6.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 213/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/967

tat-3 ta’ Lulju 2020

li jistabbilixx regoli dettaljati dwar il-karatteristiċi tas-sinjal u tal-implimentazzjoni ta’ apparat akustiku deterrenti kif imsemmi fil-Parti A tal-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1)(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ġie żviluppat numru ta’ apparat akustiku biex igerrex iċ-ċetaċji mit-tagħmir tas-sajd, u rnexxielu jnaqqas il-qabda inċidentali ta’ speċi ta’ ċetaċji f’meded tas-sajd bi xbieki statiċi. L-użu ta’ apparat bħal dan huwa meħtieġ f’żoni u f’żoni tas-sajd fejn huwa magħruf jew prevedibbli li jkun hemm livelli għoljin ta’ qabdiet ta’ ċetaċji, kif stabbilit fil-Punt 1.1 tal-Part A tal-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 jissimplifika l-qafas legali eżistenti għall-miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni fl-Unjoni Ewropea, li kien sar kumpless ħafna matul is-snin. Bħala parti mis-simplifikazzjoni, ir-Regolament (UE) 2019/1241 ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 (2), li jistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji fiż-żoni tas-sajd, u kopra biss il-miżuri tekniċi ewlenin biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji, bħar-rekwiżit li l-irkaptu tas-sajd jintuża f’żoni speċifiċi b’apparat akustiku deterrenti biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji.

(3)

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati għall-effiċjenza tal-apparat akustiku deterrenti li kienu stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 ma ġewx koperti bir-Regolament (UE) 2019/1241. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi fid-dettall dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ apparat akustiku deterrenti li issa huma meħtieġa skont il-Punt 1.1 tal-Parti A tal-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2019/1241, b’mod simili għal dawk li qabel kienu speċifikati fl-Artikolu 3 u fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 812/2004.

(4)

Madankollu, skont il-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (3), jenħtieġ li l-iżvilupp ta’ apparat akustiku deterrenti ġdid ma jiġix ristrett minn speċifikazzjonijiet tekniċi. Għalhekk, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ apparat akustiku deterrenti li jkun għadu kemm ġie żviluppat u tipi effiċjenti tiegħu li ma jkunx konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati f’dan ir-Regolament, dment li jkun hemm evidenza li tal-anqas dan l-apparat ikun effettiv biex inaqqas il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji daqs dak stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1241 (inklużi r-regoli ulterjuri ta’ implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament). Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ apparat akustiku deterrenti li jissodisfa tali speċifikazzjonijiet tekniċi jew kundizzjonijiet alternattivi.

(5)

Fid-dawl tan-nuqqasijiet enfasizzati fir-rapporti dwar il-kontroll u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-użu ta’ apparat akustiku deterrenti li rċeviet il-Kummissjoni sa issa, jenħtieġ li dan ir-Regolament jikkjarifika li l-apparat akustiku deterrenti hemm bżonn ikun jiffunzjona tul id-durata kollha tal-operazzjoni tas-sajd, u mhux biss fil-mument meta x-xbieki jiġu ssettjati.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-karatteristiċi tas-sinjal u tal-implimentazzjoni ta’ apparat akustiku deterrenti kif imsemmi fil-Parti A tal-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2019/1241.

Artikolu 2

1.   Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jiżguraw li l-apparat akustiku deterrenti msemmi fil-punt 1.1 tal-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 ikun operattiv kompletament tul id-durata kollha tal-operazzjoni tas-sajd.

2.   L-apparat akustiku deterrenti ta’ dan it-tip għandu jikkonforma ma’ wieħed mis-settijiet ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi u ta’ kundizzjonijiet għall-użu definiti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jkunu jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ apparat akustiku deterrenti li ma jkunx konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew mal-kundizzjonijiet għall-użu definiti fl-Anness, dment li tal-anqas dan l-apparat ikun effettiv biex inaqqas il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji daqs l-apparat akustiku deterrenti bl-ispeċifikazzjonijiet jew il-kundizzjonijiet definiti fl-Anness, u li dan ikun dokumentat kif xieraq.

4.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-awtorizzazzjonijiet skont il-paragrafu 3 fi żmien xahrejn mid-data tal-ħruġ.

5.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 4 għandha tkun akkumpanjata minn informazzjoni teknika u xjentifika dettaljata dwar l-apparat akustiku deterrenti awtorizzat skont il-Paragrafu 3 u l-effetti tiegħu fuq il-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 tas-26 ta’ April 2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji fil-meded (żoni) tas-sajd u jemenda r-Regolament (KE) Nru 88/98 (ĠU L 150, 30.4.2004, p. 12).

(3)  STECF (19-07) ta’ Lulju 2019: https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2489016/STECF+19-07+-+Incid+catches+cetaceans.pdf/3485bafd-4350-40af-8d72-0226a68cb86e


ANNESS

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI U TAL-KUNDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU TA’ APPARAT AKUSTIKU DETERRENTI

Kull apparat akustiku deterrenti użat fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) għandu jissodisfa wieħed mis-settijiet ta’ karatteristiċi tas-sinjal u ta’ implimentazzjoni li ġejjin:

 

Sett 1

Sett 2

 

Karatteristiċi tas-sinjal

Sintesi tas-sinjal

Diġitali

Analogu

Banda tonali/wiesgħa

Banda wiesgħa/tonali

Tonali

Livelli tas-sors (mass-min)

Re 1 μPa@1 m

145 dB

130-150dB

Frekwenza fundamentali

(a)

20-160 KHz

Knis f’banda wiesgħa

(b)

10KHz tonali

10 KHz

Armoniki ta’ frekwenza għolja

Iva

Iva

Durata tal-impuls (nominali)

300 ms

300 ms

Intervall bejn l-impulsi

(a)

4-30 sekonda b’mod aleatorju

(b)

4 sekondi

4 sekondi

 

Karatteristiċi tal-implimentazzjoni

L-ispazjar massimu bejn żewġ apparati akustiċi deterrenti tul ix-xbieki

200 m b’apparat akustiku mqiegħed f’kull tarf tax-xibka (jew għadd ta’ xbieki mwaħħlin flimkien)

100 m b’apparat akustiku mqiegħed f’kull tarf tax-xibka (jew għadd ta’ xbieki mwaħħlin flimkien)