14.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 225/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1020

tat-13 ta’ Lulju 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2014

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond tal-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (1), b’mod partikolari l-Artikolu 17(8) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat tal-Fondi għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u s-Sigurtà Interna,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2014 (2) jipprevedi li sabiex jibbenefikaw mill-ammont addizzjonali, il-persuni kkonċernati jridu jkunu ġew effettivament risistemati mill-bidu tal-perjodu kkonċernat u sa sitt xhur wara t-tmiem ta’ dak il-perjodu.

(2)

Madankollu, l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt bħal qatt qabel fuq l-isforzi ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni li saru mill-Istati Membri. Il-kriżi obbligat lill-Istati Membri jissospendu l-operazzjonijiet tagħhom ta’ risistemazzjoni u jimponu restrizzjonijiet fuq id-dħul fit-territorju tagħhom.

(3)

Barra minn hekk, l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-imsieħba ewlenin tal-Istati Membri għar-risistemazzjoni, issospendew b’mod temporanju l-operazzjonijiet tagħhom fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, minħabba l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li ħarġu ħafna pajjiżi tal-ewwel ażil, fiċ-ċirkostanzi attwali l-Istati Membri ma jistgħux iwettqu missjonijiet ta’ għażla għar-risistemazzjoni.

(4)

L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 għandu implikazzjonijiet serji mhux biss fuq l-implimentazzjoni tal-wegħdi ta’ risistemazzjoni, iżda wkoll fuq il-kapaċità ta’ assorbiment fl-ambitu tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.

(5)

Sabiex jiġi onorat l-impenn qawwi tal-Istati Membri favur l-azzjonijiet ta’ risistemazzjoni, jenħtieġ li jiġi żgurat li s-sostenn finanzjarju korrispondenti jintuża b’mod flessibbli u effettiv.

(6)

Għal dan il-għan, huwa xieraq li l-iskadenza tal-implimentazzjoni għall-perjodu ta’ risistemazzjoni li jkopri s-snin 2018, 2019 u 2020 tiġi estiża mit-30 ta’ Ġunju 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(7)

L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) Nru 516/2014 u konsegwentement hija marbuta b’dan ir-Regolament.

(8)

Ir-Renju Unit huwa marbut bir-Regolament (UE) Nru 516/2014 u konsegwentement huwa marbut b’dan ir-Regolament. F’konformità mal-Artikolu 138 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3), il-liġi applikabbli tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji u dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet, se tkompli tapplika għar-Renju Unit wara l-31 ta’ Diċembru 2020 sal-għeluq ta’ dawn il-programmi u attivitajiet tal-Unjoni.

(9)

Id-Danimarka mhijiex marbuta bir-Regolament (UE) Nru 516/2014, jew b’dan ir-Regolament.

(10)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, huwa xieraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 801/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 801/2014, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Sabiex jibbenefikaw mill-ammont addizzjonali, il-persuni kkonċernati għandhom ikunu ġew effettivament risistemati mill-bidu tal-perjodu kkonċernat u sa sitt xhur wara t-tmiem ta’ dak il-perjodu. Madankollu, għall-perjodu ta’ risistemazzjoni msemmi fl-Artikolu 1(1)(c), il-persuni kkonċernati għandhom jiġu risistemati effettivament mill-bidu ta’ dak il-perjodu u sa tnax-il xahar wara tmiem dak il-perjodu.

L-Istati Membri għandhom iżommu l-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ ssir identifikazzjoni xierqa tal-persuni risistemati u tad-data tar-risistemazzjoni tagħhom.

Fir-rigward tal-persuni li jaqgħu f’xi kategorija prijoritarja u xi grupp ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 516/2014, l-Istati Membri għandhom iżommu wkoll evidenza li dawn jappartjenu għall-kategorija prijoritarja jew grupp ta’ persuni rilevanti.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2014 tal-24 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi l-iskeda taż-żmien u kundizzjonijiet oħra ta’ implimentazzjoni relatati mal-mekkaniżmu għall-allokazzjoni tar-riżorsi għall-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni fil-qafas tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 219, 25.7.2014, p. 19).

(3)   ĠU C 384 I, 12.11.2019, p. 1.