10.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 221/127


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1003

tad-9 ta’ Lulju 2020

li jġedded l-approvazzjoni tar-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3 tal- Phlebiopsis gigantea bħala sustanzi attivi b’riskju baxx, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/113/KE (2) inkludiet ir-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea bħala sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

(2)

Is-sustanzi attivi li hemm fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u qegħdin elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

L-approvazzjoni tar-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea bħala sustanzi attivi, kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiskadi fit-30 ta’ April 2021.

(4)

Ġiet ippreżentata applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tar-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea bħala sustanzi attivi f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) fil-perjodu taż-żmien previst f’dak l-Artikolu.

(5)

L-applikant ippreżenta d-dossiers supplimentari meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet sħiħa.

(6)

L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid b’konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ppreżentah lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Settembru 2018.

(7)

L-Awtorità għamlet is-sommarju tad-dossier supplementari disponibbli għall-pubbliku. L-Awtorità ċċirkolat ukoll ir-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikanti u lill-Istati Membri għall-kummenti u nediet konsultazzjoni pubblika dwaru. L-Awtorità għaddiet il-kummenti li waslulha lill-Kummissjoni.

(8)

Fit-18 ta’ Settembru 2019, l-Awtorità bagħtet lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (6) dwar jekk jistax jiġi mistenni li r-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea jissodisfaw il-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. F’Marzu 2020, il-Kummissjoni ppreżentat rapport ta’ tiġdid inizjali u l-abbozz ta’ Regolament dwar ir-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(9)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Awtorità u, f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, dwar ir-rapport ta’ tiġdid. L-applikant ippreżenta l-kummenti tiegħu, u dawn ġew eżaminati bir-reqqa.

(10)

Dwar l-użu rappreżentattiv, wieħed jew aktar, ta’ mill-inqas prodott wieħed tal-protezzjoni tal-pjanti li fih bħala sustanzi attivi r-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati.

(11)

Il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tar-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea bħala sustanzi attivi hija bbażata fuq għadd limitat ta’ użi rappreżentattivi, li madankollu ma jillimitawx l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom ir-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3.tal-Phlebiopsis gigantea. Għalhekk, huwa xieraq li ma tinżammx ir-restrizzjoni għall-użu bħala fungiċida biss.

(12)

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li r-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3.tal-Phlebiopsis gigantea huma sustanzi attivi ta’ riskju baxx skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Ir-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3.tal-Phlebiopsis gigantea mhumiex sustanzi ta’ tħassib u jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Skont il-valutazzjoni mill-Istat Membru Relatur u l-Awtorità, u b’kont meħud tal-użi maħsuba, ir-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea huma mikroorganiżmi li għalihom huwa mistenni riskju baxx għall-bnedmin, l-annimali u l-ambjent. Ma ġiet identifikata l-ebda żona kritika ta’ tħassib, u l-Phlebiopsis gigantea mhijiex magħrufa li hija relatata ma’ kwalunkwe patoġenu tal-bniedem jew tal-annimali. Il-Phlebiopsis gigantea ilha tintuża bħala aġent tal-bijokontroll għal aktar minn għaxar snin mingħajr ma wasslet għall-ebda effett negattiv fuq il-bnedmin sa mir-rieżami bejn il-pari preċedenti, u abbażi tal-użu maħsub (jiġifieri l-applikazzjoni diretta fuq is-superfiċje tal-parti maqtugħa taz-zokk tas-siġar koniferi) l-esponiment potenzjali għall-bnedmin u l-effetti fuq il-konċentrazzjoni tal-ħamrija li jseħħu b’mod naturali qed jitqiesu bħala negliġibbli. Għal dawn ir-raġunijiet huma previsti biss miżuri ta’ mitigazzjoni ġenerali għall-ħaddiema, u b’mod ġenerali l-kriterji għall-approvazzjoni u l-kwalifika ta’ riskju baxx huma ssodisfati għal dawn is-sustanzi attivi.

(13)

Għalhekk huwa xieraq li tiġġedded l-approvazzjoni tar-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea bħala sustanzi b’riskju baxx.

(14)

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 20(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 13(4) tiegħu, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat kif jixraq.

(15)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/421 (7) estenda l-perjodu ta’ approvazzjoni tar-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3 sat-30 ta’ April 2021 tal-Phlebiopsis giganteasabiex il-proċess tat-tiġdid ikun jista’ jitlesta qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ approvazzjoni ta’ dawk is-sustanzi attivi. Minħabba li d-deċiżjoni dwar it-tiġdid qed tittieħed qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ approvazzjoni estiż, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Settembru 2020.

(16)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

L-approvazzjoni tar-razez VRA 1835, VRA 1984 u FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea bħala sustanzi attivi, kif speċifikat fl-Anness I, hija mġedda suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/113/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta’ bosta mikroorganiżmi bħala sustanzi attivi (ĠU L 330, 9.12.2008, p. 6).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

(6)  EFSA Journal 17(10):5820, doi: 10.2903/j.efsa.2019.5820. Jinsab fuq: www.efsa.europa.eu.

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/421 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-estenzjoni tal-perjodi tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi abamectin, Bacillus subtilis (Cohn 1872) tar-razza QST 713, Bacillus thuringiensis subsp. Aizawai tar-razez ABTS-1857 u GC-91, Bacillus thuringiensis subsp. Israeliensis (serotip H-14) tar-razza AM65-52, Bacillus thuringiensis subsp. Kurstaki tar-razez ABTS 351, PB 54, SA 11, SA12 u EG 2348, Beauveria bassiana tar-razez ATCC 74040 u GHA, clodinafop, clopyralid, Cydia pomonella Granulovirus (CpGV), cyprodinil, dichlorprop-P, fenpyroximate, fosetyl, Lecanicillium muscarium (li qabel kienet “ Verticillium lecanii ”) tar-razza Ve6, mepanipyrim, Metarhizium anisopliae (var. anisopliae) tar-razza BIPESCO 5/F52, metconazole, metrafenone, Phlebiopsis gigantea tar-razez FOC PG 410.3, VRA 1835 u VRA 1984, pirimicarb, Pseudomonas chlororaphis tar-razza MA342, pyrimethanil, Pythium oligandrum M1, rimsulfuron, spinosad, Streptomyces K61 (li qabel kienet “ S. griseoviridis ”), Trichoderma asperellum (li qabel kienet “ T. harzianum ”) tar-razez ICC012, T25 u TV1, Trichoderma atroviride (li qabel kienet “ T. harzianum ”) tar-razez IMI 206040 u T11, Trichoderma gamsii (li qabel kienet “ T. viride ”) tar-razza ICC080, Trichoderma harzianum tar-razez T-22 u ITEM 908, triclopyr, trinexapac, triticonazole u ziram (ĠU L 84, 20.3.2020, p. 7).


ANNESS I

Isem Komuni

Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità  (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

ir-razza VRA 1835 tal-Phlebiopsis gigantea

Mhux applikabbli

Ebda impurità rilevanti

fl-1 ta’ Settembru 2020.

fil-31 ta’ Awwissu 2035.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ tiġdid dwar ir-razza VRA 1835 tal-Phlebiopsis gigantea, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħarsien tal-operaturi u tal-ħaddiema.

Il-produtturi għandhom jiżguraw li jżommu strettament mal-kundizzjonijiet ambjentali u li jagħmlu analiżi ta’ kontroll ta’ kwalità matul il-proċess ta’ manifattura kif stabbilit fid-Dokument ta’ Ħidma SANCO/12116/2012 fir-rigward tal-limiti fuq il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika  (2).”

Phlebiopsis gigantea tar-razza VRA 1984

Mhux applikabbli

Ebda impurità rilevanti

fl-1 ta’ Settembru 2020.

fil-31 ta’ Awwissu 2035.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ tiġdid dwar ir-razza VRA 1984 tal-Phlebiopsis gigantea, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħarsien tal-operaturi u tal-ħaddiema.

Il-produtturi għandhom jiżguraw li jżommu strettament mal-kundizzjonijiet ambjentali u analiżi ta’ kontroll ta’ kwalità matul il-proċess ta’ manifattura kif stabbilit fid-Dokument ta’ Ħidma SANCO/12116/2012 fir-rigward tal-limiti fuq kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

ir-razza FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea

Mhux applikabbli

Ebda impurità rilevanti

fl-1 ta’ Settembru 2020.

fil-31 ta’ Awwissu 2035.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ tiġdid dwar ir-razza FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħarsien tal-operaturi u l-ħaddiema.

Il-produtturi għandhom jiżguraw li jżommu strettament mal-kundizzjonijiet ambjentali u analiżi ta’ kontroll ta’ kwalità matul il-proċess ta’ manifattura kif stabbilit fid-Dokument ta’ Ħidma SANCO/12116/2012 fir-rigward tal-limiti fuq kontaminazzjoni mikrobijoloġika.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta’ tiġdid.

(2)  https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/plant/docs/pesticides_ppp_app-proc_guide_phys-chem-ana_microbial-contaminant-limits.pdf.


ANNESS II

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A, l-entrata 201 dwar ir-razez tal-Phlebiopsis gigantea tiġi sostitwita kif ġej:

201

Phlebiopsis gigantea

RAZZA: VRA 1985

Kollezzjoni tal-kultura: Nru DSM 16202

RAZZA: VRA 1986

Kollezzjoni tal-kultura: Nru DSM 16203

RAZZA: FOC PG B20/5

Kollezzjoni tal-kultura: Nru IMI 390096

RAZZA: FOC PG SP log 6

Kollezzjoni tal-kultura: Nru IMI 390097

RAZZA: FOC PG SP log 5

Kollezzjoni tal-kultura: Nru IMI 390098

RAZZA: FOC PG BU 3

Kollezzjoni tal-kultura: Nru IMI 390099

RAZZA: FOC PG BU 4

Kollezzjoni tal-kultura: Nru IMI 390100

RAZZA: FOC PG97/1062/116/1.1

Kollezzjoni tal-kultura: Nru IMI 390102

RAZZA: FOC PG B22/SP1287/3.1

Kollezzjoni tal-kultura: Nru IMI 390103

RAZZA: FOC PG SH 1

Kollezzjoni tal-kultura: Nru IMI 390104

RAZZA: FOC PG B22/SP1190/3.2

Kollezzjoni tal-kultura: Nru IMI 390105

Mhux applikabbli

Ebda impurità rilevanti

fl-1 ta’ Mejju 2009.

fit-30 ta’ April 2020.

PARTI A L-użi bħala fungiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

PARTI B Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-Phlebiopsis gigantea (SANCO/1863/2008), u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali jridu jkunu kkunsidrati. Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju, fejn xieraq.”

(2)

fil-Parti D, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

21

ir-razza VRA 1835 tal-Phlebiopsis gigantea

Mhux applikabbli

Ebda impurità rilevanti

fl-1 ta’ Settembru 2020.

fil-31 ta’ Awwissu 2035.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ tiġdid dwar ir-razza VRA 1835 tal-Phlebiopsis gigantea, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

L-Istati Membri għandhom joqogħdu attenti b’mod partikolari għall-ħarsien tal-operaturi u tal-ħaddiema.

Il-produtturi għandhom jiżguraw iż-żamma stretta tal-kundizzjonijiet ambjentali u analiżi ta’ kontroll ta’ kwalità matul il-proċess ta’ manifattura kif stabbilit fid-Dokument ta’ Ħidma SANCO/12116/2012 fir-rigward tal-limiti fuq kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

22

ir-razza VRA 1984 tal-Phlebiopsis gigantea

Mhux applikabbli

Ebda impurità rilevanti

fl-1 ta’ Settembru 2020.

fil-31 ta’ Awwissu 2035.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ tiġdid dwar ir-razza VRA 1984 tal-Phlebiopsis gigantea, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħarsien tal-operaturi u tal-ħaddiema.

Il-produtturi għandhom jiżguraw iż-żamma stretta tal-kundizzjonijiet ambjentali u analiżi ta’ kontroll ta’ kwalità matul il-proċess ta’ manifattura kif stabbilit fid-Dokument ta’ Ħidma SANCO/12116/2012 fir-rigward tal-limiti fuq kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

23

ir-razza FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea

Mhux applikabbli

Ebda impurità rilevanti

fl-1 ta’ Settembru 2020.

fil-31 ta’ Awwissu 2035.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ tiġdid dwar ir-razza FOC PG 410.3 tal-Phlebiopsis gigantea, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħarsien tal-operaturi u tal-ħaddiema.

Il-produtturi għandhom jiżguraw iż-żamma stretta ta’ kundizzjonijiet ambjentali u analiżi ta’ kontroll ta’ kwalità matul il-proċess ta’ manifattura kif stabbilit fid-Dokument ta’ Ħidma SANCO/12116/2012 fir-rigward tal-limiti fuq kontaminazzjoni mikrobijoloġika.”