1.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 208/48


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/911

tat-30 ta’ Ġunju 2020

li jispeċifika l-karatteristiċi tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(2) tagħha,

Billi:

(1)

Kif rikonoxxut mid-Direttiva (UE) 2018/1972, peress li l-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira aktarx ikollhom impatt pożittiv fuq l-użu tal-ispettru tar-radju u fuq l-iżvilupp ta’ komunikazzjonijiet bla fili fl-Unjoni, jenħtieġ li l-varar ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira jiġi faċilitat permezz ta’ reġim tal-varar li jkun eżentat mill-permess.

(2)

Punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira jinkludi elementi differenti fosthom unità tal-ipproċessar tas-sinjali, sistema tal-antenni, konnessjonijiet tal-cable u l-casing. F’xi każijiet, is-sistema tal-antenni jew xi partijiet minnha jistgħu jiġu installati b’mod separat mill-elementi l-oħra ta’ punt ta’ aċċess bla fili f’żona żgħira u jiġu konnessi b’cable ddedikat wieħed jew aktar. Dan jista’ jkun il-każ għas-sistemi distribwiti tal-antenni jew għal sistema tar-radju distribwita li tintuża minn operatur wieħed jew aktar. Punt ta’ aċċess bla fili f’żona żgħira jista’ jiġi ddisinjat biex iservi żewġ utenti tal-ispettru jew aktar.

(3)

Sabiex jiġu żgurati l-aċċettazzjoni pubblika u l-varar sostenibbli, il-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira soġġetti għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jenħtieġ ikollhom impatt viżiv minimu. Biex jinkiseb dan, jenħtieġ ikunu inviżibbli jew immuntati b’mod li ma jkunx ta’ tfixkil viżiv fuq l-istruttura ta’ sapport tagħhom. L-operazzjoni tagħhom jenħtieġ tiżgura wkoll livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE (2).

(4)

Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju tipprevedi li t-tagħmir tar-radju, li jinkludi punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, għandu jinbena b’tali mod li jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tan-nies.

(5)

Il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li huma soġġetti għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jenħtieġ jiġu ddefiniti f’termini tal-volum massimu, ir-restrizzjonijiet fuq il-piż u l-potenza massima tal-emissjonijiet għall-konnettività tal-utent. L-għażla tal-volum massimu biex jiġi delimitat l-impatt viżiv ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira jenħtieġ tippermetti l-flessibbiltà u l-adattabbiltà tad-disinn għall-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-istruttura ta’ sapport.

(6)

L-istudju dwar ir-“Reġim ta’ Skjerament Ħafif għal Punti tal-Aċċess Bla Fili f’Żona Żgħira (SAWAPs) (4)” tal-Kummissjoni juri li l-limitu tal-volum ta’ 20 litru jkun biżżejjed biex jinkludi l-elementi ewlenin ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, filwaqt li jiġi żgurat il-karattru diskret tiegħu. Dan il-volum massimu jenħtieġ japplika għal kwalunkwe varar ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li jservi utent tal-ispettru wieħed jew aktar, kif ukoll għal bosta punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li jikkondividu sit infrastrutturali b’superfiċe żgħira, bħal arblu tad-dawl, dawl tat-traffiku, billboard jew sinjal ta’ waqfa tal-karozza tal-linja, li minħabba d-dimensjonijiet fiżiċi tagħhom u/jew ir-replikazzjoni densa tagħhom f’żona partikolari aktarx jiġġeneraw konfużjoni viżiva.

(7)

Il-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira jenħtieġ jikkonformaw mal-istandard armonizzat EN 62232:2017 (5) Determination of RF field strength, power density and specific absorption rate (SAR) in the vicinity of radiocommunication base stations for the purpose of evaluating human exposur e”, li jipprovdi metodoloġija għall-installazzjoni ta’ stazzjonijiet bażi li tqis il-potenza tal-emissjonijiet tagħhom għall-iskop tal-evalwazzjoni tal-esponiment uman għall-kampijiet elettromanjetiċi (“EMF”), f’konformità mal-limiti stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 1999/519/KE.

(8)

Dan l-istandard japplika għat-tipi kollha ta’ stazzjonijiet bażi maqsuma f’ħames klassijiet ta’ installazzjoni li jikkorrispondu rispettivament għal-limiti differenti tal-potenza iżotropika radjata ekwivalenti tagħhom (EIRP) ta’ ftit milliwatts (il-Klassi E0), 2 Watts (il-Klassi E2), 10 Watts (il-Klassi E10), 100 Watt (il-Klassi E100) u iżjed minn 100 Watt (il-Klassi E+). Minn dawn il-klassijiet, filwaqt li jitqiesu d-distanzi ta’ sikurezza tal-installazzjonijiet li jridu jiġu rispettati skont dan l-istandard u peress li d-Direttiva (UE) 2018/1972 tipprevedi li l-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira jenħtieġ li jkunu tagħmir b’potenza baxxa, dan ir-Regolament jenħtieġ japplika biss għall-klassijiet ta’ installazzjoni E0, E2 u E10. It-tabella 2 tal-klawżola 6.2.4 ta’ EN 62232:2017 tirrekjedi li l-aktar parti radjanti baxxa tal-antenna tal-Klassi E10 ikollha għoli ta’ mill-inqas 2,2 metri ’l fuq mill-passaġġ tal-pubbliku ġenerali biex tkun żgurata distanza ta’ mill-inqas 20 cm bejn il-post tal-antenna prinċipali u l-ġisem ta’ persuna twila 2 m (6).

(9)

Għal raġunijiet estetiċi, l-installazzjoni fuq ġewwa ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira tal-Klassi E10, li aktarx jużaw il-limitu massimu tal-volum ta’ 20 litru, jenħtieġ jiġu limitati għall-postijiet kbar fuq ġewwa b’saqaf għoli mill-inqas 4 metri, bħall-mużewijiet, il-grawnds, iċ-ċentri tal-konvenzjonijiet, l-ajruporti, l-istazzjonijiet tal-metro, l-istazzjonijiet ferrovjarji, jew iċ-ċentri kummerċjali.

(10)

Jenħtieġ li l-piż ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira u l-forma tiegħu ma jkunx jimponi t-tisħiħ strutturali tal-istruttura ta’ sapport użata.

(11)

Peress li huma previsti żviluppi ulterjuri tal-istandards rilevanti, jekk dawn se jkopru l-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li jħaddmu sistemi attivi tal-antenni, tali punti tal-aċċess jenħtieġ li, f’dan l-istadju, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim tal-varar li jkun eżenti mill-permess.

(12)

Sabiex ikunu jistgħu jitwettqu s-superviżjoni u l-monitoraġġ mill-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari f’każijiet ta’ bosta sistemi tal-antenni fl-istess post, kwalunkwe operatur li jkun vara punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira f’konformità mal-karatteristiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ jissottometti notifika lill-awtorità kompetenti dwar l-installazzjoni u l-post ta’ dawk il-punti tal-aċċess fi żmien xieraq.

(13)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-livelli aggregati tal-EMF li jirriżultaw mill-kolokazzjoni jew mill-aggregazzjoni f’żona lokali tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira koperti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, u sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-limiti aggregati tal-esponiment applikabbli f’konformità mal-liġi tal-Unjoni b’mezzi oħra minbarra l-permessi individwali.

(14)

L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ tiġi mmonitorjata regolarment sabiex jiġi ffaċilitat ir-rieżami tagħha jekk dan ikun meħtieġ, filwaqt li jitqiesu l-prattiki u l-iżviluppi nazzjonali fl-istandardizzazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-inklużjoni ta’ sistemi attivi tal-antenni.

(15)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-miżuri nazzjonali rigward is-sikurezza, il-provvista tal-utilitajiet u r-rispett tal-proprjetà privata, inkluż id-dritt tas-sidien li jiddeterminaw l-użu tal-proprjetà tagħhom.

(16)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ reġimi inqas restrittivi fil-livell nazzjonali għall-varar ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, għall-faċilitazzjoni ta’ densità proporzjonata u impatt viżiv baxx tal-varar tal-aċċess bla fili f’żona żgħira.

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira b’sistema attiva tal-antenni.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“potenza iżotropika radjata ekwivalenti (EIRP)” tfisser il-multiplikazzjoni tal-potenza fornuta lill-antenna u l-gwadann tal-antenna f’direzzjoni partikolari relattiva għal antenna iżotropika;

(2)

“sistema tal-antenni” tfisser parti fiżika ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li tirradja l-enerġija tal-frekwenza tar-radju biex tipprovdi konnettività bla fili lill-utenti finali;

(3)

“sistema attiva tal-antenni (AAS)” tfisser sistema tal-antenni ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, fejn l-amplitudni u/jew il-fażi bejn l-elementi tal-antenna jiġu aġġustati kontinwament b’tali mod li jwasslu għal mudell tal-antenna li jvarja skont il-bidliet fi żmien qasir fl-ambjent tar-radju. Dan jeskludi t-tiswir tar-raġġi fit-tul bħall-inklinazzjoni elettrika fissa dixxendenti. F’punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li jkun mgħammar b’AAS, din tal-aħħar tkun integrata bħala parti mill-punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira;

(4)

“fuq ġewwa” tfisser kwalunkwe spazju, inkluż il-vetturi tat-trasport, li jkollhom saqaf jew xi struttura fissa jew li tiċċaqlaq jew apparat li kapaċi jkopri dak l-ispazju kollu, u bl-eċċezzjoni tal-bibien, it-twieqi u l-passaġġi, ikun magħluq kollu b’ħitan jew ġnub, b’mod permanenti jew temporanju, irrispettivament mit-tip ta’ materjal użat għas-saqaf, il-ħitan jew il-ġnub, u irrispettivament minn jekk l-istruttura tkunx permanenti jew temporanja;

(5)

“fuq barra” tfisser kwalunkwe spazju li ma jkunx fuq ġewwa.

Artikolu 3

1.   Il-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 għandhom jiġu integrati għalkollox u b’mod sikur fl-istruttura ta’ sapport tagħhom u b’hekk ikunu inviżibbli għall-pubbliku ġenerali, jew ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt A tal-Anness ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-istandard Ewropew stabbiliti fil-punt B tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-livelli aggregati tal-EMF li jirriżultaw mill-kolokazzjoni jew mill-aggregazzjoni f’żona lokali tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira u sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-limiti aggregati tal-esponiment tal-EMF applikabbli f’konformità mal-liġi tal-Unjoni b’mezzi oħra minbarra l-permessi individwali.

3.   L-operaturi li jkunu varaw punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, li jikkonformaw mal-karatteristiċi stabbiliti fil-paragrafu 1, għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-installazzjoni u l-post ta’ dawk il-punti tal-aċċess.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta’ Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni tal-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz) (ĠU L 199, 30.7.1999, p. 59).

(3)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(4)  Smart 2018/0017, https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/463e2d3d-1d8f-11ea-95ab-01aa75ed71a1/language-mt/format-PDF/source-112125706

(5)  Applikabbli għall-medda tal-frekwenzi 110 MHz-100 GHz.

(6)  L-Anness C.4 ta’ EN 62232:2017


ANNESS

A.   Kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1):

1.

Il-volum totali tal-parti viżibbli ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li jservi utent tal-ispettru wieħed jew aktar ma għandux jaqbeż l-20 litru.

2.

Il-volum totali tal-partijiet viżibbli ta’ bosta punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira separati li jikkondividu l-istess sit infrastrutturali b’superfiċe żgħira, bħal arblu tad-dawl, dawl tat-traffiku, billboard jew sinjal ta’ waqfa tal-karozza tal-linja, ma għandux jaqbeż l-20 litru.

3.

Meta s-sistema tal-antenni u elementi oħra tal-punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, bħall-unità tal-frekwenza tar-radju, il-proċessur diġitali, l-unità tal-ħżin, is-sistema tat-tkessiħ, il-provvista tal-enerġija, il-konnessjonijiet tal-cables, l-elementi tal-backhaul jew l-elementi għall-ertjar u t-twaħħil jiġu installati separatament, kull parti minnhom li taqbeż l-20 litru għandha tkun inviżibbli.

4.

Il-punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira għandu jikkonforma mal-karatteristiċi viżivi li jiżguraw konsistenza viżiva mal-istruttura ta’ sapport u jkollu daqs proporzjonat fir-rigward tad-daqs ġenerali tal-istruttura tal-appoġġ, forma koerenti, kuluri newtrali u cables moħbija, u ma għandux joħloq konfużjoni viżiva flimkien ma’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira oħra li diġà jkunu installati fis-siti biswitu.

5.

Il-piż ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira u l-forma tiegħu ma għandhomx jimponu t-tisħiħ strutturali tal-istruttura ta’ sapport.

B.   Rekwiżiti tal-istandard Ewropew imsemmi fl-Artikolu 3(1)

1.

Il-varar għandu jkun konformi mal-klassijiet tal-installazzjoni E0, E2 u E10 tat-Tabella 2 tal-klawżola 6.2.4 tal-istandard Ewropew EN 62232:2017 “Determination of RF field strength, power density and specific absorption rate (SAR) in the vicinity of radiocommunication base stations for the purpose of evaluating human exposure”.

2.

Punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira tal-klassi tal-installazzjoni E10 għandu jiġi varat biss fi spazji fuq barra jew fuq ġewwa b’saqaf għoli mill-inqas 4 m.

3.

Fil-każ ta’ bosta sistemi tal-antenni fl-istess post (jew partijiet minnhom) ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira wieħed jew aktar, il-kriterji għall-EIRP li jinsabu fir-referenza fil-punt 1 għandhom japplikaw għall-EIRP tas-sistemi kollha tal-antenni fl-istess post (jew partijiet minnhom).