10.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 221/107


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1001

tad-9 ta’ Lulju 2020

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jsostni investimenti għall-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta’ ċerti Stati Membri

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10d(12) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tistabbilixxi l-Fond għall-Modernizzazzjoni għall-perjodu mill-2021 sal-2030, biex isostni l-investimenti fil-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika f’ċerti Stati Membri. Kif iddikjarat fil-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni bit-titolu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (2) u “Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew” (3), jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi ssostni t-tranżizzjoni ekoloġika u soċjalment ġusta.

(2)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni sabiex ikun hemm distribuzzjoni bla xkiel tar-riżorsi finanzjarji tiegħu lill-Istati Membri benefiċjarji, b’mod partikolari billi jiġu stabbiliti proċeduri għat-tressiq u għall-valutazzjoni tal-proposti ta’ investiment u għall-iżborż tad-dħul mill-Fond.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-finanzjament taħt il-Fond għall-Modernizzazzjoni mas-suq intern, jenħtieġ li l-Istati Membri benefiċjarji jinnotifikaw lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dwar kwalunkwe investiment ippjanat li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u li ma jkunx kopert minn skema ta’ għajnuna approvata jew eżentata eżistenti jew minn deċiżjoni individwali. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-investimenti koperti mill-Fond tkun ikkoordinata mal-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, u jenħtieġ li l-modalitajiet tat-tressiq tal-proposti ta’ investiment iqisu l-modalitajiet tat-tressiq tan-notifiki tal-għajnuna mill-Istat. Jenħtieġ li l-iżborż tad-dħul mill-Fond jiddependi mill-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

(4)

“Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” jipprevedi pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta bħala pedament tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta. Meta investiment taħt il-Fond għall-Modernizzazzjoni jkollu l-għan li jimplimenta pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tal-Istat Membru benefiċjarju, jenħtieġ li dak l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni dwar il-kontribuzzjoni mistennija tal-investiment għal dak il-pjan, bil-ħsieb li jsostni l-koerenza u l-komplementarjetà mal-objettivi tal-pjan.

(5)

Jenħtieġ li l-Istati Membri benefiċjarji jinformaw regolarment lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u lill-Kumitat tal-Investiment għall-Fond għall-Modernizzazzjoni (il-“Kumitat tal-Investiment”) dwar l-investimenti ppjanati sabiex jiffaċilitaw l-ippjanar tal-iżborż u tal-ġestjoni tar-riżorsi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li dik l-informazzjoni ma torbotx lill-Istati Membri benefiċjarji meta jressqu proposti ta’ investimenti futuri.

(6)

Għall-investimenti fl-oqsma ta’ prijorità elenkati fl-Artikolu 10d(2) tad-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li tapplika proċedura simplifikata għall-iżborż tad-dħul tal-Fond (“investimenti ta’ prijorità”). Jenħtieġ li l-investimenti mhux ta’ prijorità jgħaddu minn valutazzjoni komprensiva tal-vijabbiltà teknika u finanzjarja tagħhom u tal-valur miżjud tagħhom għall-objettivi tal-Fond.

(7)

Skont l-Artikolu 10d(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, mill-inqas 70 % tar-riżorsi finanzjarji mill-Fond għall-Modernizzazzjoni għandhom jiġu allokati għal investimenti ta’ prijorità. Sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tar-riżorsi finanzjarji fost l-Istati Membri benefiċjarji kollha, jenħtieġ li dak ir-rekwiżit japplika għas-sehem individwali fil-Fond ta’ kull Stat Membru benefiċjarju.

(8)

Jenħtieġ li l-finanzjament tal-investimenti mill-Fond għall-Modernizzazzjoni jiddependi fuq id-disponibbiltà tal-fondi għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru benefiċjarju u fuq il-proporzjon tal-fondi allokati għall-investimenti ta’ prijorità. Sabiex ikun jista’ jsir monitoraġġ mill-qrib tal-allokazzjoni tal-fondi, filwaqt li tiġi żgurata l-effiċjenza tal-proċess ta’ żborż, il-valutazzjoni tal-proposti ta’ investiment mill-BEI jew, skont il-każ xi jkun, mill-Kumitat tal-Investiment, u l-iżborż tal-fondi mill-Kummissjoni jenħtieġ li jiġu organizzati f’ċikli biannwali.

(9)

Jenħtieġ li l-proċeduri għall-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-iskemi ppreżentati mill-Istati Membri benefiċjarji. Ladarba l-BEI jikkonferma l-iskema bħala investiment ta’ prijorità jew, skont il-każ xi jkun, il-Kumitat tal-Investiment jirrakkomanda l-finanzjament tal-iskema fil-qasam mhux ta’ prijorità, u ladarba l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-ewwel żborż tal-fondi għall-iskema, jenħtieġ li l-Istat Membru benefiċjarju jressaq proposta ġdida għal kwalunkwe żborż sussegwenti. Biex isir żborż bħal dan jenħtieġ li l-konferma mill-BEI jew, skont il-każ xi jkun, ir-rakkomandazzjoni mill-Kumitat tal-Investiment, tkun limitata għall-verifika tad-disponibbiltà tal-fondi għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru benefiċjarju, u fir-rigward tal-iskemi li jikkwalifikaw bħala investimenti mhux ta’ prijorità, għall-verifika tal-konformità mal-limiti massimi għas-sostenn permissibbli speċifikati fl-Artikolu 10d(2) u fir-raba’ sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10d(6) tad-Direttiva 2003/87/KE. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkunu japplikaw regoli simplifikati għar-rapportar annwali dwar l-iskemi mill-Istati Membri benefiċjarji.

(10)

Jenħtieġ li l-investimenti li ma jitkomplewx, ma jirċivux aktar finanzjament mill-Fond għall-Modernizzazzjoni. Jenħtieġ li kwalunkwe ammont diġà mħallas għal investimenti li ma jitkomplewx iżda li jkun għadu ma ġiex ikkonsmat minn tali investimenti jsir disponibbli għall-finanzjament ta’ investimenti oħra.

(11)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-kompożizzjoni u l-operazzjoni tal-Kumitat tal-Investiment.

(12)

Skont l-Artikolu 10d(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-BEI għandu jamministra d-dħul mill-Fond għall-Modernizzazzjoni. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-BEI jiżviluppa linji gwida dwar il-ġestjoni tal-assi li jsostnu l-objettivi tad-Direttiva u li jqisu r-regoli interni tal-BEI. Barra minn hekk, il-BEI għandu jwettaq kompiti oħra relatati mal-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, kif stabbilit fid-Direttiva 2003/87/KE. Jenħtieġ li t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għat-twettiq ta’ dawk il-kompiti jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-Kummissjoni u l-BEI. Il-mekkaniżmu għall-irkupru tal-kosti tal-BEI jenħtieġ li jikkorrispondi għal dawk il-kompiti, u dan jenħtieġ li jqis ukoll l-għadd u l-kumplessità tal-proposti ta’ investiment mressqa mill-Istati Membri benefiċjarji rispettivi, u jekk il-proposti jikkonċernawx investimenti ta’ prijorità jew mhux ta’ prijorità.

(13)

Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jużaw id-dħul ġenerat mill-irkant tal-allokazzjonijiet biex jiffinanzjaw l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, dawn l-ispejjeż jistgħu jikkwalifikaw bħala spejjeż amministrattivi msemmija fl-Artikolu 10(3)(i) tad-Direttiva 2003/87/KE, u għalhekk jistgħu jgħoddu mal-objettiv tal-50 % tal-użu marbut mal-klima tad-dħul mill-irkant.

(14)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti ċari ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar biex jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni sħiħa u puntwali dwar il-progress ta’ investimenti partikolari u l-implimentazzjoni ġenerali tal-Fond għall-Modernizzazzjoni.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

(a)

it-tressiq ta’ proposti għall-finanzjament tal-investimenti;

(b)

il-valutazzjoni tal-investimenti ta’ prijorità u tal-investimenti mhux ta’ prijorità;

(c)

il-ġestjoni, l-iżborż u l-ħlas tar-riżorsi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni;

(d)

il-kompożizzjoni u l-operat tal-Kumitat tal-Investiment għall-Fond għall-Modernizzazzjoni (“il-Kumitat tal-Investiment”);

(e)

il-monitoraġġ, ir-rappurtar, l-evalwazzjoni u l-awditjar;

(f)

l-informazzjoni u t-trasparenza.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Stat Membru benefiċjarju” tfisser Stat Membru elenkat fl-Anness IIb tad-Direttiva 2003/87/KE;

(2)

“investiment mhux ta’ prijorità” tfisser investiment li ma jaqa’ taħt l-ebda qasam minn dawk elenkati fl-Artikolu 10d(2) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(3)

“proġett fuq skala żgħira mhux ta’ prijorità” tfisser investiment mhux ta’ prijorità li jirċievi għajnuna mill-Istat li l-ammont totali tagħha jilħaq il-kriterji tal-għajnuna de minimis f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (4);

(4)

“investiment ta’ prijorità” tfisser investiment li jaqa’ f’mill-inqas qasam wieħed fost dawk elenkati fl-Artikolu 10d(2) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(5)

“skema” tfisser proposta ta’ investiment li tikkonforma mal-kriterji li ġejjin:

(a)

tinkludi sett konsistenti ta’ prijoritajiet koerenti mal-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, u minħabba l-karatteristiċi tal-proġetti taħt l-iskema, din tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala investiment ta’ prijorità jew inkella mhux ta’ prijorità;

(b)

ikollha durata ta’ aktar minn sena;

(c)

ikollha ambitu nazzjonali jew reġjonali; u

(d)

ikollha l-għan li ssostni lil aktar minn persuna jew entità pubblika jew privata waħda responsabbli għat-tnedija jew inkella għat-tnedija u l-implimentazzjoni ta’ proġetti taħt l-iskema.

KAPITOLU II

FINANZJAMENT TAL-INVESTIMENTI

Artikolu 3

Ħarsa ġenerali lejn l-investimenti

1.   Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, kull Stat Membru benefiċjarju għandu jipprovdi lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u lill-Kumitat tal-Investiment b’ħarsa ġenerali lejn l-investimenti li jkollu l-intenzjoni li jressaq proposti ta’ investiment dwarhom fis-sentejn kalendarji segwenti, kif ukoll informazzjoni aġġornata dwar l-investimenti koperti minn kwalunkwe ħarsa ġenerali preċedenti.

2.   Fil-ħarsa ġenerali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru benefiċjarju għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja dwar kull investiment ippjanat:

(a)

l-isem tal-proponent tal-proġett jew tal-awtorità li tamministra l-iskema;

(b)

il-post speċifiku tal-investiment jew l-ambitu ġeografiku tal-iskema;

(c)

stima tal-kost totali tal-investiment;

(d)

il-qasam tal-investiment u deskrizzjoni fil-qosor tal-investiment;

(e)

l-istatus ta’ kwalunkwe valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li tikkonċerna l-investiment, fejn applikabbli;

(f)

stima tal-finanzjament mill-Fond għall-Modernizzazzjoni u spjegazzjoni tal-proposti ta’ finanzjament maħsuba.

3.   L-informazzjoni inkluża fil-ħarsa ġenerali ma għandhiex tkun vinkolanti għall-Istat Membru benefiċjarju meta jressaq proposti ta’ investiment f’konformità mal-Artikolu 4.

Artikolu 4

Tressiq ta’ proposti ta’ investiment

1.   L-Istati Membri benefiċjarji jistgħu jressqu proposti ta’ investiment lill-BEI u lill-Kumitat tal-Investiment fi kwalunkwe żmien matul sena kalendarja.

Meta jressqu proposti ta’ investiment, l-Istati Membri benefiċjarji għandhom jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fl-Anness I.

L-Istat Membru benefiċjarju għandu jindika jekk il-proposta tikkonċernax investiment ta’ prijorità jew investiment mhux ta’ prijorità.

2.   Fejn investiment jikkonċerna skema, Stat Membru benefiċjarju għandu jressaq proposta f’konformità mal-paragrafu 1 u jispeċifika l-ammont mitlub bħala l-ewwel żborż għall-iskema.

Wara li l-Kummissjoni tkun iddeċidiet dwar l-ewwel żborż għall-iskema f’konformità mal-Artikolu 8(1), kwalunkwe żborż sussegwenti għandu jirrikjedi proposta separata mill-Istat Membru benefiċjarju li tispeċifika l-ammont li għandu jitħallas u li jkun fiha l-informazzjoni aġġornata dwar l-iskema, skont il-każ.

3.   Meta l-Istat Membru benefiċjarju jressaq diversi proposti ta’ investiment sabiex jiġu vvalutati fl-istess ċiklu ta’ żborż biannwali, għandu jindika ordni ta’ prijorità għall-valutazzjoni tal-investimenti ta’ prijorità u ordni ta’ prijorità għall-valutazzjoni tal-investimenti mhux ta’ prijorità. Jekk l-Istat Membru jonqos milli jindika ordni ta’ prijorità, il-BEI jew, kif xieraq, il-Kumitat tal-Investiment għandu jivvaluta l-proposti skont id-dati tat-tressiq tagħhom.

4.   Proposta li tkun tikkonċerna proġett mhux ta’ prijorità fuq skala żgħira tista’ titressaq biss bħala parti minn skema.

5.   L-Istat Membru benefiċjarju ma għandux jitlob il-finanzjament mir-riżorsi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni għal kwalunkwe kost tal-investiment li jkun iffinanzjat minn strument ieħor tal-Unjoni jew nazzjonali.

Artikolu 5

Fondi disponibbli

1.   Erba’ ġimgħat qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-BEI għandu jinforma lill-Istat Membru benefiċjarju, lill-Kumitat tal-Investiment u lill-Kummissjoni dwar il-fondi disponibbli għal dak l-Istat Membru għall-finanzjament ta’ investimenti mill-Fond għall-Modernizzazzjoni (“dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli”).

2.   Id-dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli għandha tispeċifika dawn li ġejjin:

(a)

l-ammont miżmum mal-BEI, eskluż kwalunkwe ammont diġà żborżat iżda li jkun għadu ma tħallasx lill-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 9, u eskluż kwalunkwe kost tal-BEI speċifikat fil-ftehim imsemmi fl-Artikolu 12(3);

(b)

kwalunkwe ammont żborżat għall-investimenti li ma tkomplewx li jżid ir-riżorsi fil-Fond għall-Modernizzazzjoni disponibbli għall-Istat Membru benefiċjarju f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 10(2).

3.   Id-data tal-għeluq tar-rendikont tal-fondi disponibbli għandha tkun l-aħħar jum tax-xahar kalendarju ta’ qabel id-data tat-trażmissjoni tal-informazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 3, l-Istat Membru benefiċjarju jista’ fi kwalunkwe mument jitlob informazzjoni mill-BEI dwar l-ammont immarkat għall-Istat membru miżmum mill-BEI.

Artikolu 6

Konferma tal-investimenti ta’ prijorità

1.   Il-proposti ta’ investiment mressqa mill-Istati Membri benefiċjarji bħala investimenti ta’ prijorità għandhom jiġu vvalutati mill-BEI fl-ewwel ċiklu ta’ żborż biannwali tas-sena kalendarja, jekk jiġu mressqa tal-anqas sitt ġimgħat qabel l-ewwel laqgħa biannwali tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1).

Jekk jitressqu aktar tard minn sitt ġimgħat qabel l-ewwel laqgħa biannwali tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), iżda tal-anqas sitt ġimgħat qabel it-tieni laqgħa biannwali tal-Kumitat, dawn għandhom jiġu vvalutati fit-tieni ċiklu biannwali tal-iżborż tas-sena kalendarja.

Jekk jitressqu aktar tard minn sitt ġimgħat qabel it-tieni laqgħa biannwali tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), dawn għandhom jiġu vvalutati fl-ewwel ċiklu biannwali tal-iżborż tas-sena kalendarja segwenti.

2.   Il-BEI jista’ jitlob mill-Istat Membru benefiċjarju kwalunkwe informazzjoni jew dokument li jqis meħtieġa sabiex jivvaluta l-investiment, dment li tali informazzjoni jew dokument ikunu meħtieġa mill-Anness I. Il-BEI għandu jitlob l-informazzjoni jew id-dokumenti mingħajr dewmien żejjed. Jekk l-Istat Membru benefiċjarju jipprovdi l-informazzjoni jew id-dokumenti mitluba anqas minn sitt ġimgħat qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-BEI jista’ jipposponi l-valutazzjoni tal-proposta għaċ-ċiklu tal-iżborż biannwali segwenti.

3.   Jekk il-BEI jkun tal-fehma li l-proposta tikkonċerna investiment mhux ta’ prijorità, il-BEI għandu jinforma b’dan lill-Istat Membru benefiċjarju mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat mit-tressiq tal-proposta, u jiddikjara r-raġunijiet għall-konklużjoni tiegħu. F’dak il-każ, il-proposta għandha tiġi vvalutata f’konformità mar-rekwiżiti u mal-iskedi ta’ żmien speċifikati fl-Artikolu 7.

4.   Jekk il-proposta ma tikkonformax mal-Artikolu 10d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jew mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-BEI għandu jirritorna l-proposta lill-Istat Membru benefiċjarju mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat mit-tressiq tal-proposta, u jiddikjara r-raġunijiet għall-konklużjoni tiegħu. Il-BEI għandu jinforma minnufih lill-Kumitat tal-Investiment.

5.   Il-valutazzjoni tal-proposta għandha tinkludi verifika tal-kostijiet tal-investiment propost, sakemm il-proporzjonalità tal-ammont ta’ għajnuna riċevuta ma tkunx ġiet vverifikata mill-Kummissjoni skont il-proċedura rilevanti tal-għajnuna mill-Istat.

6.   Il-BEI għandu jivvaluta l-proposta b’rispett tad-dritt applikabbli tal-Unjoni.

7.   Il-BEI jista’ jikkonferma l-proposta bħala investiment ta’ prijorità dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru benefiċjarju jkun wera li l-investiment jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u li jkun jaqa’ f’tal-anqas qasam wieħed minn dawk elenkati fl-Artikolu 10d(2) ta’ dik id-Direttiva;

(b)

l-Istat Membru benefiċjarju jkollu biżżejjed fondi disponibbli skont id-dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli msemmija fl-Artikolu 5(1) u wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe ammont li għandu jiġi żborżat għal investimenti diġà kkonfermati f’konformità mal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

l-Istat Membru benefiċjarju jkun ipprovda evidenza li l-proposta ta’ investiment tissodisfa wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

il-proposta tkun kisbet l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

il-proposta tkun eżentata min-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (5);

il-proposta ma tkunx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

(d)

l-Istat Membru benefiċjarju jkun ikkonferma bil-miktub li l-investiment jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit applikabbli ieħor tad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali;

(e)

skont l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru benefiċjarju dwar il-kontribuzzjonijiet minn strumenti oħra tal-Unjoni u nazzjonali, l-ammonti mitluba mill-Fond għall-Modernizzazzjoni ma jkunux maħsuba sabiex ikopru l-istess kostijiet tal-investiment bħal dawk iffinanzjati minn strument ieħor tal-Unjoni jew nazzjonali.

8.   Meta proposta tkun tikkonċerna żborż sussegwenti għal skema kkonfermata mill-BEI f’konformità mal-paragrafu 9 qabel l-ewwel żborż, il-valutazzjoni tal-proposta mill-BEI għandha tkun limitata għall-verifika tal-fondi disponibbli f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 7, dment li ma jkunx seħħ tibdil fl-iskema.

9.   Il-BEI għandu jiddeċiedi dwar il-konferma tal-proposta bħala investiment ta’ prijorità sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1).

Il-BEI għandu jinforma minnufih lill-Istat Membru benefiċjarju kkonċernat u lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

10.   Sa mhux aktar tard minn ġimgħa qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-BEI għandu jinforma lill-Kumitat dwar il-proposti ta’ investiment ta’ kull Stat Membru benefiċjarju kkonfermati bħala investimenti ta’ prijorità f’konformità mal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu u l-ammont li għandu jiġi żborżat għal kull investiment.

Artikolu 7

Rakkomandazzjonijiet dwar investimenti mhux ta’ prijorità

1.   Il-proposti ta’ investiment imressqa mill-Istati Membri benefiċjarji bħala investimenti mhux ta’ prijorità għandhom jiġu vvalutati mill-Kumitat tal-Investiment fl-ewwel ċiklu ta’ żborż biannwali tas-sena kalendarja, jekk jitressqu mill-inqas 10 ġimgħat qabel l-ewwel laqgħa biannwali tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1).

Jekk jitressqu aktar tard minn 10 ġimgħat qabel l-ewwel laqgħa biannwali tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), iżda tal-anqas 10 ġimgħat qabel it-tieni laqgħa biannwali tal-Kumitat, dawn għandhom jiġu vvalutati fit-tieni ċiklu biannwali tal-iżborż tas-sena kalendarja.

Jekk jitressqu aktar tard minn 10 ġimgħat qabel it-tieni laqgħa biannwali tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), dawn għandhom jiġu vvalutati fl-ewwel ċiklu biannwali tal-iżborż tas-sena kalendarja segwenti.

2.   Sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-BEI għandu jlesti valutazzjoni tad-diliġenza teknika u finanzjarja dovuta tal-proposta, inkluża valutazzjoni tat-tnaqqis mistenni tal-emissjonijiet.

3.   Il-BEI jista’ jitlob mill-Istat Membru benefiċjarju kwalunkwe informazzjoni jew dokument li jqis meħtieġ sabiex iwettaq il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta teknika u finanzjarja, dment li tali informazzjoni jew dokument ikunu meħtieġa mill-Anness I. Il-BEI għandu jitlob l-informazzjoni jew id-dokumenti mingħajr dewmien żejjed. Jekk l-Istat Membru benefiċjarju jipprovdi l-informazzjoni jew id-dokumenti mitluba anqas minn 10 ġimgħat qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-BEI jista’ jipposponi t-tlestija tal-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta għaċ-ċiklu tal-iżborż biannwali segwenti.

4.   Il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta finanzjarja mill-BEI għandha tinkludi verifika tal-kostijiet tal-investiment propost, sakemm il-proporzjonalità tal-ammont ta’ għajnuna riċevuta ma tkunx ġiet ivverifikata mill-Kummissjoni skont il-proċedura rilevanti tal-għajnuna mill-Istat.

5.   Il-BEI għandu jwettaq il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta b’rispett tad-dritt applikabbli tal-Unjoni.

6.   Il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta mill-BEI għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni tar-rappreżentant tal-BEI dwar l-approvazzjoni tal-finanzjament tal-proposta ta’ investiment. Il-BEI għandu jibgħat minnufih il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta lill-Kumitat tal-Investiment.

7.   Il-Kumitat tal-Investiment jista’ joħroġ rakkomandazzjoni dwar il-finanzjament tal-proposta ta’ investiment dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru benefiċjarju jkun wera li l-investiment jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(b)

l-Istat Membru benefiċjarju jkollu biżżejjed fondi disponibbli skont id-dikjarazzjoni ta’ fondi disponibbli msemmija fl-Artikolu 5(1) u wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe ammont li għandu jiġi żborżat skont l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6(10) u fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet diġà maħruġa f’konformità mal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

is-sehem tal-fondi allokati għall-investimenti ta’ prijorità jkun tal-anqas 70 % tal-ammont totali tal-fondi użati mill-Istat Membru benefiċjarju, inklużi l-fondi li ġejjin:

il-fondi diġà żborżati għal investimenti ta’ prijorità u mhux ta’ prijorità;

il-fondi li għad iridu jiġu żborżati skont l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6(10);

il-fondi li għad iridu jiġu żborżati skont ir-rakkomandazzjonijiet diġà maħruġa skont il-paragrafu 9;

il-fondi mitluba għall-proposta ta’ investiment taħt il-valutazzjoni;

(d)

il-finanzjament ikun konformi mar-raba’ sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10d(6) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(e)

l-Istat Membru benefiċjarju jkun ipprovda evidenza li l-proposta ta’ investiment tissodisfa kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

tkun kisbet l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

tkun eżentata min-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 651/2014;

ma tkunx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

(f)

l-Istat Membru benefiċjarju jkun ikkonferma bil-miktub li l-investiment jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit applikabbli ieħor tad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali;

(g)

skont l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru benefiċjarju dwar il-kontribuzzjonijiet minn strumenti oħra tal-Unjoni u nazzjonali, l-ammonti mitluba mill-Fond għall-Modernizzazzjoni ma jkunux maħsuba sabiex ikopru l-istess kostijiet tal-investiment bħal dawk iffinanzjati minn strument ieħor tal-Unjoni jew nazzjonali.

8.   Fejn proposta tikkonċerna żborż sussegwenti għal skema rrakkomandata għall-finanzjament mill-Kumitat tal-Investiment f’konformità mal-paragrafu 9 qabel l-ewwel żborż, il-proposta ma għandhiex tirrikjedi t-twettiq tal-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta mill-BEI, u l-valutazzjoni tal-proposta mill-Kumitat għandha tkun limitata għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti speċifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 7, dment li ma jkun hemm l-ebda tibdil fl-iskema.

9.   Il-Kumitat tal-Investiment għandu joħroġ rakkomandazzjoni dwar il-proposta ta’ investiment fil-laqgħa msemmija fl-Artikolu 11(1), li fiha jispeċifika l-ammont tas-sostenn mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, jiddikjara r-raġunijiet għall-konklużjoni tiegħu, u jinkludi kwalunkwe suġġeriment rigward strumenti ta’ finanzjament xierqa.

10.   Jekk il-Kumitat tal-Investiment ma jirrakkomandax il-finanzjament tal-investiment, għandu jiddikjara r-raġunijiet għall-konklużjoni tiegħu. F’każ bħal dan, l-investiment ma għandux jiġi sostnut mill-Fond għall-Modernizzazzjoni. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrevedi l-proposta ta’ investiment filwaqt li jqis is-sejbiet tal-Kumitat tal-Investiment u jista’ jressaq proposta ta’ investiment ġdida fi kwalunkwe ċiklu ta’ żborż biannwali sussegwenti.

Artikolu 8

Deċiżjoni dwar l-iżborż tal-Kummissjoni

1.   Wara l-laqgħa msemmija fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien żejjed tadotta d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 10d(3) tad-Direttiva 2003/87/KE li tispeċifika l-ammont tar-riżorsi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni li għandhom jiġu żborżati għal kull investiment ikkonfermat bħala investiment ta’ prijorità mill-BEI jew irrakkomandat għall-finanzjament mill-Kumitat tal-Investiment (“deċiżjoni dwar l-iżborż”).

Id-deċiżjoni li tikkonċerna żborż tar-riżorsi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni għal skema għandha tispeċifika l-ammont tal-ewwel żborż jew kwalunkwe żborż sussegwenti, kif xieraq.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni ta’ żborż lill-Istati Membri benefiċjarji kkonċernati, u għandha tinforma b’dan lill-BEI u lill-Kumitat tal-Investiment.

Artikolu 9

Pagamenti

Fi żmien 30 jum mid-data tad-deċiżjoni dwar l-iżborż, il-BEI għandu jibgħat lill-Istat Membru benefiċjarju l-ammont rilevanti tas-sostenn tal-Fond għall-Modernizzazzjoni.

Artikolu 10

Investimenti li ma jitkomplewx

1.   Soġġett għall-evidenza dokumentarja pprovduta mill-Istat Membru benefiċjarju fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 13, investiment għandu jitqies li ma tkompliex f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-proponent tal-proġett jew l-awtorità maniġerjali tal-iskema ma jkunux iffinanzjaw l-investiment għall-perjodu li jaqbeż sentejn konsekuttivi;

(b)

il-proponent tal-proġett ma nefaqx l-ammont totali tad-dħul mill-Fond għall-Modernizzazzjoni maħruġ għall-investiment fi żmien ħames snin mid-data tad-deċiżjoni dwar l-iżborż rilevanti tal-Kummissjoni.

Il-punt (b) ma għandux japplika għal skemi.

2.   Bid-deċiżjoni adottata f’konformità mal-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha timmodifika l-ammont diġà żborżat għall-investiment li ma tkompliex billi tnaqqas kwalunkwe ammont li jkun għadu ma tħallasx mill-Istat Membru benefiċjarju lill-proponent tal-proġett jew lill-awtorità maniġerjali tal-iskema. Kwalunkwe ammont mhux imħallas ta’ dan it-tip għandu jżid ir-riżorsi fil-Fond għall-Modernizzazzjoni disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 5(2)(b), u għandu jiġi paċut ma’ kwalunkwe pagament futur mill-BEI lill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 9.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, qabel id-data tal-għeluq tad-dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli msemmija fl-Artikolu 5(3), l-Istat Membru benefiċjarju jista’ jinforma lill-Kummissjoni dwar investiment li ma tkompliex u jitlob modifika tad-deċiżjoni dwar l-iżborż f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Din it-talba tista’ tikkonċerna l-ammonti li jkunu għadhom ma tħallsux lill-proponent tal-proġett jew lill-awtorità maniġerjali tal-iskema u l-ammonti diġà mħallsa lill-proponent tal-proġett jew lill-awtorità maniġerjali tal-iskema, iżda sussegwentement irkuprati mill-Istat Membru benefiċjarju. L-Istat Membru benefiċjarju għandu jipprovdi l-evidenza dokumentarja rilevanti li tiġġustifika t-talba. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika għall-modifika tad-deċiżjoni dwar l-iżborż, għaż-żieda tar-riżorsi fil-Fond għall-Modernizzazzjoni disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat, u għat-tpaċija tal-ammont irritornat lill-Fond kontra kwalunkwe pagament futur mill-BEI lill-Istat Membru.

Artikolu 11

L-Operat tal-Kumitat tal-Investiment

1.   Il-Kumitat tal-Investiment għandu jiltaqa’ darbtejn fis-sena, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Lulju u mill-15 ta’ Diċembru. Is-segretarjat tal-Kumitat tal-Investiment għandu jikkomunika d-data tal-laqgħa lill-Istati Membri malli dik id-data ssir disponibbli.

2.   Sakemm il-Kumitat ma jkunx qed joħroġ rakkomandazzjoni f’konformità mal-ewwel u mat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10d(7) tad-Direttiva 2003/87/KE, għandu jitqies li hemm kworum jekk tal-anqas nofs ir-rappreżentanti tal-Istati Membri benefiċjarji, ir-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri mhux benefiċjarji u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-BEI jkunu preżenti.

3.   L-Istati Membri mhux benefiċjarji għandhom jeleġġu tliet rappreżentanti fil-Kumitat tal-Investiment b’votazzjoni li tkun tinkludi lill-kandidati kollha. Kull Stat Membru mhux benefiċjarju jista’ jipproponi kandidat wieħed. Għandhom jiġu eletti t-tliet kandidati li jirċievu l-akbar numru ta’ voti. Jekk żewġ kandidati jew aktar iġibu l-istess numru ta’ voti u, b’riżultat ta’ dan, ikunu eletti aktar minn tliet kandidati, il-votazzjoni għandha titkompla, billi tinkludi lill-kandidati kollha, ħlief għall-kandidat(i) li jkun(u) irċieva/irċevew l-ogħla numru ta’ voti, u jekk ikun il-każ, it-tieni l-ogħla numru ta’ voti.

4.   Il-membri tal-Kumitat tal-Investiment jista’ ma jkollhomx interessi finanzjarji jew interessi oħrajn f’industriji li jikkwalifikaw għas-sostenn mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, kemm jekk diretti kif ukoll indiretti, li jistgħu jaffettwaw l-imparzjalità tagħhom jew jistgħu oġġettivament jiġu perċepiti bħala tali. Huma għandhom jaġixxu fl-interess tal-pubbliku u b’mod indipendenti. Dawn għandhom jagħmlu dikjarazzjoni tal-interessi qabel ma jibdew bil-kariga tagħhom fil-Kumitat tal-Investiment, u għandhom jaġġornaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom kull meta jseħħ tibdil rilevanti.

5.   Il-BEI għandu jipprovdi sostenn amministrattiv u loġistiku lill-Kumitat tal-Investiment (is-segretarjat), inkluż sostenn lill-amministrazzjoni ta’ sit web iddedikat għall-Fond għall-Modernizzazzjoni.

6.   Fuq proposta mid-dipartiment kompetenti tal-Kummissjoni, il-Kumitat tal-Investiment għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu li għandhom, b’mod partikolari, jistabbilixxu proċeduri għal dawn li ġejjin:

(a)

il-ħatra tal-membri u tal-osservaturi għall-Kumitat tal-Investiment, u s-sostituti tagħhom;

(b)

l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Kumitat tal-Investiment;

(c)

regoli dettaljati dwar il-kunflitt ta’ interess, inkluża d-dikjarazzjoni mudell ta’ interessi.

7.   Il-membri tal-Kumitat tal-Investiment ma għandhom jirċievu l-ebda remunerazzjoni jew rimborż tal-kostijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Kumitat.

Artikolu 12

Linji gwida dwar l-immaniġġjar tal-assi u ftehim mal-BEI

1.   Il-BEI għandu jiżviluppa linji gwida għall-immaniġġjar ta’ assi biex jimmaniġġja d-dħul mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, filwaqt li jqis l-objettivi tad-Direttiva 2003/87/KE u r-regoli interni tal-BEI.

2.   Wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tidħol fi ftehim mal-BEI li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi li skont dawn il-BEI għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Dawk it-termini u l-kundizzjonijiet għandhom ikopru l-kompiti li ġejjin:

(a)

l-irkant u l-monetizzazzjoni tal-kwoti ddestinati għall-Fond għall-Modernizzazzjoni, f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 (6);

(b)

l-immaniġġjar tad-dħul mill-Fond għall-Modernizzazzjoni;

(c)

il-konferma tal-proposti ta’ investiment ta’ prijorità skont l-Artikolu 6 u t-twettiq tad-diliġenza dovuta tal-proposti ta’ investiment mhux ta’ prijorità skont l-Artikolu 7;

(d)

l-għoti ta’ segretarjat lill-Kumitat tal-Investiment, inkluża l-amministrazzjoni ta’ sit web iddedikat għall-Fond għall-Modernizzazzjoni;

(e)

it-tħejjija ta’ abbozzi ta’ rapporti tal-Kumitat tal-Investiment skont l-Artikolu 14.

3.   Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jispeċifika l-mekkaniżmu għall-irkupru tal-kosti tal-BEI għat-twettiq tal-kompiti tiegħu. Il-mekkaniżmu tal-irkupru tal-kosti relatat mal-konferma tal-investimenti ta’ prijorità u t-twettiq tad-diliġenza dovuta ta’ investimenti mhux ta’ prijorità għandu jqis l-għadd u l-kumplessità tal-proposti mressqa minn kull Stat Membru benefiċjarju. Il-kostijiet tal-BEI għat-twettiq tal-kompiti tiegħu għandhom jiġu ffinanzjati mill-fondi disponibbli għal kull Stat Membru benefiċjarju kif imsemmi fl-Artikolu 5(2)(a). Il-BEI għandu jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar it-tlestija tal-kompiti skont il-ftehim u l-kosti relatati.

KAPITOLU III

IL-MONITORAĠĠ, IR-RAPPORTAR, L-EVALWAZZJONI U L-AWDITJAR

Artikolu 13

Il-monitoraġġ u r-rapportar mill-Istati Membri benefiċjarji

1.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-investimenti ffinanzjati mill-Fond għall-Modernizzazzjoni. Sat-30 ta’ April, l-Istati Membri benefiċjarji għandhom iressqu lill-Kummissjoni rapport annwali għas-sena preċedenti li jkun fih l-informazzjoni speċifikata fl-Anness II.

2.   Ir-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun akkumpanjat mill-informazzjoni li ġejja:

(a)

evidenza dokumentarja tal-finanzjament tal-investimenti mill-Fond għall-Modernizzazzjoni fis-sena preċedenti;

(b)

id-dikjarazzjoni finanzjarja annwali fir-rigward ta’ kull investiment, jew fil-każ ta’ skema, id-dikjarazzjoni finanzjarja li tistipula d-data aggregata dwar in-nefqiet tal-iskema fis-sena preċedenti.

Artikolu 14

Ir-rapportar mill-Kumitat tal-Investiment

1.   Ir-rapport annwali tal-Kumitat ta’ Investiment imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 10d(11) tad-Direttiva 2003/87/KE, għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta’ proposti ta’ investiment riċevuti, inkluża l-ispeċifikazzjoni tal-qasam ta’ investiment;

(b)

l-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet maħruġa u l-konklużjonijiet sommarji ta’ kull rakkomandazzjoni;

(c)

ħarsa ġenerali lejn il-konklużjonijiet ewlenin rigward l-investimenti proposti bħala segwitu mid-diliġenza teknika u finanzjarja dovuta mwettqa mill-BEI;

(d)

l-esperjenza prattika dwar l-aspetti proċedurali tal-ħruġ tar-rakkomandazzjonijiet.

2.   Abbażi ta’ abbozz imħejji mill-BEI, il-Kumitat tal-Investiment għandu jadotta r-rapport finali għas-sena preċedenti sal-15 ta’ Marzu, u għandu jressqu minnufih lill-Kummissjoni.

Artikolu 15

Rieżami u evalwazzjoni tal-Fond

1.   Fir-rieżami msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 10d(11) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni għandha tkopri l-oqsma li ġejjin:

(a)

konferma tal-investimenti ta’ prijorità mill-BEI;

(b)

valutazzjoni ta’ investimenti mhux ta’ prijorità mill-Kumitat tal-Investiment;

(c)

il-finanzjament u l-monitoraġġ tal-investimenti mill-Istati Membri benefiċjarji;

(d)

kwalunkwe aspett proċedurali rilevanti rigward l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni.

Abbażi tar-riżultati tar-rieżami, il-Kummissjoni għandha, skont xi jkun il-każ, tagħmel il-proposti rilevanti.

2.   Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-progress lejn il-kisba tal-objettivi tal-Fond kif stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 10d tad-Direttiva 2003/87/KE.

3.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed ir-riżultati tar-rieżami u l-evalwazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Artikolu 16

Awditi u protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Fond

1.   Il-BEI għandu jħejji l-kontijiet annwali tal-Fond għall-Modernizzazzjoni għal kull sena finanzjarja, li għandha tkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru, filwaqt li jqis ir-rapporti finanzjarji pprovduti skont l-Artikolu 13(2)(b). Dawn il-kontijiet għandu jsirilhom awditjar estern indipendenti.

2.   Il-BEI għandu jippreżenta r-rapporti li ġejjin lill-Kummissjoni:

(a)

sal-31 ta’ Marzu, ir-rapporti finanzjarji mhux awditjati tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jkopru s-sena finanzjarja preċedenti;

(b)

sat-30 ta’ April, ir-rapporti finanzjarji awditjati tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jkopru s-sena finanzjarja preċedenti.

3.   Il-kontijiet u r-rapporti finanzjarji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitfasslu f’konformità mal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS).

4.   L-Istati Membri benefiċjarji għandu jkollhom is-setgħa li jawditjaw, abbażi ta’ dokumenti u kontrolli fuq il-post, lill-proponenti tal-proġetti u lill-awtoritajiet maniġerjali tal-iskema, lill-kuntratturi u lis-sottokuntratturi kollha li jipprovdulhom sostenn mill-Fond għall-Modernizzazzjoni.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri benefiċjarji, il-proponenti tal-proġetti u l-awtoritajiet maniġerjali tal-iskemi, il-kuntratturi u s-subkuntratturi li jkunu rċevew ir-riżorsi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni għandhom iżommu disponibbli, għal perjodu ta’ ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta’ kwalunkwe proġett jew skema, id-dokumenti ta’ sostenn u l-informazzjoni kollha dwar il-ħlas jew in-nefqa magħmula.

6.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li, meta jiġu implimentati attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Fond għall-Modernizzazzjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa b’mod indebitu u, fejn ikun xieraq, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-irkupri għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri benefiċjarji.

Għal kwalunkwe ammont irkuprat, l-Istat Membru benefiċjarju għandu jitlob modifika ta’ deċiżjoni dwar l-iżborż f’konformità mal-Artikolu 10(3).

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli fuq is-siti web tad-dipartimenti rilevanti tal-amministrazzjonijiet tagħhom informazzjoni dwar l-investimenti sostnuti taħt dan ir-Regolament, sabiex jinformaw lill-pubbliku dwar ir-rwol u l-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Tali informazzjoni għandha tinkludi referenza espliċita għas-sostenn tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jkunu rċevew.

2.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji finali tas-sostenntal-Fond għall-Modernizzazzjoni jipprovdu informazzjoni koerenti, relevanti u mmirata dwar is-sostenn mill-Fond għall-Modernizzazzjoni riċevut lil udjenzi multipli, inklużi l-midja u l-pubbliku.

3.   L-isem tal-Fond għall-Modernizzazzjoni għandu jintuża għall-attivitajiet kollha ta’ komunikazzjoni u għandu jidher fuq kartelluni ta’ avviż f’postijiet strateġiċi viżibbli għall-pubbliku.

4.   L-Istati Membri benefiċjarji u l-Kummissjoni għandhom iwettqu azzjonijiet ta’ informazzjoni, ta’ komunikazzjoni u ta’ promozzjoni relatati mas-sostenn u mar-riżultati tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Tali azzjonijiet għandhom jiffaċilitaw l-iskambji tal-esperjenza, tal-għarfien u tal-aħjar prattiki fir-rigward tat-tfassil, tat-tħejjija u tal-implimentazzjoni tal-investimenti permezz tal-Fond għall-Modernizzazzjoni.

Artikolu 18

Trasparenza

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, is-segretarjat tal-Kumitat tal-Investiment għandu jagħmel arranġamenti għall-pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-Fond għall-Modernizzazzjoni tal-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ismijiet tal-membri u tal-osservaturi lill-Kumitat tal-Investiment, u l-affiljazzjoni tagħhom;

(b)

il-curricula vitae u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-Kumitat tal-Investiment;

(c)

il-konfermi tal-BEI dwar l-investimenti ta’ prijorità;

(d)

ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment dwar investimenti mhux ta’ prijorità;

(e)

id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iżborż;

(f)

ir-rapporti annwali mressqa mill-Istati Membri benefiċjarji skont l-Artikolu 13;

(g)

ir-rapporti annwali mmressqa mill-Kumitat tal-Investiment skont l-Artikolu 14;

(h)

ir-rieżami u l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni skont l-Artikolu 15.

2.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-BEI ma għandhom jiddivulgaw l-ebda informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali inkluża fi kwalunkwe dokument, informazzjoni jew materjal ieħor mressqa minnhom jew minn kwalunkwe parti terza b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM(2019) 640 final tal-11 ta’ Diċembru 2019.

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM(2020) 21 final tal-14 ta’ Jannar 2020.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 302 18.11.2010, p. 1).


ANNESS I

Informazzjoni dwar il-proposta ta’ investiment li trid titressaq lill-BEI u lill-Kumitat tal-Investiment

1.   Fil-każ tal-proposti kollha tal-investiment

1.1.

speċifikazzjoni tal-qasam ta’ investiment f’konformità mal-Artikolu 10d(1) jew (2) tad-Direttiva 2003/87/KE, kif xieraq;

1.2.

deskrizzjoni ġenerali tal-investiment, inklużi l-objettivi u l-benefiċjarju/i fil-mira, it-teknoloġija (jekk rilevanti), il-kapaċità (jekk rilevanti) u t-tul ta’ żmien stmat tal-investiment;

1.3.

ġustifikazzjoni għas-sostenn min-naħa tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, inkluża l-konferma tal-konformità ta’ investiment mal-Artikolu 10d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE;

1.4.

speċifikazzjoni tal-kostijiet li jridu jiġu koperti mill-Fond għall-Modernizzazzjoni;

1.5.

deskrizzjoni tal-istrument(i) ta’ sostenn użat(i);

1.6.

l-ammont tal-finanzjament mitlub mill-Fond għall-Modernizzazzjoni;

1.7.

kontribuzzjoni(jiet) minn strumenti oħra nazzjonali u tal-Unjoni;

1.8.

l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat), u indikazzjoni ta’ dan li ġej, kif applikabbli:

(a)

ir-referenza għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-miżura nazzjonali ta’ għajnuna;

(b)

ir-referenza li l-miżura ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ġiet irreġistrata taħtha (in-numru tal-għajnuna mill-Istat attribwit mis-sistema elettronika ta’ notifika tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 651/2014);

(c)

iż-żmien mistenni għan-notifika tal-miżura ta’ għajnuna lill-Kummissjoni;

1.9.

dikjarazzjoni tal-konformità tal-Istat Membru mal-liġijiet applikabbli nazzjonali u tal-Unjoni;

1.10.

meta l-investiment ikun jimmira li jimplimenta pjan ta’ tranżizzjoni territorjali ġust, informazzjoni dwar il-kontribut mistenni tal-investiment għal dak il-pjan.

2.   Informazzjoni addizzjonali dwar l-iskemi

2.1.

isem l-awtorità tal-ġestjoni;

2.2.

indikazzjoni dwar jekk il-proposta tikkonċernax skema eżistenti;

2.3.

il-volum totali tal-iskema.

3.   Informazzjoni addizzjonali dwar proposti li mhumiex skemi

3.1.

isem il-proponent tal-proġett;

3.2.

il-post fejn se jsir il-proġett;

3.3.

il-kostijiet totali tal-investiment;

3.4.

l-istadju tal-iżvilupp tal-proġett (mill-fattibbiltà sal-operazzjoni);

3.5.

lista tal-permessi mandatorji li nkisbu jew li jridu jinkisbu.

4.   Informazzjoni addizzjonali dwar proposti mhux ta’ prijorità

4.1.

data kwantitattiva dwar il-fażijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operazzjoni, inkluż il-kontribut tal-proposta għall-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, tal-qafas ta’ politika tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030 u tal-Ftehim ta’ Pariġi;

4.2.

tbassir finanzjarju ċċertifikat, inkluż il-kontribut finanzjarju maħsub minn sorsi privati;

4.3.

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe indikatur tal-prestazzjoni ieħor li jkun fil-mira, kif mitlub mill-BEI;

4.4.

informazzjoni oħra rilevanti relatata mal-proponent tal-proġett, mal-investiment, mal-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq u ma’ kwistjonijiet ambjentali.

ANNESS II

Informazzjoni li trid tingħata mill-Istat Membru benefiċjarju fir-rapport annwali lill-Kummissjoni

1.   Ħarsa ġenerali lejn l-investimenti

1.1.

l-għadd ta’ investimenti ffinanzjati mill-Fond għall-Modernizzazzjoni sal-lum;

1.2.

l-għadd ta’ investimenti li għadhom għaddejjin, li tlestew u li ma tkomplewx;

1.3.

il-proporzjon globali tal-finanzjament ipprovdut għall-investimenti ta’ prijorità meta mqabbel ma’ dak ipprovdut għall-investimenti mhux ta’ prijorità, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru benefiċjarju.

2.   Informazzjoni dwar kull investiment

2.1.

l-investiment totali attivat (il-kostijiet totali tal-investiment);

2.2.

id-dati u l-ammonti tal-pagamenti mill-Fond għall-Modernizzazzjoni lill-proponent tal-proġett jew lill-awtorità tal-ġestjoni tal-iskema;

2.3.

l-ammonti riċevuti mill-Fond għall-Modernizzazzjoni mill-Istat Membru benefiċjarju iżda li jkun għadhom ma tħallsux lill-proponent tal-proġett jew lill-awtorità tal-ġestjoni tal-iskema;

2.4.

kwalunkwe ammont irkuprat mill-Istat Membru benefiċjarju mingħand il-proponent tal-proġett jew mingħand l-awtorità tal-ġestjoni tal-iskema, u d-dati tal-irkupru;

2.5.

valutazzjoni tal-valur miżjud tal-investiment f’termini tal-effiċjenza enerġetika u tal-modernizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, inkluża informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

l-enerġija ffrankata f’MWh;

(b)

it-total kumulattiv mistenni ta’ MWh iffrankat sa tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tal-investiment;

(c)

l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra ffrankati f’tCO2;

(d)

it-total kumulattiv mistenni ta’ tCO2 iffrankat sa tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tal-investiment;

(e)

il-kapaċità addizzjonali ta’ enerġija rinnovabbli installata, jekk applikabbli;

(f)

lieva akkwistata tal-fondi (ammont totali investit b’rabta mal-kontribuzzjoni mill-Fond għall-Modernizzazzjoni);

2.6.

meta l-investiment ikun jimmira li jimplimenta pjan ta’ tranżizzjoni territorjali ġust, informazzjoni dwar il-kontribut mistenni tal-investiment għal dak il-pjan.

2.7.

għall-iskemi, id-data tar-rappurtar speċifikata għandha tiġi ppreżentata f’forma aggregata.

3.   Informazzjoni addizzjonali dwar investimenti li mhumiex skemi

3.1.

l-istadji importanti li nkisbu minn mindu sar ir-rapport annwali preċedenti;

3.2.

id-dħul fis-seħħ mistenni;

3.3.

id-dewmien identifikat jew mistenni fl-implimentazzjoni;

3.4.

il-bidliet identifikati jew mistennija fil-kostijiet eliġibbli, fit-teknoloġija applikata jew fir-riżultati ta’ investiment.

4.   Informazzjoni addizzjonali dwar investimenti mhux ta’ prijorità

4.1.

konferma tal-kofinanzjament minn sorsi privati.