5.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/13


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/746

tal-4 ta’ Ġunju 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 fir-rigward tal-posponiment tad-dati ta’ applikazzjoni ta’ ċerti miżuri fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-miżuri li ddaħħlu biex titrażżan il-pandemija tal-COVID-19 ixekklu serjament il-kapaċità tal-Istati Membri u tal-industrija tal-avjazzjoni biex iħejju għall-applikazzjoni ta’ għadd ta’ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni li ġew adottati dan l-aħħar fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

(2)

Il-konfinament u t-tibdil li seħħ fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-disponibbiltà tal-impjegati, flimkien mal-ammont ta’ xogħol addizzjonali meħtieġ biex jiġu ġestiti l-konsegwenzi negattivi sinifikanti tal-pandemija tal-COVID-19 għall-partijiet ikkonċernati kollha, qed iżommu lura t-tħejjijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni.

(3)

B’konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19, se jkun inevitabbli li tittardja l-eżekuzzjoni tal-kompiti differenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 (2), b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ reġistrazzjoni diġitali u interoperabbli, kif ukoll l-adattament tal-awtorizzazzjonijiet, tad-dikjarazzjonijiet u taċ-ċertifikazzjonijiet maħruġa abbażi tal-liġi nazzjonali.

(4)

Il-proċess ta’ standardizzazzjoni u attivitajiet relatati oħra mmexxija mill-industrija u mill-korpi ta’ standardizzazzjoni, bħat-tħejjija tal-metodoloġiji tal-ittestjar, jew l-ittestjar ta’ karatteristiċi tekniċi, bħalma hija l-identifikazzjoni mill-bogħod, ittardjaw. Dan, imbagħad, se jkollu impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-manifatturi li jqiegħdu fis-suq sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (“UAS”) li jissodisfaw ir-rekwiżiti standardizzati ġodda skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 (3).

(5)

Jenħtieġ għalhekk li t-tipi kollha ta’ UAS jitħallew jibqgħu joperaw fil-kundizzjonijiet eżistenti għal sitt xhur addizzjonali. Għalhekk, jenħtieġ li d-dati tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 jiġu posposti kif meħtieġ biex l-operaturi tal-UAS ikunu jistgħu jużaw UAS li ma jikkonformawx mar-Regolament Delegat (UE) 2019/945 għal sitt xhur addizzjonali.

(6)

L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea kkonfermat lill-Kummissjoni li l-posponiment tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-premessa 3 ikun possibbli mingħajr effett negattiv fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni, peress li se jkun għal perjodu limitat ħafna u t-traffiku tal-ajru x’aktarx jerġa’ jibda bil-mod fil-kuntest tal-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u b’hekk l-esponiment għar-riskji jkun iżgħar, filwaqt li l-liġi nazzjonali tibqa’ tapplika f’dawk l-Istati Membri li jippermettu l-operazzjonijiet tal-UAS.

(7)

Biex l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati kollha jingħataw l-eżenzjoni immedjata li jeħtieġu matul il-pandemija tal-COVID-19 u jkunu jistgħu jadattaw il-pjanijiet tagħhom biex iħejju għall-applikazzjoni posposta tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 20, “l-1 ta’ Lulju 2022” huwa sostitwit b’“l-1 ta’ Jannar 2023”;

(2)

L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, “l-1 ta’ Lulju 2021” huwa sostitwit b’“l-1 ta’ Jannar 2022”;

(b)

fil-paragrafu 2, “l-1 ta’ Lulju 2021” huwa sostitwit b’“l-1 ta’ Jannar 2022”;

(c)

fil-paragrafu 3, “l-1 ta’ Lulju 2022” huwa sostitwit b’“l-1 ta’ Jannar 2023”;

(3)

fl-Artikolu 22, “sentejn” huwa sostitwit bi “30 xahar”;

(4)

L-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2020.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Paragrafu 3 tal-Artikolu 15 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 tal-24 ta’ Mejju 2019 dwar ir-regoli u l-proċeduri għall-operazzjoni ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 45).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 tat-12 ta’ Marzu 2019 dwar sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u dwar operaturi ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 1).