10.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 223/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1007

tad-9 ta’ Lulju 2020

li jissospendi t-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/595

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent pubbliku u ta’ għajnuna għall-ħżin privat (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 45(3)(a) u (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/595 (3), l-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż hija disponibbli mis-7 ta’ Mejju 2020, f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240.

(2)

Abbażi ta’ analiżi tal-qagħda tas-suq u tal-użu tal-iskema tal-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż prevista fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/595, huwa rrakkomandat li jintemm l-għoti tal-għajnuna għall-ħżin privat u li tiġi stabbilita data tal-għeluq għat-tressiq tal-applikazzjonijiet. Il-Kummissjoni beħsiebha tibgħat ir-Regolament ikkonċernat tal-għeluq lill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli biex dan jagħtiha l-opinjoni tiegħu dwaru. Madankollu, dan x’aktarx iwassal biex ikun hemm wisq applikazzjonijiet għall-iskema tal-għajnuna.

(3)

Għalhekk jeħtieġ li jiġi sospiż it-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna prevista fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/595 u li jiġu rrifjutati l-applikazzjonijiet kollha li jkunu saru qabel il-perjodu tas-sospensjoni meta d-deċiżjoni dwar l-aċċettazzjoni tagħhom kieku kien ikollha tittieħed waqt il-perjodu tas-sospensjoni.

(4)

Sabiex tiġi evitata l-ispekulazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/595 għandha tiġi sospiża għall-perjodu bejn l-10 ta’ Lulju 2020 u s-16 ta’ Lulju 2020. L-applikazzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratti li tressqu matul dan il-perjodu ma għandhomx jintlaqgħu.

2.   L-applikazzjonijiet li jitressqu wara t-8 ta’ Lulju 2020, li d-deċiżjoni dwar l-aċċettazzjoni tagħhom kieku kien ikollha tittieħed waqt il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, għandhom jiġu rrifjutati.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Wolfgang BURTSCHER

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/595 tat-30 ta’ April 2020 li jagħti għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna (ĠU L 140, 4.5.2020, p. 21).