|
31.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 249/1 |
REGOLAMENT (UE) 2020/1054 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta’ Lulju 2020
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),
Billi:
|
(1) |
Kundizzjonijiet tax-xogħol tajba għax-xufiera u kundizzjonijiet ġusti ta’ negozju għall-impriżi tat-trasport bit-triq huma tal-ogħla importanza għall-ħolqien ta’ settur tat-trasport bit-triq sikur, effiċjenti u soċjalment responsabbli sabiex tkun żgurata n-nondiskriminazzjoni u biex jiġu attirati ħaddiema kwalifikati. Biex dak il-proċess jiġi ffaċilitat huwa essenzjali li r-regoli soċjali tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq ikunu ċari, proporzjonati, xierqa għall-iskop tagħhom, u faċli biex jiġu applikati u infurzati, u implimentati b’mod effettiv u konsistenti fl-Unjoni kollha. |
|
(2) |
Wara li ġew evalwati l-effettività u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tas-sett attwali ta’ regoli soċjali tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq, u b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ġew identifikati ċerti nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ dak il-qafas legali. Regoli mhux ċari dwar il-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, il-faċilitajiet tal-mistrieħ u l-pawżi waqt il-multimanning kif ukoll in-nuqqas ta’ regoli dwar ir-ritorn tax-xufiera lejn djarhom, wasslu għal interpretazzjonijiet u għal prattiki ta’ infurzar diverġenti fl-Istati Membri. Diversi Stati Membri dan l-aħħar adottaw miżuri unilaterali li komplew żiedu l-inċertezza legali u t-trattament mhux ugwali tax-xufiera u tal-operaturi. Madanakollu, il-perijodi massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa huma effettivi fit-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali tax-xufiera u fit-titjib tas-sikurezza fit-toroq b’mod ġenerali. Sforzi bla waqfien huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità. |
|
(3) |
Sabiex tiġi promossa s-sikurezza fit-toroq, huwa importanti li l-impriżi tat-trasport jiġu mħeġġa jadottaw kultura ta’ sikurezza li tiġi osservata fil-livelli kollha. B’mod partikolari, sabiex jiġi evitat ksur tar-regoli dwar is-sewqan u l-mistrieħ, jew li tkun kompromessa s-sikurezza fit-toroq, jenħtieġ li ma jkunx permess li r-remunerazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni tiġi marbuta mal-ħin meħtieġ għat-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjonijiet tagħhom jew għall-konsenja tal-merkanzija. |
|
(4) |
Il-valutazzjoni ex post tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 kkonfermat li l-infurzar inkonsistenti u mhux effettiv tar-regoli soċjali tal-Unjoni kien prinċipalment ir-riżultat ta’ regoli mhux ċari, ta’ użu ineffiċjenti u mhux ugwali tal-għodod ta’ kontroll u ta’ kooperazzjoni amministrattiva insuffiċjenti bejn l-Istati Membri. |
|
(5) |
Sabiex jittejbu ċ-ċarezza u l-konsistenza, jenħtieġ li tiġi definita l-eżenzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 għall-użu mhux kummerċjali ta’ vettura. |
|
(6) |
Regoli ċari, xierqa, proporzjonati u infurzati b’mod uniformi huma kruċjali wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għax-xufiera, u b’mod partikolari li tiġi żgurata kompetizzjoni mingħajr distorsjoni u ġusta bejn l-operaturi u li jkun hemm kontribuzzjoni għas-sikurezza fit-toroq għall-utenti kollha tat-toroq. |
|
(7) |
Instab li r-rekwiżiti eżistenti dwar il-pawżi ma kienux xieraq u prattiki għax-xufiera f’tim. Għalhekk, huwa xieraq li r-rekwiżit dwar ir-reġistrazzjoni tal-pawżi jiġi adattat għall-ispeċifiċità tal-operazzjonijiet tat-trasport imwettqa minn xufiera li jsuqu bħala parti minn tim, mingħajr tnaqqis fis-sikurezza tax-xufier u fis-sikurezza tat-toroq. |
|
(8) |
Xufiera li jwettqu operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija fuq distanzi twal iqattgħu perijodi twal ’il bogħod minn djarhom. Ir-rekwiżiti attwali dwar il-mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa jistgħu jtawlu dawk il-perijodi bla bżonn. Għaldaqstant ikun tajjeb li d-dispożizzjonijiet dwar il-perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa jiġu adattati b’tali mod li jkun eħfef għax-xufiera li jwettqu operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali f’konformità mar-regoli u li jaslu lura fi djarhom għall-perijodu ta’ mistrieħ regolari tagħhom ta’ kull ġimgħa, u jingħataw kumpens sħiħ għall-perijodi kollha mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa. Minħabba d-differenzi bejn it-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, din il-possibbiltà jenħtieġ li ma tapplikax għax-xufiera meta jkunu involuti fit-trasport tal-passiġġieri. |
|
(9) |
Kwalunkwe flessibbiltà fl-iskedar tal-perijodi ta’ mistrieħ tax-xufiera jenħtieġ li tkun trasparenti u prevedibbli għax-xufier u jenħtieġ li bl-ebda mod ma tipperikola s-sikurezza tat-toroq, billi żżid il-livell ta’ għejja tax-xufiera, jew inkella tiddeterjora l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Din il-flessibbiltà għalhekk jenħtieġ li ma tbiddilx il-ħin tax-xogħol attwali tax-xufier jew il-ħin tas-sewqan massimu ta’ kull ħmistax, u jenħtieġ li tkun suġġetta għal regoli aktar stretti dwar il-kumpens għal mistrieħ imnaqqas. |
|
(10) |
Sabiex ikun żgurat li din il-flessibbiltà ma tiġix abbużata, huwa essenzjali li jiġi definit b’mod ċar l-ambitu tagħha u wkoll li jiġu pprovduti kontrolli xierqa. Dak l-ambitu għandu għalhekk ikun limitat għal dawk ix-xufiera li jqattgħu l-perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, matul il-perijodu ta’ referenza, barra mill-Istati Membri tal-impriża u barra mill-pajjiż tal-post ta’ residenza tax-xuffier. Dan jista’ jiġi vverifikat b’konsultazzjoni tar-rekords tat-takografu mal-ġenb tat-triq u fil-bini tal-impriża tat-trasport, billi dawn jinkludu l-lokalizzazzjoni tal-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ mistrieħ u informazzjoni relatata ma’ xufiera individwali. |
|
(11) |
Sabiex ikun żgurat infurzar effettiv, huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti, meta jkunu qegħdin iwettqu l-kontrolli mal-ġenb tat-triq, jenħtieġ li jkunu kapaċi jiddeterminaw jekk il-ħinijiet tas-sewqan u l-perijodi tal-mistrieħ ikunux ġew osservati kif suppost fil-jum tal-kontroll u fis-56 jum ta’ qabel. |
|
(12) |
Il-progress teknoloġiku rapidu qed jirriżulta fl-awtomatizzazzjoni gradwali ta’ sistemi ta’ sewqan li jeħtieġu inqas jew ebda input dirett minn xufier. Biex jiġu indirizzati dawk il-bidliet, jista’ jkun meħtieġ li l-leġislazzjoni attwali, inklużi r-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ, tiġi adattata sabiex tiggarantixxi s-sikurezza fit-toroq u kundizzjonijiet ekwi u biex ikun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li tippermetti lill-Unjoni li tkun pijuniera ta’ teknoloġiji u prattiki innovattivi ġodda. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta rapport li jevalwa l-użu ta’ sistemi tas-sewqan awtonomi fl-Istati Membri, inkluż il-benefiċċji tat-teknoloġiji tas-sewqan awtonomi. Jenħtieġ li dak ir-rapport ikun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġislattivi. |
|
(13) |
Sabiex jiġi promoss il-progress soċjali, huwa xieraq li jiġi speċifikat fejn jistgħu jittieħdu l-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, filwaqt li jiġi żgurat li x-xufiera jgawdu minn kundizzjonijiet ta’ mistrieħ adegwati. Il-kwalità tal-akkomodazzjoni hija partikolarment importanti matul il-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, li jenħtieġ li x-xufier iqatta’ f’akkomodazzjoni adatta li ma tkunx il-kabina tal-vettura, għas-spejjeż tal-impriża tat-trasport bħala impjegatur. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol u s-sikurezza tax-xufiera, huwa xieraq li jiġi ċċarat ir-rekwiżit li x-xufiera jiġu pprovduti b’akkomodazzjoni ta’ kwalità u li tilqa’ kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel għall-perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa tagħhom f’każ li dawn jittieħdu ’l bogħod minn djarhom. |
|
(14) |
Huwa meħtieġ ukoll li jiġi previst li l-impriżi tat-trasport jorganizzaw ix-xogħol tax-xufiera b’tali mod li dawk il-perijodi li jqattgħu ’l bogħod minn djarhom ma jkunux eċċessivament twal u li x-xufiera jistgħu jibbenefikaw minn perijodi twal ta’ mistrieħ li jittieħdu bħala kumpens għal perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa. Jenħtieġ li l-organizzazzjoni tar-ritorn tippermetti l-wasla f’ċentru operazzjonali tal-impriża tat-trasport fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha jew il-post ta’ residenza tax-xufier, u li s-xufiera jkunu liberi li jagħżlu fejn iqattgħu l-perijodu ta’ mistrieħ tagħhom. Sabiex jintwera li l- impriża tat-trasport tissodisfa l-obbligi tagħha rigward l-organizzazzjoni tar-ritorn regolari, l-impriża tat-trasport jenħtieġ li tkun tista’ tuża rekords tat-takografu, rosters tax-xogħol tax-xufiera jew dokumentazzjoni oħra. Tali evidenza jenħtieġ li tkun disponibbli fil-bini tal-impriża tat-trasport biex tiġi ppreżentata jekk mitluba mill-awtoritajiet ta’ kontroll. |
|
(15) |
Filwaqt li l-perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa u l-perijodi ta’ mistrieħ itwal ma jistgħux jittieħdu fil-vettura jew f’żona ta’ parkeġġ, iżda biss f’akkomodazzjoni xierqa, li tista’ tkun maġenb żona ta’ parkeġġ, huwa tal-akbar importanza li x-xufiera jkunu jistgħu jsibu żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri li jipprovdu livelli xierqa ta’ sigurtà u faċilitajiet xierqa. Il-Kummissjoni diġà studjat kif tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ żoni ta’ parkeġġ ta’ kwalità għolja, inklużi r-rekwiżiti minimi meħtieġa. Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tiżviluppa standards għal żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri. Dawk l-istandards jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ żoni ta’ parkeġġ ta’ kwalità għolja. L-istandards jistgħu jiġu riveduti sabiex ikun hemm aċċess aħjar għal fjuwils alternattivi, f’konformità mal-politiki li qed jiżviluppaw dik l-infrastruttura. Huwa importanti wkoll li ż-żoni ta’ parkeġġ jinżammu ħielsa minn silġ u borra. |
|
(16) |
Żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri jenħtieġ li jkunu suġġetti għal proċeduri ta’ verifika sabiex jiġu ċċertifikati skont l-istandards tal-Unjoni. Dawk il-proċeduri ta’ verifika jenħtieġ li jiżguraw ukoll li ż-żoni ta’ parkeġġ ikomplu jissodisfaw dawn l-istandards. Il-Kummissjoni jenħtieġ għalhekk li tingħata l-kompitu li tħejji proċedura ta’ ċertifikazzjoni għall-iżvilupp ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri fl-Unjoni. |
|
(17) |
Huwa fl-interess tas-sikurezza fit-toroq u tal-infurzar li x-xufiera kollha jenħtieġ li jkunu kompletament konxji tar-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ kif ukoll dwar il-periklu tal-għejja. Informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar il-faċilitajiet ta’ mistrieħ disponibbli hija ta’ importanza f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni dwar żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri permezz ta’ sit web faċli għall-utent. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tinżamm aġġornata. |
|
(18) |
Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza u s-sigurtà kontinwa taż-żoni ta’ parkeġġ, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards għal-livell ta’ servizz f’żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza u s-sigurtà taż-żoni ta’ parkeġġ. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċievuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
|
(19) |
Il-linji gwida TEN-T riveduti stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jipprevedu l-iżvilupp ta’ żoni ta’ parkeġġ fuq l-awtostradi bejn wieħed u ieħor kull 100 km biex l-utenti kummerċjali tat-toroq jingħataw spazju għall-parkeġġ li jkollu livell xieraq ta’ sikurezza u sigurtà. Sabiex jitħaffef u jiġi promoss il-bini ta’ infrastruttura xierqa għall-parkeġġ, huwa importanti li jkun hemm disponibbli biżżejjed opportunitajiet għall-kofinanzjament mill-Unjoni skont l-atti legali attwali u futuri tal-Unjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal dak l-appoġġ finanzjarju. |
|
(20) |
Bosta operazzjonijiet tat-trasport bit-triq fi ħdan l-Unjoni jinvolvu t-trasport b’bastiment jew bil-ferrovija għal parti mill-vjaġġ. Għaldaqstant, jenħtieġ li jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet ċari u xierqa dwar il-perijodi ta’ mistrieħ u tal-pawżi għal dawn l-operazzjonijiet. |
|
(21) |
Ix-xufiera xi kultant jiffaċċjaw ċirkostanzi imprevedibbli li jagħmluha impossibbli li jilħqu d-destinazzjoni mixtieqa għat-teħid tal-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa tagħhom mingħajr ma jikser ir-regoli tal-Unjoni. Ikun tajjeb li ssir eħfef għax-xufiera li jlaħħqu ma’ dawk iċ-ċirkostanzi u li huma jkunu jistgħu jaslu fid-destinazzjoni tagħhom għal perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa. Tali ċirkostanzi eċċezzjonali huma ċirkostanzi li jseħħu għal għarrieda li huma inevitabbli u li ma jistgħu jiġu antiċipati, fejn mingħajr ma jkun mistenni jisir impossibbli li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament fl-intier tagħhom għal perijodu qasir ta’ żmien. Għalhekk, tali ċirkostanzi ma jistgħux jiġu msemmija b’mod sistematiku biex tiġi evitata l-konformità ma’ dan ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat l-infurzar adegwat, ix-xufier jenħtieġ li jiddokumenta ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jirriżultaw f’deroga mir-regoli. Barra minn hekk, jenħtieġ li salvagwardja tiżgura li l-ħin ta’ sewqan ma jkunx eċċessiv. |
|
(22) |
Biex jitnaqqsu u jiġu evitati l-prattiki ta’ infurzar diverġenti u biex ikomplu jiġu msaħħa l-effettività u l-effiċjenza tal-infurzar transfruntiera, huwa kruċjali li jiġu stabbiliti regoli ċari għal kooperazzjoni amministrattiva regolari bejn l-Istati Membri. |
|
(23) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li r-regoli nazzjonali dwar il-penali applikabbli għall-ksur tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jiġu implimentati b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv. Huwa importanti li jiġi żgurat aċċess faċli mill-professjonisti għall-informazzjoni dwar il-penali li japplikaw f’kull Stat Membru. L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), tista’ tiffaċilita dan l-aċċess billi din l-informazzjoni ssir disponibbli permezz tas-sit web uniku għall-Unjoni kollha li jaġixxi bħala portal uniku biex jiġu aċċessati s-sorsi tal-informazzjoni u s-servizzi fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni stabbiliti mir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). |
|
(24) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tiġi ċċarata kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dak ir-Regolament u sabiex jiġu stabbiliti approċċi komuni għall-applikazzjoni u għall-infurzar tagħhom. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). |
|
(25) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 165/2014, jenħtieġ li jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni uniformi tal-obbligu ta’ reġistrar u ħżin tad-data relatata ta’ kwalunkwe qsim ta’ fruntiera tal-vettura u attivitajiet u dispożizzjonijiet dettaljati meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti u l-funzjonijiet tad-data, u l-installazzjoni tat-takografi. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011. |
|
(26) |
Biex tissaħħaħ il-kosteffettività tal-infurzar tar-regoli soċjali, is-sistemi tat-takografi attwali u intelliġenti jenħtieġ li jiġu sfruttati bis-sħiħ u takografi intelliġenti jenħtieġ li jkunu obbligatorjiwkoll għal vetturi kummerċjali ħfief li jaqbżu ċertu piż u li joperaw fit-trasport internazzjonali għall-kiri u għall-kumpens. Għalhekk, jenħtieġ li l-funzjonalitajiet tat-takografu jiġu mtejba sabiex ikun jista’ jkun hemm pożizzjonament aktar preċiż. |
|
(27) |
Il-kosteffettività tal-infurzar tar-regoli soċjali, l-iżvilupp rapidu ta’ teknoloġiji ġodda, id-diġitalizzazzjoni fl-ekonomija kollha tal-Unjoni u l-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet ekwi fost il-kumpaniji tat-trasport internazzjonali bit-triq jagħmlu neċessarju li jitqassar il-perijodu tranżitorju għall-installazzjoni ta’ takografi intelliġenti fil-vetturi rreġistrati. It-takografi intelliġenti ser jikkontribwixxu għal kontrolli simplifikati u b’hekk jiffaċilitaw il-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali. |
|
(28) |
Sabiex jiġi żgurat li x-xufiera, l-operaturi u l-awtoritajiet ta’ kontroll jibbenefikaw malajr kemm jista’ jkun mill-vantaġġi tat-takografi intelliġenti, inkluż ir-reġistrazzjoni awtomatizzata tagħhom ta’ qsim tal-fruntieri, jenħtieġ li l-flotti ta’ vetturi eżistenti jkunu mgħammra b’dan l-apparat f’perijodu ta’ żmien adegwat wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tekniċi dettaljati. Tali perijodu jiżgura żmien biżżejjed għat-tħejjija. |
|
(29) |
F’vetturi li ma jkunux mgħammra b’takografi intelliġenti, il-qsim ta’ fruntieri tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġi rreġistrat fit-takografu fl-eqreb waqfa possibbli mal-fruntiera jew wara l-qsim tagħha. |
|
(30) |
Ir-reġistrazzjoni ta’ attivitajiet fuq it-takografu hija parti importanti mix-xogħol tax-xufiera. Għalhekk, huwa kruċjali li x-xufiera jiġu pprovduti b’taħriġ xieraq dwar kif għandhom jintużaw karatteristiċi ġodda tat-takografi li qed jiġu introdotti fis-suq. Bħala impjegaturi, jenħtieġ li l-impriżi tat-trasport jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż marbuta ma’ dan it-taħriġ. |
|
(31) |
L-uffiċjali tal-kontroll li jivverifikaw il-konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni fis-settur tat-trasport bit-triq jiffaċċjaw sfidi minħabba l-varjetà ta’ apparati tat-takografu fl-użu u t-tekniki ta’ manipulazzjoni sofistikati li jevolvu b’mod rapidu. Dan huwa partikolarment il-każ meta dawk il-verifiki jitwettqu mal-ġenb tat-triq. Għalhekk, huwa kruċjali li l-uffiċjali tal-kontroll jirċievu taħriġ xieraq biex jiżguraw li jkunu konxji għal kollox tal-aħħar żviluppi teknoloġiċi u tekniki ta’ manipulazzjoni. |
|
(32) |
Biex jitnaqqas il-piż fuq l-impriżi tat-trasport u l-awtoritajiet ta’ kontroll meta uffiċjal ta’ kontroll ineħħi s-siġill ta’ takografu għall-finijiet ta’ kontroll, jenħtieġ li jkun permess l-issiġillar mill-ġdid mill-uffiċjal ta’ kontroll taħt ċerti ċirkostanzi dokumentati sew. |
|
(33) |
Filwaqt li tqis l-iżviluppi teknoloġiċi kontinwi, il-Kummissjoni qed tistudja l-possibbiltà li tiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi ġodda li joffru l-istess benefiċċji u sigurtà bħal dawk offruti mit-takografu intelliġenti, bl-istess jew b’inqas spejjeż assoċjati. |
|
(34) |
Huwa importanti li l-impriżi tat-trasport bit-triq stabbiliti f’pajjiżi terzi jkunu suġġetti għal regoli ekwivalenti għar-regoli tal-Unjoni meta jwettqu operazzjonijiet ta’ trasport bit-triq fit-territorju tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-livell tal-Unjoni u tipproponi soluzzjonijiet xierqa li jiġu nnegozjati fil-kuntest tal-Ftehim Ewropew dwar il-Ħidma ta’ Ekwipaġġi ta’ Vetturi involuti fit-Trasport Internazzjonali bit-Triq (“il-Ftehim AETR”). |
|
(35) |
It-trasport tal-merkanzija huwa differenti mit-trasport tan-nies. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa jekk jistgħux jiġu proposti regoli aktar adatti għat-trasport tal-passiġġieri, speċjalment għal servizzi okkażjonali kif definit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). |
|
(36) |
Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li titjieb is-sikurezza fit-toroq u li jitjiebu l-kunidzzjonijiet tax-xogħol għax-xufiera fl-Unjoni permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ fit-trasport bit-triq u l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-użu u l-infurzar tat-takografi ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba fin-natura tal-għanijiet, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. |
|
(37) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 jiġu emendati skont dan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 2(1) jiddaħħal il-punt li ġej:
|
|
(2) |
l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
|
|
(3) |
fl-Artikolu 4, jiżdied il-punt li ġej:
|
|
(4) |
fl-Artikolu 6, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej: “5. Xufier għandu jirreġistra bħala xogħol ieħor kwalunkwe ħin li jqatta’ kif deskritt fil-punt (e) tal-Artikolu 4 kif ukoll kwalunkwe ħin li jqatta’ jsuq vettura li tintuża għal operazzjonijiet kummerċjali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u għandu jirreġistra kwalunkwe perijodu ta’ disponibbiltà, kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/15/KE, f’konformità mal-punt (b)(iii) tal-Artikolu 34(5) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). Dan ir-rekord għandu jitniżżel manwalment fuq folja ta’ reġistrazzjoni jew fuq karta stampata jew permezz ta’ faċilitajiet oħra ta’ reġistrazzjoni manwali fuq tagħmir ta’ reġistrazzjoni. (*1) Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).”;" |
|
(5) |
fl-Artikolu 7, jiżdied il-paragrafu li ġej: “Xufier li jwettaq multimanning jista’ jieħu pawża ta’ 45 minuta f’vettura misjuqa minn xufier ieħor diment li x-xufier li jkun qed jieħu l-pawża ma jkunx involut f’assistenza lix-xufier li jkun qed isuq il-vettura.”; |
|
(6) |
l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:
|
|
(7) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 8a 1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni dwar żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri tkun faċilment aċċessibbli għax-xufiera involuti fit-trasport ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri bit-triq. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista taż-żoni ta’ parkeġġ kollha li jkunu ġew iċċertifikati, sabiex ix-xufiera jkunu pprovduti b’mod adegwat bi:
Il-lista ta’ tali żoni ta’ parkeġġ għandha tkun disponibbli fuq sit elettroniku uffiċjali uniku li jiġi aġġornat regolarment. 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 23a biex tistabbilixxi standards li jipprovdu aktar dettalji dwar il-livell ta’ servizz u sigurtà fir-rigward taż-żoni elenkati fil-paragrafu 1 u dwar il-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni ta’ żoni ta’ parkeġġ. 3. Iż-żoni ta’ parkeġġ kollha li jkunu ġew iċċertifikati jistgħu jindikaw li huma ċċertifikati f’konformità mal-istandards u l-proċeduri tal-Unjoni. F’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), l-Istati Membri jridu jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ spazju għall-parkeġġ għall-utenti kummerċjali tat-toroq. 4. Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet xierqa ta’ mistrieħ għax-xufiera u ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ siguri, kif ukoll dwar l-iżvilupp ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri ċċertifikati f’konformità mal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2. Dak ir-rapport jista’ jelenka miżuri biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri. (*2) Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348 20.12.2013, p. 1).”;" |
|
(8) |
l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:
|
|
(9) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 9a Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tfassal u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jevalwa l-użu ta’ sistemi tas-sewqan awtonomi fl-Istati Membri. Dak ir-rapport għandu jiffoka b’mod partikolari fuq l-impatt potenzjali ta’ dawk is-sistemi fuq ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġislattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament.”; |
|
(10) |
fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. Impriża tat-trasport ma għandhiex tagħti lix-xufiera li timpjega jew li jkunu għad-dispożizzjoni tagħha xi ħlas, anke jekk ikun fil-forma ta’ bonus jew żieda mal-paga, li jkun relatat mad-distanza tal-vjaġġ, il-veloċità tal-konsenja u/jew l-ammont ta’ merkanzija li nġarret jekk dak il-ħlas ikun tali li jista’ jipperikola s-sikurezza fit-triq u/jew jinkoraġġixxi ksur ta’ dan ir-Regolament.”; |
|
(11) |
fl-Artikolu 12, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin: “Sakemm b’dan ma tiġix preġudikata s-sikurezza fit-toroq, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ix-xufier jista’ jidderoga wkoll mill-Artikolu 6(1) u (2) u l-Artikolu 8(2) billi jaqbeż il-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa b’mhux aktar minn siegħa sabiex jasal fiċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur jew fir-residenza tax-xufier biex jieħu perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa. Taħt l-istess kundizzjonijiet, ix-xufier jista’ jaqbeż il-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa b’mhux aktar minn sagħtejn, dment li tkun ittieħdet pawża mhux interrotta ta’ 30 minuta immedjatament qabel is-sewqan addizzjonali sabiex jasal fiċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur jew il-post ta’ residenza tax-xufier biex jittieħed perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa. Ix-xufier għandu jindika manwalment fuq il-folja ta’ reġistrazzjoni tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew fuq il-karta stampata mit-tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew fir-roster tax-xogħol, ir-raġuni għal tali deroga mhux aktar tard minn meta jasal fid-destinazzjoni jew il-post ta’ waqfien adattat. Kwalunkwe perijodu ta’ estensjoni għandu jkun ikkumpensat minn mistrieħ ekwivalenti meħud f’daqqa ma’ kwalunkwe perijodu ta’ mistrieħ, sa tmiem it-tielet ġimgħa wara l-ġimgħa inkwistjoni.”; |
|
(12) |
fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
|
|
(13) |
fl-Artikolu 14, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. F’każijiet urġenti l-Istati Membri jistgħu jagħtu, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, eċċezzjoni temporanja għal perijodu ta’ mhux aktar minn 30 jum, li għandha tiġi debitament motivata u nnotifikata minnufih lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha minnufih tippubblika din l-informazzjoni fuq sit web pubbliku.”; |
|
(14) |
l-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 15 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xufiera tal-vetturi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3 huma rregolati b’regoli nazzjonali li jipprovdu protezzjoni xierqa fir-rigward tal-ħinijiet permessi tas-sewqan u l-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ obbligatorji. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli nazzjonali rilevanti applikabbli għal xufiera bħal dawn.”; |
|
(15) |
fl-Artikolu 16(3), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
|
(16) |
fl-Artikolu 19, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi u proporzjonati skont il-gravità tal-ksur, kif indikat fl-Anness III għad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), kif ukoll dissważivi u mhux diskriminatorji. L-ebda ksur ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ma għandu jkun suġġett għal aktar minn penali jew proċedura waħda. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u l-miżuri, flimkien mal-metodu u l-kriterji magħżula fil-livell nazzjonali biex tiġi evalwata l-proporzjonalità tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kull emenda sussegwenti li taffettwahom. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b’dawk ir-regoli u l-miżuri, u bi kwalunkwe emenda għalihom. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata f’sit web pubbliku ddedikat bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, li jkun fih informazzjoni dettaljata dwar dawn il-penali applikabbli fl-Istati Membri. (*3) Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 u tad-Direttiva 2002/15/KE fir-rigward tal-leġislazzjoni soċjali relatata ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35)”;" |
|
(17) |
l-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:
|
|
(18) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 23a 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 8a hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Awwissu 2020. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu. 3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 8a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ. 4. Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*4). 5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 8a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. |
|
(19) |
fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5). 2a. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. (*5) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;" |
|
(20) |
fl-Artikolu 25, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Fil-każijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu approċċi komuni Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2a).”. |
Artikolu 2
Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi u r-rekwiżiti b’rabta mal-kostruzzjoni, l-installazzjoni, l-użu, l-ittestjar u l-kontroll ta’ takografi użati fit-trasport bit-triq, sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 561/2006, ir-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 (*6), (KE) Nru 1072/2009 (*7), (KE) Nru 1073/2009 (*8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*9), u d-Direttivi tal-Kunsill 92/6/KEE (*10) u 92/106/KEE (*11) u sa fejn jikkonċerna l-istazzjonar tal-ħaddiema fit-trasport bit-triq, id-Direttivi 96/71/KE (*12) u 2014/67/UE (*13) u (UE) 2020/1057 (*14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (*6) Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51)." (*7) Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72)." (*8) Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88)." (*9) Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35)." (*10) Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE tal-10 ta’ Frar 1992 dwar l-istallazzjoni u l-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta’ vetturi tal-mutur fil-Komunità (ĠU L 57, 2.3.1992, p. 27)." (*11) Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta’ Diċembru 1992 dwar li jiġu stabiliti regoli komuni għal ċerti tipi ta’ ġarr ikkombinat tal-oġġetti bejn l-Istati Membri (ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38)." (*12) Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1)." (*13) Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘ir-Regolament tal-IMI’) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11)." (*14) Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 49).”;" |
|
(2) |
fl-Artikolu 3, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej: “4. Sa mhux aktar tard minn tliet snin minn tmiem is-sena tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dettaljati msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11, il-kategoriji ta’ vetturi li ġejjin li joperaw fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tagħhom għandhom ikunu mgħammra b’takografu intelliġenti kif previst fl-Artikoli 8, 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament:
4a. Sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dettaljati msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11, il-vetturi li jkunu mgħammra b’takografu intelliġenti li jikkonforma mal-Anness IC għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 (*15) li joperaw fi Stat Membru minbarra dak tar-reġistrazzjoni tagħhom, għandhom ikunu mgħammra b’takografu intelliġenti kif previst fl-Artikoli 8, 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament. (*15) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 tas-18 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-istallazzjoni, l-operazzjoni u t-tiswija ta’ takografi u l-komponenti tagħhom (ĠU L 139 26.5.2016, p. 1). ”;" |
|
(3) |
fl-Artikolu 4(2), wara r-raba’ inċiż jiddaħħal l-inċiż li ġej:
|
|
(4) |
l-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 7 Protezzjoni tad-data 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament jitwettaq biss għall-fini ta’ verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006, (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009, (KE) Nru 1073/2009, id-Direttivi 2002/15/KE, 92/6/KEE u 92/106/KEE u sa fejn jikkonċerna l-istazzjonar ta’ ħaddiema fit-trasport bit-triq, id-Direttivi 96/71/KE, 2014/67/UE u (UE) 2020/1057. 2. L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li d-data personali tkun protetta kontra użi li mhumiex dawk strettament marbuta mal-atti legali tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward ta’:
3. It-takografi diġitali għandhom jiġu ddisinjati b’tali mod li jiżgura l-privatezza. Hija biss id-data neċessarja għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 li għandha tiġi pproċessata. 4. Is-sidien tal-vetturi, tal-impriżi tat-trasport u kwalunkwe entità oħra kkonċernata għandhom jikkonformaw, fejn ikun applikabbli, mad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali.”; |
|
(5) |
fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. Biex tkun iffaċilitata l-verifika tal-konformità mal-leġislazzjoni rilevanti, il-pożizzjoni tal-vettura għandha tiġi rreġistrata awtomatikament fil-punti li ġejjin, jew fl-eqreb punt lejn dawk il-postijiet fejn ikun disponibbli s-sinjal tas-satellita:
Sabiex tiġi ffaċilitata l-verifika tal-konformità mill-awtoritajiet ta’ kontroll, it-takografu intelliġenti għandu jirreġistra wkoll jekk il-vettura ntużatx għat-trasport ta’ merkanzija jew passiġġieri, kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 561/2006. Għal dawk l-iskopijiet, il-vetturi rreġistrati għall-ewwel darba 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dettaljati msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 għandhom ikollhom immuntat takografu konness ma’ servizz ta’ lokalizzazzjoni ibbażat fuq sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita. Madankollu, ir-reġistrazzjoni tal-qsim tal-fruntieri u ta’ attivitajiet addizzjonali msemmija fit-tieni u t-tielet inċiżi tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu għandha tapplika għal vetturi li ġew irreġistrati fi Stat Membru għall-ewwel darba aktar minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dettaljati msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11, mingħajr preġudizzju għall-obbligu li ċerti vetturi jiġu modifikati aktar tard f’konformità mal-Artikolu 3(4).”; |
|
(6) |
l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:
|
|
(7) |
fl-Artikolu 10 jiżdied il-paragrafu li ġej: “2. It-takografi ta’ vetturi rreġistrati għall-ewwel darba fi Stat Membru aktar minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dettaljati msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11għandhom ikunu mgħammra bl-interfaċċja msemmija fil-paragrafu 1.”; |
|
(8) |
l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:
|
|
(9) |
fl-Artikolu 22, il-paragrafu 5, it-tielet u r-raba’ subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej: “Is-siġilli li jkunu tneħħew jew tkissru għandhom jiġu sostitwiti minn fitter jew workshop approvat mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn sebat ijiem wara li jkunu tneħħew jew tkissru. Meta s-siġilli jkunu tneħħew jew tkissru għal finijiet ta’ kontroll, dawn jistgħu jiġu sostitwiti minn uffiċjal ta’ kontroll mgħammar b’apparat għall-issiġillar u marka speċjali unika mingħajr dewmien żejjed. Meta uffiċjal ta’ kontroll ineħħi siġill, il-kard ta’ kontroll għandha tiddaħħal fit-takografu mill-mument tat-tneħħija tas-siġill sakemm tintemm l-ispezzjoni, inkluż fil-każ tat-tqegħid ta’ siġill ġdid. L-uffiċjal ta’ kontroll għandu joħroġ dikjarazzjoni bil-miktub li fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
Qabel ma jiġu sostitwiti s-siġilli, għandhom jitwettqu kontroll u kalibrazzjoni tat-takografu minn workshop approvat, ħlief fejn siġill ikun tneħħa jew tkisser għal finijiet ta’ kontroll u ġie sostitwit minn uffiċjal ta’ kontroll.”; |
|
(10) |
fl-Artikolu 26, jiddaħħal il-paragrafu li ġej: “7a. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti tista’ teħtieġ li sewwieq jissostitwixxi l-kard tas-sewwieq b’waħda ġdida jekk dan ikun meħtieġ għall-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti.”; |
|
(11) |
l-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:
|
|
(12) |
l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:
|
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Madankollu, il-punt (15) tal–Artikolu 1 u l-punt (12) tal-Artikolu 2 għandhom japplikaw mill-31 ta’ Diċembru 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2020.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D.M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
J. KLOECKNER
(1) ĠU C 197, 8.6.2018, p. 45.
(2) ĠU C 176, 23.5.2018, p. 57.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ April 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-7 ta’ April 2020 (ĠU C 151, 6.5.2020, p. 1). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).
(5) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(6) Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).
(7) Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u taL-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1)
(8) Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-KunsilL tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21).
(9) Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għasservizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).
(10) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(11) Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88).