoni pożittiva ġiet riflessa fil-profittabbiltà, li żdiedet minn [-10 % -0 %] fl-2015 għal [5 % -15 %] fil-PIR.

(175)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qieset li l-industrija tal-Unjoni fil-biċċa l-kbira rkuprat mid-dannu materjali maħluq mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Madankollu, fid-dawl tal-konsum imnaqqas tal-Unjoni u s-sehem mis-suq relattivament kbir tal-importazzjonijiet Ċiniżi li huma l-oġġett ta’ dumping, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni baqgħet fraġli.

5.   IL-PROBABBILTÀ TA’ RIKORRENZA TAD-DANNU

5.1.   Kummenti preliminari

(176)

Minħabba li l-industrija tal-Unjoni ma komplietx issofri dannu materjali, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu fil-każ li l-miżuri jiskadu, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(177)

Biex tkun stabbilita l-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu, ġew analizzati l-elementi li ġejjin: il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità żejda fir-RPĊ u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(178)

Minħabba li ma kienx hemm kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, l-analiżi tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-kapaċità żejda fir-RPĊ kienet ibbażata fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qagħdet fuq il-bażi tad-data 14(6), l-Eurostat, il-bażijiet tad-data msemmija fil-premessa (35) u l-evidenza ppreżentata mill-applikant fit-talba għal rieżami.

(179)

Il-Kummissjoni analizzat aktar l-effetti fuq l-industrija tal-Unjoni tar-rikorrenza probabbli tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping. L-analiżi qieset ukoll iż-żieda probabbli futura fil-konsum tal-ħġieġ solari fl-Unjoni, u l-qagħda profittabbli tal-industrija tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu ta’ analiżi.

5.2.   Probabbiltà ta’ ridirezzjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping lejn is-suq tal-Unjoni fil-każ li l-miżuri jiskadu

5.2.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċitajiet ta’ riżerva fir-RPĊ

(180)

Iċ-Ċina hija l-akbar produttur tal-ħġieġ solari fid-dinja. Mill-2015 ’l hawn, il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha kibret sostanzjalment minn 460 miljun m2 fl-2015 għal kważi 770 miljun m2 fil-PIR. Tali kapaċità kienet tisboq bil-kif il-konsum domestiku, li kien influwenzat negattivament mill-2018 mill-politika 531 tal-gvern Ċiniż imsemmija fil-premessa (66).

(181)

Fl-istess ħin, l-evidenza turi li l-kapaċitajiet ta’ xi wħud mill-produtturi esportaturi Ċiniżi qed jespandu (65).

5.2.2.   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(182)

Is-suq tal-Unjoni għandu daqs relattivament kbir u hemm probabbiltà ta’ tkabbir futur (66). Minkejja t-tnaqqis inizjali bejn l-2015 u l-2016, mill-2016, l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu qed jikbru u laħqu 9 % fil-PIR. Dan juri li minkejja l-miżuri fis-seħħ, is-suq tal-Unjoni baqa’ attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(183)

Barra minn hekk, fil-PIR, il-prezzijiet tal-Unjoni kienu ogħla meta mqabblin mal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi attwali (ara t-Tabelli 4 u 9). Il-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi kienu ferm taħt il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni tul il-PIR. Dan jagħmel is-suq tal-Unjoni attraenti f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet. Għaldaqstant, huwa probabbli ħafna li, jekk il-miżuri jiskadu, l-esportazzjonijiet Ċiniżi jimxu tajjeb fil-konsum tal-Unjoni sempliċement bis-saħħa tal-prezzijiet baxxi tagħhom.

(184)

Barra minn hekk, il-miżuri tad-difiża tal-kummerċ kontra l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami fl-Indja u fit-Turkija, swieq importanti oħra, jillimitaw il-possibbiltajiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li jesportaw lejn dawn il-pajjiżi u jkomplu jżidu l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, li dawn l-esportazzjonijiet jistgħu jiġu ridiretti lejh fil-każ li l-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari fl-Unjoni jiskadu.

5.2.3.   Konklużjoni

(185)

Minħabba l-kapaċitajiet żejda kbar fiċ-Ċina, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet relattivament għoljin tal-Unjoni, huwa probabbli li, jekk il-miżuri jiskadu, jiġu esportati volumi sinifikanti ta’ ħġieġ solari oġġett ta’ dumping bi prezzijiet li jkunu ferm anqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

5.3.   L-effett fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(186)

Il-Kummissjoni eżaminat kif l-indikaturi tad-dannu aktarx jintlaqtu jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(187)

Skont il-produtturi tal-Unjoni, iż-żieda probabbli tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina jkollha effett negattiv qawwi fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Fil-fehma tagħhom, l-utenti aktarx jibdew jixtru ħġieġ solari bi prezz baxx miċ-Ċina minflok ma jżommu l-industrija tal-Unjoni bħala l-fornitur ewlieni tagħhom. Kienu tal-fehma li l-bejgħ tal-ħġieġ solari mibjugħ lill-klijenti tagħhom kien bħala konsegwenza jonqos bejn 30 % u 75 % skont il-kumpanija u l-klijent. Abbażi tal-offerti tal-prezz Ċiniżi għad-dispożizzjoni tagħhom, qiesu li kien ikun hemm pressjoni fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, li konsegwentement kienu jonqsu b’0,9-2,6 EUR/m2 skont il-klijent u l-prodott. Barra minn hekk, il-produtturi tal-Unjoni qiesu li l-ħġieġ ortikulturali kien se jintlaqat inqas minħabba li l-ħġieġ solari li jintuża għall-bini tas-serer jinqata’ f’forma speċifika, l-ordnijiet ikunu skont il-proġett, u l-konsenja f’waqtha għandha rwol imporanti.

(188)

Abbażi ta’ dawn is-suppożizzjonijiet, l-industrija tal-Unjoni pprevediet xenarji differenti tal-impatt probabbli tal-miżuri fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u ssimulat l-effett tat-tnaqqis tal-bejgħ u/jew tal-prezz fuq l-istruttura tal-kostijiet tagħhom. Wieħed minn dawn ix-xenarji qies it-tkabbir previst tas-suq. Fix-xenarji differenti kollha, is-simulazzjonijiet urew li l-iskadenza tal-miżuri tirriżulta f’telf konsiderevoli tal-industrija tal-Unjoni.

(189)

Il-Kummissjoni vvalutat ix-xenarji ta’ hawn fuq biex tara kinux realistiċi. Bejn l-2009 u l-2012 (jiġifieri qabel l-impożizzjoni tal-miżuri), l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari fl-Unjoni sparaw minn 1,2 miljun m2 fl-2009 għal 8,35 miljun m2 fl-2012. Iż-żieda qawwija fl-importazzjonijiet bi prezz baxx wasslet għal tnaqqis fil-prezzijiet, tnaqqis fis-sehem mis-suq, u deterjorament tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, u wasslet biex l-industrija tal-Unjoni ssofri dannu materjali (67).

(190)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni analizzat l-impatt probabbli tal-importazzjonijiet bi prezz baxx fuq is-sitwazzjoni attwali tal-industrija tal-Unjoni billi ħadet, bħala l-punt tat-tluq, l-informazzjoni vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni. Hija assumiet, abbażi ta’ dak li ġie osservat fl-investigazzjoni oriġinali, li jekk l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari Ċiniżi kellhom jerġgħu jiżdiedu fis-suq tal-Unjoni, potenzjalment l-ewwel jiksbu s-sehem mis-suq għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni, qabel ma jieħdu s-sehem mis-suq tal-esportazzjonijiet mill-produtturi ta’ pajjiżi terzi lejn l-Unjoni.

(191)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkulat li jekk l-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx jiżdiedu bi 3,5 miljun m2 għad-detriment tal-bejgħ tal-Unjoni, it-tnaqqis konsegwenti fil-produzzjoni tal-Unjoni u ż-żieda konsegwenti fil-kost ta’ unità tal-produzzjoni minħabba l-ispejjeż fissi tirriżulta fi tnaqqis tal-profittabbiltà għall-industrija tal-Unjoni sal-punt ta’ ekwilibriju (jiġifieri meta d-dħul ikun daqs it-total tal-ispejjeż fissi u varjabbli).

(192)

Il-kalkolu jqis in-natura tal-produzzjoni tal-ħġieġ solari, li tinvolvi sehem partikolarment għoli ta’ spejjeż tal-produzzjoni fissi. Barra minn hekk, il-proċess tal-produzzjoni ma jistax jitwaqqaf u fil-każ li l-bejgħ jonqos, hemm possibbiltajiet limitati biex jitnaqqas l-input (68). Għaldaqstant, li tinżamm produzzjoni minima biex tkopri l-kostijiet fissi u biex jinżammu l-volumi ta’ bejgħ minimi hija ta’ importanza kruċjali għall-industrija.

(193)

Dan il-kalkolu huwa konservattiv. Minħabba l-kapaċità tal-produzzjoni kbira tal-kumpaniji Ċiniżi u l-prezzijiet baxxi li għandhom bħalissa, li huma ferm anqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, huwa probabbli li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jesportaw volumi akbar minn 3,5 miljun m2 u li jimbuttaw il-prezzijiet tal-Unjoni ’l isfel, li jirriżulta f’aktar telf u sitwazzjoni dannuża għall-Industrija tal-Unjoni.

(194)

Barra minn hekk, minħabba li l-industrija tal-Unjoni ma tipproduċix biex taħżen, trid tkun organizzata skont il-kuntratti jew l-ordnijiet mingħand il-klijenti (ara t-Taqsima 4.6.3.3, Inventarji). Għaldaqstant, kwalunkwe tnaqqis sinifikanti fil-volumi tal-bejgħ tal-kumpaniji jista’ jwassal għal telf insostenibbli u għall-falliment.

5.4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni

(195)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskadenza tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni fi żmien qasir.

6.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(196)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx tikkonkludi b’mod ċar li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f’dan il-każ, minkejja d-determinazzjoni tar-rikorrenza probabbli tad-dumping dannuż. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament ta’ kull wieħed mill-bosta interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni u tal-utenti.

6.1.   Interessi tal-industrija tal-Unjoni

(197)

Ġie konkluż fil-premessa (195) li l-industrija tal-Unjoni aktarx tesperjenza deterjorament serju tas-sitwazzjoni tagħha fil-każ li l-miżuri anti-dumping jitħallew jiskadu. Għaldaqstant, il-kontinwazzjoni tal-miżuri tkun ta’ benefiċċju għall-industrija tal-Unjoni, u tippermettilha żżom il-volum ta’ bejgħ, is-sehem mis-suq, u l-profittabbiltà tagħha, u biex tkompli ttejjeb is-sitwazzjoni ekonomika tagħha.

(198)

B’kuntrast, jekk il-miżuri ma jitkomplewx, aktarx tiġi skattata żieda konsiderevoli ta’ importazzjonijiet Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta’ dumping u mwaqqgħin, li jwasslu għal rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni u jheddu l-vijabbiltà tagħha.

6.2.   L-interess tal-utenti

(199)

Ġew ikkuntattjati aktar minn 40 utent fl-istadju tal-bidu. Erba’ utenti rrispondew għall-kwestjonarju.

(200)

Bosta utenti tal-ħġieġ solari (produtturi tal-moduli fotovoltajċi u fototermiċi) esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għat-tkomplija tal-miżuri.

(201)

L-argumenti tal-utenti kienu marbuta mal-kostijiet ta’ produzzjoni ogħla, l-abbiltà tal-produtturi tal-ħġieġ solari li jlaħħqu mad-domanda, l-investiment ippjanat għall-produzzjoni tal-pannelli solari u l-aspetti ambjentali. Qalu wkoll li wara li ntemmew d-dazji anti-dumping u kompensatorji fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli u ċelloli fotovoltajċi miċ-Ċina, l-industrija tal-Unjoni kienet sofriet minn kompetizzjoni inġusta miċ-Ċina. L-utenti qiesu li kienet inġusta li filwaqt li ma hemm l-ebda miżura ta’ difiża tal-kummerċ fis-seħħ fuq iċ-ċelloli u l-moduli solari, l-importazzjoni ta’ wieħed mill-komponenti tal-moduli fotovoltajċi, il-ħġieġ solari, għadha soġġetta għad-dazji (69). Wara d-divulgazzjoni, EU ProSun tenniet li kien hemm nuqqas ta’ approċċ koerenti lejn is-settur. Filwaqt li l-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-moduli u ċ-ċelloli solari skadew, il-Kummissjoni kienet lesta li żżomm il-miżuri fuq il-ħġieġ solari. B’mod simili, wara d-divulgazzjoni, l-assoċjazzjoni industrijali solari tal-Unjoni, ESMC, qalet li ż-żamma tad-dazji tal-importazzjoni fuq il-ħġieġ solari kienet tkun diffiċli għall-manifatturi tal-moduli solari attwali tal-Unjoni minħabba li żżid il-kostijiet tagħhom għall-ħġieġ, filwaqt li l-moduli importati fl-Unjoni mhumiex soġġetti għal tali tariffi, saħansitra meta jintuża ħġieġ Ċiniż.

(202)

Il-Kummissjoni fakkret li n-nuqqas ta’ kontinwazzjoni tal-miżuri kontra l-moduli solari f’Settembru 2018 ma tissarrafx fi dritt tal-produtturi tal-moduli solari li l-miżuri fuq il-prodotti aktar ’il fuq fil-katina ta’ attivitajiet jieqfu wkoll. Pjuttost, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha tagħmel test tal-interess tal-Unjoni għal kull investigazzjoni abbażi tal-merti tagħha. Il-Kummissjoni għalhekk ivverifikat jekk it-tkomplija tal-miżuri fuq il-ħġieġ solari jkollhomx effett negattiv sproporzjonat fuq l-utenti kif spjegat fid-dettall aktar ’il quddiem.

6.2.1.   Kostijiet tal-produzzjoni

(203)

Bosta utenti argumentaw li d-dazji anti-dumping kellhom effett negattiv fuq in-negozju tagħhom billi kienu żiedu l-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom. Il-fatt li kellhom iħallsu prezzijiet ogħla mill-kompetituri tagħhom barra l-Unjoni fil-fehma tagħhom kien jikkostitwixxi żvantaġġ kompetittiv dirett għall-produtturi tal-panneli solari tal-Unjoni fil-konfront tal-panneli solari impurtati. L-utenti argumentaw ukoll li filwaqt li l-bosta komponenti tal-moduli fotovoltajċi raħsu sew fl-aħħar snin, il-prezz tal-ħġieġ solari baqa’ fl-istess livell u għaldaqstant il-kost relattiv tiegħu fil-moduli fotovoltajċi nfushom żdied. Għalhekk, il-ħġieġ solari issa jikkostitwixxi t-tieni l-akbar fattur tal-kostijiet fil-pannell solari.

(204)

Barra minn hekk, l-utenti nnutaw li, minkejja li l-maġġoranza tal-moduli li jipproduċu huma hekk imsejħa moduli tal-“ħġieġ/fojl”, jiġifieri bil-parti ta’ quddiem tal-ħġieġ u l-fojl tal-plastik fuq wara, kulma jmur qed jipproduċu moduli tal-“ħġieġ/ħġieġ”, jiġifieri moduli li jkollhom il-ħġieġ fuq iż-żewġ naħat. Minħabba li l-modulu tal-“ħġieġ/ħġieġ” jeħtieġ żewġ folji tal-ħġieġ minflok waħda, is-sehem tal-ħġieġ solari fil-kostijiet tal-produzzjoni jirdoppja.

(205)

EU ProSun, li tirrappreżenta diversi utenti, argumentat li s-sehem tal-kostijiet tal-ħġieġ solari fil-pannell solari kien ta’ 10 %. Żewġ utenti oħra qalu li s-sehem tal-ħġieġ fil-kostijiet tagħhom kien, rispettivament, 7 % u 10 % għal modulu tal-“ħġieġ/fojl” u 14 % u 22 % għal modulu tal-“ħġieġ/ħġieġ”.

(206)

Fil-fehma ta’ EU ProSun, l-impatt fuq l-ispejjeż tal-miżuri jammonta għal 3 % fuq il-modulu tal-“ħġieġ/fojl” u 6 % għall-modulu tal-“ħġieġ/ħġieġ”.

(207)

EU ProSun Glass, li tirrappreżenta l-industrija tal-Unjoni tal-ħġieġ solari, qalet li l-impatt tad-dazji fuq il-kostijiet ta’ produzzjoni tal-moduli kien limitat. Ippreżentaw kalkoli li juru li, abbażi tal-prezzijiet attwali tal-Unjoni tal-ħġieġ solari, is-sehem tal-kostijiet tal-ħġieġ solari fi ħdan il-modulu fotovoltajku kien 4 %. Il-kostijiet addizzjonali minħabba l-miżuri fis-seħħ, ibbażati fuq l-offerti tal-prezz Ċiniżi attwali, kienu jirrappreżentaw 1,5 % tal-kost finali ta’ modulu skont il-kalkoli tagħhom. Fil-fehma tagħhom, l-impatt addizzjonali fuq il-kost għall-utenti kien saħansitra aktar limitat minħabba li l-utenti fl-Unjoni kienu attivi fis-settur residenzjali tas-suq u kienu qed ibigħu, apparti mill-modulu, sett komplut, inkluża l-installazzjoni u l-batterija. Jekk ikun qed jinbiegħ sett komplut, frazzjoni tal-ħġieġ fil-modulu kienet tirrappreżenta inqas minn 0,5 %.

(208)

Fil-każ oriġinali, tqies li l-ħġieġ solari jikkostitwixxi biss parti limitata (minn madwar 6 sa 8 %) tal-kostijiet tal-moduli solari (70). Barra minn hekk, minħabba li l-utenti kienu qed jixtru kwantitajiet sinifikanti ta’ ħġieġ solari mill-produtturi tal-Unjoni u minħabba li l-utenti setgħu jixtru l-ħġieġ minn pajjiżi oħra għajr ir-RPĊ, ġie konkluż li l-impatt tal-miżuri oriġinali fuq il-kostijiet tal-moduli solari kien anqas minn 1 %.

(209)

Madankollu, mill-investigazzjoni oriġinali ’l hawn, il-livell tal-miżuri anti-dumping żdied minn 25 % għal 67 %, li rrappreżenta impatt addizzjonali fuq il-kost imqabbel mas-sitwazzjoni fl-investigazzjoni oriġinali.

(210)

Il-Kummissjoni sabet li, minkejja l-argumenti tal-utenti, l-istruttura tal-kostijiet tal-moduli solari ma nbidlitx konsiderevolment mill-investigazzjoni oriġinali. Skont studju li sar minn istitut indipendenti, abbażi tal-livelli tal-prezzijiet fl-2017–2018, is-sehem relattiv tal-kost tal-ħġieġ solari f’modulu kien ta’ 9 % bħala medja (71), u għalhekk, mhux konsiderevolment ogħla mis-6-8 % stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali. Il-Kummissjoni osservat li dan jikkorrespondi għall-informazzjoni tal-utenti li s-sehem tal-kost tal-ħġieġ fil-moduli kien bejn 7-10 % (ara l-premessa (205)).

(211)

Rigward is-sehem li qed jikber tal-moduli tal-“ħġieġ/ħġieġ” fis-suq, il-Kummissjoni sabet li fil-PIR, dan it-tip kien jirrappreżenta madwar 10 % tal-konsum tal-Unjoni u, għalhekk, is-sehem relattiv tagħhom fis-suq kien għadu limitat. Minkejja li sehmu qed jikber, mhuwiex mistenni li se jkun aktar minn 30 % fil-ħames snin li ġejjin (72).

(212)

Finalment, l-utenti kienu għadhom qed jixtru l-maġġoranza tal-ħġieġ mis-suq tal-Unjoni, u bosta qalu li jkomplu jagħmlu hekk anke li kieku l-miżuri jiskadu.

(213)

Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni osservat li ż-żieda relattivament żgħira tas-sehem tal-ħġieġ solari fil-kostijiet ta’ produzzjoni tal-moduli solari msemmija fil-premessa (205), il-produzzjoni li qed tiżdied ta’ moduli “ħġieġ/ħġieġ” u ż-żieda fil-livell tal-miżuri ssarrfu f’impatt kbir tal-miżuri fuq il-kostijiet tal-utenti minn dak li ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Il-Kummissjoni stmat li l-impatt fuq il-kostijiet tal-miżuri fuq il-produtturi tal-moduli fotovoltajċi kien stmat bejn 2-3 %,

(214)

Wara d-divulgazzjoni, EU ProSun argumentat li l-informazzjoni dwar is-sehem tal-kostijiet tal-ħġieġ solari fil-moduli solari mill-Fraunhofer Institute für Solare Energiesysteme ISE (“l-Istitut Fraunhofer”), stabbilita mill-Kummissjoni fil-premessa (210), ma kinitx għadha valida. Skont informazzjoni ġdida li EU ProSun irċeviet mill-Istitut Fraunhofer, is-sehem tal-kostijiet tal-ħġieġ solari fi ħdan il-kost tal-moduli solari żdied minn 9 % għal 11 % mill-2019 ’l hawn. Barra minn hekk, EU ProSun argumentat li skont l-istess sors, is-sehem futur tal-moduli ta’ “ħġieġ/ħġieġ” se jkun ogħla minn dak indikat mill-Kummissjoni fil-premessa (211) minħabba li l-istudju li rreferiet għalih il-Kummissjoni f’dik il-premessa kien jirreferi għas-suq dinji, u mhux għas-suq tal-Unjoni biss. Skont l-Istitut Fraunhofer, fis-suq tal-Unjoni, is-sehem tal-modulu ħġieġ/ħġieġ kien mistenni li jkun ogħla. EU ProSun qalet ukoll li llum is-sehem tal-modulu tal-ħġieġ/ħġieġ kien 18,5 % u mhux l-10 % indikati fl-istudju.

(215)

EU ProSun qalet ukoll li l-marġni tal-industrija tal-pannelli solari kienu fil-biċċa l-kbira anqas minn 5 % jew saħansitra negattivi. Argumentat għalhekk li s-suq tal-moduli solari tal-Unjoni kien sensittiv ħafna għall-prezzijiet u għalhekk, iż-żieda ulterjuri ta’ 2-3 % tal-kostijiet kienet se twassal għal aktar għeluq u sensji.

(216)

Il-Kummissjoni ħadet nota tal-informazzjoni trażmessa lil EU ProSun mill-Istitut Fraunhofer dwar iż-żieda fis-sehem tal-kostijiet tal-ħġieġ solari fil-kost tal-moduli solari mill-2019. Hija nnutat li dan l-iżvilupp ma jaqax fil-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami u jista’ jkun relevanti biss meta jiġi vvalutat il-piż futur għall-manifatturi tal-moduli solari. Rigward is-sehem tal-moduli “ħġieġ/ħġieġ” fis-suq, ħadet nota wkoll tal-informazzjoni li l-istudju msemmi fil-premessa (211) kien jikkonċerna suq globali u li s-sitwazzjoni u l-prospetti futuri jistgħu jvarjaw fl-Unjoni. Rigward is-sehem eżatt, madankollu qieset li s-sehem ta’ 18,5 % propost minn EU ProSun ma kien sostanzjat bl-ebda evidenza. Hija u tanalizza d-data vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li s-sehem attwali tal-moduli tal-ħġieġ/ħġieġ fis-suq kien ta’ 14 % biss. Minħabba li ż-żewġ produtturi vverifikati rrappreżentaw aktar minn 80 % tal-bejgħ fis-suq tal-ħġieġ solari fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proporzjoni kien rappreżentattiv tas-sitwazzjoni fis-suq.

(217)

Barra minn hekk, anke jekk il-proporzjon tal-moduli tal-ħġieġ/ħġieġ kien żdied xi ftit wara l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, ma kienx jibdel il-konklużjonijiet li l-impatt fuq il-kost fuq l-utenti biż-żamma tal-miżuri fil-livell preżenti jibqa’ limitat. Kif ikkonfermat minn EU ProSun u diversi utenti, dawn tal-aħħar kienu qed jixtru kwantitajiet sinifikanti ta’ ħġieġ solari mill-produtturi tal-Unjoni u dan mhux se jinbidel fil-futur, skont l-utenti. Barra minn hekk, l-utenti setgħu jimportaw il-ħġieġ solari minn pajjiżi oħra mhux soġġetti għall-miżuri u fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-ħġieġ importat minn dawn il-pajjiżi kien jirrappreżenta 12 % tas-sehem mis-suq (ara t-Tabella 5).

(218)

Rigward l-argument tal-utenti li ż-żieda ulterjuri fil-kostijiet minn 2 % sa 3 % se twassal għal aktar għeluq u sensji, il-Kummissjoni fakkret li ż-żamma tal-miżuri ma kellhiex twassal għal żidiet ulterjuri fil-prezzijiet minħabba li kulma tagħmel iżżomm id-dazji li diġà jeżistu fuq il-ħġieġ solari miċ-Ċina. Kif imfakkar fil-premessa (217), minħabba l-prossimità ġeografika, l-utenti se jkomplu jġibu l-maġġoranza tal-ħġieġ solari mingħand il-produtturi tal-Unjoni u/jew jistgħu jimpurtaw il-ħġieġ solari minn pajjiżi oħra li mhumiex soġġetti għall-miżuri bħat-Turkija, il-Malasja u l-Indja.

(219)

Fuq il-din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żamma tal-miżuri issa aktarx tirriżulta f’kostijiet tal-produzzjoni ogħla għall-utenti meta mqabblin mal-kostijiet tal-miżuri oriġinali minħabba li l-kost relattiv tal-ħġieġ fil-kostijiet tal-produzzjoni totali żdied xi ftit. Madankollu, imqabbel mal-kostijiet tal-produzzjoni kumplessivi totali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt tal-kost fuq l-utenti kien se jibqa’ limitat u għalhekk ma kienx se jsir kritiku biex dawn iżommu n-negozju tagħhom fl-Unjoni.

6.2.2.   Kapaċità tal-produzzjoni tal-ħġieġ solari fl-Unjoni

(220)

Fil-fehma tal-utenti, l-industrija tal-ħġieġ solari tal-Unjoni ma għandhiex biżżejjed kapaċità tal-produzzjoni biex tlaħħaq mad-domanda tal-ħġieġ solari fis-suq. Argumentaw ukoll li l-produtturi tal-Unjoni tal-ħġieġ solari ma kabbrux il-kapaċitajiet tagħhom, u li ma kinux qed jippjanaw li jagħmlu dan. Fil-fehma tagħhom, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni attwali huma aktar baxxi mid-domanda attwali għall-ħġieġ solari. Fil-fehma tal-utenti, din is-sitwazzjoni tisfurzahom jużaw il-ħġieġ impurtat minn pajjiżi oħra bħall-Malasja jew it-Turkija, jew jimportaw il-ħġieġ miċ-Ċina b’kostijiet ogħla. Skonthom, il-ħġieġ impurtat minn dawn il-pajjiżi madankollu mhuwiex dejjem ta’ kwalità suffiċjenti.

(221)

L-industrija tal-Unjoni, għall-kuntrarju, qieset li l-provvista tal-ħġieġ solari fis-suq kienet biżżejjed biex tkopri d-domanda. Argumentat li qatt ma rrifjutaw li jfornu lill-produtturi tal-pannelli solari tal-Unjoni minħabba l-allegat nuqqas ta’ kapaċità disponibbli. Għall-kuntrarju, kienu lesti li jiddiskutu ordnijiet addizzjonali potenzjali u kkonfermaw l-abbiltà tagħhom li jfornu volumi akbar.

(222)

Il-Kummissjoni l-ewwel osservat li l-konsum tal-ħġieġ solari fil-PIR kien [13-18] miljun m2 (ara t-Tabella 2). It-tieni, il-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni vverifikata mill-Kummissjoni kienet fil-livell ta’ [11-14]-il miljun m2. It-tielet, il-kapaċità vverifikata totali taż-żewġ produtturi tal-Unjoni kienet ta’ [14-18]-il miljun m2.

(223)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li fil-PIR, iż-żewġ produtturi tal-ħġieġ solari waħedhom kellhom kapaċità żejda ta’ [5–8,5] miljun m2, li setgħu jiġu pprovduti mingħajr ebda investiment addizzjonali. Għalhekk il-Kummissjoni qieset li l-argumenti tal-utenti kienu infondati.

(224)

Wara d-divulgazzjoni, EU ProSun argumentat li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-produtturi tal-ħġieġ solari diġà ma kinitx tkopri d-domanda għall-ħġieġ solari tal-utenti wara l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, minħabba li tnejn mill-utenti investew, fl-2019/2020, f’kapaċitajiet ġodda ta’ 950 MW b’kollox. Fuq din il-bażi, EU ProSun argumentat li diġà hemm nuqqas ta’ provvista ta’ ħġieġ solari fis-suq. B’risposta għall-argument, EU ProSun Glass, li tirrappreżenta l-produtturi tal-Unjoni, tenniet wara d-divulgazzjoni li xi produtturi importanti tal-pannelli solari li EU ProSun kienet ippreżentathom bħala li qed joperaw fis-suq kienu diġà għalqu l-produzzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-kapaċitajiet li nħolqu reċentement kienu qed jissostitwixxu dik eżistenti.

(225)

Il-Kummissjoni l-ewwel osservat li skont l-informazzjoni mingħand EU ProSun, il-produtturi tal-moduli solari kellhom kapaċità kkombinata ta’ aktar minn 5 GW fl-2019. Madankollu, ġie osservat ukoll li xi wħud mill-produtturi tal-moduli solari kienu tabilħaqq diġà waqqfu l-produzzjoni. Il-kapaċità kombinata tal-kumpaniji li għalqu l-produzzjoni tagħhom kienet taqbeż il-1 GW (73). Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni kkonfermaw li l-kapaċitajiet li nbnew ġodda parzjalment jissostitwixxu l-investimenti fl-2019/2020 ta’ xi wħud mill-kumpaniji msemmija minn EU ProSun.

(226)

It-tieni, il-Kummissjoni qieset li l-kapaċitajiet eżistenti u dawk li nbnew ġodda ma kinux bilfors jikkorrespondu mal-output tal-produzzjoni tal-moduli solari. Skont data ta’ EU ProSun, fl-2019, anqas minn nofs il-kapaċità tal-produzzjoni tal-moduli solari intużat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kapaċitajiet li nbnew ġodda ma kinux awtomatikament jissarrfu fl-output u t-tkabbir fil-produzzjoni ekwivalenti għad-domanda tal-ħġieġ solari, tal-anqas mhux eżatt wara l-implimentazzjoni tagħhom.

(227)

It-tielet, il-Kummissjoni fakkret fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, flimkien maż-żewġ produtturi vverifikati tal-ħġieġ solari, kien hemm ukoll produtturi oħra tal-ħġieġ solari. Skont l-informazzjoni mill-industrija tal-ħġieġ solari tal-Unjoni, il-kapaċità totali tal-produtturi tal-ħġieġ solari kienet bejn [33-38] miljun m2 (ara t-Tabella 6) (74). Il-kapaċità totali tal-ħġieġ solari fis-suq għalhekk teċċedi l-produzzjoni attwali bi kważi tliet darbiet.

(228)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni rrifjutat l-argument ta’ EU ProSun li fil-preżent kien hemm nuqqas ta’ provvista ta’ ħġieġ solari fis-suq tal-Unjoni.

6.2.3.   Tkabbir futur tas-suq

(229)

Il-partijiet interessati kollha qablu li d-domanda għall-pannelli solari u konsegwentement għall-ħġieġ solari kienet qed tikber u li kienet se tikber sostanzjali fis-snin li ġejjin. Il-muturi ewlenin jinkludu l-mira tal-Unjoni tal-2030 dwar l-enerġija rinnovabbli, ir-reviżjoni ’l fuq potenzjali tagħha, u l-Patt Ekoloġiku Ewropew inġenerali li għandu fil-mira tiegħu n-newtralità klimatika u li tingħata spinta lill-industrija tat-teknoloġija ekoloġika tal-UE, inklużi s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u teknoloġiji oħrajn b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. It-tkabbir huwa mistenni fis-segmenti kollha tas-suq (residenzjali, kummerċjali, industrijali u tal-utilitajiet), skont l-iżvilupp tal-politiki pubbliċi f’kull Stat Membru.

(230)

Bħalissa, il-produzzjoni tal-moduli solari fl-Unjoni hija ta’ 1,7 GW (75). Huma u jantiċipaw domanda futura akbar, bosta utenti fl-Awstrija, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja u fis-Slovenja ħabbru li kienu qed iħejju biex jespandu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom. Kollox ma’ kollox, u fil-każ li l-pjanijiet ta’ kapaċità ġdida jiġu implimentati u użati għalkollox, l-investimenti ppjanati mill-utenti, flimkien mad-900 MW imsemmija fit-Taqsima 6.2.2, jammontaw għal 2,9 GW ta’ produzzjoni addizzjonali fis-sentejn tlieta (2-3 snin) li ġejjin, biex b’hekk il-produzzjoni tal-moduli fotovoltajċi tittrippla. Flimkien ma’ dan, EU ProSun argumentat li wieħed mill-investimenti ppjanati jkun jirrappreżenta, fit-tieni fażi tal-implimentazzjoni tiegħu, kapaċità addizzjonali ta’ 2 GW. Irreferiet ukoll għal kumpanija Żvizzera-Ġermaniża li kienet lesta tinvesti fi produzzjoni ta’ GW fid-daqs.

(231)

Fuq din il-bażi, EU ProSun u xi wħud mill-utenti argumentaw li jekk il-miżuri jinżammu, l-investimenti li kellhom ippjanati jiġu pperikolati minħabba li jkollhom iġarrbu kostijiet addizzjonali u minħabba li mhux se jkun hemm biżżejjed ħġieġ solari fis-suq.

(232)

L-industrija tal-Unjoni tal-ħġieġ solari kienet tal-fehma li ż-żieda ġdida mħabbra fil-kapaċità kienet se tkun ta’ benefiċċju għall-industrija tagħha. Madankollu, fil-fehma tagħha, il-kapaċijiet ippjanati ġodda jissostitwixxu sa ċertu punt il-kapaċitajiet ta’ produzzjonijiet li kienu ngħalqu preċedentement. Barra minn hekk, qiesu li kif kien ġara fl-imgħoddi, jista’ jkun li l-investimenti l-ġodda ma jimmaterjalizzawx kif imħabbar. Qalu wkoll li kwalunkwe impjanti li jinbnew ma jkunux qed joperaw bil-kapaċità sħiħa mill-bidu tal-operat tagħhom.

(233)

Biex teżamina dawn l-affermazzjonijiet, il-Kummissjoni rrivalutat il-konstatazzjonijiet tagħha. Tenniet dan li ġej: l-ewwel, l-evidenza disponibbli ma tindikax li l-investimenti ppjanati jkunu jiddependu fuq li l-miżuri anti-dumping fis-seħħ ikunu tneħħew. Fil-fatt, l-evidenza fil-fajl turi pjuttost li ħafna mill-proġetti mħabbra kienu fil-biċċa l-kbira mmotivati mill-perspettiva tat-tkabbir futur tas-suq tal-pannelli solari, iktar milli bl-eżistenza jew le tal-miżuri fuq il-ħġieġ solari. Għaldaqstant, id-deċiżjoni dwar jekk il-miżuri dwar il-ħġieġ solari jinżammewx jew le ma tistax titqies bħala fattur deċiżiv għad-disinn jew il-materjalizzazzjoni tal-proġetti ta’ espansjoni msemmija.

(234)

It-tieni, il-Kummissjoni fakkret li l-analiżi tal-impatt tan-nefqa taħt it-Taqsima 6.2.1 turi li l-kostijiet tal-miżuri għall-utenti kkonċernati kienu pjuttost baxxi. L-investimenti ppjanati ma jikkontestawx dik il-konklużjoni, minħabba li l-ispejjeż għal din il-produzzjoni addizzjonali fis-settur tal-utenti tkun tal-istess daqs limitat.

(235)

It-tielet, skont l-analiżi taħt it-Taqsima 6.2.2, il-Kummissjoni kompliet ittenni li l-kapaċità preżenti tal-industrija tal-Unjoni aktarx li tilħaq id-domanda miżjuda introdotta mill-investimenti ppjanati. Barra minn hekk, kwalunkwe żieda fid-domanda tkun fi kwalunkwe każ progressiva, li tippermetti lill-industrija tal-ħġieġ solari takkomodaha u li żżid il-kapaċità tagħha għall-bżonn, kif qed jgħidu. Barra minn hekk, l-utenti jistgħu jkomplu jġibu l-ħġieġ minn pajjiżi oħra bħat-Turkija, il-Malasja, u l-Indja, kif kienu qed jagħmlu fil-PIR.

(236)

Wara d-divulgazzjoni, EU ProSun qalet ukoll li l-produtturi tal-ħġieġ solari ma kellhomx il-kapaċità biex jissodisfaw id-domanda futura għall-ħġieġ solari. Qalet ukoll li l-utenti ma jistgħux jimportaw il-ħġieġ minħabba li l-kwalità tal-ħġieġ importat ma kinitx biżżejjed. Biex issostni dan l-argument, ipprovdiet rapport ta’ wieħed mill-utenti li indika li ordni partikolari ta’ kumpanija mill-Malasja ma kinitx tal-kwalità meħtieġa.

(237)

Il-Kummissjoni ma kinitx konvinta li l-kwalità tal-ħġieġ solari minn pajiżi terzi oħra li ma kinux soġġetti għall-miżuri kienet tant inferjuri li ma setgħetx tikkwalifika bħala alternattiva kredibbli għal manifattur Ewropew tal-moduli. Fl-investigazzjoni anti-dumping tagħha dwar l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari mill-Malasja, il-partijiet kollha kienu qablu li dawn l-importazzjonijiet kienu effettivament qed jikkompetu mal-ħġieġ solari magħmul fl-Unjoni. Kif innutat qabel, l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari fl-Unjoni mill-Malasja kienu żdiedu u laħqu, fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, sehem mis-suq ta’ 7 %. Dan jindika li l-ħġieġ solari Malasjan ġeneralment huwa ta’ kwalità għolja biżżejjed, minkejja li f’xi każi individwali konsenja ta’ ħġieġ solari minn dak il-pajjiż kienet difettuża u ma kinitx tikkorrespondi għalkollox mat-termini u l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni.

(238)

Wara d-divulgazzjoni, EU ProSun argumentat ukoll li d-dannu potenzjalment ikkawżat biż-żamma tal-miżuri fuq il-ħġieġ solari kien se jaffettwa immedjatament aktar minn 1 000 impjiet u madwar EUR 50 miljun f’investimenti u sa aktar minn 4 000 impjieg u EUR biljun f’investimenti li għandhom jittieħdu fis-sentejn li ġejjin.

(239)

Il-Kummissjoni rrifjutat l-argument u fakkret li ħafna mill-pjanijiet ta’ espansjoni diġà kienu saru meta l-miżuri kienu diġà fis-seħħ, mingħajr ma kkunsidraw id-deċiżjoni jekk il-miżuri kellhomx jinżammu jew le. Abbażi tal-konklużjonijiet imqassra preċedentement fit-Taqsimiet 6.2.1-3, hija kienet tal-fehma li ż-żamma tal-miżuri ma kinitx se tipprevjeni l-investimenti ppjanati ta’ bosta utenti milli jimmaterjalizzaw.

6.2.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-utenti

(240)

Filwaqt li l-kummenti li waslu wara d-divulgazzjoni komplew jissostanzjaw li t-tkomplija tal-miżuri kienet kontra l-interessi tal-utenti, ikkonfermaw ukoll li s-settur għadu biss fil-bidu ta’ proċess ta’ investiment kontinwu. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt tal-miżuri fuq l-istruttura tal-kostijiet tal-utenti bħalissa mhuwiex sproporzjonat, li s-sigurtà tal-provvista tagħhom mhijiex mhedda minħabba l-kapaċità żejda disponibbli fl-Unjoni kif ukoll ta’ sorsi alternattivi ta’ importazzjonijiet li mhumiex oġġett ta’ dumping, u wkoll li l-pjanijiet ta’ investiment tagħhom għadhom ma mmaterjalizzawx biżżejjed.

(241)

F’kull każ, jekk dan jirriżulta li jkun il-każ u jkun hemm ċirkostanzi mibdula ta’ natura dejjiema, il-Kummissjoni fakkret li l-industrija tal-utenti tista’ tippreżenta talba biex isir rieżami tal-forma u/jew il-livell tal-miżuri, limitata għall-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni flimkien mas-sitwazzjoni tal-provvista għall-industrija tal-utenti skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, li tista’ twassal għal valutazzjoni ġdida tal-interess tal-Unjoni.

6.3.   L-aspetti ambjentali

(242)

L-utenti argumentaw li ż-żamma tal-miżuri fuq il-ħġieġ solari ma kinitx konformi mal-għanijiet tal-Kummissjoni rigward l-użu tal-enerġija nadifa. Għall-kuntrarju, l-estensjoni tal-miżuri fuq il-ħġieġ solari jkollha bħala konsegwenza li l-industrija tal-Unjoni tal-moduli solari ma tistax tagħmel investimenti ġodda. Barra minn hekk, filwaqt li s-suq tal-Unjoni għall-installazzjonijiet tal-moduli solari huwa mistenni jikber, l-industrija tal-moduli solari tal-Unjoni se tiġi mbuttata barra mis-suq minħabba li ma twettaqx l-investimenti ppjanati ġodda minħabba n-nuqqas ta’ provvista tal-ħġieġ solari, u għalhekk ma tkunx kompetittiva.

(243)

Fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li huwa usa’, f’Marzu 2020 il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal Liġi Ewropea dwar il-Klima vinkolanti li għandha l-għan li tnaqqax l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 (76). Il-Patt Ekoloġiku Ewropew barra minn hekk fih ukoll objettiv espliċitu li tiġi fornuta enerġija nadifa, affordabbli u sikura (77), speċifikament permezz ta’ rieżami potenzjali ’il fuq tal-mira tal-UE għall-enerġija rinnovabbli għall-2030.

(244)

Fiż-żewġ swieq, dak tal-ħġieġ ortikulturali (ħġieġ tas-serer) u dak tal-moduli fotovoltajċi u fototermali, il-produtturi tal-Unjoni tal-ħġieġ solari qed jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi ġodda biex itejbu l-użu tal-enerġija ekoloġika, jikkooperaw mal-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet, u qed jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset li t-tkomplija tal-miżuri hija kruċjali biex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ industrija vijabbli tal-ħġieġ solari u biex ir-riċerka u l-iżvilupp f’dan il-qasam jiġu mtejba.

(245)

Il-Kummissjoni barra minn hekk qieset li jekk il-miżuri jiskadu, il-vijabbiltà tal-industrija tal-ħġieġ solari tal-Unjoni tiġi mhedda u l-utenti (primarjament il-produtturi tal-moduli fotovoltajċi) isiru dependenti fuq l-importazzjonijiet, aktarx miċ-Ċina. L-iskadenza tal-miżuri aktarx ikollha wkoll bħala konsegwenza li l-industrija tal-ħġieġ solari ma tkunx tista’ tinvesti fl-innovazzjoni u fir-riċerka u żvilupp. Għaldaqstant, mill-perspettiva ambjentali, il-Kummissjoni qieset li kien kruċjali li l-industrija tal-ħġieġ solari tinżamm vijabbli.

(246)

Fl-istess ħin, il-politika ambjentali tal-Kummissjoni tappoġġa wkoll l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni. Il-potenzjal innovattiv ewlieni qiegħed fil-produzzjoni taċ-ċelloli mill-industrija iktar ’l isfel fil-katina ta’ attivitajiet. Billi jinżammu dawn il-miżuri, din il-parti mill-industrija “ħadra”, jiġifieri l-produtturi tal-moduli solari se jkollhom iġarrbu xi kostijiet addizzjonali. Fid-dawl tal-analiżi fit-Taqsima 6.2.1., il-Kummissjoni madankollu kkonkludiet li l-kostijiet addizzjonali tal-utenti ma kinux sinifikanti biżżejjed biex jipprevjenu l-operat jew l-espansjoni futura tagħhom.

(247)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li kollox ma’ kollox iż-żamma tal-miżuri ma tagħmilx ħsara lill-politiki ambjentali tal-Unjoni.

6.4.   L-interess ta’ operaturi tas-suq mhux relatati

(248)

Il-grupp attiv fid-distribuzzjoni tal-ħġieġ solari għas-serer esprima l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-miżuri. Il-grupp ma kienx utent dirett iżda kien f’kooperazzjoni mill-qrib mal-utenti/bdiewa biex isibu ħġieġ adattat għall-bini tas-serer. Qal li l-ħġieġ ta’ kwalità għolja b’kontenut baxx ta’ ħadid u varjetà ta’ disinji kien neċessarju għall-effettività tas-serer. Il-forniment ta’ ħġieġ bħal dan u l-ħidma mill-qrib mal-produtturi biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi, fil-fehma tiegħu, ma jkunx possibbli jekk il-miżuri jitħallew jiskadu u b’hekk jaffettwaw b’mod negattiv il-produzzjoni tal-ħġieġ solari fl-Unjoni. Skont dan il-grupp, ma kinex possibbli li jiġi impurtat ħġieġ simili minħabba li l-produtturi barranin ma setgħux joffru l-istess varjetà ta’ disinji u varjazzjonijiet biex ilestu l-proġetti tagħhom fl-iskedi ta’ żmien tas-soltu.

6.5.   L-interess ta’ importaturi mhux relatati

(249)

L-ebda importatur ma kkoopera fl-investigazzjoni. Fin-nuqqas ta’ data, ma kien hemm l-ebda evidenza li l-impożizzjoni ta’ miżuri tmur kontra l-interessi ta’ dawn il-partijiet.

6.6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(250)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli rigward l-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemmx raġunijiet konvinċenti kontra ż-żamma tal-miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-RPĊ.

7.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(251)

Minn dan kollu jsegwi li l-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw miċ-Ċina jenħtieġ li jinżammu.

(252)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza kbira fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(253)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati individwali tad-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet, jenħtieġ li din ma tkunx l-uniku element li l-awtoritajiet doganali jqisu. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħra kollha, jitolbu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u biex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(254)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata/i ta’ dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(255)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament japplikaw biss għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mir-RPĊ u mmanifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami magħmul minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal xi rata individwali ta’ dazju anti-dumping.

(256)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju anti-dumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (78). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermetti li jintwera li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata ta’ dazju li tapplika għaliha, l-avviż dwar il-bidla tal-isem jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(257)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (79), meta ammont ikun irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li għandu jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(258)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Qed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari magħmul minn ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir tas-soda, b’kontenut tal-ħadid ta’ anqas minn 300 ppm, trażmittanza solari ta’ aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1,5 300-2 500 nm), reżistenza għas-sħana sa 250 °C (imkejla skont l-EN 12150), reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150 K (imkejla skont l-EN 12150) u li jkollu saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (imkejla skont l-EN 1288-3), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (kodiċijiet TARIC 7007198012, 7007198018, 7007198080 u 7007198085) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping

Kodiċi addizzjonali tat-TARIC

Zhejiang Jiafu Glass Co., Ltd; Flat Solar Glass Group Co., Ltd; Shanghai Flat Glass Co., Ltd

71,4 %

B945

Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd

75,4 %

B943

Zhejiang Hehe Photovoltaic Glass Technology Co., Ltd

35,3 %

B944

Henan Yuhua New Material Co., Ltd

17,5 %

B946

Henan Ancai Hi-Tech Co., Ltd

55,9 %

B947

Henan Succeed Photovoltaic Materials Corporation

55,9 %

B948

Avic Sanxin Sol-Glass Co. Ltd; Avic (Hainan) Special Glass Material Co., Ltd

60,6 %

B949

Wuxi Haida Safety Glass Co., Ltd

60,6 %

B950

Dongguan CSG Solar Glass Co., Ltd

60,6 %

B951

Pilkington Solar Taicang, Limited

60,6 %

B952

Zibo Jinxing Glass Co., Ltd

55,9 %

B953

Novatech Glass Co., Ltd

60,6 %

B954

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

67,1 %

B999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju anti-dumping individwali speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha ssir bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fattura kummerċjali valida, li trid tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I. Jekk ma tiġix ippreżentata din il-fattura, gћandha tapplika r-rata tad-dazju applikabbli gћall-kumpaniji l-oћrajn kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni tista’ temenda l-Artikolu 1(2) billi żżid produttur esportatur ġdid, soġġett għad-dazju applikat għall-produtturi li kooperaw li ma kinux inklużi fil-kampjun meta produttur esportatur ġdid fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

(a)

ma esportax il-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) lejn l-Unjoni fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012 (il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali) jew fil-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2013 sat-30 ta’ Novembru 2014 (il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-assorbiment),

(b)

mhuwiex relatat ma’ xi esportatur jew produttur fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li hu soġġett għall-miżuri anti-dumping imposti b’dan ir-Regolament, u

(c)

fil-fatt ikun esporta lejn l-Unjoni l-prodott taħt rieżami jew ikun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21)

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, 14.5.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1394 tat-13 ta’ Awwissu 2015 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/588 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 215, 14.8.2015, p. 42).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 471/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, 14.5.2014, p. 23).

(5)  Avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri antidumping (ĠU C 345, 27.9.2018, p. 9).

(6)  Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping li japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 165, 14.5.2019, p. 6).

(7)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, l-20 ta’ Diċembru 2017, SWD(2017) 483 final/2.

(8)  Global Trade Atlas – GTA (https://www.gtis.com/gta/secure/htscty_wta.cfm).

(9)  https://orbis4.bvdinfo.com/version-201866/orbis/Companies

(10)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, pp. 6-7.

(11)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 10.

(12)  http://en.pkulaw.cn/display.aspx?cgid=311950&lib=law (aċċessat fit-28 ta’ Frar 2020).

(13)  Rapport – Kapitolu 2, p. 20-21.

(14)  Rapport – Kapitolu 3, p. 41, 73-74.

(15)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, pp. 120-121.

(16)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, pp. 122-135.

(17)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 7, pp. 167-168.

(18)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 8, p. 169-170, 200-201.

(19)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, pp. 15-16, ir-Rapport – il-Kapitolu 4, p. 50, p. 84, ir-Rapport – Kapitolu 5, p. 108-109.

(20)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 3, p. 22-24 u l-Kapitolu 5, p. 97-108.

(21)  Rapport – Kapitolu 5, p. 104-9.

(22)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 5, p. 100-1.

(23)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, p. 26.

(24)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 2, pp. 31-2.

(25)  https://www.reuters.com/article/us-china-congress-companies-idUSKCN1B40JU (aċċessat fis-27 ta’ Marzu 2019).

(26)  Ir-Rapport – il-Kapitoli 6 u 12.

(27)  Ir-Rapport – il-Kapitoli minn 14.1 sa 14.3.

(28)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 4, pp. 41-42, 83.

(29)  Il-Kapitolu III, l-Artikolu 5 tad-Dispożizzjonijiet Temporanji dwar il-Promozzjoni tal-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali.

(30)  Il-Kapitolu III, l-Artikolu 17 tad-Dispożizzjonijiet Temporanji dwar il-Promozzjoni tal-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali.

(31)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, pp. 138-149.

(32)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 9, p. 216.

(33)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 9, p. 213-215.

(34)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 9, pp. 209-211.

(35)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 13, pp. 332-337.

(36)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 13, p. 336.

(37)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 13, pp. 337-341.

(38)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, pp. 114-117.

(39)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 119.

(40)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 120.

(41)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, pp. 121-122, 126-128, 133-135.

(42)  Ara pereżempju ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 16, 18.1.2019, p. 5), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1690 tad-9 ta’ Novembru 2018 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi ġodda jew b’wiċċ ġdid, ta’ tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1579 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorji impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/163 (ĠU L 283, 12.11.2018, p. 1), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/969 tat-8 ta’ Ġunju 2017 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/649 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 146, 9.6.2017, p. 17).

(43)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 6, p. 121-122, 126-128, 133-135.

(44)  World Bank Open Data – Upper Middle Income, https://data.worldbank.org/income-level/upper-middle-income

(45)  http://www.turkstat.gov.tr/PreHaberBultenleri.do?id=30608

(46)  http://web.turkstat.gov.tr/PreTablo.do?alt_id=1008

(47)  http://www.gtis.com/gta/secure/default.cfm

(48)  Prodotti jew preparati kimiċi, predominantement magħmula minn komposti organiċi, f’forma likwida f’ 20 °C, n.e.s.

(49)  Kaxex tal-injam.

(50)  Palits u għenuq tal-palits, tal-injam.

(51)  Karta.

(52)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).

(53)  Li jirrappreżentaw anqas minn 3 % tal-materja prima totali.

(54)  http://web.turkstat.gov.tr/PreTablo.do?alt_id=1008

(55)  http://www.turkstat.gov.tr/ZipGetir.do?id=27666&class=onceki, kif aċċessat l-aħħar fil-11 ta’ Marzu 2019. 100 Kuruș = 1 lira Torka.

(56)  http://www.turkstat.gov.tr/PreHaberBultenleri.do?id=30608

(57)  http://www.turkstat.gov.tr/PreHaberBultenleri.do?id=30608

(58)  Paġna 22 tat-talba għal rieżami.

(59)  Ara l-Anness 21 A tat-talba ta’ rieżami.

(60)  Paġna 34 tat-talba għal rieżami u l-Anness 8 A tat-talba għal rieżami.

(61)  Xinyi Solar Holdings Limited, Annual Report 2019, https://www.xinyisolar.com/en/qynb/list.aspx, kif ikkonsultat f’Mejju 2020. “Is-sena [2019] kienet perjodu ta’ tranżizzjoni għas-suq fotovoltajku Ċiniż. Il-proġetti fotovoltajċi evolvew minn dawn esklussivament xprunati mis-sussidji għal taħlita ta’ “bla sussidji” u “appoġġati mill-FiT”. […] Ir-rilaxx tal-politiki u l-approvazzjoni tal-proġetti li saru tard taffew is-sentiment tal-installazzjonijiet fotovoltajċi fiċ-Ċina matul is-sena. […] Id-domanda globali robusta għall-fotovoltajċi matul is-sena kienet xprunata minn pajjiżi oħrajn, u mhux iċ-Ċina .”

(62)  Paġna 35 tat-talba għal rieżami. Ara wkoll it-Taqsima 3.2.2.5.

(63)  Ara l-premessa (2).

(64)  Ara l-premessa (2).

(65)  Talba għal rieżami, il-Kapitolu 3.5.

(66)  Talba għal rieżami, il-Kapitolu 3.5. Ara wkoll l-analiżi fit-Taqsima 6, Interess tal-Unjoni.

(67)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, 14.5.2014, p. 1).

(68)  Il-produzzjoni tal-ħġieġ solari teħtieġ it-tisħin u t-tħaddim ta’ forn mingħajr interruzzjonijiet (24 siegħa kuljum, il-ġimgħa kollha). Minħabba n-natura teknika tiegħu, dan il-proċess ma jistax jitwaqqaf.

(69)  Il-miżuri anti-dumping u kompensatorji fuq il-pannelli solari ġew imposti fi tmiem l-2013 għal perjodu ta’ sentejn. F’Marzu 2017, il-miżuri ġew imtawla għal perjodu ta’ 18-il xahar (https://trade.ec.europa.eu/doclib/press/index.cfm?id=1904).

(70)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1205/2013 tas-26 ta’ Novembru 2013 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 8), il-premessa (157).

(71)  Sors: A multidimensional optimisation approach to improve module efficiency, power and costs, Jibran Shahid, Max Mittag, Martin Heinrich, Fraunhofer Institute for Solar Energy Systems ISE,

https://www.ise.fraunhofer.de/content/dam/ise/de/documents/publications/conference-paper/35-eupvsec-2018/Shahid_5DO83.pdf

(72)   Sors: The Mechanical Engineering Industry Association (VDMA), https://pv-manufacturing.org/wp-content/uploads/2019/03/ITRPV-2019.pdf

(73)  Waħda mill-akbar kumpaniji li waqqfu l-produzzjoni tagħhom kienet Solarworld, li skont EU ProSun kellha kapaċità ta’ 700 MW. Din waqqfet il-produzzjoni tagħha fl-2018 (https://www.pv-magazine.com/2019/02/11/investor-search-for-solarworld-failed-module-factory-to-be-auctioned-off/).

(74)  Is-sit web ta’ F-Solar jindika kapaċità ta’ 750 tunnellata kuljum https://www.fsolar.de/en. Skont it-taħlita tal-prodotti, dan il-volum jista’ jikkorrespondi għal bejn 20 u 30 miljun m2. Minbarra F-Solar, jeżistu bosta produtturi iżgħar fis-suq, bħal Petra Glass (l-Awstrija), Pressglass (il-Polonja), Sunarc (id-Danimarka), Lambert (il-Ġermanja), Onyxsolar (Spanja), Covexglass (il-Polonja), DA Glass (il-Polonja), Schollenglass (il-Polonja), tvitec (Spanja), Hecker (il-Ġermanja), Ertex solar (l-Awstrija), u ILVA Glass (l-Italja).

(75)   Sors: EU ProSun.

(76)  Ara l-Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, Brussell, 11.12.2019 COM(2019) 640 final, https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:b828d165-1c22-11ea-8c1f-01aa75ed71a1.0013.02/DOC_2&format=PDF għall-qafas usa’.

(77)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, Brussell 11.12.2019 COM(2019) 640 final,https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:b828d165-1c22-11ea-8c1f-01aa75ed71a1.0013.02/DOC_1&format=PDF, p. 6.

(78)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Rue de la Loi 170, 1040 Brussels, Belgium.

(79)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS 1

Il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3) irid ikun fiha dan li ġej:

1

L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li tkun qed toħroġ il-fattura kummerċjali.

2

Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, is-sottoskritt, niddikjara li (l-erja f’m2) ta’ ħġieġ solari mibjugħin gћall-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea li huma koperti b’din il-fattura ġew immanifatturati minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.”

3

Id-data u l-firma tal-uffiċjal tal-entità li tkun qed toħroġ il-fattura kummerċjali.