|
8.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 217/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/977
tas-7 ta’ Lulju 2020
li jidderoga mir-Regolamenti (KE) Nru 889/2008 u (KE) Nru 1235/2008 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontrolli fuq il-produzzjoni tal-prodotti organiċi minħabba l-pandemija tal-COVID-19
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 28(6), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(2) u l-Artikolu 38(c), (d) u (e) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment li daħħlu l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-forma ta’ miżuri nazzjonali jikkostitwixxu sfida eċċezzjonali u bla preċedent għall-Istati Membri u għall-operaturi b’rabta mat-twettiq tal-kontrolli kif speċifikat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 u fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (2) u (KE) Nru 1235/2008 (3). |
|
(2) |
Abbażi tal-informazzjoni li bagħtu l-Istati Membri, jeħtieġ li jkun hemm deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 889/2008 u (KE) Nru 1235/2008. |
|
(3) |
F’dak li għandu x’jaqsam mal-kontrolli uffiċjali u ma’ attivitajiet uffiċjali oħra li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/466 (5) jippermetti lill-Istati Membri japplikaw miżuri temporanji sal-1 ta’ Awwissu 2020 biex jiġu limitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali fis-sitwazzjoni speċifika marbuta mal-COVID-19. |
|
(4) |
B’mod partikulari, għadd ta’ Stati Membri u ta’ partijiet ikkonċernati avżaw lill-Kummissjoni li dawn ir-restrizzjonijiet u t-tfixkil li wasslu għalih xekklu l-kapaċità tagħhom li jivverifikaw l-integrità tal-prodotti organiċi. Is-soltu, il-persunal tal-awtoritajiet kompetenti jew, meta jkun xieraq, tal-awtoritajiet ta’ kontroll u tal-korpi ta’ kontroll iridu jżuru lill-operaturi u/jew jivvjaġġaw distanzi twal biex iwettqu l-ispezzjonijiet fiżiċi għall-finijiet tal-kontrolli uffiċjali. Billi bħalissa l-ivvjaġġar u t-twettiq tal-ispezzjonijiet fiżiċi mhumiex permessi jew huma ristretti ħafna minħabba l-miżuri nazzjonali, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti jew, meta jkun xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, ikunu jistgħu jsejsu l-kontrolli tagħhom fuq il-verifika tad-dokumenti u jużaw kull mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod disponibbli minflok, għal perjodu partikulari. Fil-każ tal-operaturi b’riskju baxx, kif stabbilit permezz tal-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-awtorità kompetenti jew, meta jkun xieraq, tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll, kif iddefinit fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, huwa xieraq li l-ispezzjonijiet fiżiċi jiġu sostitwiti bit-tali verifiki tad-dokumenti. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment wasslu għal dewmien fiż-żjarat annwali ta’ kontroll, u għamluha diffiċli għall-awtorità kompetenti jew, meta jkun xieraq, għall-awtoritajiet ta’ kontroll jew għall-korpi ta’ kontroll li jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jwettqu żjarat addizzjonali aleatorji, spezzjonijiet għall-għarrieda u t-teħid ta’ kampjuni b’rabta ma’ ċerti operaturi bi profil partikulari. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-operaturi jibqgħu jkunu jistgħu jissieħbu fl-iskema tal-produzzjoni organika. Madankollu, sa ma jkunu jistgħu jerġgħu jibdew l-attivitajiet normali ta’ kontroll wara li jintemmu l-miżuri nazzjonali marbutin mal-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti jew, meta jkun xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, jitħallew jipposponu l-ispezzjonijiet fiżiċi u jiddependu fuq il-verifiki tad-dokumenti, fosthom fuq il-verifiki li jitwettqu permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod disponibbli sa ma jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jitwettqu l-attivitajiet normali. |
|
(6) |
Huwa importanti ferm li l-investigazzjonijiet dwar il-każijiet issuspettati ta’ ksur u ta’ irregolaritajiet marbutin mar-regoli tal-produzzjoni organika jkomplu jitwettqu fil-ħin. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li t-tali investigazzjonijiet jitwettqu bi kwalunkwe mezz disponibbli, filwaqt li l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll jingħataw l-opportunità jwettqu l-ispezzjonijiet fiżiċi meħtieġa fi stadju iktar tard. |
|
(7) |
Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment li l-Istati Membri applikaw minħabba l-pandemija tal-COVID-19 bħalissa qed jipprevjenu l-komunikazzjoni fil-ħin bejn l-Istati Membri, bejn il-korpi ta’ kontroll u l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar l-investigazzjonijiet imwettqin biex tiġi stabbilita l-oriġini tal-ksur jew tal-irregolaritajiet li jkunu nstabu. Għalhekk jenħtieġ li ċerti skadenzi jiġu estiżi. |
|
(8) |
Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment li l-Istati Membri qed japplikaw bħalissa minħabba l-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw ukoll il-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-ispezzjoni annwali tal-korpi ta’ kontroll li jkunu tqabbdu jagħmlu ċerti kompiti ta’ kontroll. Jeħtieġ jiġi ċċarat li awtorità kompetenti tista’ twettaq awditi ta’ superviżjoni b’mod temporanju minflok. |
|
(9) |
Barra minn hekk, minħabba l-miżuri li ddaħħlu biex titħares saħħet il-bniedem, ir-restrizzjonijiet serji imposti fuq it-trasport affettwaw is-servizzi tal-kurriera li kienu jwasslu l-verżjoni taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni stampata u ffirmata bl-idejn meħtieġa għall-konsenji importati. Minħabba f’hekk, jeħtieġ ukoll li jkun hemm deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 f’dak li għandu x’jaqsam mal-obbligu li wieħed ikollu verżjoni stampata taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni. |
|
(10) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika sa tmiem Settembru tal-2020. Madankollu, jenħtieġ li l-verifiki tad-dokumenti fil-każ tal-operaturi b’riskju baxx, kif stabbilit permezz tal-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-awtorità kompetenti jew, meta jkun xieraq, tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll, kif iddefinit fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, jitħallew jieħdu post l-ispezzjonijiet fiżiċi rilevanti sa tmiem Diċembru tal-2020. Minħabba l-informazzjoni li bagħtu għadd ta’ Stati Membri, huwa xieraq li jiġi previst li dan ir-Regolament ikun japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Marzu 2020 ’il quddiem. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-għadd ta’ kampjuni li jittieħdu, ta’ żjarat addizzjonali aleatorji u ta’ spezzjonijiet għall-għarrieda jiġu kkalkulati fuq l-2020 kollha. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(11) |
Wara li faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 fiċ-Ċina, dak il-pajjiż impona restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mill-bidu ta’ Jannar tal-2020. Minħabba f’hekk, huwa xieraq li tiġi prevista data ta’ applikazzjoni iktar bikrija għall-attivitajiet ta’ kontroll li twettqu fiċ-Ċina. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-produzzjoni organika, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Derogi mir-Regolament (KE) Nru 889/2008
1. B’deroga mill-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, fil-każ tal-operaturi b’riskju baxx, kif stabbilit permezz tal-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-awtorità kompetenti jew, meta jkun xieraq, tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll, kif iddefinit fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, l-ispezzjonijiet fiżiċi għall-finijiet tal-ispezzjonijiet annwali u tat-tiġdid tal-evidenza dokumentata tal-operaturi tal-prodotti organiċi jistgħu jiġu sostitwiti bil-verifiki tad-dokumenti f’każ li jkun hemm restrizzjonijiet fuq il-moviment minħabba l-miżuri nazzjonali marbutin mal-pandemija tal-COVID-19. Fil-każ tal-operaturi b’riskju baxx, kif stabbilit permezz tal-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-awtorità kompetenti jew, meta jkun xieraq, tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll stabbilita fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, dawk il-verifiki tad-dokumenti jistgħu jitwettqu wkoll b’kull mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod disponibbli meta jkun hemm bżonn.
2. Fil-każ tal-operaturi minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u fil-każ tal-operaturi li jkunu jixtiequ jissieħbu fl-iskema tal-produzzjoni organika għall-ewwel darba, u fil-każijiet l-oħrajn kollha bħar-rikonoxximent retroattiv, l-ispezzjoni fiżika msemmija fl-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandha ssir malli jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jitwettqu l-attivitajiet ta’ kontroll u ta’ ċertifikazzjoni fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi kkonċernati wara li jintemmu l-miżuri nazzjonali marbutin mal-pandemija tal-COVID-19 f’każ li jkun hemm restrizzjonijiet fuq il-moviment minħabba l-miżuri nazzjonali marbutin mal-pandemija tal-COVID-19. Sa dak il-mument, il-verifiki tad-dokumenti għall-finijiet tal-ispezzjoni annwali, tal-ħruġ u tat-tiġdid tal-evidenza dokumentata tal-operaturi tal-prodotti organiċi u tar-rikonoxximent retroattiv jistgħu jitwettqu wkoll b’kull mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod disponibbli meta jkun hemm bżonn.
3. B’deroga mill-Artikolu 65(2) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, l-għadd ta’ kampjuni li għandhom jittieħdu u jiġu analizzati mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll kull sena għandu jikkorrispondi għal mill-inqas 2 % mill-għadd ta’ operaturi li jkollhom taħt il-kontroll tagħhom.
4. B’deroga mit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 92a(4) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, it-tweġiba għal notifika dwar prodotti li mhumiex konformi msemmija f’dik is-sentenza għandha tintbagħat fi żmien 60 jum kalendarju mid-data tan-notifika oriġinali.
5. B’deroga mill-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 92c(2) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, iż-żjarat addizzjonali aleatorji ta’ kontroll li jitwettqu skont l-Artikolu 65(4) ta’ dak ir-Regolament għandhom ikopru 5 % tal-operaturi taħt kuntratt skont il-kategorija tar-riskju.
6. B’deroga mill-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 92c(2) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, tal-inqas 5 % mill-ispezzjonijiet u miż-żjarat kollha li jitwettqu skont l-Artikolu 65(1) u (4) għandhom jitwettqu għall-għarrieda.
7. B’deroga mill-Artikolu 92e tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, “l-ispezzjoni annwali” tal-korp ta’ kontroll imsemmija f’dak l-Artikolu u ppjanata sat-30 ta’ Settembru 2020 tista’ tiġi sostitwita b’“awditu annwali ta’ superviżjoni” li wkoll għandu jitwettaq b’kull mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod disponibbli, sakemm il-miżuri nazzjonali ta’ emerġenza marbutin mal-pandemija tal-COVID-19 fl-Istat Membru kkonċernat iżommu lill-awtorità kompetenti milli twettaq dik l-ispezzjoni.
Artikolu 2
Derogi mir-Regolament (KE) Nru 1235/2008
1. B’deroga mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008, iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni għandu jinħareġ mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll rilevanti billi dawn idaħħlu l-informazzjoni kollha meħtieġa u jivvalidaw il-kaxxa 18 fis-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji (TRACES). Għandu jiġi approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti billi din tivvalida l-kaxxa 20 fit-TRACES u għandu jimtela mill-ewwel destinatarju fit-TRACES.
2. B’deroga mill-Artikolu 13(6) tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008, mal-verifikazzjoni ta’ konsenja, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti għandha tapprova ċ-ċertifikat tal-ispezzjoni billi tivvalida l-kaxxa 20 fit-TRACES.
3. B’deroga mit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008, it-tweġiba għal notifika dwar prodotti li mhumiex konformi msemmija f’dik is-sentenza għandha tintbagħat fi żmien 60 jum kalendarju mid-data ta’ meta ntbagħtet in-notifika oriġinali.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2020 sat-30 ta’ Settembru 2020.
Madankollu, l-Artikolu 1(1) għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020.
L-Artikolu 1(3), (5) u (6) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020.
Għall-attivitajiet ta’ kontroll li jitwettqu fiċ-Ċina, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Settembru 2020.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25).
(4) Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/466 tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar miżuri temporanji biex jiġu limitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali matul ċertu tfixkil serju tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri minħabba l-marda tal-coronavirus (il-COVID-19) (ĠU L 98, 31.3.2020, p. 30).