17.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1044

tat-8 ta’ Mejju 2020

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-valuri għall-potenzjali ta’ tisħin globali u l-linji gwida tal-inventarju u fir-rigward tas-sistema tal-inventarju tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2014

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(6)(b) u l-Artikolu 37(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-kuntest tal-politika dwar il-klima. Id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-mekkaniżmu huma integrati bis-sħiħ fir-Regolament (UE) 2018/1999, li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 mill-1 ta’ Jannar 2021. Fi ħdan dak il-mekkaniżmu, jeħtieġ li jiġu adottati valuri għall-potenzjali tat-tisħin globali u li jiġu speċifikati l-linji gwida tal-inventarju.

(2)

Rigward il-potenzjali ta’ tisħin globali, l-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (l-UNFCCC) li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima tal-2015 wara l-wieħed u għoxrin Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (“il-Ftehim ta’ Pariġi”) stabbiliet metrika komuni għat-traduzzjoni ta’ gassijiet serra fl-ekwivalenti tas-CO2 għall-finijiet tar-rapportar tal-inventarji ta’ gassijiet serra. Dik il-metrika komuni tissejjes fuq il-valuri għall-potenzjal ta’ tisħin globali stabbiliti fil-Ħames Rapport ta’ Valutazzjoni (3) tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC). Jenħtieġ li l-valuri għall-potenzjali ta’ tisħin globali jqisu dik il-metrika komuni.

(3)

Jenħtieġ li l-linji gwida tal-inventarju ta’ gassijiet serra jiġu speċifikati f’konformità mal-iżviluppi internazzjonali. Minbarra l-Linji Gwida għall-Inventarji Nazzjonali ta’ Gassijiet Serra tal-2006 tal-IPCC, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ iqisu l-modalitajiet, il-proċeduri u l-linji gwida għall-qafas ta’ trasparenza għall-azzjoni u għall-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Pariġi stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni 18/CMA.1 tal-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi (“id-Deċiżjoni 18/CMA.1”). Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jużaw is-Suppliment tal-2013 għal-Linji Gwida għall-Inventarji Nazzjonali ta’ Gassijiet Serra tal-2006 tal-IPCC: Artijiet mistagħdra.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-inventarju tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti aktar objettivi tal-programm tal-Unjoni ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-inventarju tal-Unjoni jiġi kkompletat skont id-Deċiżjoni 18/CMA.1, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-metodoloġiji u d-data li għandhom jintużaw mill-Kummissjoni meta tħejji l-istimi għad-data nieqsa minn inventarju ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 37(5) tar-Regolament (UE) 2018/1999.

(6)

Sabiex jiġu żgurati l-puntwalità, it-trasparenza, l-akkuratezza, il-konsistenza, il-komparabilità u l-kompletezza tal-inventarju tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġi speċifikat il-kontenut tal-kontrolli inizjali mwettqa fuq id-data tal-inventarju ta’ gassijiet serra imressqa mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-akkuratezza bħala parti mill-kontrolli inizjali tiżgura li l-Istati Membri ma jissopravalutawx jew ma jissottovalutawx sistematikament l-emissjonijiet u l-assorbimenti reali b’rabta mal-kategoriji ewlenin tal-Unjoni. Barra minn hekk, billi r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar mis-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (il-LULUCF) huwa parti integrali tar-rapportar tal-inventarju ta’ gassijiet serra u minħabba l-inklużjoni tas-settur tal-LULUCF fil-mira tal-klima tal-2030, jenħtieġ li l-kontrolli inizjali fis-settur tal-LULUCF jiġu allinjati ma’ dawk imwettqa fis-setturi l-oħra. Fis-settur tal-LULUCF, id-data dwar l-attività rrapportata dwar l-użu tal-art u t-tibdil fl-użu tal-art tista’ titqabbel mal-informazzjoni miksuba mill-programmi u mill-istħarriġ tal-Unjoni u tal-Istati Membri, bħal Copernicus u LUCAS.

(7)

L-istimi biex tiġi kkompletata d-data nieqsa tal-inventarju nazzjonali biex jiġi kkompilat l-inventarju tal-Unjoni jitħejjew f’konformità mal-linji gwida tal-inventarju ta’ gassijiet serra. Dawk l-istimi ma jistgħux jiġu ddeterminati mingħajr ma jiġu applikati l-valuri għall-potenzjal ta’ tisħin globali ta’ gassijiet serra. Peress li r-regoli dwar il-potenzjali ta’ tisħin globali, il-linji gwida tal-inventarju u s-sistema tal-inventarju tal-Unjoni huma marbutin b’mod sostantiv, jixraq li dawn jiġu inklużi f’Regolament Delegat wieħed.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mad-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/1999, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(9)

F’konformità mal-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament (UE) 2018/1999, ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, li għandu japplika għar-rapporti li jkun fihom data mis-snin 2018, 2019 u 2020. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2014 (4) jitħassar mill-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, jenħtieġ li l-Artikoli 6 u 7 tiegħu jissoktaw ikollhom effett għar-rapporti li jkun fihom id-data meħtieġa għas-snin 2019 u 2020,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għar-rapporti mressqa mill-Istati Membri li jinkludu d-data meħtieġa mis-sena 2021 ’l quddiem.

Artikolu 2

Potenzjali ta’ tisħin globali

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jużaw il-potenzjali ta’ tisħin globali elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament bl-għan li tiġi stabbilita u rrapportata d-data tal-inventarji ta’ gassijiet serra skont il-paragrafi 3, 4 u 5 tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

Artikolu 3

Linji gwida tal-Inventarju ta’ Gassijiet Serra

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu l-inventarji ta’ gassijiet serra msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/1999, f’konformità ma’:

(a)

il-Linji Gwida tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC) tal-2006 għall-Inventarji Nazzjonali ta’ Gassijiet Serra;

(b)

il-modalitajiet, il-proċeduri u l-linji gwida għall-qafas ta’ trasparenza għall-azzjoni u għall-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Pariġi stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 18/CMA.1 tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi (“id-Deċiżjoni 18/CMA.1”).

Artikolu 4

Objettivi tal-programm ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġġestixxi, iżżomm u tfittex li kontinwament ittejjeb is-sistema tal-inventarju tal-Unjoni ta’ gassijiet serra abbażi tal-objettivi li ġejjin tal-programm ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità li:

(a)

l-inventarju tal-Unjoni ta’ gassijiet serra jkun komplut billi, fejn ikun rilevanti, tiġi applikata l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37(5) tar-Regolament (UE) 2018/1999, b’konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat;

(b)

is-sistema tal-inventarju tal-Unjoni ta’ gassijiet serra tipprovdi kemm aggregazzjoni trasparenti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Istati Membri mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar kif ukoll ħarsa ġenerali tad-deskrizzjonijiet metodoloġiċi għall-kategoriji ewlenin tal-Unjoni, u tirrifletti b’mod trasparenti l-kontribut tal-emissjonijiet tal-Istati Membri mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar għall-inventarju tal-Unjoni ta’ gassijiet serra;

(c)

l-ammont totali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar għal sena ta’ rapportar huwa daqs is-somma tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Istati Membri mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar kif irrapportat skont il-paragrafi 3, 4 u 5 tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/1999 għal dik l-istess sena;

(d)

l-inventarju tal-Unjoni ta’ gassijiet serra jinkludi serje kronoloġika konsistenti ta’ emissjonijiet mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar għas-snin kollha rrapportati.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iżidu, fejn possibbli, il-komparabilità tal-inventarji nazzjonali ta’ gassijiet serra billi jfittxu sinerġija tal-metodi, tad-data dwar l-attività, tal-ispjegi u tal-allokazzjoni tal-emissjonijiet mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar mill-Istati Membri, fejn xieraq.

3.   L-objettivi tal-programm ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità tal-inventarju tal-Unjoni għandhom jikkumplimentaw l-objettivi tal-programmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità implimentati mill-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kwalità tad-data dwar l-attività, tal-fatturi ta’ emissjoni u ta’ parametri oħra li jintużaw għall-inventarju nazzjonali tagħhom ta’ gassijiet serra.

Artikolu 5

Mili tal-lakuni

1.   L-istimi tal-Kummissjoni biex tkun kompluta d-data tal-inventarju mressqa minn Stat Membru kif imsemmija fl-Artikolu 37(5) tar-Regolament (UE) 2018/1999 għandhom jissejsu fuq il-metodoloġiji u fuq id-data li ġejjin:

(a)

meta fis-sena ta’ rapportar preċedenti, Stat Membru jkun ressaq serje kronoloġika konsistenti ta’ stimi għall-kategorija tas-sorsi rilevanti u:

(i)

dak l-Istat Membru jkun ressaq inventarju approssimat ta’ gassijiet serra għas-sena X – 1 skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999 li jinkludi l-istima nieqsa, skont id-data minn dak l-inventarju approssimat ta’ gassijiet serra;

(ii)

dak l-Istat Membru ma jkunx ressaq inventarju approssimat ta’ gassijiet serra għas-sena X – 1 skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, iżda l-Unjoni tkun stmat emissjonijiet approssimati ta’ gassijiet serra għas-sena X – 1 għal dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, skont id-data minn dak l-inventarju approssimat tal-Unjoni ta’ gassijiet serra;

(iii)

l-użu tad-data mill-inventarju approssimat ta’ gassijiet serra tal-Istat Membru ma jkunx possibbli jew jista’ jwassal għal stima xejn akkurata, għall-istimi nieqsa fis-settur tal-enerġija, skont id-data statistika dwar l-enerġija miksuba f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(iv)

l-użu tad-data mill-inventarju approssimat ta’ gassijiet serra ma jkunx possibbli jew jista’ jwassal għal stima tassew mhux akkurata, għall-istimi nieqsa fis-setturi li mhumiex tal-enerġija, dwar metodoloġiji ta’ stima konsistenti mal-parir tekniku dwar il-mili tal-lakuni fit-Taqsima 2.2.3 tal-Linji Gwida għall-Inventarji Nazzjonali ta’ Gassijiet Serra tal-2006 tal-IPCC (Vol. 1) bl-użu, fejn xieraq, tal-istatistika Ewropea;

(b)

meta stima ta’ emissjoni mis-sors jew l-assorbiment mill-bjar għall-kategorija rilevanti tkun ġiet soġġetta għal korrezzjonijiet tekniċi f’konformità mal-Artikolu 38(2)(d) tar-Regolament (UE) 2018/1999 fl-aħħar eżami mill-ġdid qabel it-tressiq u l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ressaq stima riveduta, skont il-metodu użat mit-tim ta’ esperti tekniċi għall-eżami mill-ġdid għall-kalkolu tal-korrezzjoni teknika;

(c)

meta ma tkunx disponibbli serje kronoloġika konsistenti ta’ stimi rapportati għall-kategorija tas-sorsi rilevanti, dwar il-metodoloġiji tal-istima konsistenti mal-parir tekniku dwar il-mili tal-lakuni li hemm fit-Taqsima 2.2.3 tal-Linji Gwida għall-Inventarji Nazzjonali ta’ Gassijiet Serra tal-2006 tal-IPCC (Vol. 1).

2.   Il-Kummissjoni għandha tħejji l-istimi msemmija fil-paragrafu 1 sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ rapportar, f’konsultazzjoni u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru kkonċernat.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu juża l-istimi msemmija fil-paragrafu 1 għat-tressiq tiegħu tal-inventarji nazzjonali lis-Segretarjat tal-UNFCCC skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) 2018/1999.

Artikolu 6

Kontrolli inizjali

Il-kontrolli inizjali mwettqa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 37(4) tar-Regolament (UE) 2018/1999 jistgħu jinkludu:

(a)

valutazzjoni dwar jekk il-kategoriji kollha meħtieġa skont il-modalitajiet, il-proċeduri u l-linji gwida għall-qafas ta’ trasparenza għall-azzjoni u għall-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Pariġi stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 18/CMA.1 u għall-gassijiet serra kollha msemmija fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1999 humiex irrapportati mill-Istat Membru;

(b)

valutazzjoni dwar jekk is-serje kronoloġika tad-data tal-emissjonijiet mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar hijiex konsistenti;

(c)

valutazzjoni dwar jekk il-fatturi tal-emissjoni implikati fl-Istati Membri humiex komparabbli meta jitqiesu l-fatturi prestabbiliti tal-emissjonijiet tal-IPCC għal ċirkostanzi nazzjonali differenti;

(d)

valutazzjoni tal-użu tal-ispjegi “Mhux Stmati” fejn il-metodoloġiji tal-Grad 1 tal-IPCC jeżistu u fejn l-użu tal-ispjegi mhuwiex ġustifikat f’konformità mal-punt 32 tal-Anness tad-Deċiżjoni 18/CMA.1;

(e)

analiżi tal-kalkoli mill-ġdid imwettqa għat-tressiq tal-inventarju ta’ gassijiet serra, inkluż jekk il-kalkoli mill-ġdid humiex ibbażati fuq bidliet metodoloġiċi;

(f)

tqabbil tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra verifikati rrapportati skont l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra rrapportati skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999;

(g)

tqabbil tar-riżultati tal-approċċ ta’ referenza tal-Eurostat mal-approċċ ta’ referenza tal-Istati Membri;

(h)

tqabbil tar-riżultati tal-approċċ settorjali tal-Eurostat mal-approċċ settorjali tal-Istati Membri;

(i)

valutazzjoni dwar jekk l-Istat Membru implimentax kwistjonijiet minn kontrolli inizjali u eżamijiet mill-ġdid preċedenti tal-Unjoni kif ukoll rakkomandazzjonijiet minn eżamijiet mill-ġdid tal-UNFCCC;

(j)

valutazzjoni tal-akkuratezza tal-istimi tal-emissjonijiet tal-Istati Membri mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar fir-rigward tal-kategoriji ewlenin tal-Unjoni;

(k)

valutazzjoni tat-trasparenza u tal-kompletezza tad-deskrizzjonijiet metodoloġiċi rrapportati mill-Istati Membri għall-kategoriji ewlenin tal-Unjoni;

(l)

valutazzjoni tal-monitoraġġ u tar-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar fis-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (il-LULUCF) skont il-Parti 3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1999, inkluż l-assenjament tal-kategoriji ewlenin, il-metodoloġija tal-Grad applikata, u t-tqabbil tad-data dwar l-attività rrapportata dwar l-użu tal-art u t-tibdil fl-użu tal-art mal-informazzjoni miksuba mill-programmi u mill-istħarriġ tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

Artikolu 7

Tħassir

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 666/2014 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021, soġġett għad-dispożizzjoni tranżizzjonali stipulata fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dispożizzjoni tranżizzjonali

B’deroga mill-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 666/2014 għandhom jissoktaw ikollhom effett għar-rapporti li jkun fihom id-data meħtieġa għas-snin 2019 u 2020.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).

(3)  Il-kolonna “GWP 100-year” fit-Tabella 8.A.1 tal-Appendiċi 8.A tar-rapport imsejjaħ “Climate Change 2013: The Physical Science Basis. Contribution of Working Group I to the Fifth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change”, p. 731; disponibbli fuq https://www.ipcc.ch/assessment-report/ar5/.

(4)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2014 tat-12 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti sostantivi għal sistema ta' inventarju tal-Unjoni filwaqt li jitqiesu l-bidliet fil-potenzjali ta' riskaldament globali u ta' gwidi ta' inventarju li sar ftehim dwarhom f'livell internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 26).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1).


ANNESS

POTENZJALI TA’ TISĦIN GLOBALI

Akronomu, isem komuni jew isem kimiku

Potenzjal ta’ tisħin globali

Diossidu tal-Karbonju (CO2)

1

Metan (CH4)

28

Ossidu nitruż (N2O)

265

Eżafluworur tal-kubrit (SF6)

23 500

Trifluworur tan-nitroġenu (NF3)

16 100

Idrofluworokarburi (HFCs):

HFC-23 CHF3

12 400

HFC-32 CH2F2

677

HFC-41 CH3F

116

HFC-125 CHF2CF3

3 170

HFC-134 CHF2CHF2

1 120

HFC-134a CH2FCF3

1 300

HFC-143 CH2FCHF2

328

HFC-143a CH3CF3

4 800

HFC-152 CH2FCH2F

16

HFC-152a CH3CHF2

138

HFC-161 CH3CH2F

4

HFC-227ea CF3CHFCF3

3 350

HFC-236cb CF3CF2CH2F

1 210

HFC-236ea CF3CHFCHF2

1 330

HFC-236fa CF3CH2CF3

8 060

HFC-245fa CHF2CH2CF3

858

HFC-245ca CH2FCF2CHF2

716

HFC-365mfc CH3CF2CH2CF3

804

HFC-43-10mee CF3CHFCHFCF2CF3 jew (C5H2F10)

1 650

Perfluworokarburi (PFCs):

PFC-14, Perfluworometan, CF4

6 630

PFC-116, Perfluworoetan, C2F6

11 100

PFC-218, Perfluworopropan, C3F8

8 900

PFC-318, Perfluworoċiklobutan, c-C4F8

9 540

Perfluworoċiklopropan c-C3F6

9 200

PFC-3-1-10, Perfluworobutan, C4F10

9 200

PFC-4-1-12, Perfluworopentan, C5F12

8 550

PFC-5-1-14, Perfluworoeżan, C6F14

7 910

PFC-9-1-18, C10F18

7 190