15.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/778

tat-12 ta’ Ġunju 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/773 fir-rigward tad-dati ta’ applikazzjoni wara l-estensjoni tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(11) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/797 ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2020/700 (2) biex l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jestendu l-iskadenza għad-dħul fis-seħħ tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali meħtieġa għall-konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(2)

Fir-rigward tal-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) u lill-Kummissjoni li beħsiebhom jestendu l-perjodu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 skont l-Artikolu 57(2a) tagħha, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/773 (3) tiġi posposta sal-31 ta’ Ottubru 2020.

(3)

Minħabba l-miżuri wara l-pandemija tal-COVID-19, l-attivitajiet relatati mat-tneħħija tar-regoli nazzjonali dwar is-sinjal fit-tarf ta’ wara tal-ferroviji tal-merkanzija ma setgħux jitwettqu kif ippjanat. L-Istati Membri jenħtieġ ikollhom tliet xhur addizzjonali biex jippreżentaw ir-rapporti lill-Kummissjoni dwar l-użu tagħhom tal-pjanċi riflettivi msemmija fil-punt 4.2.2.1.3.2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/773. Jenħtieġ li l-iskadenza għar-rieżami tal-ispeċifikazzjonijiet bil-ħsieb li jiġu armonizzati r-rekwiżiti dwar is-sinjal fit-tarf ta’ wara tal-ferroviji tal-merkanzija għall-Unjoni kollha, tiġi adattata skont dan.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/773 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(6)

Biex ikun żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament jenħtieġ jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/773 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 6, il-ħames subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“It-Taqsima 4.2.2.5 u l-Appendiċi D1 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mis-16 ta’ Ġunju 2020 fl-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u f’dawk li ma nnotifikawx lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

It-Taqsima 4.2.2.5 u l-Appendiċi D1 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mil-31 ta’ Ottubru 2020 fl-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/797.”

(2)

fil-punt 4.2.2.1.3.2 tal-Anness, fis-subparagrafu wara “Rapporti:”, id-data “30 ta’ Settembru 2020” tiġi sostitwita bi “31 ta’ Diċembru 2020”;

(3)

fil-punt 4.2.2.1.3.2 tal-Anness, fis-subparagrafu wara “Tneħħija gradwali:”, id-data “31 ta’ Marzu 2021” tiġi sostitwita bi “30 ta’ Ġunju 2021”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2020/700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi tat-traspożizzjoni tagħhom (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 27).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/773 tas-16 ta’ Mejju 2019 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika ta’ interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “operat u ġestjoni tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni 2012/757/UE (ĠU L 139I, 27.5.2019, p. 5).